Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Jannar 2014 – Bos et vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża T-23/14)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Mark Bos (Ankara, it-Turkija); Estelle Kadouch (Ġerusalemm, l-Iżrael); Siegfried Krahl (Lago Sul, il-Brażil); u Eric Lunel (Dakar, is-Senegal) (rappreżentant: F. Krenc, avukat)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement, tannulla r-Regolament Nruº1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, sa fejn dan jemenda l-Anness X ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal (Artikolu 1, Nruº70);

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti – aġenti kuntrattwali u uffiċjali tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-Artikoli 20, 21 u 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ʼil quddiem il-“Karta”), sa fejn ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ aġenti oħra tnaqqas b’mod drastiku u f’daqqa d-drittijiet għal leave annwali tal-uffiċjali u tal-aġenti b’karigu f’pajjiż terz. Ir-rikorrenti jsostnu li l-leġiżlazzjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tal-imsemmija uffiċjali u aġenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ʼil quddiem “il-KEDB”) u tal-Artikoli 7 u 31(2) tal-Karta, sa fejn ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ aġenti oħra ma tosservax il-ħajja privata u tal-familja tar-rikorrenti peress li d-drittijiet tagħhom għal leave annwali jonqos kważi bin-nofs u li dan it-tnaqqis joħloq piż li ma huwiex neċessarju fuq il-ħajja privata u tal-familja tagħhom.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi sa fejn il-vantaġġi marbuta ma’ kariga f’pajjiż terz – li kienu ddeterminaw l-għażla tar-rikorrenti – kienu sparixxew f’daqqa permezz tar-riforma tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-Artikoli 12, 27 u 28 tal-Karta u tal-Artikolu 11 tal-KEDB minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni, ta’ konsultazzjoni u ta’ kooperazzjoni matul il-proċedura li wasslet għar-riforma tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ leġiżlazzjoni tajba u, b’mod partikolari, tal-obbligu ta’ metikolożità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni kemm minħabba fl-assenza ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni adegwata tal-kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal u tat-trade unions matul il-proċedura li wasslet għar-riforma tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll minħabba fl-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-imsemmi anness.