Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Jannar 2014 – Nguyen vs Il-Parlament u l-Kunsill

(Kawża T-20/14)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Huynh Duong Vi Nguyen (Woluwe-Saint-Lambert, il-Belġju) (rappreżentant: M. Velardo)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla dispożizzjonijiet fosthom l-Artikolu 7 (ħin tal-ivvjaġġar) tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll l-Artikolu 8 (spejjeż tal-ivvjaġġar) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, emendati bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali Nru L 287 tad-29 ta’ Ottubru 2013, sa fejn id-dritt għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u għall-ħin tal-ivvjaġġar huwa marbut mal-allowance tal-espatrijazzjoni jew tar-residenza barra mill-pajjiż;

tordna lill-konvenuti jħallsu lir-rikorrenti ammont ta’ EUR 169 051.96 għad-dannu materjali subit kif ukoll ammont ta’ EUR 40 000 għad-dannu morali;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ħlas tad-danni u ta’ interessi moratorji u kumpensatorji bir-rata ta’ 6.75 għad-dannu morali u materjali subiti;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti f’din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent – li l-post ta’ oriġini tiegħu huwa New York, iżda li ma jibbenefikax mill-allowance tal-espatrijazzjoni jew tar-residenza barra mill-pajjiż u li jitlef minħabba f’hekk, wara r-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt għall-ħlas fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ż-żieda tal-leave annwali permezz ta’ ġranet ta’ leave addizzjonali bħala ħin tal-ivvjaġġar – jinvoka ħames motivi bbażati:

fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema, peress li l-kumitat tar-Regoli tal-Persunal tħalla barra matul ir-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal;

fuq ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet kweżiti, tal-prinċipji fil-qasam tad-dritt inter-temporali u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali;

fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi;

fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u

fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.