Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta'Lulju 2007 - People's Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill

(Kawża T-256/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: People's Mojahedin Organization of Iran (Auvers sur Oise, Franza) (rappreżentanti: J.P.Spitzer, avukat, u D.Vaughan, QC)

Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE safejn din tapplika għar-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea jbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE, tat-28 ta' Ġunju 2007, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE1 li ssemmi lir-rikorrenti fil-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet li fil-konfront tagħhom japplika l-iffriżar ta' fondi u riżorsi finanzjarji oħra.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tgħid li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għaliex il-Kunsill ibbaża ruħu fuq it-tniżżil tar-rikkorrenti fil-lista tad-Deċiżjoni 2006/379/KE li kellha tiġi annullata jew emendata mill-Kunsill fir-rigward tar-rikorrenti b'riżultat tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-Kawża T-228/02 Organizzazzjoni tal-Modjahedines tal-poplu ta' l-Iran vs Il-Kunsill (ĠU C 247 tat-12 ta' Ottubru 2002). Skond ir-rikorrenti, il-Kunsill kien obbligat li jneħħi isem ir-rikorrenti mil-lista msemmija.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur tad-dritt għal smiegħ xieraq tar-rikorrenti u mingħajr motivazzjoni xierqa.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi ta' provi li kienu kollha relatati mal-perjodu qabel is-sena 2001 u mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni provi relatati mal-perjodu wara s-sena 2001 ippreżentati mir-rikorrenti.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li dawn iċ-ċirkustanzi jammontaw għal abbuż u użu ħażin tal-poter.

____________

1 - ĠU L 169, p. 58