Language of document : ECLI:EU:T:2007:300

DIGRIET TA’ L-IMĦALLEF GĦALL-MIŻURI PROVVIŻORJI

28 ta’ Settembru 2007 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji − Miżuri sanitarji – Regolament (KE) Nru 999/2001 − Eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu − Regolament (KE) Nru 727/2007 − Talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni − Fumus boni juris − Urġenza − Ibbilanċjar ta’ l-interessi”

Fil-kawża T‑257/07 R,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Belliard, G. de Bergues, R. Loosli u A. During, bħala aġenti,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Nolin, bħala aġent,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għal sospensjoni ta’ l-implementazzjoni tal-punt 3 ta’ l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE), Nru 727/2007, tas-26 ta’ Ġunju 2007, li jemenda l-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (ĠU L 165, p. 8), safejn dan jintroduċi, fil-Kapitolu A ta’ l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, tat-22 ta’ Mejju 2001 (ĠU L 147, p. 1), il-punt 2.3(b)(iii), il-punt 2.3(d), u l-punt 4,

L-IMĦALLEF GĦALL-MIŻURI PROVVIŻORJI,

li ħa post il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, u d-deċiżjonijiet tal-Konferenza Plenarja tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Lulju 2006, tas-6 ta’ Ġunju 2007 u tad-19 ta’ Settembru 2007,

jagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku

1        Fit-22 ta’ Mejju 2001, il-Parlament u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, p. 1).

2        L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 999/2001 jipprevedi illi, wara konsultazzjoni tal-kumitat xjentifiku xieraq dwar kull kwistjoni li jista’ jkollha impatt fuq is-saħħa pubblika, l-annessi tar-Regolament, illi jelenkaw il-miżuri għall-kontroll ta’ l-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (iktar’il quddiem it-“TSE”), għandhom jiġu emendati jew issupplementati.

3        Fit-12 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 260/2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-eradizzjoni tal-enċifalopatija sponġiformi trasmissbli fin-ngħaġ [ovini] u fil-mogħoż [kaprini] u r-regolamenti għall-kummerċ tan-ngħaġ u tal-mogħoż ħajjin u bovini embrijoni (ĠU L 37 p. 37). Ir-Regolament Nru 260/2003 jipprevedi, fuq rakkomandazzjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija Xjentifiku, miżuri sanitarji fil-merħliet ta’ ovini u ta’ kaprini infettatti minn TSE u b’mod partikolari l-qatla totali bl-eċċezzjoni ta’ annimali ġenetikament reżistenti.

4        Fit-12 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 36/2005 li jemenda l-Annessi III u X tar-Regolament Nru 999/2001 f’dak li jikkonċerna s-sorveljanza epidemjoloġika tat-TSE fil-frat [bovini], in-ngħaġ u l-mogħoż (ĠU L 10, p. 9). Bir-Regolament Nru 36/2005, il-Kummissjoni daħħlet l-obbligu li jiġi applikat eżami diskriminatorju għal kull każ ta’ TSE li jiġi skopert, wara l-ewwel eżami rapidu, f’merħliet ta’ ovini u kaprini, u għal dan bl-għan li tiddetermina jekk l-annimal huwiex milqut mill-iscrapie jew mill-enċefalopatija sponġiformi bovina (iktar’il quddiem il-“BSE”).

5        Fis-26 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 727/2007 li jemenda l-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament Nru 999/2001 (ĠU L 165, p. 8).

6        Il-punt 3 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 727/2007 huwa fformulat kif ġej:

“L-Anness VII jinbidel b’dan li ġej:

‘ANNESS VII

IL-QERDA [ERADIKAZZJONI] TA[T-TSE]

KAPITOLU A

Miżuri li jsegwu konferma tal-preżenza ta’ TSE

1. L-ISTĦARRIĠ li għalih saret referenza fl-Artikolu 13(1)(b) għandu jidentifika :

[…]

b)      fil-każ ta’ annimali ovini u kaprini :

–        l-annimali l-oħra kollha li jixtarru ħlief l-annimali ovini u kaprini fl-ażjenda ta’ l-annimal li fih kienet ikkonfermata l-marda,

–        sa fejn huma identifikabbli, il-ġenituri, u fil-każ tan-nisa, l-embrijuni kollha, l-ova u l-aħħar wild ta’ l-annimal mara li fuqha l-marda tkun ġiet ikkonfermata,

–        l-annimali ovini u kaprini l-oħrajn kollha fl-ażjenda ta’ l-annimal li fuqu l-marda kienet ġiet ikkonfermata b’żieda ma’ dawk imsemmija fit-tieni inċiż,

–        l-oriġini possibbli tal-marda u l-identifikazzjoni ta’ ażjendi oħra li fihom hemm annimali, embrijuni jew ova li setgħu ġew infettati mill-aġent ta’ TSE jew ġew esposti għall-istess għalf jew sorsi ta’ kontaminazzjoni,

–        iċ-ċaqliq ta’ għalf potenzjalment ikkontaminat, materjal ieħor, jew kull mezz ieħor ta’ trasmissjoni, li setgħu ttrasmettu l-aġent tat-TSE mill-ażjenda jew għall-ażjenda konċernata;

2. Il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 13(1)(c) għandhom jinkludu mill-inqas:

[…]

2.2. Jekk hija suspettata t-TSE f’annimal ovin jew kaprin f’ażjenda fi Stat Membru, l-annimali l-oħra ovini u kaprini kollha minn dik l-azjenda għandhom jitqiegħdu taħt kull restrizzjoni uffiċjali ta’ ċaqliq sakemm ikunu disponibbli r-riżultati ta’ l-eżaminazzjoni. Jekk hemm evidenza li l-ażjenda fejn l-annimal affettwat kien preżenti meta ġiet konfermata t-TSE li x’aktarx m’hijiex l-ażjenda fejn l-annimal seta’ ġie espost għat-TSE, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li azjendi oħra jew l-azjenda biss fejn ġie espost titqiegħed taħt kontroll uffiċjali skond it-tagħrif epidemjoloġiku disponibbli.

2.3. Fil-każ ta’ konferma tat-TSE f’annimal ovin jew kaprin:

a)      jekk ma tistax tiġi eskluża l-BSE wara r-riżultati ta’ prova interlaboratorja mwettqa skond il-proċedura stipulata fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.2(c), il-qatla u l-qerda kompluta ta’ l-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati permezz ta’ l-istħarriġ imsemmi fit-tieni sal-ħames inċiżi tal-punt 1(b).

b)      Jekk il-BSE hija eskluża skond il-proċeduri stipulati fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.2(c), skond id-deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti.

Jew

i)      il-qtil u l-qerda kompluta ta’ l-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiżi ta’ punt 1(b); Il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 3 għandhom japplikaw għall-ażjenda,

inkella

ii)      il-qtil u l-qerda kompluta ta’ l-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt 1(b), bl-eċċezzjoni ta’:

–        imtaten għat-tgħammir tal-ġenotip ARR/ARR,

–        nagħaġ tat-tgħammir li għandhom mill-anqas allela waħda ARR u l-ebda allela VRQ u, fejn nagħaġ tali tat-tgħammir huma tqal fil-mument ta’ l-istħarriġ, il-ħrief li jitwieldu sussegwentament, jekk il-ġenotip tagħhom jilħaq ir-rekwiżiti ta’ dan is-subparagrafu,

–        nagħaġ li għandhom mill-anqas allela waħda ARR li huma maħsuba unikament għat-tbiċċir,

–        jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk, nagħaġ u mogħoż li għandhom anqas minn tliet xhur li huma maħsuba unikament għat-tbiċċir;

Il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 3 għandhom japplikaw għall-ażjenda,

inkella

(iii) Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma joqtolx u ma jeqridx l-annimali, identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt 1(b) fejn huwa diffiċli li jinkisbu annimali ovini ta’ sostituzzjoni ta’ ġenotip magħruf jew fejn il-frekwenza ta’ l-allela ARR fi ħdan ir-razza jew l-ażjenda hija baxxa, jew fejn jitqies meħtieġ sabiex jiġi evitat tgħammir ta’ l-annimali bejn l-istess demm, jew abbażi ta’ konsiderazzjoni raġunata tal-fatturi epidemjoloġiċi kollha. Il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 4 għandhom japplikaw għall-ażjenda.

(ċ)      Permezz ta’ deroga mill-miżuri stipulati fil-punt (b), u biss fejn il-każ tat-TSE kkonfermat f’ażjenda huwa każ ta’ scrapie atipika, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li japplika l-miżuri stipulati fil-punt 5.

(d)      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu:

(i)      li jissostitwixxu l-qatla u l-qerda kompluta ta’ l-annimali kollha imsemmija f’b(i) permezz tat-tbiċċir għall-konsum uman.

(ii)      li jissostitwixxu l-qatla u l-qerda kompluta ta’ l-annimali kollha msemmija f’b(ii) permezz tat-tbiċċir għall-konsum uman.

sakemm:

–        l-annimali jitbiċċru fi ħdan it-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat;

–        l-annimali kollha li għandhom iktar minn 18-il xahar jew li għandhom iktar minn żewġ sinniet inċiżivi permanenti li nibtu mill-ħanek u li jitbiċċru għall-konsum uman għandhom jiġu ttestjati għall-preżenza tat-TSE skond il-metodi tal-laboratorju stipulati fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.2. (b);

(e)      Il-ġenotip tal-proteina prijonika ta’ annimali ovini, sa massimu ta’ 50 maqtula u meqruda jew imbiċċra għall-konsum uman skond il-punti (b)(i) u (iii) għandu jiġi ddeterminat.

[…]

4. Wara l-applikazzjoni f’ażjenda tal-miżuri stipulati fil-punt 2.3 (b)(iii) u għall-perjodu ta’ sentejn ta’ tgħammir wara s-sejba ta’ l-aħħar każ tat-TSE:

(a)      l-annimali ovini u kaprini kollha fl-ażjenda għandhom ikunu identifikati;

(b)      l-annimali ovini u kaprini kollha fl-ażjenda, jistgħu jiċċaqalqu biss fi ħdan it-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat għat-tbiċċir għall-konsum uman jew għall-għanijiet tal-qerda; l-annimali kollha li għandhom iktar minn 18-il xahar imbiċċra għall-konsum uman għandhom jiġu ttestjati għall-preżenza tat-TSE skond il-metodi laboratorji stipulati fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.2(b);

(ċ)      l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-embrijuni u l-ova kollha ma jintbagħtux mill-ażjenda;

[…]’”

7        Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 727/2007, dan ta’ l-aħħar daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Lulju 2007.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        It-TSE huma mard newrodeġenerattiv illi jolqtu l-annimali u l-bnedmin u li jagħmlu parti minnhom il-BSE kif ukoll l-iscrapie tal-muntun.

9        Ir-regoli adottati bir-Regolament Nru 999/2001, illi japplikaw għall-bovini u għall-annimali żgħar li jixtarru (ovini u kaprini), ġew stabbiliti billi ttieħdet bħala ipoteżi l-eżistenza ta’ rabta bejn it-TSE u l-varjant il-ġdid tal-marda ta’ Creutzfeldt-Jakob. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessa 1 tagħha illi “Evidenza tkompli tissaħħaħ bis-similarità bejn l-aġent ta’ BSE u dak tal-varjant il-ġdid tal-Marda Creutzfeld[t]-Jakob”.

10      Bejn l-2003 u l-2005, l-iżvilupp ta’ l-għarfien xjentifiku u t-tħassib espress mill-Istati Membri wassal lill-Kummissjoni sabiex toħroġ leġiżlazzjoni fis-suġġett tal-kontroll tat-TSE. Għalhekk, il-Kummissjoni emendat diversi drabi r-Regolament Nru 999/2001 u adottat, fil-15 ta’ Lulju 2005, “Il-programm TSE” [COM (2005) 322 − finali], li fiha hija ħabbret il-ħsieb tagħha li tipproponi miżuri intiżi li jirrevedu u jnaqqsu l-miżuri ta’ eradikazzjoni fis-seħħ billi tieħu in kunsiderazzjoni l-mezzi l-ġodda ta’ djanjożi disponibbli, filwaqt li jinżamm il-livell preżenti ta’ ħarsien tal-konsumatur.

11      F’dan id-dokument, il-Kummissjoni sostniet illi l-eżamijiet disrkiminatorji li saru minn Jannar 2005 kienu jippermettu li tiġi eskluża l-preżenza tal-BSE fi ħdan ftit ġimgħat f’ħafna mill-każi tat-TSE identifikati wara l-ewwel eżami rapidu. Il-Kummissjoni indikat illi, malli l-BSE hija eskluża, jitneħħa r-riskju għas-saħħa pubblika u li tinqatel il-merħla kollha minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika tista’ titqies eċċessiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ħasbet li tipproponi li ma timponix iktar il-qerda tal-karkassi ta’ l-annimali maqtula fil-merħliet infettati u li tippermetti li jitqiegħdu għall-konsum mill-bniedem fil-każ ta’ riżultat negattiv ta’ l-eżamijiet rapidi ta’ screening.

12      Fil-21 ta’ Settembru 2005, l-Agence française de sécurité sanitaire des aliments (AFSSA) irċeviet talba għal opinjoni, mingħand l-awtoritajiet Franċiżi, dwar l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni Komunitarja kif proposta mill-Programm TSE u hija ddeċidiet fuq dan f’opinjoni mogħtija fil-15 ta’ Mejju 2006. Din l-opinjoni kkonstatat li l-proposti tal-Kummissjoni jnaqqsu konsiderevolment il-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Ikkunsidrati l-inċertezzi dwar l-affidabbiltà ta’ l-eżamijiet diskriminatorji u l-possibbiltà li tiġi trażmessa fil-bniedem varjanti ta’ TSE barra tal-BSE, l-AFSSA ddeċidiet kontra l-proposti tal-Kummissjoni.

13      L-awtoritajiet Franċiżi mill-ġdid marru quddiem l-AFSSA, fit-22 ta’ Ġunju u fis-6 ta’ Diċembru 2006, sabiex din tevalwa fid-dettal il-miżuri proposti mill-Kummissjoni. B’risposta għal dawn it-talbiet, l-AFSSA tat opinjoni ġdida fil-15 ta’ Jannar 2007, dwar l-iżvilupp ta’ miżuri sanitarji fil-merħliet ta’ ovini u kaprini li fihom każ klassiku jew atipiku ta’ scrapie ġie osservat.

14      F’din l-opinjoni, l-AFSSA spjegat illi l-eżamijiet diskriminatorji ma jippermettux li teskludi l-preżenza tal-BSE la fl-annimal eżaminat u lanqas a fortiori fil-merħla li tagħmel parti minnha. Hija żżid li t-trażmissjoni fil-bniedem ta’ varjanti ta’ TSE barra dawk tal-BSE ma jistax jiġi eskluż. Hija tindika, fl-aħħar nett, illi l-prodotti miksuba mill-ovini u l-kaprini infettatti mill-iscrapie maqtula fil-kundizzjonijiet deskritti mill-programm tal-Kummissjoni, jirrappreżentaw riskju adizzjonali għas-saħħa pubblika meta mqabbla mal-prodotti li ġejjin mill-ovini ġenetikament reżistenti. Konsegwentement, l-AFSSA għalhekk irrakkomandat illi l-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar l-iscrapie klassiku tinżamm.

15      Wara l-opinjoni ta’ l-AFSSA, il-Kummissjoni marret quddiem l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fejn talbitha tagħtiha opinjoni dwar, minn naħa, l-eżistenza ta’ informazzjoni disponibbli li tista’ tagħti l-prova ta’ kull rabta epidemjoloġika jew molekulari bejn l-iscrapie klassiku jew atipiku u t-TSE fil-bniedem, u, min-naħa l-oħra, il-mod kif marru l-metodi analitiċi ta’ differenzjazzjoni preżenti użati għal eżami iktar qawwi ta’ każijiet li għandhom it-TSE fl-annimali żgħar li jixtarru u tal-kapaċità tagħhom li jiddistingwu l-BSE minn varjanti magħrufa ta’ scrapie atipiku jew klassiku.

16      L-EFSA u l-grupp tagħha xjentifiku dwar ir-riskji bijoloġiċi taw opinjoni fit-8 ta’ Marzu 2007 li tasal għaż-żewġ konklużjonijiet li ġejjin:

–        ma teżistix prova ta’ rabta epidemjoloġika jew molekulari bejn l-iscrapie klassiku jew atipiku u t-TSE fil-bniedem; l-aġent (annimal li jxerred il-marda) tal-BSE huwa l-uniku aġent responsabbli tat-TSE identifikat bħala żunotiku; madankollu, mill-fatt tad-diversità tagħhom, mhuwiex possibbli, illum il-ġurnata, li teskludi kull possibbiltà ta’ trażmizzjoni fil-bniedem minn aġenti oħrajn tat-TSE li huma ta’ orġini annimali;

–        l-eżamijiet ta’ differenzjazzjoni preżenti bħal dawk deskritti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja u li għandhom ikunu użati sabiex issir distinzjoni bejn l-iscrapie u l-BSE jidhru illum affidabbli sabiex tiddistingwi l-BSE mill-iscrapie klassiku u atipiku; madankollu, fl-istat preżenti ta’ għarfien xjentifiku, la l-kapaċità għal djanjożi tagħhom, u lanqas il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom ma jistgħu jitqiesu li huma perfetti.

17      B’ittra ta’ l-20 ta’ April 2007, indirizzata lid-direttur ta’ l-EFSA, il-Kummissjoni indikat illi eżami mill-qrib ta’ l-opinjonijiet ta’ l-AFSSA, tal-15 ta’ Jannar 2007, u ta’ l-EFSA, tat-8 ta’ Marzu 2007, kienu poġġew fid-dawl ċerta diverġenza fl-evalwazzjonijiet tar-riskji magħmula miż-żewġ organizzazzjonijiet dwar il-karattru żunotiku potenzjali ta’ l-iscrapie. L-istituzzjoni qieset illi din is-sitwazzjoni kienet titlob għall-implimentazzjoni tal-proċedura ddefinita fl-Artikolu 30(4) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU L 31, p. 1), sabiex tiġi solvuta d-diverġenza, billi jitħejja dokument komuni għaż-żewġ organizzazzjonijiiet li jikkjarifikaw l-istqarrijiet li hemm fil-konklużjonijiet. Ikkunsidrata l-importanza tas-suġġett in kwistjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ amministrazzjoni tar-riskju dwar miżuri ta’ eradikazzjoni ta’ l-annimali żgħar li jixtarru, il-Kummissjoni talbet lid-direttur ta’ l-EFSA li jagħti r-risposta tiegħu f’terminu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol li jibdew mill-wasla ta’ l-ittra tagħha.

18      F’dan il-kuntest, u peress li bbażat fuq l-opinjoni ta’ l-EFSA tat-8 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni, fl-24 ta’ April 2007, ressqet għall-vot tal-Kumitat Permanenti tal-Katina ta’ l-Ikel u tas-Sigurtà ta’ l-Ikel (CPCASA) abbozz ta’ regolament li jemenda l-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament Nru 99/2001. Il-CPCASA iddeċidiet b’maġġoranza kkwalifikata favur l-imsemmi abbozz.

19      B’ittra tat-22 ta’ Ġunju 2007, id-direttur ta’ l-EFSA kien indika lill-Kummissjoni illi, wara konsultazzjoni ma’ l-AFSSA, ma kien hemm ebda diverġenza ta’ opinjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.

20      Fis-26 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 727/2007 li fih Anness li fil-punt 3 tiegħu jemenda l-Anness VII tar-Regolament Nru 999/2001 (iktar’il quddiem l-“Anness VII”), li huwa dwar miżuri ta’ eradikazzjoni tat-TSE.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      B’rikors imressaq quddiem ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti ressqet, abbażi ta’ l-Artikolu 230 KE, rikors intiż għall-annullament tal-punt 3 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 727/2007, peress li daħħlet, fil-Kapitolu A ta’ l-Anness VII, il-punt 2.3(b)(iii), il-punt 2.3(d) u l-punt 4, u, b’mod sussidjarju, l-annulament totali tar-Regolament Nru 727/2007.

22      B’att separat, ippreżentat lir-reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Lulju 2007, skond l-Artikolu 104 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ta’ l-Artikolu 242 KE, ir-rikorrenti ressqet il-preżenti talba għal proċeduri għal miżuri provviżorji intiża sabiex tikseb sospensjoni tal-punt 3 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 727/2007, peress li daħħlet, fil-Kapitolu A ta’ l-Anness VII, il-punt 2.3(b)(iii), il-punt 2.3(d), u l-punt 4 (iktar’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”).

23      Fit-8 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub fuq it-talba għal proċeduri għal miżuri provviżorji, li fiha hija talbet li din tiġi miċħuda.

24      Il-partijiet instemgħu jagħmlu l-ispjegazzjonijiet orali fis-seduta li nżammet fil-5 ta’ Settembru 2007.

 Id-dritt

25      Skond id-dispożizzjonijiet konġunti ta’ l-Artikoli 242 KE u 243 KE, minn naħa, u l-Artikolu 225(1) KE, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, jekk tikkunsidra li ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu, tordna s-sopensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att jew tordna kull miżura provviżorja meħtieġa. Għal dan il-għan, għandha tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi previsti mill-Artikolu 104(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, kif inhuma ppreċiżati mill-ġurisprudenza.

26      Fil-fatt, is-sospensjoni u l-miżuri provviżorji jistgħu jingħataw mill-Imħallef għall-miżuri provviżorji jekk ikun stabbilit illi l-għoti tagħhom ikun ġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li huma urġenti fis-sens li huwa meħtieġ, sabiex ma jkunx hemm dannu serju u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrenti, illi huma jiġu deċiżi u jkollhom l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. L-Imħallef għall-miżuri provviżorji għandu jagħmel ukoll, skond il-każ, ibbilanċjar ta’ l-interessi li jkun hemm (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2000, L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-377/98 R, Ġabra p. I-6229, punt 41, u tat-23 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C-445/00 R, Ġabra p. I-1461, punt 73 ; digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Frar 2007, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T-310/06 R, Ġabra p. II-15, punt 19).

 Fuq il-fumus boni juris

 Argumenti tal-partijiet

27      Ir-rikorrenti tindika illi, fil-kuntest tar-rikors tagħha fil-kawża prinċipali, hija titlob, prinċipalment, l-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati minħabba l-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, kemm f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni kif ukoll l-amministrazzjoni tar-riskju.

–       Fuq l-evalwazzjoni tar-riskju

28      Ir-rikorrenti tispjega illi l-punt 3 ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 727/2007 li jemenda l-Anness VII, illi huwa dwar il-miżuri ta’ eradikazzjoni tat-TSE u li jipprevedi, fil-verżjoni fis-seħħ sas-17 ta’ Lulju 2007, l-eliminazzjoni ta’ l-epidemiji ta’ l-iscrapie permezz tal-qatla totali ta’ kaprini u permezz ta’ qatla limitata biss għall-ovini ġenetikament suxxettibbli fl-epidemiji fl-ovini, waqt illi l-ovini ġenetikament reżistenti jistgħu jinżammu.

29      L-Anness VII, li huwa bħalissa fis-seħħ, jiddistingwi l-miżuri li għandhom jittieħdu skond ir-riżultati ta’ l-eżami diskriminatorju magħmul wara l-konferma tal-preżenza ta’ TSE f’ovin jew kaprin.

30      Fil-każ ta’ konferma ta’ TSE f’ovin jew kaprin, jekk il-BSE ma tistax tiġi eskluża, il-qtil u l-qerda kompleta ta’ dawk identifikati bħala ta’ riskju jibqa’ obbligatorju. Bil-kontra, fl-ipoteżi li l-BSE tiġi eskluża wara riżultati ta’ eżamijiet diskriminatorji, il-punt 2 tal-Kapitolu A ta’ l-Anness VII tar-Regolament Nru 999/2001 iwessa ħafna l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma joqtlux u ma jeqirdux dawk li hemm fl-azjenda li fiha kien hemm ovin jew kaprin vittma ta’ l-iscrapie.

31      L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati jkollha l-konsegwenza illi ovini ġenetikament suxxettibbli u kaprini li jappartjenu għal azjenda li fiha każ ta’ scrapie klassiku ikun ġie kkonfermat jistgħu madankollu jinżammu fl-imsemmija azjenda jew jinqatlu għal konsum mill-bniedem.

32      Jirriżulta mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 727/2007 illi dan l-iżvliupp jistrieħ fuq żewġ ipoteżijiet, jiġifieri, minn naħa, illi l-eżamijiet diskriminatorji jippermettu li teskludi b’mod ċert il-preżenza ta’ BSE fil-postijiet ikkontaminati mill-iscrapie klassiku u, min-naħa l-oħra, li dan ma jistax jiġi trażmess lill-bniedem u li m’għandu ebda riskju għas-saħħa tal-bniedem.

33      Peress li bbażat ruħha fuq l-opinjoni ta’ l-AFSSA tal-15 ta’ Jannar 2007 u fuq dik ta’ l-EFSA tat-8 ta’ Marzu 2007, illi huwa biss ripetut parzjalment mill-premessa 9 tar-Regolament Nru 727/2007, ir-rikorrenti tikkunsidra illi, minkejja progress xjentifiku, jibqgħu ċerti inċertezzi dwar, minn naħa, il-possibbiltà illi, fost l-aġenti responsabbli tat-TSE li huma ta’ oriġini annimali, aġenti oħrajn barra dawk tal-BSE jistgħu jiġu trażmessi fil-bniedem u, min-naħa l-oħra, l-affidabbiltà ta’ eżamijiet diskriminatorji.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tikkunsidra illi l-progress ta’ għarfien xjentifiku dwar it-TSE mhuwiex tali li jbiddel il-perċezzjoni tar-riskju rrappreżentat mill-iscrapie klassiku u li jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri anqas stretti ta’ sorveljanza u ta’ eradikazzjoni ta’ din il-marda u li l-Kummissjoni, għalhekk, kisret il-prinċipju ta’ prekawzjoni peress li wettqet żball fl-evalwazzjoni tar-riskju.

35      Il-Kummissjoni ssostni illi, b’differenza tal-BSE, billi llum it-TSE biss hija trażmessa lill-bniedem, mhemm l-ebda prova ta’ rabta (epidemjoloġika jew molekulari) bejn l-aġent ta’ l-iscrapie u t-TSE fil-bniedem, hekk kif jirriżulta minn numru ta’ opinjonijiet xjentifiċi reċenti u minn dokumenti li ġejjin minn organizzazzjonijiet internazzjonali speċjalizzati. L-iscrapie ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata jew identifikata bħala żunosi.

36      Jirriżulta kemm mill-formulazzjoni ta’ l-opinjoni ta’ l-AFSSA, tal-15 ta’ Jannar 2007, u ta’ l-EFSA, tat-8 ta’ Marzu 2007, invokati mir-rikorrenti fit-talba tagħha għal miżuri provviżorji, illi r-riskju ta’ trażmissjoni minn aġenti responsabbli tat-TSE ta’ oriġini annimali, barra dawk tal-BSE fil-bniedem, ikun riskju purament ipotetiku li għalih il-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jistax jiġi applikat.

37      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar illi, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002, il-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu japplika meta jkun hemm inċertezzi xjentifiċi u li l-miżuri meħuda skond dan il-prinċipju għandhom ikunu proporzjonati.

38      Fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill (T-13/99, Ġabra p. II-3305), il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ippreċiżat il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fid-dritt Komunitarju, meta kkunsidrat illi miżura preventiva ma tistax tiġi validament motivata permezz ta’ approċċ purament ipotetiku tar-riskju u tista’ tittieħed biss meta r-riskju jkun jidher illi huwa bizzejjed ipprovat permezz tal-provi xjentifiċi disponibbli. Jirriżulta minn din is-sentenza illi għandu jkun hemm ċertu grad ta’ probabbiltà li ser ikun hemm effetti negattivi illi wieħed ifittex li jevita għall-adozzjoni tal-miżura in kwistjoni, peress li huwa mifhum li l-livell tar-riskju ma jistax jitqiegħed f’livell ta’ “nuqqas assolut ta’ riskju”.

39      Rigward il-kontestazzjoni mir-rikorrenti ta’ l-affidabbiltà ta’ l-eżamijiet diskriminatorji, il-Kummissjoni tindika illi dawn huma r-riżultat ta’ ħidmiet tal-laboratorju Komunitarju ta’ referenza għat-TSE u tal-grupp tagħha ta’ xjenzati u esperti fil-tipi ta’ varjanti, ħidmiet li jagħmlu valida metodoloġija analitika rapida bbażata fuq eżamijiet bijoloġiċi sabiex tagħmel differenza bejn il-BSE u l-iscrapie.

40      Il-konvenuta tfakkar illi hija, f’Jannar 2005, emendat ir-Regolament Nru 999/2001 billi daħħlet l-obbligu li timplementa dawn l-eżamijiet diskriminatorji għal kull każ “li jindika” t-TSE skopert f’merħla ta’ ovini jew ta’ kaprini, sabiex tiddetermina l-każ ta’ BSE. Hija tenfasizza illi l-miżuri ta’ tnaqqis previsti mir-Regolament Nru 727/2007 ttieħdu biss sentejn wara li bdew dawn l-eżamijiet, l-osservazzjoni li saret matul dawn is-sentejn tal-mod kif marru u l-analiżi tar-riżultati tagħhom.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, wara li ġie osservat illi l-opinjoni ta’ l-AFSSA tal-15 ta’ Jannar 2007 rrepetiet biss opinjoni mogħtija fil-15 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni tallega illi l-fatt illi l-AFSSA qieset fl-2006 illi l-eżamijiet ma jippermettux li teskludi l-preżenza ta’ l-ESB mhuwiex f’kontradizzjoni mal-fatt illi, fl-2007 u abbażi tar-riżultati ta’ dawn l-eżamijiet, l-EFSA setgħet tikkonstata illi dawn l-eżamijiet kienu ċerti.

42      F’dak li jirrigwarda l-aħħar frażi tal-konklużjonijiet ta’ l-EFSA dwar dawn l-eżamijiet, din hija spjegata mill-fatt illi, min-natura tiegħu, ebda eżami bijoloġiku ma jista’ jiġi kkunsidrat “perfett”. Il-Kummissjoni tippreċiża, f’dan ir-rigward, illi kull riżultat, li l-interpretazzjoni tiegħu huwa diffiċli, issirlu reviżjoni inter pares quddiem grupp ta’ esperti xjentifiċi msemmi fil-punt 39 iktar’il fuq u li, jekk ikun meħtieġ, isiru eżamijiet addizzjonali. Jekk, wara li jsiru dawn l-eżamijiet addizzjonali, ir-riżultati jibqgħu mhux konklużivi, il-kampjun dubjuż ikun, skond il-Kummissjoni, suġġett għal eżami li juża ġrieden ħajjin u li permezz tiegħu jkun jista’ jiġi konkluż, b’ċertezza, in-natura tal-varjant ta’ TSE in kwistjoni.

43      Għalhekk, dan il-proċess rigoruż li jsir jippermetti li titnaqqas ħafna, jekk mhux tneħħi għal kollox, l-inċertezza inizjali li kien hemm dwar l-eżamijiet bijoloġiċi, peress li barra dan, jiġi mfakkar illi dawn l-eżamijiet ma’ jikkostitwixxux fihom infushom miżura ta’ saħħa pubblika iżda għodda teknika importanti sabiex tista’ ssir diskriminazzjoni rapida bejn il-BSE u l-iscrapie.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-pożizzjoni ta’ l-awtoritjiet Franċiżi, li tfittex li timponi livell ta’ “nuqqas assolut ta’ riskju” fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, ma tistax tkun fondata.

–       Fuq l-amministrazzjoni tar-riskju

45      Ir-rikorrenti ssostni illi l-miżuri anqas iebsa ta’ eradikazzjoni tat-TSE li ġew implementati permezz tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jippermettux li jiġi llimitat ir-riskju illi għandhom it-TSE għas-saħħa tal-bniedem u huma stess jistgħu jagħmlu dan iktar gravi.

46      Is-sostituzzjoni ta’ l-obbligi ta’ qtil u ta’ qerda li kien hemm qabel minn dritt ta’ konservazzjoni ta’ merħliet jew ta’ qtil ta’ annimali segwit bit-tqegħid tal-laħam tagħhom għall-konsum mill-bniedem ma jidhirx li hu proporzjonat. Skond l-opinjoni ta’ l-AFSSA tal-15 ta’ Jannar 2007, bħalissa mhemm ebda miżura li tista’ tissostitwixxi l-qtil u l-qerda ta’ annimali suxxettibbli li ġejjin minn merħliet infettati.

47      Barra dan, ir-rikorrenti ssostni illi l-eżamijiet rapidi, magħmula fuq il-karkassi ta’ annimali maqtula sabiex jiġu kkunsmati mill-bniedem fil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2.3(d) u fil-punt 4 tal-Kapitolu A ta’ l-Anness VII, mhumiex biżżejjed sabiex tiskopri l-annimali kollha li huma infettati bit-TSE, safejn dawn isiru minn kampjun li jittieħed mis-sistema nervuża ċentrali u fuq dawk l-annimali biss li għandhom iktar minn 18-il xahar jew għandhom iktar minn żewġ sinniet ta’ quddiem (incisor) permanenti.

48      Barra minn dan, fl-ipoteżi fejn l-annimali li ġejjin minn merħla infettata jibqgħu fl-azjenda, il-miżuri ta’ sorveljanza li jkun hemm jibqgħu biss għal sentejn. Għalhekk, ir-rikorrenti tenfasizza illi annimali li hemm fl-azjenda meta jiġi skopert każ ta’ TSE jistgħu, wara li jispiċċa t-terminu ta’ sentejn u jekk ma jiġix identifikat ebda każ ieħor, jinqatel u jitqiegħed għall-konsum mill-bniedem mingħajr ma jkunu eżaminati.

49      Ir-rikorrenti tistqarr illi, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, jista’ jiġri illi xi annimali jitpoġġew għall-konsum mill-bniedem meta jkunu infettati minn TSE li ma jkunux skoperti. Issa, fl-istat preżenti ta’ għarfien, ma jistax jiġi eskluż illi l-konsum ta’ laħmijiet u ta’ prodotti li ġejjin minn annimali infettati mit-TSE jkollu periklu għas-saħħa tal-bniedem.

50      Fl-aħħar nett, iż-żieda tar-riskju għas-saħħa li jinħoloq mid-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistax jiġi ġġustifikat mill-benefiċċju mistenni. Fil-fatt, l-ispiża għaż-żamma tad-dispożizzjonijiet preċedenti tkun ftit għola mill-ispiża totali għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet u tal-metodi previsti mid-dispożizzjonijiet ikkontestati u tkun anqas fir-rigward ta’ l-ispiża tal-miżuri kollha ta’ kontroll tat-TSE. Għalhekk, konsegwentement, din l-ispiża ma tidhirx sproporzjonata meta mqabbla ma’ l-għan tal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.

51      F’dawn iċ-ċirkusztanzi, il-Kummissjoni tkun kisret il-prinċipju ta’ prekawzjoni peress li tkun wettqet żball fl-amministrazzjoni tar-riskju.

52      Il-Kummissjjoni tfakkar illi, il-miżuri meħuda sal-lum fil-kuntest tar-Regolament Nru 999/2001 huma miżuri sabiex isir kontroll tal-BSE, mhux kontra TSE oħrajn bħall-iscrapie, u li, minħabba l-effikaċja ta’ dawn il-miżuri u tat-titijib ċar tas-sitwazzjoni, hija, fl-2005, ħadet l-inizjattiva li jkun hemm strateġija globali dwar il-BSE. Fil-kuntest ta’ din l-istrateġija, ċertu numru ta’ miżuri kienu diġà ttieħdu sabiex inaqqsu d-dispożizzjonijiet preċedenti u l-miżuri kkontestati mill-awtoritajiet Franċiżi dwar il-politika ta’ qatla fil-każ ta’ TSE fl-annimali żgħar li jixtarru jidħlu, huma wkoll, f’din l-istrateġija.

53      Fir-rigward tal-kriterji taż-żmien (annimali li għandhom iktar minn 18-il xahar) jew tas-snien (preżenza ta’ żewġ sinniet permanenti ta’ quddiem), previsti wara l-2002 permezz tal-leġiżlazzjoni Komunitarja sabiex jiġi suġġetti għal eżamijiet ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza illi dawn s’issa qatt ma kienu kkontestati mill-awtoritajiet Franċiżi. Hija tosserva illi l-probabbiltà ta’ l-iskoperta ta’ “prijon” fil-livell tal-moħħ huwa żgħir ħafna fl-annimali ta’ anqas minn 18-il xahar jew b’anqas minn żewġ sinniet ta’ quddiem permanenti u li eżamijiet għall-annimali iżgħar huwa inutli ġie b’mod ċar ikkonfermat mill-AFSSA f’opinjoni ta’ l-20 ta’ Lulju 2006.

54      Il-Kummissjoni tfakkar illi r-Regolament Nru 727/2007 jemenda l-miżuri sanitarji applikabbli għal merħliet infettati bit-TSE li ġew stabbiliti mir-Regolament Nru 260/2003 meta l-eżamijiet diskriminatorji ma kinux għadhom disponibbli. Wara d-dħul fis-seħħ, f’Jannar 2005, ta’ l-obbligu li jsiru eżamijiet diskriminatorji fil-każijiet kollha ta’ TSE skoperti, ebda eżami diskriminatorju ma kien wera każ ta’ BSE fl-annimali żgħar li jixtarru minkejja n-numru kbir ta’ eżamijiet magħmula (2377 fuq l-ovini u 339 fuq il-kaprini).

55      F’dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ sorveljanza intensiva limitata għal sentejn wara li jitfaċċa l-aħħar każ ta’ TSE, il-probabbiltà illi l-annimali infettati ma jkunux skoperti waqt dan il-perijodu huwa żgħir ħafna. Fil-fatt, dan iffisser, skond il-Kummissjoni, illi matul dawn is-sentejn, l-ebda annimal maqtul m’għandu jkollu xi infezzjoni.

56      Il-konvenuta ssotni illi r-riskju evokat mill-awtoritajiet Franċiżi, jiġifieri li jitqiegħdu għall-konsum laħam u prodotti potenzjalment perikolużi, huwa wkoll preżenti qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 727/2007 u li dan ġie kkunsidrat fil-kuntest ta’ l-amministrazzjoni tar-riskju.

57      Il-figura ta’ 50 % li ressqet ir-rikorrenti sabiex tiddefinixxi l-proporzjon ta’ annimali infettati u mhux skoperti permezz ta’ l-eżamijiet prattiċi waqt il-qatla li tikkonċerna t-TSE kollha, li minnhom il-BSE biss hija żunosi. Dwar din ta’ l-aħħar, u fl-ipoteżi illi l-BSE tista’ tkun preżenti fl-ovini, ipoteżi improbabbli ħafna iżda bbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, rapport ta’ l-EFSA, adottat fil-25 ta’ Jannar 2007, jikkwantifika r-riskju għal 0,3/0,5 każ ta’ BSE kull 10 000 annimal maqtul.

58      Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis illi, meta ibbażat ruħha fuq li jkun hemm strateġija ta’ kontroll tat-TSE u, b’mod partikolari, billi imponiet l-irtirar ta’ materjali b’riskji speċifiċi, meta imponiet sorveljanza tat-TSE ġeneralizzat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u meta imponiet sorveljanza attiva tat-TSE fi ħdan il-merħliet kollha infettati matul sentenjn, hija għamlet amministrazzjoni tar-riskju adegwat.

 Evalwazzjoni ta’ l-Imħallef għall-miżuri provviżorji

–       Osservazzjonijiet preliminari

59      Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hijiex sodisfatta f’din il-kawża, għandu jsir eżami prima facie tal-fondatezza tal-motivi ta’ dritt invokat mir-rikorrenti in sostenn tar-rikors prinċipali u għalhekk li tivverifika jekk l-argumenti dwar l-allegat ksur, f’din il-kawża, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni mill-Kummissjoni ikollhomx dik il-karatteristika serja li ma tistax tiġi mwarrba f’dawn il-proċeduri għal miżuri provviżorji [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C-149/95 P(R), Ġabra p. I-2165, punt 26, u d-digriet tal-President tat-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 1999, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T-13/99 R, Ġabra p. II-1961, punt 132].

60      Hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkonstatat, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi, skond l-Artikolu 174 KE, wieħed mill-prinċipji li fuqha hija bbażata il-politika tal-Komunità fil-qasam ta’ l-ambjent, li fosthom hemm dik tal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, u tapplika wkoll meta l-istituzzjonijiet Komunitarji jieħdu, fil-kuntest ta’ politika agrikola komuni, miżuri ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem (sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 38 iktar’il fuq, punt 114). L-eżistenza tagħha ġiet ukoll rikonoxxuta minn ġurisprudenza li issa ilha stabbilita (ara l-ġurisprudenza ċċitata fis-sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 38 iktar’il fuq, punt 115).

61      Skond il-prinċipju ta’ prekawzjoni, għandu jiġi aċċettat illi, meta jkun hemm inċertezzi dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu miżuri ta’ ħarsien mingħajr ma għandhom jistennew illi r-realtà u s-serjetà ta’ dawn ir-riskji jkunu murija b’mod sħiħ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-180/96, Ġabra p. I-2265, punt 99, u National Farmers’ Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 63). Min-naħa l-oħra, meta hemm elementi ġodda li jbiddlu l-perċezzjoni ta’ riskju jew juru illi dan ir-riskju jista’ jiġi limitat minn miżuri anqas restrittivi minn dawk li diġà jeżistu, huma l-istituzzjonijiet, u b’mod partikolari l-Kummissjoni, li għandha s-setgħa ta’ inizjattiva, li tissorvelja għal adattament tal-leġiżlazzjoni għal informazzjoni ġdida (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Jananr 2006, Agrarproduktion Staebelow, C-504/04, Ġabra p. I-679, punt 40).

62      Għandu jitqies ukoll illi r-Regolament Nru 178/2002 fih l-Artikolu 7, intitolat “Prinċipju ta’ prekawzjoni”, li huwa hekk fformulat:

“1. F’ċirkostanzi speċifiċi fejn, wara stima tat-tagħrif disponibbli, il-possibbiltà ta’ effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tiġi identifikata iżda tkun tippersisti inċertezza xjentifika, miżuri provviżorji ta’ l-amministrazzjoni tar-riskju meħtieġa biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa magħżula fil-Komunità jistgħu jiġu adottati, sakemm ikun hemm iktar tagħrif xjentifiku disponibbli għal stima tar-riskju iktar komprensiva.

2. Miżuri adottati fuq il-bażi tal-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonati u ma jkunux iktar restrittivi għan-negozju milli meħtieġ biex jintlaħaq il-livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa magħżul fil-Komunità, waqt li jingħata kont tal-possibbiltà teknika u ekonomika u ta’ fatturi oħra meqjusa bħala legittimi fil-kwistjoni taħt konsiderazzjoni. Il-miżuri għandhom jiġu riveduti f’perijodu raġonevoli ta’ żmien skond in-natura tar-riskju għall-ħajja jew saħħa identifikat u t-tip ta’ tagħrif xjentifiku meħtieġ biex tiġi ċċarata l-inċertezza xjentifika u biex titwettaq stima tar-riskju iktar komprensiva.”

63      Fil-każ preżenti, għandu jiġi mfakkar illi, fid-dawl tal-firxa tar-riskju illi għandhom ċerti TSE għas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali u wara li nkisbu opinjonijiet xjentifiċi dwar il-miżuri intiżi li jnaqqsu r-riskju potenzjali għall-bniedem u l-annimali meta espost għal prodotti li ġejin minn annimali infettati, il-Parlament u l-Kunsill adottaw ir-Regolament Nru 999/2001 li stabbilixxa r-regoli għall-prevenzjoni, kontrolli u eradikazzjoni ta’ ċerti TSE fil-bovini, l-ovini u l-kaprini. Ir-Regolament Nru 999/2001, li l-bażi ġuridika tiegħu huwa kkostitwit mill-Artikolu 152(4)(b) KE, “jikkonċerna direttament is-saħħa pubblika” (premessi 2, 3 u 4 tar-Regolament Nru 999/2001).

64      Il-punt (3) ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 727/2007 li jemenda l-Anness VII li jiddefinixxi l-metodi li bihom il-prinċipju tal-qerda ta’ annimali kkunsidrati bħala li huma ta’ riskju, magħmul mill-Artikolu 13(1)(ċ) tar-Regolament Nru 999/2001, u d-derogi li jistgħu jsirulu huma implementati.

65      Huwa paċifiku bejn il-partijiet illi d-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkorrispondu għal tnaqqis tal-miżuri sanitarji applikabbli għal merħla ta’ ovini kaprini li fihom ikun skopert każ ta’ TSE. Fl-ipoteżi fejn il-BSE seta’ ġie eskluż permezz ta’ eżamijiet diskriminatorji, l-Istati Membri għandhom bħalissa d-dritt li jissostitwixxu l-qtil u l-qerda ta’ l-annimali kollha biż-żamma tagħhom fl-azjenda, taħt sorveljanza, jew bil-qtil tagħhom għal għanjiet ta’ konsum mill-bniedem li jsir ma’ eżamijiet rapidi sabiex tiġi skoperta l-preżenza ta’ TSE, fil-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 727/2007.

66      Hekk kif ukoll ġie spjegat fil-punt 61 iktar’il fuq, l-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu effettivament jadottaw miżuri anqas iebsa minn dawk li jeżistu meta dawn il-miżuri jistgħu jirrestrinġu r-riskju li elementi ġodda jbiddlu l-perċezzjoni.

67      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar illi, skond il-ġurisprudenza, il-leġiżlatur Komunitarju jiddisponi, f’qasam bħalma hu dak f’din il-kawża, ta’ setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni, li jimplika minn naħa tiegħu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u, li fihom huwa msejjaħ jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja dwar il-mertu għandu jkun limitat għal eżami ta’ jekk l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali mhuwiex ivvizzjat minn żball manifest jew abbuż ta’ setgħa jew ukoll jekk il-leġiżlatur manifestament ma marx lil hinn mil-limiti tas-setgħa tiegħu ta’ diskrezzjoni (sentenza Agrarproduktion Staebelow, punt 61 iktar’il fuq, punt 36, u s-sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 38 iktar’il fuq, punt 166).

68      F’din il-kawża, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ prekawzjoni meta għamlet żball kemm fl-evalwazzjoni kif ukoll fl-amministrazzjoni tar-riskju.

–       Fuq l-evalwazzjoni tar-riskju

69      Ir-rikorrenti ssostni illi l-elementi ġodda mressqa mill-Kummissjoni mhumiex tali li jbiddlu l-perċezzjoni tar-riskju kkunsidrat fir-Regolament Nru 999/2001 u li din, għalhekk, kisret il-prinċipju ta’ prekawzjoni peress li sar żball fl-evalwazzjoni tar-riskju.

70      Il-Kummissjoni ma jidhirx li tikkontesta illi, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, għandha ssir evalwazzjoni tar-riskju qabel ma jittieħdu d-dispożizzjonijiet ikkontestati. Hija tippreċiża wkoll, fl-osservazzjonijiet tagħha, illi din l-evalwazzjoni tar-riskju għandha, minn naħa, ikollha taqsima xjentifika u, min-naħa l-oħra, tkun tista’ tiddetermina l-livell ta’ riskju li huwa kkunsidrat inaċċettabbli, filwaqt li jibqa’ mifhum li l-evalwazzjoni xjentifika li ssir tar-riskji għandha ssir qabel ma tittieħed “kull miżura”.

71      Jirriżulta mill-atti illi l-gravità ta’ l-allegazzjonijiet dwar l-iżball li sar mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju għandha tiġi evalwata prinċipalment fid-dawl ta’ l-opinjoni ta’ l-EFSA u tal-grupp xjentifiku tiegħu fuq ir-riskji bijoloġiċi tat-8 ta’ Marzu 2007, li fuqhom ir-Regolament Nru 727/2007, u iktar b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ikkontestati, huwa essenzjalment fondat.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi l-premessa 9 tar-Regolament Nru 727/2007 tirreferi espressament għall-konklużjonijiet ta’ l-opinjoni ċċitata iktar’il fuq, iżda taħbi parti fejn jidher li tikkontesta ż-żewġ premessi tal-Kummissjoni li fuqhom huma bbażati d-dispożizzjonijiet ikkontestati, jiġifieri n-nuqqas ta’ trażmissjoni fil-bniedem tat-TSE, barra mill-BSE, u l-affidabbiltà ta’ l-eżamijiet diskriminatorji.

73      Fl-opinjoni in kwistjoni, l-EFSA u l-grupp tagħha xjentifiku fuq ir-riskji bijoloġiċi indikaw illi “mhemmx evidenza għal rabta epidemjoloġika jew molekulari bejn l-iscarpie klassiku u/jew atipiku u t-TSE fil-bniedem” u li “l-eżamijiet ta’ differenzjazzjoni preżenti bħal dawk deskritti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja u li għandhom ikunu użati sabiex issir distinzjoni bejn l-iscrapie u l-BSE jidhru illum affidabbli sabiex tiddistingwi l-BSE mill-iscrapie klassiku u atipiku” iżda dawn iż-żewġ kunsiderazzjonijiet għandhom magħhom u huma kkompletati minn żewġ osservazzjonijiet, taħt il-forma ta’ restrizzjonijiet, li bihom huma jidhru li jiffurmaw ħaġa waħda li ma tistax tinfired, għandha neċessarjament tiġi evalwata kollha kemm hi sabiex tifhem it-tifsira tar-risposta xjentifika mogħtija mill-esperti għad-domandi tal-Kummissjoni.

74      Fil-fatt, barra dawn il-kunsiderazzjonijiet iċċitati iktar’il fuq, l-EFSA u l-grupp tagħha ta’ esperti spjegaw b’mod ċar illi “mill-fatt tad-diversità tagħhom, mhuwiex possibbli, illum il-ġurnata, li teskludi kull possibbiltà ta’ trażmizzjoni fil-bniedem minn aġenti oħrajn tat-TSE ta’ orġini annimali” u li, fir-rigward ta’ eżamijiet diskriminatorji, “fl-istat preżenti ta’ l-għarfien xjentifiku la l-kapaċità għal djanjosżi tagħhom, lanqas il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom ma jistgħu jitqiesu li huma perfetti”.

75      Għandu jitqies illi l-Kummissjoni mhux biss neħħiet, mingħajr ġustifikazzjoni, parti mill-konklużjonijiet ta’ l-EFSA fir-Regolament Nru 727/2007, iżda wkoll irriproduċiet b’mod ineżatt il-parti tal-konklużjonijiet illi hija żammet. Waqt li l-EFSA u l-grupp tagħha xjentifiku fuq ir-riskji bijoloġiċi indikaw illi l-eżamijiet diskriminatorji “jidhru” illum affidabbli sabiex jiddistingwu l-BSE mill-iscrapie klassiku u atipiku, il-Kummissjoni ssemmi fil-premessa 9 tar-Regolament Nru 727/2007 illi l-imsemmija eżamijiet “huma” affidabbli.

76      Min-naħa l-oħra, waqt li l-opinjoni ta’ l-EFSA tat-8 ta’ Marzu 2007 tikkostitwixxi, mad-daqqa t’għajn, l-unika evalwazzjoni xjentifika konkreta li għandha sservi ta’ bażi għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti ppreżentat fl-atti diversi opinjonijet ta’ l-AFSSA, li waħda minnhom tal-15 ta’ Jannar 2007 tesprimi l-istess restrizzjonijiet u inċertezzi dwar iż-żewġ premessi tal-Kummissjoni li wasslu għall-adozzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet. Mistoqsi mill-Kummissjoni, b’ittra ta’ l-20 ta’ April 2007, fuq l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn l-opinjonijiet kkonċernati, id-direttur ta’ l-EFSA kkonkluda b’mod ċar li hemm qbil fil-fehmiet taż-żewġ organizzazzjonijiet, konklużjoni injorata mill-membri tal-CPCASA li kellhom jiddeċiedu fuq l-abbozz ta’ regolament ta’ emenda fl-24 ta’ April 2007, qabel ukoll l-iskadenza tat-terminu ta’ risposta stabbilit mill-Kummissjoni lid-direttur ta’ l-EFSA.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tidhirx li tista’ tinvoka l-eżistenza ta’ “kunsens” fil-komunità xjentifika fuq in-nuqqas ta’ trażmissjoni fil-bniedem tat-TSE ta’ oriġini annimali, barra mill-BSE.

78      L-istqarrija tagħha li tgħid li l-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jistax jiġi applikat f’din il-kawża, ikkunsidrat in-natura “purament ipotetika” tar-riskju ta’ trażmissjoni ta’ aġenti responsabbli ta’ TSE ta’ oriġini annimali, barra mill-BSE, fil-bniedem, u ta’ l-affidabbiltà ta’ l-eżamijiet diskriminatorji, ma tidhirx, għall-inqas mad-daqqa t’għajn, li hija ġġustifikata.

79      Għandu jiġi mfakkar illi, safejn ma jkunx hemm “nuqqas assolut ta’ riskju”, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jista’ jiġi applikat biss fil-każ ta’ riskju, b’mod partikolari għas-saħħa tal-bniedem, illi, mingħajr ma jkun ibbażat fuq sempliċi ipoteżijiet xjentifiċi mhux verifikati, ma setax ikun pprovat għal kollox. Barra dan, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li dan jikkorrispondi b’ipoteżi għal kuntest ta’ inċertezza xjentifika, ma tistax tiġi mitluba evalwazzjoni tar-riskji li tagħti bil-fors lill-istituzzjonijiet Komunitarji l-provi xjentifiċi konklużivi tar-realtà tar-riskju u tas-serjetà ta’ l-effetti negattivi potenzjali fil-każ li jseħħ dan ir-riskju (sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 38 iktar’il fuq, punti 142 u 146).

80      F’din il-kawża, ma jidhirx li l-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li l-opinjoni ta’ l-EFSA tat-8 ta’ Marzu 2007 tissodisfa l-kriterji ta’ eċċellenza, ta’ trasparenza u ta’ indipendenza mistennija mill-opinjonijiet xjentifiċi (ara, fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni li hija mitluba, is-sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 38 iktar’il fuq, punt 159). L-opinjoni in kwistjoni tinkludi mhux biss ir-risposti mogħtija għaż-żewġ mistoqsijiet mill-Kummissjoni, iżda wkoll spjegazzjoni xjentifika b’referenzi li ssostni l-konklużjonijiet espressi u li tippermetti lill-istituzzjoni li tiddeċiedi jekk għandhiex tieħu miżuri. Bl-istess mod, l-opinjoni ta’ l-AFSSA tal-15 ta’ Jannar 2007 tidher li tissodisfa l-kriterji fuq imsemmija.

81      Issa, fl-opinjoni ta’ l-EFSA tat-8 ta’ Marzu 2007, huwa ppreċiżat b’mod ċar kif ġej:

“Bħala konklużjoni, ma teżisti bħalissa ebda informazzjoni xjentifika li biha tista’ tikkunsidra aġent responsabbli ta’ TSE, barra mill-aġent tal-BSE, bħala żunotiku. Madankollu, inċertezzi xjentifiċi kbar jibqgħu dwar il-kwistjoni jekk l-aġenti responsabbli tat-TSE kollha kemm huma jistgħu jiksru l-barriera għat-trażmissjoni fil-bniedem f’kundizzjonijiet naturali.”

82      Barra minn dan, il-grupp ta’ esperti xjentifiċi fuq ir-riskji bijoloġiċi wkoll fakkar f’opinjoni ta’ l-EFSA ta’ Jannar 2007 hawn ifformulata:

“L-implementazzjoni [ta’ eżamijiet diskriminatorji] fil-kuntest tas-sorveljanza ta’ annimali żgħar li jixtarru kkontribwixxa sabiex ikunu iktar preċiżi l-istimi ta’ prevalenza. Madankollu, quddiem dan ix-xenarju ottimista, il-grupp xjentifiku BIOHAZ għaraf illi l-kapaċità u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-eżamijiet diskriminatorji ma ġewx evalwati b’mod sperimentali, għal raġunijiet loġistiċi, u li għad irid jiġu studjati fatturi ta’ konfużjoni potenzjali, bħalma huma l-infezzjoni fl-istess żmien ta’ l-istess annimal mill-iscrapie u l-BSE.”

83      Għaldaqstant, huwa diffiċli timmaġina illi, meta għamlu l-konklużjoni tagħhom fuq l-affidabbiltà ta’ l-eżamijiet diskriminatorji, il-grupp ta’ esperti xjentifiċi fuq ir-riskji bijoloġiċi ta’ l-EFSA seta’ jinjora l-kunsiderazzjoni mressqa mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha fuq il-fatt illi, min-natura tiegħu, ebda eżami ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala perfett.

84      L-istituzzjoni konvenuta lanqas ma tat evalwazzjoni numerika ta’ l-effikaċja ta’ l-eżami diskriminatorju u waqt is-seduta hija ammettiet li hemm diffkultà li ġejja minn nuqqas ta’ informazzjoni ta’ statistika. L-argumenti tal-Kummissjoni fuq in-newtralizzazzjoni tar-riskju marbut ma’ l-eżistenza ta’ żbalji negattivi possibbli mill-fatt ta’ l-implementazzjoni ta’ eżamijiet addizzjonali fil-każ ta’ riżultat li hu diffiċli li tinterpreta jiġġustifika eżami fil-fond li ma jistax isir fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

85      Għalhekk, jista’ jiġi kkunsidrat, għall-inqas mad-daqqa t’għajn, illi ż-żewġ opinjonijiet xjentifiċi ċċitati iktar’il fuq juru l-fatt illi, minkejja ċertu progress fl-għarfien xjentifiku, jibqgħu inċertezzi xjentifiċi reali dwar, minn naħa, il-possibbiltà illi, fost l-aġenti li huma responsabbli tat-TSE ta’ oriġini annimali, aġenti oħrajn tal-BSE jistgħu jiġu trażmessi fil-bniedem u, min-naħa l-oħra, l-affidabbiltà ta’ l-eżamijiet diskriminatorji.

86      Billi ġie adottat f’din il-kawża l-istess metodu użat fis-sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 38 iktar’il fuq, jidher, fid-dawl ta’ l-atti kollha u d-dibattiti li saru fis-seduta, illi l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid illi l-progress ta’ għarfien xjentifiku fis-suġġett tat-TSE fl-annimali żgħar li jixtarru mhuwiex tali li jbiddel il-perċezzjoni tar-riskju li għandhom dan il-mard għas-saħħa tal-bniedem mhuwiex nieqes minn kull bażi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni minħabba fi żball tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju jiġġustifika eżami komplet illi għandhu jsir biss mill-qorti fil-kawża prinċipali.

–       Fuq l-amministrazzjoni tar-riskju

87      Ir-rikorrenti ssostni illi l-miżuri anqas restrittivi ta’ eradikazzjoni tat-TSE li ġew fis-seħħ permezz tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jippermettux li tirrestrinġi r-riskju li għandu t-TSE għas-saħħa tal-bniedem u jistgħu jaggravawh. Meta għamlet hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ prekawzjoni peress illi wettqet żball fl-amministrazzjoni tar-riskju.

88      Għandu jiġi mfakkar illi l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskju għandha tippermetti lill-awtorità kompetenti, fil-kuntest ta’ l-amministrazzjoni tar-riskju, li tiddetermina liema miżuri jidhrulha xierqa u meħtieġa sabiex jiġi evitat illi r-riskju ma jseħħx (sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 38 iktar’il fuq, punt 163). Għalhekk jidher li r-rilevanza tal-qies tar-riskju huwa determinanti għall-evalwazzjoni ta’ l-amministrazzjoni ta’ dan ir-riskju.

89      Hekk kif ukoll ġie spjegat, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkorrispondu għal tnaqqis tal-miżuri sanitarji applikabbli għal merħliet ta’ ovini u kaprini li fihom każ ta’ TSE ġie skopert permezz ta’ l-ewwel eżami rapidu. Fl-ipoteżi fejn il-BSE seta’ jiġi eskluż permezz ta’ eżamijiet diskriminatorji, il-qtil u l-qerda totali ta’ l-ovini u l-kaprini kollha l-oħra fl-azjenda u, safejn jistgħu jiġi identifikati, il-ġenituri ta’ l-annimal li fih il-marda ġiet kkonfermata kif ukoll l-aħħar wild tal-mara li fiha ġiet ikkonfermata l-marda, tikkostitwixxi biss miżura fakultattiva. Minflok din il-miżura, l-awtorità kompetenti tista’:

–        tgħaddi mill-ewwel għall-qtil, għal għanjiet ta’ konsum mill-bniedem, ta’ l-ovini u l-kaprini kollha l-oħra li hemm fl-azjenda u, safejn ikunu identifikabbli, il-ġenituri ta’ l-annimal li fih il-marda ġiet ikkonfermata kif ukoll l-aħħar wild tal-mara li fiha ġiet ikkonfermata l-marda, waqt li l-annimali li għandhom iktar minn 18-il xahar jew li għandhom iktar minn żewġ sinniet permanenti ta’ quddiem li jkunu ħarġu mill-ħanek għandhom ikunu suġġetti għal eżamijiet rapidi li jiskopru l-preżenza ta’ TSE [punt 2.3(d) tal-Kapitolu A ta’ l-Anness VII];

–        meta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 2.3(b)(iii) tal-Kapitolu A ta’ l-Anness VII jkunu sodisfatti, iżżomm hekk kif inhuma fl-azjenda l-ovini u l-kaprini kollha tagħha bil-projbizzjoni ta’ ħruġ lejn azjenda oħra għal perijodu ta’ sentejn wara l-konferma ta’ l-aħħar każ ta’ TSE, perijodu li fih dawn l-annimali jistgħu madankollu jintbagħtu fil-biċċerija u l-karkassi tagħhom imorru għall-konsum mill-bniedem, waqt li l-annimali li għandhom iktar minn 18-il xahar għandhom ikunu suġġetti minn qabel għal eżamijiet rapidi li jiskopru l-preżenza ta’ TSE (punt 4 tal-Kapitolu A ta’ l-Anness VII).

90      Jidher għalhekk illi d-dispożizzjoni ġdida implementata mill-Kummissjoni tistrieħ kemm qabel u wara fuq li jsiru l-eżamijiet rapidi li jiskopru l-preżenza ta’ TSE.

91      Qabel, dawn l-eżamijiet jidħlu fil-programm ta’ sorveljanza ta’ l-ovini u l-kaprini stabbilita mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 270/2002, ta’ l-14 ta’ Frar 2002, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda materjal speċifikat ta’ riskju u sorveljanza ta’ l-epidemiji għal enċifalopatiji sponġiformi trasmissibbli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1326/2001 f’dak li jirrigwarda l-għalf ta’ l-annimali u t-tqegħid fis-suq ta’ annimali ovini u kaprini u l-prodotti tagħhom (ĠU L 45, p. 4).

92      Għandu jitqies illi dan il-programm ma jikkonċernax biss l-annimali kollha intiżi għall-konsum mill-bniedem, iżda jistrieħ fuq kampjuni. L-eżamijiet rapidi li bihom tista’ tiġi skoperta l-marda jirrigwardaw biss parti żgħira ta’ l-annimali maqtula għall-konsum u jistabbilixxu, fil-każ ta’ reazzjoni pożittiva, l-implementazzjoni ta’ eżamijiet diskriminatorji li bihom, skond il-Kummissjoni, tkun tista’ ssir differenza bejn annimal li għandu l-iscrapie u annimali li għandu l-BSE u li jiddeterminaw l-għażliet li hemm quddiem l-awtortijiet tas-saħħa dwar il-miżuri sanitarji.

93      Huwa paċifiku li l-eżamijiet rapidi li jiskopru l-preżenza ta’ TSE jsiru biss fuq tessuti meħuda mis-sistema nervuża ċentrali ta’ l-annimal ikkonċernat. Ir-rikorrenti tindika, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni, illi huwa xjentifikament stabbilit illi, fil-każ ta’ BSE u ta’ l-iscrapie klassiku fl-annimali żgħar li jixtarru, il-prijon patoġeniku jakkumula biss tard f’ammonti li jistgħu jiġu skoperti fit-tessuti tas-sistema nervuża ċentrali, għalkemm jista’ jkun preżenti meta jkollu età iżgħar f’ċerti tessuti periferiċi li ma jkunux meħuda. Fl-opinjoni ta’ l-AFSSA tal-15 ta’ Jannar 2007, huwa msemmi b’mod ċar illi “riżultat negattiv fl-obex bl-ebda mod ma jiggarantixxi l-kwalità infettiva ta’ annimal żgħir li jixtarr fir-rigward tal-BSE jew ta’ l-iscrapie”, speċjalment meta l-annimal għandu ġenotip suxxettibbli.

94      Ir-rikorrenti ppreżentat in sostenn tat-talba tagħha opinjoni ta’ l-AFSSA tat-13 ta’ Ġunju 2007, li fiha huwa indikat illi, abbażi ta’ informazzjoni miġbura fi Franza li tikkonċerna l-ovini, “huwa stabbilit illi l-eżamijiet fuq l-obex jiskopru biss xi 50 % ta’ l-annimali infettati fil-merħliet milquta, il-50 fil-mija l-oħra jikkorrispondu għal annimali li huma f’inkubazzjoni li jġorru infezzjoni fl-organi tagħhom limfatiċi”. Il-Kummissjoni ma kkontestatx, fl-osservazzjonijiet tagħha, din l-osservazzjoni ta’ l-AFSSA u sempliċiment indikat li ċ-ċifra mogħtija għandha tkun “meħuda b’mod prudenti” u li tikkonċerna biss it-TSE kollha fejn il-BSE biss hija żunosi.

95      Wara, eżamijiet rapidi li jiskopru l-preżenza ta’ TSE għandhom jiddeterminaw it-tqegħid fis-suq ta’ laħam u prodotti li ġejjin minn annimali li huma stess ġejjin minn merħla li fihom każ ta’ TSE ġie skopert u li fihom, skond il-Kummissjoni, il-BSE jista’ jiġi eskluż permezz ta’ eżami diskriminatorju.

96      Fil-fatt, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati illi annimali, inklużi ovini ġenetikament suxxettibbli u kaprini, li jagħmlu parti minn azjenda li fiha każ ikkonfermat ta’ TSE, jistgħu issa jinqatlu għall-konsum mill-bniedem, għalkemm, fil-kuntest tad-dispożittiv preċedenti għar-Regolament Nru 727/2007, huma għandhom jinqatlu u jiġu meqruda.

97      Fost dawn l-annimali, uħud jistgħu jinqatlu għall-konsum mill-bniedem mingħajr ma jkunu suġġetti għal eżami rapidu sabiex tiġi skoperta l-preżenza ta’ TSE, peress li ma jissodisfawx il-kriterji sabiex ikunu suġġetti għal dan l-eżami, u huma, għalhekk, aġenti infettati kif diġà ġie spjegat fil-punti 92 u 93 iktar’il fuq.

98      Fil-fatt, huma biss suġġetti għall-eżami rapidu sabiex tiġi skoperta l-preżenza ta’ TSE, dawk l-annimali li għandhom 18-il xahar jew għandhom iktar minn żewġ sinniet ta’ quddiem, u dan it-tieni kriterju jissemma biss fil-kuntest tal-qtil immedjat previst fil-punt 2.3(d) tal-Kapitolu A ta’ l-Anness VII u kien, skond l-ispjegazzjonijiet li tat il-Kummissjoni waqt is-seduta, tħalla barra fil-każ ta’ qtil li sar matul il-perijodu ta’ sorveljanza ta’ sentejn previst fil-punt 4 tal-Kapitolu A ta’ l-Anness VII.

99      Dawn il-kriterji, ta’ żmien u tas-snien, huma bbażati fuq il-grad ta’ probabbiltà tal-prijon patoġeniku fil-livell tal-moħħ, li dan jakkumula biss tard għal livelli li jistgħu jiġu skoperti fit-tessuti tas-sistema nervuża ċentrali. Safejn l-eżamijiet ikkonċernati jippermettu li l-marda tiġi biss identifikata fi stadju avanzat biss, jidher li jista’ jiġi konkluż, prima facie, illi annimali suġġetti għall-eżamijiet u infettati jistgħu ma jiġux skoperti jekk ma jkollhomx akkumulazzjoni suffiċjenti tal-prijon patoġeniku fis-sistema nervuża ċentrali.

100    Għandu jiġi mfakkar illi l-Kummissjoni ma tikkontestax serjament l-opinjoni ta’ l-AFSSA, tat-13 ta’ Ġunju 2007, li fiha din l-organizzazzjoni tqis illi 50 % ta’ l-ovini infettati mit-TSE mhumiex skoperti mill-eżamijiet li saru waqt il-qtil.

101    Barra dan, jirriżulta mill-qari flimkien tal-punt 2.3(b)(iii) u tal-punt 4 tal-Kapitolu A ta’ l-Anness VII illi ovini u kaprini li hemm f’azjenda fejn ġie skopert każ ta’ TSE jistgħu jinżammu hemmhekk u jinqatlu għal għanjiet ta’ konsum mill-bniedem wara terminu ta’ sentejn mingħajr ma jkunu suġġetti għal eżami li jiskopri l-preżenza tat-TSE.

102    Din il-konstatazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-opinjoni ta’ l-AFSSA tal-15 ta’ Jannar 2007 li tgħid li r-riskju ta’ infezzjoni mit-TSE ta’ annimal li ġej minn merħla milquta mill-iscrapie klassiku huwa ta’ 20 sa 600 darba iktar għoli mir-riskju ta’ infezzjoni mit-TSE ta’ annimal li ġej mill-popolazzjoni ġenerali, dan ir-riskju huwa għola għall-annimali ġenetikament suxxettibbli. Għalkemm il-Kummissjoni ġustament irrilevat, waqt is-seduta, illi l-kumitat ta’ esperti ta’ l-AFSSA kkwalifka hu stess l-evalwazzjoni numerika in kwistjoni bħala għolja, hija ma kkontestatx l-istqarrija ta’ prinċipju fuq l-eżistenza ta’ riskju akbar ta’ infezzjoni fis-sitwazzjoni deskritta iktar’il fuq.

103    Il-Kummissjoni tillimita ruħha li tallega li l-probabbiltà li annimali ma jkunux skoperti waqt perijodu ta’ sentejn huwa estremament żgħir, billi “dan ifisser illi, waqt dawn is-sentejn, ebda wieħed mill-annimali li ser jinqatlu m’għandu jkollu infezzjoni”.

104    Madankollu, huwa paċifiku illi l-annimali kollha maqtula għall-konsum mill-bniedem mhumiex suġġetti għal eżami rapidu li bih tista’ tiġi skoperta l-preżenza tat-TSE.

105    Barra dan, għandu jitqies illi l-Kummissjoni tammetti, fl-osservazzjonijiet tagħha, illi l-iscrapie għandu perijodu ta’ inkubazzjoni varjabbli li t-tul tiegħu jiddependi minn diversi fatturi fosthom il-patrimonju ġenetiku ta’ min jirċiviha u l-varjant ta’ l-aġent li jikkawżaha. Jirriżulta mid-dibattiti li saru waqt is-seduta li t-tul ta’ l-inkubazzjoni jista’ jkun iktar minn sentejn, u li l-Kummissjoni semmiet “medja ta’ sentejn” waqt li r-rikorrenti ħalliet għal erba’ jew ħames snin l-imsemmi tul ta’ żmien.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istqarrija tar-rikorrenti li tgħid li huwa prevedibbli illi, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, annimali jitqiegħdu għall-konsum mill-bniedem għalkemm ikunu infettati mit-TSE li ma jkunx ġie skopert ma tidhirx li hija nieqsa minn kull bażi.

107    Issa, hekk kif ġie spjegat, jista’ jiġi kkunsidrat, għall-inqas mad-daqqa t’għajn, illi l-opinjonijiet ta’ l-AFSSA tal-15 ta’ Jannar 2007 u ta’ l-EFSA tat-8 ta’ Marzu 2007 juru inċertezzi xjentifiċi reali fuq il-kundizzjonijiet li fihom it-TSE, barra mill-BSE, jistgħu jiġu trażmessi lill-bniedem. Fl-istat preżenti ta’ għarfien, ma jistax jiġi eskluż illi l-konsum ta’ laħam u ta’ prodotti li ġejjin minn annimali infettati mit-TSE, barra mill-BSE, ikunu ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem.

108    Barra minn hekk, iż-żewġ opinjonijiet iċċitati iktar’il fuq jidhru li juru inċertezzi xjentifiċi reali dwar l-affidabbiltà ta’ l-eżamijiet diskriminatorji, u li dan jimplika li l-laħam u l-prodotti li ġejjin minn annimali li għandhom varjanti ta’ BSE mhux skoperti jistgħu jitqiegħdu fis-suq, u dan jirrappreżenta periklu reali għas-saħħa tal-bniedem.

109    Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ssostni illi l-ipoteżi li biha l-BSE tista’ tkun preżenti fl-ovini huwa “improbabbli ħafna”.

110    Madankollu, għandu jitqies illi l-premessa 6 tar-Regolament Nru 727/2007 ssemmi “l-iżvelar [tal-BSE f’mogħża] fl-2005 u tliet każijiet mhux tas-soltu tat-TSE fin-ngħaġ fejn il-BSE ma setgħetx tiġi eskluża”. Waqt is-seduta l-Kummissjoni ppreċiżat illi t-tliet każijiet in kwistjoni kienu għadhom qed jiġu analizzati u li ebda konklużjoni definittiva ma hija possibbli f’dan l-istadju.

111    Il-Kummissjoni pproduċiet ukoll opinjoni ta’ l-EFSA, tal-25 ta’ Jannar 2007, illi tikkwantifika r-riskju għal 0,3/0,5 każ ta’ BSE għal 10 000 animal maqtul, li jirrigwardaw biss ovini. Kif enfasizzat ġustament ir-rikorrenti, din l-istima għandha tiġi rrelatata, sabiex titkejjel eżattament il-portata tagħha, għall-poplolazzjoni kollha ta’ l-ovini fil-Komunità, li hija evalwata mir-rikorrenti għal 67 miljun annimal.

112    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li r-riskju għas-saħħa tal-bniedem irrappreżentat mill-preżenza tal-BSE fl-annimali żgħar li jixtarru huwa b’mod ċar irrikonoxxut fil-punt 2.3(a) tal-Kapitolu A ta’ l-Anness VII li jipprevedi, fil-każ ta’ konferma ta’ TSE f’ovin jew kaprin u jekk il-BSE ma tistax tiġi eskluża, il-qtil u l-qerda kompleta, b’mod partikolari, ta’ l-ovini u l-kaprini li hemm fl-azjenda u, safejn ikunu identifikabbli, il-ġenituri ta’ l-annimal li kif ukoll l-aħħar wild tal-mara li fiha ġiet ikkonfermata l-marda.

113    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza illi r-riskju li jitqiegħed għall-konsum laħam li ġej minn annimali infettati minn TSE ma jikkostiwixxix riskju ġdid, peress li diġà huwa preżenti qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 727/2007, u li li dan ittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-amministrazzjoni tar-riskju.

114    Barra li din l-osservazzjoni tikkontradixxi l-istqarrija tal-konvenuta stess li tgħid li l-pożizzjoni ta’ l-awtoritajiet Franċiżi hija li timponi livell ta’ “nuqqas assolut ta’ riskju” fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jidher illi s-sitwazzjoni qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 727/2007 ma tistax tiġi mqabbla, f’termini ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem, għal dak li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

115    Fil-fatt, għandu jitqies illi, fin-nuqqas ta’ kwalità sistematika fil-programm ta’ sorveljanza ta’ ovini u kaprini previst fir-Regolament Nru 270/2002 u l-possibbiltà li tagħti għall-konsum mill-bniedem il-laħam u l-prodotti li ġejjin minn annimali ġenetikament reżistenti, tiżdied it-tqegħid fis-suq ta’ laħam kollu u ta’ prodotti li ġejjin minn annimali minn merħliet milquta minn TSE u li għandhom ġenotip suxxettibbli illi, f’sistema preċedenti għal dik li ġiet stabbilita mir-Regolament Nru 727/2007, kienu jiġu maqtula u meqruda.

116    Bħala konklużjoni, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid illi d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jippermettux illi jiġi llimitat ir-riskju illi t-TSE jirrappreżentaw għas-saħħa tal-bniedem u li huma wkoll jistgħu jaggravaw dan ma jidhrux, għall-inqas mad-daqqa t’għajn, nieqsa minn rilevanza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni minnħabba fi żball tal-Kummissjoni fl-amministrazzjoni tar-riskju jiġġustifika eżami komplet illi għandhu jsir biss mill-qorti fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-urġenza

 L-argumenti tal-partijiet

117    Ir-rikorrenti tindika li titlob is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, minħabba d-dannu serju u irreparabbli għas-saħħa tal-bniedem li tista’ tirriżulta mill-implementazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, hija tqis illi, mis-17 ta’ Lulju 2007, laħam u prodotti li ġejjin mill-qtil ta’ merħliet infettati mit-TSE, mhux skoperti, jistgħu jitpoġġew fis-suq, li jirrappreżenta periklu għas-saħħa tal-bniedem.

118    Hija żżid illi, għalkemm it-twettiq tad-dannu mhuwiex ċert, il-grad ta’ probabbiltà li jiġri d-dannu huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-ħruġ tal-miżura provviżorja mitluba.

119    Il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Franċiżi talbu sospensjoni għall-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet kkontestati minħabba allegat riskju għas-saħħa pubbliku li jirriżulta mill-implementazzjoni tagħhom u, b’mod iktar partikolari, mill-fatt li l-laħam u l-prodotti li ġejjin minn annimali li kienu infettati bit-TSE, barra mill-BSE, jistgħu jitqiegħdu fis-suq għall-konsum.

120    Hija tindika illi, apparti l-fatt illi din is-sitwazzjoni diġà teżisti fil-preżent, għandu jiġi mfakkar illi sal-lum ma teżisti ebda prova tat-trażmissjoni lill-bniedem ta’ l-iscrapie u li l-eżamijiet diskriminatorji mhux biss huma affidabbli, iżda huma parti minn serje ta’ miżuri.

121    Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li r-riskju ta’ dannu serju u irreparabbli mressaq mill-awtoritajiet Franċiżi huwa ta’ natura ipotetika u ma jistax, għalhekk, jiġġustifika l-miżuri mitluba.

 L-evalwazzjoni ta’ l-Imħallef għall-miżuri provviżorji

122    Għandu jiġi mfakkar illi l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi assigurata l-effikaċja tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika assigurata mill-qorti Komunitarja (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 1996, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-399/95 R, Ġabra p. I-2441, punt 46). Sabiex jintlaħaq dan il-għan, in-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata b’konnessjoni mal-bżonn li għandu jkun hemm deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li jkun hemm dannu serju u irreparabbli kkawżat lill-parti li qed titlob din il-miżura provviżorja [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1999, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, C-329/99 P(R), Ġabra p. I-8343, punt 94]

123    Hija l-parti li tallega dannu gravi u irreparabbli li għandha tistabbilixxi li dan jeżisti. Jekk f’dan ir-rigward, mhuwiex mitlub ċertezza assoluta illi ser ikun hemm id-dannu u jekk huwa biżżejjed probabbilità li dan ser jiġri, jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti għandha tressaq il-prova tal-fatti li skondha jiġġustifikaw il-fatt li ser ikun hemm dannu bħal dan (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1993, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93 R, Ġabra p. I-3667, punt 34, u tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni vs NALOO, C-180/01 P-R, Ġabra p. I-5737, punt 53).

124    F’din il-kawża, l-awtoritajiet Franċiżi, responsabbli mill-interess ġenerali marbut mal-ħarsien tas-saħħa pubblika, qed jitolbu s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, minħabba r-riskju għas-saħħa tal-bniedem illi jirriżulta mill-implementazzjoni tagħhom.

125    Hekk kif sostniet ir-rikorrenti, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni, is-sitwazzjoni msemmija iktar’il fuq għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ l-importanza tad-dħul ta’ laħam intrakomunitarju li ġej minn annimali żgħar li jixtarru.

126    F’dan ir-rigward, huwa paċifiku illi, mis-17 ta’ Lulju 2007 u fuq it-territorju Ewropew kollu, jistgħu jinqatlu għall-konsum mill-bniedem ovini, inklużi annimali li għandhom ġenotip suxxettibbli, u kaprini li ġejjin minn merħla li fiha ġie skopert każ ta’ TSE.

127    Fil-każ partikolari li jikkostitwixxi din il-kawża, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-urġenza, il-fatt li l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt ippreżentati mir-rikorrenti in sostenn tal-fumus boni juris ikunu jidhru bħala serji, fid-dawl ta’ l-elementi li għandu l-Imħallef għall-miżuri provviżorji.

128    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat illi, mis-17 ta’ Lulju 2007, huwa possibbli illi l-laħam jew prodotti li ġejjin minn annimali infettati minn TSE jmorru għal konsum mill-bniedem.

129    Għandu jiġi osservat illi żewġ organizzazzjonijiet speċjalizzati u indipendenti reċentement ikkonkludew illi, għalkemm ma teżistix prova ta’ rabta epidemjoloġika jew molekulari bejn l-iscrapie klassiku jew atipiku u TSE fil-bniedem u li l-aġent tal-BSE huwa l-uniku aġent responsabbli tat-TSE identifikat bħala żunotiku, mhuwiex possibbli, mill-fatt tad-diversità tagħhom, li teskludi, illum, kull possibbiltà ta’ trażmissjoni lill-bniedem minn aġenti tat-TSE ta’ orġini annimali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsum ta’ laħam u ta’ prodotti li ġejjin minn annimal infettat mit-TSE, barra mill-BSE, jippreżenta periklu potenzjali għas-saħħa tal-bniedem.

130    L-opinjonijiet mogħtija minn dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet juru inċertezzi xjentifiċi reali fuq l-affidabbiltà ta’ l-eżami diskriminatoru, li għandu jiddistingwi l-BSE mill-iscrapie. Issa, il-konsum ta’ laħam u ta’ prodotti li ġejjin minn annimal infettat mill-BSE jirrappreżenta periklu reali għall-bniedem.

131    Jekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-riskju għas-saħħa pubblika rrappreżentat mill-preżenza fis-suq ta’ laħam u ta’ prodotti li ġejjin minn annimali infettati minn TSE huwa diġà preżenti qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, dan ir-riskju jikber oġġettivament wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawn ta’ l-aħħar, minħabba t-tqegħid fis-suq ta’ diversi tipi ta’ laħam u ta’ prodotti li ġejjin minn annimali ta’ merħliet milquta minn TSE illi, fis-sistema preċedenti għal dik implementata mir-Regolament Nru 727/2007, kienu jiġu maqtula u meqruda.

132    Għandu jitqies illi l-opinjoni ta’ l-AFFSA tat-13 ta’ Ġunju 2007 indikat illi fil-kuntest ta’ stima li tiddetermina biss il-grad tal-kobor, l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati wassal sabiex, fl-2006, jiġu ddestinati għall-konsum mill-bniedem għall-inqas 1000 karkassa Franċiża b’livelli għolja ta’ infezzjoni.

133    F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi konkluż illi l-kundizzjoni ta’ l-urġenza hija, f’din il-kawża, sodisfatta.

 Fuq l-ibbilanċjar ta’ l-interessi

 L-argumenti tal-partijiet

134    Ir-rikorrenti tfakkar illi, għalkemm iż-żamma tar-Regolament preżenti għandha spiża, din mhux sproporzjonata fir-rigward ta’ l-interessi tas-saħħa pubblika, waqt li l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati jista’ joħloq dannu serju u irreparabbli lis-saħħa tal-bniedem.

135    Issa, jirriżulta mill-ġurisprudenza illi l-ibbilanċjar ta’ l-interessi in kwistjoni jista’ jwassal biss sabiex tingħaraf l-importanza tal-ħarsien tas-saħħa tal-popolazzjoni quddiem riskju ta’ mewt, li bl-ebda mod ma jista’ jiġi eskluż mill-istat ta’ għarfien xjentifiku, meta mqabbel ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-180/96 R, Ġabra p. I-3903, punti 90 sa 93).

136    Ir-rikorrenti żżid illi l-annullament eventwali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mill-qorti fil-kawża prinċipali ma jippermettix li tinqaleb is-sitwazzjoni li ġiet ipprovokata mill-applikazzjoni immedjata tagħha.

137    Għalhekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-ibbilanċjar ta’ l-interessi jiġġustifika s-sospensjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

138    Il-Kummissjoni tikkontesta l-istqarrijiet tar-rikorrenti dwar it-tqegħid għall-konsum mill-bniedem ta’ laħam u ta’ prodotti potenzjalment perikolużi u ssostni li ż-żamma tal-qtil u l-qerda tal-merħliet kollha b’esklużjoni ta’ annimali reżistenti ma jistax jiġi ġustifikat iktar fid-dawl tal-progress xjentifiku u jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

139    Hija tqis illi d-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolament Nru 999/2001 iwasslu għal libertà akbar għall-azjendi agrikoli, mingħajr ma jiġu kkontestati l-livelli preżenti ta’ sigurtà għas-saħħa tal-konsumatur u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ibbilanċjar ta’ interessi jxaqleb manifestament għall-applikazzjoni tal-miżuri kkontestati.

 L-evalwazzjoni ta’ l-Imħallef għall-miżuri provviżorji

140    Meta, fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji, l-Imħallef għall-miżuri provviżorji jqis l-interessi differenti in kwistjoni, huwa hu li jiddetermina jekk l-annullament ta’ l-att ikkontestat mill-qorti fil-kawża prinċipali jippermettix li tinqaleb is-sitwazzjoni kkawżata mill-eżekuzzjoni tagħha immedjata u, bil-kontra, jekk is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmi att ikunx tali li jfixkel l-effett tiegħu sħiħ fil-każ fejn ir-rikors fil-kawża prinċipali jiġi miċħud (digrieti f’Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, punt 59 iktar’il fuq, punt 50, u Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar’il fuq, punt 89).

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi, fil-prinċipju, il-kundizzjonijiet mitluba li huma marbuta mal-ħarsien tas-saħħa pubblika għandhom ikunu prevalenti għall-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 1999, Alpharma vs Il-Kunsill, T-70/99 R, Ġabra p. II-2027, punt 152, u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta illi, sakemm jiġi invokat riskju serju għas-saħħa pubblika, l-Imħallef għall-miżuri provviżorji, minkejja li għandu l-awtorità formali dwar kif qiegħed l-ibbilanċjar ta’ l-interessi, b’mod inevitabbli jkollu jxaqleb favur il-ħarsien ta’ dan ta’ l-aħħar (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ April 2003, Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, T-392/02 R, Ġabra p. II-1825, punt 122).

142    Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma tressaqx kunsiderazzjonijiet ekonomiċi li jmorri kontra t-talba ta’ sospensjoni ppreżentata mir-rikorrenti, iżda tallega, mill-ġdid, illi hija wriet li l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistax ikollhom l-effett tat-tqegħid għall-konsum mill-bniedem ta’ laħam u prodotti potenzjalment perikolużi u li jibqa’ l-fatt li l-qtil u l-qerda tal-merħla jkun, fl-istat preżenti ta’ għarfien xjentifiku, sproprozjonat.

143    Madankollu, għandu jiġi mfakkar illi l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt ippreżentati mir-rikorrenti in sostenn tal-fumus boni juris jidhru, fid-dawl ta’ l-elementi li għandu l-Imħallef għall-miżuri provviżorji, b’saħħithom u li kien diġà ġie konkluż iktar’il fuq illi hemm riskju serju ta’ dannu gravi u irreparabbli għas-saħħa tal-bniedem.

144    Hekk kif ġustament osservat ir-rikorrenti, is-sospensjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mhijiex tali li tfixkel l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jekk ir-rikors fil-kawża prinċipali jkun miċħud, peress illi hija tfisser biss sempliċi dewmien fiż-żmien ta’ l-effetti tagħhom. Bil-kontra, l-applikazzjoni effettiva u immedjata tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għandha bħala konsegwenza li jitqiegħdu għall-konsum mill-bniedem, laħam u prodotti potenzjalment perikolużi u għalhekk hemm kontaminazzjoni possibbli ta’ konsumaturi, din hija sitwazzjoni li l-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mill-qorti fil-kawża prinċipali ma tistax issib rimedju għaliha.

145    F’dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjoni dwar il-libertà akbar offerta lill-azjendi agrikoli, il-Kummissjoni ippreċiżat matul is-seduta, illi dawn ta’ l-aħħar ikollhom diffikultajiet kbar sabiex jerġa’ jkollhom il-merħla tagħhom b’annimali reżistenti u li t-tnaqqis tal-miżuri sanitarji li hemm fid-dispożizzjonijiet ikkontestati, fil-prattika, jippermetti li jassigura ħarsien aħjar minn dawk li jrabbu ta’ l-obbligu li jirrapportaw każijiet ta’ mard u hekk jipprevjenu b’mod effikaċi ir-“riskju ta’ elużjoni”.

146    Mandakollu, għandu jitqies li l-Kummisjoni stess tenfasizza l-possibbiltà li jinżammu annimali fuq l-azjenda fil-każ fejn TSE jiġi skopert, fejn ikun hemm ukoll sorveljanza intensiva ta’ l-imsemmija azjenda waqt dawn is-sentejn, sitwazzjoni ċertament restrittiva għall-azjenda agrikola u li mhijiex, a priori, tali li tipprevjeni b’mod effikaċi ir-“riskju ta’ elużjoni”.

147    Il-vantaġġ purament ipotetiku hawnhekk imressaq mill-Kummissjoni ma jistax jipprevali fuq il-ħsara serja, f’termini tas-saħħa pubblika tal-popolazzjoni, illi tista’ tiġi kkawżata mill-applikazzjoni effettiva immedjata tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u li għaliha ma tistax tinsab rimedju fil-każ li jintlaqa’ r-rikors fil-kawża prinċipali.

148    L-ibbilanċjar ta’ l-interessi ma jistax, għalhekk, ixaqleb favur iċ-ċaħda tal-miżura ta’ sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni hekk kif titlob il-Kummissjoni.

149    Bħala konklużjoni, peress li jeżistu l-kundizzjonijiet sabiex tingħata s-sospensjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, għandha tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti.

150    Il-Kummissjoni tqis illi waħda mill-miżuri kkontestati mill-awtoritajiet Franċiżi, jiġifieri l-limitazzjoni tas-sorveljanza intensiva għal sentejn, effettivament tapplika biss għal sentejn u li għaldaqstant mhemm l-ebda raġuni sabiex ikun hemm is-sospensjoni tagħha.

151    Madankollu, għandu jitqies illi l-miżura li żżomm hekk kif inhuma fl-azjenda l-annimali fejn każ ta’ TSE ikun ġie skopert, bil-projbizzjoni ta’ ħruġ lejn azjenda oħra għal perijodu ta’ sentejn wara l-konferma ta’ l-aħħar każ ta’ TSE, kif previst mill-punt 2.3(b)(iii), u l-punt 4 tal-Kapitolu A ta’ l-Anness VII, huwa applikabbli b’mod sħiħ mis-17 ta’ Lulju 2007. Fid-dawl tal-fatt li l-annimali in kwistjoni jistgħu, matul dan il-perijodu ta’ sentejn, jintbagħtu l-biċċerija u l-karkassi tagħhom imorru għall-konsum mill-bniedem u ta’ l-inċertezza dwar it-tul tal-proċedura tal-kawża prinċipali, hemm lok li tiġi sospiża, sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-punt 3) ta’ l-Anness tar-Regolament Nru 727/2007, safejn daħħlet, fil-Kapitolu A ta’ l-Anness VII, mhux biss il-punt 2.3(d), iżda wkoll il-punt 2.3(b)(iii) u l-punt 4.

Għal dawn il-motivi,

L-IMĦALLEF GĦALL-MIŻURI PROVVIŻORJI

jordna

1)      L-applikazzjoni tal-punt 3 ta’ l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 727/2007, tas-26 ta’ Ġunju 2007, li jemenda l-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001, li jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu, hija sospiża sa l-għoti tas-sentenza fil-kawża prinċipali, safejn dan jintroduċi, fil-Kapitolu A ta’ l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, tat-22 ta’ Mejju 2001, il-punt 2.3(b)(iii), il-punt 2.3(d) u l-punt 4.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Il-Lussemburgu, 28 ta’ Settembru 2007.

Reġistratur

 

      Imħallef

E. Coulon

 

      M. Vilaras


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.