Language of document : ECLI:EU:C:2021:447

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Politika ta’ immigrazzjoni u ta’ ażil – Protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33/UE – Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) – Detenzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – Applikant detenut fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn abbażi tad-Direttiva 2008/115/KE u li fir-rigward tiegħu hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li huwa ppreżenta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn – Kriterji oġġettivi li jiġġustifikaw tali raġunijiet – Applikant li diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil”

Fil-Kawża C‑186/21 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

J.A.

vs

Republika Slovenija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

Komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema l-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, konformament mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn J.A. u r-Republika Slovenija (ir-Repubblika tas-Slovenja) dwar id-detenzjoni amministrattiva tiegħu fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2008/115/KE

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

4        L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

5        Skont kliem l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva:

“Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.”

 Id-Direttiva 2013/33

6        Il-premessi 15 u 20 tad-Direttiva 2013/33 jistipulaw:

“(15)      Id-detenzjoni tal-applikanti għandha tkun applikata skont il-prinċipju sottostanti li persuna m’għandiex tinżamm f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija qed tfittex protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari skont l-obbligi legali internazzjonali tal-Istati Membri, u skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. L-applikanti jistgħu jiġu detenuti biss taħt ċirkostanzi eċċezzjonali definiti b’mod ċar stipulati fid-Direttiva u soġġetti għall-prinċipju ta’ neċessità u proporzjonalità fir-rigward kemm tal-manjiera kif ukoll tal-iskop ta’ tali detenzjoni. Meta applikant jinżamm detenut huwa jew hija għandhom ikollhom aċċess effettiv għall-garanziji proċedurali neċessarji bħar-rimedju ġudizzjarju quddiem awtorità ġudizzjarja nazzjonali.

[…]

(20)      Sabiex tiġi żgurata aħjar l-integrità fiżika u psikoloġika tal-applikanti, id-detenzjoni għandha tkun miżura tal-aħħar rikors u għandha tiġi applikata biss wara li jkunu ġew eżaminati kif adatt il-miżuri alternattivi kollha mhux ta’ kustodja għad-detenzjoni. Kwalunkwe miżura alternattiva għad-detenzjoni għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-applikanti.”

7        L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Detenzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali [(ĠU 2013, L 180, p. 60)].

2.      Meta jkun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu applikant f’detenzjoni, sakemm miżuri inqas dixxiplinari oħra ma jistgħux ikunu applikati b’mod effettiv.

3.      Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

[…]

d)      meta huwa jew hija jinżammu f’detenzjoni soġġetti għal proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (9) sabiex iħejju r-ritorn u/jew iwettqu l-proċess ta’ tneħħija, u l-Istat Membru konċernat jkun jista’ jiddeċiedi abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inkluż li huwa jew hija diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil, li hemm raġunijiet raġonevoli biex jemmen li huwa jew hija qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali sempliċiment sabiex itawwlu jew jipprevjenu l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]

Ir-raġunijiet għad-detenzjoni għandhom jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali.

[…]”.

 Id-dritt Sloven

8        Mit-tielet inċiż tal-Artikolu 84(1) taz-Zakon o mednarodni zaščiti (il-Liġi dwar il-protezzjoni internazzjonali), tal-4 ta’ Marzu 2016 (Uradni list RS, Nru 16/17, iktar il quddiem iz-“ZMZ-1”), jirriżulta li l-awtorità kompetenti tista’ tadotta, kontra applikant għal protezzjoni internazzjonali, miżura ta’ detenzjoni obbligatorja fil-bini ta’ ċentru ta’ akkoljenza għal applikanti għall-ażil meta l-applikant ikun is-suġġett ta’ detenzjoni amministrattiva konformament maz-Zakon o tujcih (il-Liġi dwar il-Barranin), tas-16 ta’ Ġunju 2011 (Uradni list RS, Nru 1/18), għall-finijiet tal-implimentazzjoni u tal-infurzar ta’ proċedura ta’ ritorn jew ta’ tneħħija, u hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li dan l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni t-tneħħija filwaqt li huwa diġà kellu, fi stadju preċedenti, il-possibbiltà ta’ preżentazzjoni ta’ tali applikazzjoni.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        J.A. huwa ċittadin tal-Bosnja-Ħerzegovina li, f’data mhux speċifikata, ippreżenta, fis-Slovenja, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2020 li saret definittiva fil-11 ta’ Jannar 2021 u eżekutorja fil-11 ta’ Frar 2021.

10      Matul il-proċedura dwar din l-applikazzjoni, J.A. ġie kkundannat, permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018 tal-Okrožno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Reġjonali ta’ Ljubljana, is-Slovenja), għal-piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena għal atti ta’ theddid, aggressjoni u degradazzjoni ta’ beni ta’ oħrajn. Fl-appell, il-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana, is-Slovenja) ikkundannat, permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, lil J.A. għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena u tliet xhur kif ukoll għal piena anċillari ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju nazzjonali għal-perijodu ta’ tliet snin. J.A. kien għadu qed jiskonta l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta fuqu f’ħabs meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali saret eżekutorja fil-11 ta’ Frar 2021.

11      Fi tmiem l-infurzar tal-piena li ċċaħħad il-libertà, J.A. ittieħed taħt il-kustodja tal-awtoritajiet tal-pulizija tas-Slovenja u esprimielhom ix-xewqa li jippreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali. Skont il-formola ta’ reġistrazzjoni stabbilita minn dawn l-awtoritajiet fis-27 ta’ Frar 2021, J.A. invoka, f’dan il-kuntest, it-theddidiet ta’ mewt li għalihom huwa suġġett fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

12      J.A. ttieħed fiċ-ċentru ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil ta’ Ljubljana (is-Slovenja)u ġie verbalment innotifikat, wara t-tressiq tal-applikazzjoni l-ġdida tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, dwar id-detenzjoni amministrattiva tiegħu.

13      Fl-1 ta’ Marzu 2021, il-Ministrstvo za notranje zadeve Republike Slovenije (il-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika tas-Slovenja, iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Intern”) adotta formalment, abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 84(1) taz-ZMZ-1, deċiżjoni li tordna d-detenzjoni ta’ J.A. fil-bini taċ-ċentru ta’ detenzjoni għall-barranin ta’ Postojna (is-Slovenja) għall-perijodu mis-27 ta’ Frar 2021 sad-data ta’ meta ma jibqgħux jeżistu r-raġunijiet għad-detenzjoni, fejn madankollu d-detenzjoni kellha tintemm fis-27 ta’ Mejju 2021, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ xahar. Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt li J.A. diġà kien is-suġġett, abbażi tal-Liġi dwar il-Barranin, ta’ detenzjoni minħabba l-proċedura ta’ ritorn mibdija kontrih u minħabba li kien hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li l-applikazzjoni l-ġdida għal protezzjoni internazzjonali kienet ġiet ippreżentata sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni t-tneħħija tiegħu filwaqt li J.A. kellu l-possibbiltà li jippreżenta tali talba fi stadju preċedenti.

14      F’dan l-aħħar rigward, il-Ministeru għall-Intern qies li J.A. kien esprima l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali biss mill-mument li kien sar evidenti li kienet ser tinbeda l-proċedura intiża għat-tneħħija tiegħu mit-territorju Sloven għall-finijiet tal-infurzar tal-piena anċillari ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju nazzjonali. Fil-fatt, J.A. diġà setgħa jesprimi, mal-aġenti preżenti fil-ħabs fejn huwa kien qiegħed jiskonta l-piena li ċċaħħad il-libertà imposta fuqu, l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta tali applikazzjoni hekk kif id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ewwel applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali kienet saret eżekutorja. Minn dan il-Ministeru għall-Intern ikkonkluda li J.A. kien ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-implimentazzjoni tat-tneħħija tiegħu mit-territorju Sloven, fatt li huwa kkonfermat mill-fatt li J.A. ma indika, insostenn tal-applikazzjoni l-ġdida tiegħu, ebda fatt jew prova ġdida meta mqabbla ma dawk invokati fil-kuntest tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

15      J.A. ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Ministeru għall-Intern quddiem l-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva, is-Slovenja). Huwa jqis li d-detenzjoni tiegħu ma tistax tkun fondata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 84(1) taz-ZMZ-1, għaliex din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix kriterji oġġettivi li jippermettu li jiġi evalwat jekk huwa esprimiex l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal l-infurzar tat-tneħħija tiegħu mit-territorju Sloven.

16      Fil-11 ta’ Marzu 2021, il-qorti tar-rinviju ħarġet, fuq talba ta’ J.A., digriet għal miżuri provviżorji li permezz tiegħu, sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fuq il-mertu tar-rikors jew, l-iktar tard, sal-iskadenza tat-terminu previst fid-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Intern, id-detenzjoni tal-persuna kkonċernata titwettaq fiċ-Ċentru ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-ażil ta’ Ljubljana.

17      Filwaqt li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-kwistjoni tar-rikors ta’ J.A. tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, li ġie traspost fid-dritt nazzjonali permezz tat-tielet inċiż tal-Artikolu 84(1) taz-ZMZ-1.

18      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, billi jipprevedi li persuna fis-sitwazzjoni ta’ JA diġà kellha l-possibbiltà li titlob il-protezzjoni internazzjonali, it-tielet inċiż tal-Artikolu 84(1) taz-ZMZ-1 jipprevedix “kriterju oġġettiv” fis-sens tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33.

19      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dawl tal-kelma “inkluż” użata fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, jista’ jiġi sostnut li l-fatt “li huwa jew hija diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil”, previst f’din id-dispożizzjoni, jikkostitwixxi “kriterju oġġettiv” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li jikkorrispondi għall-kriterju previst mit-tielet inċiż tal-Artikolu 84(1) taz-ZMZ-1. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-leġiżlatur Sloven ma stabbilixxiex, fid-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, kriterji oġġettivi oħra ma jista’ jkollu l-ebda effett f’każ fejn, bħal f’din il-kawża, l-awtoritajiet nazzjonali invokaw esklużivament l-eżistenza ta’ dan il-kriterju oġġettiv sabiex jimmotivaw id-deċiżjoni ta’ detenzjoni.

20      Jekk tali interpretazzjoni ma tiġix aċċettata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur nazzjonali kellux, għal raġunijiet ta’ prevedibbiltà ġuridika u ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll fid-dawl tal-premessa 15 ta’ din id-direttiva, jistabbilixxi, fil-kuntest ta’ dispożizzjoni vinkolanti, ċara u ġenerali, il-kriterji oġġettivi li abbażi tagħhom, minbarra l-konstatazzjoni minn qabel li tgħid li l-persuna kkonċernata kellha l-possibbiltà li tippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li hemm raġunijiet raġonevoli li jippermettu li wieħed jemmen li l-applikant ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni d-deċiżjoni ta’ ritorn. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, konformement ma dan l-approċċ, id-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Intern inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi annullata minħabba l-fatt li z-ZMZ-1 ma tiddefinixxix speċifikament il-kriterji oġġettivi li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni.

21      F’dan il-kuntest, l-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      [Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-]Artikolu 8(3)[…] tad-Direttiva [2013/33] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “inkluż” tikklassifika espressament fost il-kriterji oġġettivi l-fatt li “[l-applikanti] diġà kellhom l-opportunità li jaċċessaw il-proċedura tal-asil”?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, [il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-]Artikolu 8(3)[…] tad-Direttiva [2013/33] għandu jiġi interpretat fis-sens li fiċ-ċirkustanzi deskritti, it-tqegħid f’detenzjoni huwa ammissibbli biss fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti minn qabel u tal-konstatazzjoni minn qabel li l-applikant diġà kellu l-opportunità jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li fuq il-bażi tagħha jista’ jiġi konkluż li jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija applikazzjoni ġiet ippreżentata għall-iskop uniku li ttawwal jew tipprevjeni deċiżjoni ta’ ritorn?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

22      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista mil-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      Insostenn ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju ssostni li J.A. jinstab f’detenzjoni amministrattiva u li t-tkomplija tad-detenzjoni tiddependi fuq is-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2013/33, li taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-Ispazju ta’ libertà, Sigurtà u Ġustizzja. Dan ir-rinviju jista’, konsegwentement, jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

25      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li din il-kundizzjoni hija sodisfatta b’mod partikolari meta l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tkun attwalment imċaħħda mil-libertà u ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi evalwata kif tkun fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza (sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tqegħid ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’ċentru ta’ detenzjoni, kemm jekk matul l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali jew bil-għan tat-tneħħija tiegħu, jikkostitwixxi miżura li ċċaħħad il-libertà (sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ilu mċaħħad mil-libertà sa mid-detenzjoni tiegħu ordnata b’rabta mal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u li ż-żamma tiegħu f’detenzjoni tiddependi fuq is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali sa fejn l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ministeru għall-Intern tista’ ttemm din id-detenzjoni.

28      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li tiġi milqugħa t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

29      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

30      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

 Fuq l-ewwel domanda

31      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li applikant għal protezzjoni internazzjonali diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil jikkostitwixxi kriterju oġġettiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2013/33, l-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li hija ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

33      Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li d-detenzjoni tista’ sseħħ biss meta dan jirriżulta neċessarju, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ u jekk miżuri oħra inqas koerċittivi ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jżommu f’detenzjoni applikant għall-protezzjoni internazzjonali biss wara li jkunu vverifikaw, każ b’każ, jekk tali detenzjoni hijiex proporzjonata għall-finijiet imfittxija minnha, fejn din il-verifika tirrikjedi li jiġi żgurat, b’mod partikolari, li l-użu tad-detenzjoni jkun l-aħħar għażla (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 258 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 jelenka b’mod eżawrjenti d-diversi raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw id-detenzjoni u li kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tissodisfa bżonn speċifiku u għandha natura awtonoma (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 168 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-raġuni ta’ detenzjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, din id-dispożizzjoni tipprevedi li applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jiġi detenut abbażi ta’ din id-direttiva meta huwa jkun diġà jinstab f’detenzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn abbażi tad-Direttiva 2008/115, bil-għan tat-tħejjija tar-ritorn tiegħu u/jew it-twettiq tat-tneħħija tiegħu, u meta l-Istat Membru kkonċernat jkun jista’ jiddeċiedi abbażi ta’ kriterji oġġettivi, inkluż li l-applikant diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil, li hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

36      Ir-raġuni ta’ detenzjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 hija għalhekk suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi separati. Huwa neċessarju, minn naħa, li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun diġà suġġett għal detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħija abbażi tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2008/115 u, min-naħa l-oħra, li hemm raġunijiet raġonevoli, ibbażati fuq kriterji oġġettivi, li wieħed jemmen li l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

37      F’dak li jirrigwarda l-kriterji oġġettivi li fuqhom l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jibbażaw ir-raġunijiet raġonevoli tagħhom abbażi tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni, għalkemm ma tiddefinixxix il-kunċett ta “kriterji oġġettivi”, tipprovdi eżempju ta’ kriterju li jista’ jiġi invokat minn dawn l-awtoritajiet, jiġifieri l-fatt li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil.

38      Fil-fatt, l-użu, f’din id-dispożizzjoni, tal-kelma “inkluż”, li fil-lingwaġġ komuni huwa sinonimu għal “bħal”, “per eżempju”, “fost l-oħrajn”, “b’mod partikolari”, “l-istess bħal” jew “bħal fil-każ ta’”, jindika mingħajr ebda dubju li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħti eżempju ta’ kriterju oġġettiv li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jinvokaw sabiex jiddeċiedu li hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex itawwal jew jipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

39      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-fatt li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil jikkostitwixxi kriterji oġġettivi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jinvokaw sabiex jiddeċiedu li hemm raġunijiet raġonevoli li wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata ppreżentat l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sempliċement sabiex ittawwal jew tipprevjeni l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li applikant għal protezzjoni internazzjonali diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil jikkostitwixxi kriterju oġġettiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

41      Sa fejn it-tieni domanda saret fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din l-aħħar qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li applikant għal protezzjoni internazzjonali diġà kellu l-possibbiltà li jaċċedi għall-proċedura ta’ ażil jikkostitwixxi kriterju oġġettiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Sloven.