Language of document : ECLI:EU:T:2011:444

Kawża T-257/07

Ir-Repubblika Franċiża

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Spezzjonijiet sanitarji — Regolament (KE) Nru 999/2001 — Protezzjoni kontra l-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu — Annimali ovini u kaprini — Regolament (KE) Nru 746/2008 — Adozzjoni ta’ miżuri ta’ eradikazzjoni inqas restrittivi minn dawk previsti qabel — Prinċipju ta’ prekawzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Implementazzjoni — Miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem — Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

(Artikoli 3(p) KE, 6 KE, 152(1) KE, 153(1) u (2) KE, u 174(1) u (2) KE); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 178/2002, Artikolu 7(1))

2.      Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Implementazzjoni — Evalwazzjoni xjentifika tar-riskji

(Artikolu 152(1) KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 178/2002, Artikolu 6(2))

3.      Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Implementazzjoni — Evalwazzjoni tar-riskji — Determinazzjoni tal-livell ta’ riskju

(Artikolu 152(1) KE)

4.      Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Implementazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti fil-qasam ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà u tal-ambjent — Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

(Artikolu 152(1) KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 178/2002, Artikolu 7(2))

5.      Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni — Portata — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

6.      Eċċezzjoni ta’ illegalità — Suġġett — Evalwazzjoni ta’ legalità — Kriterji

(Artikolu 263 TFUE)

7.      Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni — Portata — Limiti — Osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi

(Artikolu 152(1) KE)

8.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet fil-qasam tal-ispezzjonijiet sanitarji — Miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu — Identifikazzjoni ta’ annimali li qegħdin f’riskju matul inkjesta

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 999/2001, Artikoli 13(1)(b) u (ċ), 23 u 24(2))

1.      Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 3(p) KE, mill-Artikolu 6 KE, mill-Artikolu 152(1) KE, mill-Artikolu 153(1) u(2) KE u mill-Artikolu 174(1) u (2) KE, li jimponu fuq l-awtoritajiet ikkonċernati li jieħdu, fil-kuntest preċiż tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom bil-leġiżlazzjoni rilevanti, miżuri xierqa sabiex jipprevjenu ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent, billi jpoġġu f’pożizzjoni predominanti r-rekwiżiti marbutin mal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi fuq l-interessi ekonomiċi.

Barra minn hekk, kif jissemma espliċitament fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 178/2002, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jippermetti li jiġu adottati miżuri provviżorji għall-ġestjoni tar-riskju, li jkunu meħtieġa biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa meta evalwazzjoni tal-informazzjoni disponibbli turi l-possibbiltà ta’ effetti dannużi għas-saħħa, filwaqt li tibqa’ ċerta inċertezza mill-aspett xjentifiku.

Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jippermetti li, meta jkunu jeżistu inċertezzi xjentifiċi rigward l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem, l-istituzzjonijiet jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jistennew li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jintwerew kollha kemm huma jew li jseħħu l-effetti negattivi fuq is-saħħa.

Matul il-proċess li jwassal għall-adozzjoni, min-naħa ta’ istituzzjoni, ta’ miżuri xierqa sabiex tipprevjeni ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, jista’ jkun hemm tliet fażijiet suċċessivi: fl-ewwel lok, l-identifikazzjoni tal-effetti potenzjalment negattivi li jirriżultaw minn fenomenu, fit-tieni lok, l-evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent li huma marbutin mal-fenomenu; fit-tielet lok, meta r-riskji potenzjali identifikati jaqbżu l-limitu ta’ dak li huwa aċċettabbli għas-soċjetà, il-ġestjoni tar-riskju permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri protettivi xierqa.

(ara l-punti 66-69)

2.      L-evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent tikkonsisti, għall-istituzzjoni li jkollha taffaċċja effetti potenzjalment negattivi li jirriżultaw mill-fenomenu, fl-evalwazzjoni xjentifika tal-imsemmija riskji u fil-fatt li jiġi stabbilit jekk dawn jaqbżux il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà. Għaldaqstant, sabiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jagħmlu evalwazzjoni xjentifika tar-riskji, jeħtiġilhom, minn naħa, li jistabbilixxu l-livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà.

B’mod partikolari, l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji hija proċess xjentifiku li jikkonsisti, sa fejn hu possibbli, li jiġi identifikat u li jiġi kklassifikat il-periklu, li tiġi evalwata l-espożizzjoni għal dan il-periklu u li jiġi kklassifikat ir-riskju. Bħala proċess xjentifiku, l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji għandha tiġi fdata mill-istituzzjoni lil esperti xjentifiċi.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 178/2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji għandha tkun ibbażata fuq il-provi xjentifiċi disponibbli u mwettqa b’mod indipendenti, oġġettiv u trasparenti. F’dan ir-rigward, l-obbligu tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà u tal-ambjent jimplika li d-deċiżjonijiet tagħhom jittieħdu b’konoxxenza sħiħa tal-aħjar data xjentifika disponibbli u li jkunu bbażati fuq ir-riżultati l-iktar reċenti tar-riċerka internazzjonali.

L-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji ma għandhiex bilfors tipprovdi lill-istituzzjonijiet bi provi xjentifiċi konklużivi dwar ir-realtà tar-riskju u l-gravità tal-effetti negattivi potenzjali fil-każ li jseħħ dan ir-riskju. Fil-fatt, il-kuntest li fih japplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkorrispondi ipotetikament għal kuntest ta’ inċertezza xjentifika. Madankollu, miżura preventiva ma tistax tiġi validament immotivata permezz ta’ approċċ purament ipotetiku tar-riskju, ibbażat fuq sempliċi suppożizzjonijiet li għadhom ma ġewx ivverifikati xjentifikament.

Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ miżura preventiva jew, bil-kontra, l-irtirar jew il-flessibbiltà tagħha, ma tistax tkun suġġetta għall-prova li ma jeżisti ebda riskju, peress li tali prova hija, b’mod ġenerali, impossibbli tiġi prodotta mill-aspett xjentifiku peress li fil-prattika ma jeżisti ebda riskju. Minn dan isegwi li miżura preventiva tista’ tittieħed biss jekk ir-riskju, mingħajr ma tkun ġiet ipprovata “kompletament” l-eżistenza jew il-portata tiegħu permezz ta’ data xjentifika konklużiva, jidher madankollu li huwa suffiċjentement iddokumentat abbażi tad-data xjentifika disponibbli fil-mument li fih tittieħed din il-miżura. F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ riskju jikkorrispondi għaldaqstant għall-grad ta’ probabbiltà tal-effetti negattivi fuq is-suġġett protett mill-ordinament ġuridiku minħabba l-aċċettazzjoni ta’ ċerti miżuri jew ta’ ċerti prattiki.

Fl-aħħar nett, evalwazzjoni xjentifika tar-riskji tista’ tirriżulta li hija impossibbli li ssir b’mod komplet minħabba l-insuffiċjenza tad-data xjentifika disponibbli. Madankollu, dan ma jistax jimpedixxi lill-awtorità pubblika kompetenti milli tieħu l-miżuri preventivi skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni. F’dan il-każ, jeħtieġ li l-esperti xjentifiċi jagħmlu evalwazzjoni xjentifika tar-riskji minkejja l-inċertezza xjentifika li jkun għad hemm, b’mod li l-awtorità pubblika kompetenti jkollha informazzjoni affidabbli u solida biżżejjed biex hija tkun tista’ tifhem il-portata kollha tal-kwistjoni xjentifika mressqa u biex tkun tista’ tistabbilixxi l-politika tagħha xjentement.

Minn dan isegwi li n-natura indispensabbli jew dispensabbli ta’ ċerti evalwazzjonijiet magħmula minn xjenzati li jipparteċipaw fl-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jrendu iktar flessibbli l-miżuri provviżorji adottati li jkunu ġew adottati skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-data disponibbli.

(ara l-punti 70, 71, 73-77, 178, 179)

3.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riskji, huma l-istituzzjonijiet responsabbli mill-għażla politika li tikkostitwixxi l-iffissar ta’ livell ta’ protezzjoni xierqa għas-soċjetà li għandhom, filwaqt li josservaw id-dispożizzjonijiet applikabbli, jiddeterminaw il-livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli għall-istess soċjetà. Huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom jistabbilixxu l-limitu kritiku ta’ probabbiltà tal-effetti negattivi fuq is-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent u tal-gravità ta’ dawn l-effetti potenzjali li ma jibqgħux jidhru aċċettabbli għal din is-soċjetà u li, malli jinqabeż, jeżiġi, fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent, l-użu ta’ miżuri preventivi minkejja l-inċertezza xjentifika li tibqa’.

Waqt id-determinazzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà, l-istituzzjonijiet huma marbutin bl-obbligu tagħhom li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent. Biex ikun kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni, teknikament dan il-livell għoli ta’ protezzjoni ma għandux neċessarjament ikun l-ogħla possibbli. Barra minn hekk, dawn l-istituzzjonijiet ma jistgħux jadottaw approċċ purament ipotetiku tar-riskju u jorjentaw id-deċiżjonijiet tagħhom għal-livell ta’ “riskju żero”.

Id-determinazzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà tiddependi fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-awtorità pubblika kompetenti fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. F’dan ir-rigward, din l-awtorità tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tal-impatt ta’ dan ir-riskju fuq is-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent, inkluż il-portata tal-effetti negattivi possibbli, il-persistenza, ir-riversibbiltà jew l-effetti tardivi possibbli ta’ dawn id-danni kif ukoll il-perċezzjoni xi ftit jew wisq konkreta tar-riskju abbażi tal-istat tat-tagħrif xjentifiku disponibbli.

(ara l-punti 78-80)

4.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-ġestjoni tar-riskju tikkorrispondi għall-azzjonijiet kollha meħuda minn istituzzjoni li trid taffaċċja riskju sabiex iwassluh għal livell meqjus aċċettabbli għas-soċjetà fid-dawl tal-obbligu tagħha li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà u tal-ambjent. Fil-fatt, meta dan ir-riskju jaqbeż il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà, l-istituzzjoni hija obbligata, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li tadotta miżuri provviżorji ta’ ġestjoni tar-riskju meħtieġa biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni.

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 178/2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, il-miżuri provviżorji inkwistjoni għandhom ikunu proporzjonati, nondiskriminatorji, trasparenti u koerenti meta mqabbla ma’ miżuri simili adottati diġà.

Fl-aħħar nett, hija l-awtorità kompetenti li għandha terġa’ teżamina l-miżuri provviżorji inkwistjoni f’terminu raġonevoli. Fil-fatt, meta elementi ġodda jbiddlu l-perċezzjoni ta’ riskju jew juru li dan ir-riskju jista’ jiġi ċċirkoskritt minn miżuri inqas restrittivi minn dawk eżistenti, hija kompetenza tal-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari tal-Kummissjoni, li għandha s-setgħa ta’ inizjattiva, li jadattaw il-leġiżlazzjoni għad-data l-ġdida. Fi kwalunkwe każ, il-flessibbiltà ta’ miżuri preventivi adottati qabel għandha tkun iġġustifikata b’elementi ġodda li jbiddlu l-evalwazzjoni tar-riskju inkwistjoni.

Dawn l-elementi ġodda, bħalma huwa t-tagħrif ġdid jew skoperti xjentifiċi ġodda, meta jiġġustifikaw il-flessibbiltà ta’ miżura preventiva, ibiddlu l-kontenut konkret tal-obbligu li għandhom l-awtoritajiet pubbliċi li jżommu f’livell kostanti l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Fil-fatt, dawn l-elementi ġodda jistgħu jbiddlu l-perċezzjoni tar-riskju kif ukoll il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli mis-soċjetà. Il-legalità tal-adozzjoni ta’ miżura preventiva inqas restrittiva ma għandhiex tiġi evalwata abbażi tal-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli li jittieħed inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni tal-miżuri preventivi inizjali. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ miżuri preventivi inizjali sabiex ir-riskju jitwassal f’livell meqjus aċċettabbli għandha ssir wara evalwazzjoni tar-riskji u, b’mod partikolari, wara li jiġi stabbilit il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà. Jekk elementi ġodda jbiddlu din l-evalwazzjoni tar-riskji, il-legalità tal-adozzjoni ta’ miżuri preventivi inqas restrittivi għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ dawn l-elementi ġodda u mhux skont l-elementi li kienu ddeterminaw l-evalwazzjoni tar-riskji fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri preventivi inizjali. Huwa biss meta dan il-livell tar-riskju ġdid jaqbeż il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà li l-qorti għandha tikkonstata ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

(ara l-punti 81-83, 212, 213)

5.      Fil-qasam tal-politika agrikola komuni, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali kbira għal dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-għanijiet segwiti u l-għażla tal-istrumenti ta’ azzjoni xierqa. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riskji tagħhom, huma għandhom jagħmlu evalwazzjonijiet kumplessi biex jevalwaw, fid-dawl tal-informazzjoni ta’ natura teknika u xjentifika li tiġi pprovduta lilhom mill-esperti fil-kuntest tal-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji, jekk ir-riskji għas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent jaqbżux il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà.

Din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa u dawn l-evalwazzjonijiet kumplessi jimplikaw stħarriġ limitat min-naħa tal-qorti tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-imsemmija setgħa diskrezzjonali u l-imsemmija evalwazzjonijiet iwasslu sabiex l-istħarriġ tal-qorti fil-mertu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi min-naħa tal-istituzzjonijiet huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew minn abbuż ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom.

Fir-rigward tal-eżami tal-qorti tal-Unjoni dwar l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja att ta’ istituzzjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk din l-istituzzjoni wettqitx żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi, li huwa ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tal-att imsemmi, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu biżżejjed sabiex l-evalwazzjoni tal-fatti sostnuti fl-att inkwistjoni jitqiesu li ma humiex plawżibbli. Bla ħsara għal dan l-eżami tal-plawżibbiltà, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti kumplessi flok dik tal-awtriċi tad-deċiżjoni.

Madankollu, il-limitazzjoni tal-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni ma taffettwax l-obbligu ta’ din il-qorti li tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, kif ukoll li tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha.

Barra minn hekk, fil-każijiet fejn istituzzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ dwar l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti.

Għaldaqstant, it-twettiq ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji li tkun l-iktar eżawrjenti possibbli abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi bbażati fuq il-prinċipji ta’ eċċellenza, trasparenza u indipendenza jikkostitwixxi garanzija proċedurali importanti biex tiġi żgurata l-oġġettività xjentifika tal-miżuri u biex jiġu evitati miżuri arbitrarji.

(ara l-punti 84-89, 214)

6.      Il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu meta ġie adottat l-att. Minn dan isegwi li ma jistgħux jiġu kkunsidrati, matul l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan l-att, elementi posterjuri għad-data ta’ meta l-att Komunitarju ġie adottat.

(ara l-punt 172)

7.      L-istituzzjonijiet għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla tal-istrumenti ta’ azzjoni xierqa fil-qasam tal-politika agrikola komuni. Barra minn hekk, għalkemm dawn l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, huma għandhom ukoll marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla tal-istrumenti ta’ azzjoni xierqa biex jiġi osservat dan l-obbligu. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-istituzzjonijiet jimplika li l-istħarriġ tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza fundamentali.

Waħda minn dawn il-garanziji tikkonsisti fil-fatt li l-awtoritajiet huma meħtieġa li, meta jadottaw miżuri provviżorji skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, huma jkollhom quddiemhom l-elementi kollha rilevanti għal dan il-għan. Għaldaqstant huma għandhom ikollhom quddiemhom evalwazzjoni xjentifika tar-riskji bbażata fuq il-prinċipji ta’ eċċellenza, trasparenza u indipendenza. Dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi garanzija importanti li hija intiża li tiżgura l-oġġettività xjentifika tal-miżuri u li tevita li jittieħdu miżuri arbitrarji.

Garanzija oħra minn dawn hija li l-awtoritajiet huma meħtieġa li, waqt li huma jadottaw dispożizzjonijiet li jrendu iktar flessibbli l-miżuri provviżorji li jkunu ġew adottati skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, huma jkollhom quddiemhom evalwazzjoni xjentifika tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Din l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem tinkludi, fil-prinċipju, l-evalwazzjoni sħiħa, min-naħa ta’ esperti xjentifiċi, tal-probabbiltà ta’ espożizzjoni tal-bniedem għall-effetti negattivi tal-miżuri fuq is-saħħa tiegħu. Konsegwentement, hija tinkludi, fil-prinċipju, l-evalwazzjoni kwantitattiva tar-riskji inkwistjoni.

(ara l-punti 174-177)

8.      Skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 999/2001, li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatija sponġiformi li tinxtered, inkjesta għandha titwettaq biex jiġu identifikati l-annimali kollha li qegħdin f’riskju skont l-Anness VII, punt 1. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, l-annimali kollha u l-prodotti tagħhom li qegħdin f’riskju, kif imniżżla fl-Anness VII, punt 2 ta’ dan ir-regolament, identifikati b’inkjesta msemmija f’punt (b) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 13, għandhom jinqatlu u jinqerdu skont ir-Regolament Nru 1774/2002. Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, l-annimali li għandhom jinqatlu u jinqerdu huma dawk li jiġu identifikati mill-inkjesta li trid issir skont il-punt 1 tal-Anness VII għar-Regolament Nru 999/2001 u li, barra minn hekk, jissodisfaw il-kriterji tal-punt 2 tal-imsemmi anness.

Skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 999/2001, il-Kummissjoni tista’ temenda l-annessi tar-Regolament, skont il-proċedura tal-kumitati msemmija fl-Artikolu 24(2) tal-imsemmi regolament, wara konsultazzjoni mal-kumitat xjentifiku adatt dwar kull kwistjoni li jista’ jkollha impatt fuq is-saħħa pubblika. Għaldaqstant, il-leġiżlatur iddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li temenda l-annessi tar-Regolament Nru 999/2001.

Fid-dawl tal-portata tal-Artikolu 13(1)(ċ) u ta’ dik tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 999/2001, il-Kummissjoni għandha tiġi rrikonoxxuta lilha l-kompetenza li tillimita, permezz ta’ regolament adottat skont il-proċedura tal-kumitati msemmija fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 999/2001, l-annimali identifikati mill-inkjesta li għandhom jinqatlu u jinqerdu. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 13(1)(ċ) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-annimali li għandhom jinqatlu u jinqerdu billi jirreferi għall-kriterji tal-punt 2 tal-Anness VII, il-Kummissjoni kellha, skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, is-setgħa li tadotta dispożizzjonijiet, bħalma huma dawk li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, li jillimitaw l-annimali li għandhom jinqatlu u jinqerdu li kienu ġew identifikati mill-inkjesta msemmija iktar ’il fuq.

(ara l-punti 206-208)