Language of document : ECLI:EU:T:2022:15

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’ Awla Estiża)

19 ta’ Jannar 2022 (*)(i)

“Rikors għal annullament u għad-danni – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Slovakk tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet broadband – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal‑Ftehim ŻEE – Sentenza li tannulla parzjalment id-deċiżjoni u li tnaqqas l‑ammont tal-multa imposta – Rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji – Artikolu 266 TFUE – Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 1268/2012 – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Ċaħda tat-tgawdija tal-ammont tal-multa mħallas indebitament – Lucrum cessans – Interessi moratorji – Rata – Dannu”

Fil-Kawża T‑610/19,

Deutsche Telekom AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn P. Linsmeier, U. Soltész, C. Von Köckritz u P. Lohs, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi u L. Wildpanner, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2019 li tirrifjuta li tħallas interessi moratorji lir-rikorrenti fuq l-ammont prinċipali tal-parti mill-multa rrimborsata wara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-kumpens għal lucrum cessans minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija ta’ dan l-ammont prinċipali jew, sussidjarjament, għad-dannu li jirriżulta mir-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji fuq dan l-ammont,

IL-QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’ Awla Estiża),

komposta minn R. da Silva Passos (Relatur), President, V. Valančius, I. Reine, L. Truchot u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑30 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Ilfatti li wasslu għallkawża

1        Fil‑15 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat id‑Deċiżjoni C(2014) 7465 finali li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (Il-Każ AT.39523 — Slovak Telekom), irrettifikata bid-Deċiżjoni tagħha C(2014) 10119 final, tas‑16 ta’ Diċembru 2014, kif ukoll bid-Deċiżjoni tagħha C(2015) 2484 final, tas‑17 ta’ April 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2014”). L-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni tal‑2014 jaqraw kif ġej:

“Artikolu 1

1.      L-impriża komposta minn Deutsche Telekom AG u minn Slovak Telekom a.s. wettqet ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 tat-Trattat u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

2.      Il-ksur dam mit‑12 ta’ Awwissu 2005 sal‑31 ta’ Diċembru 2010 u kkonsista fil-prattiki segwenti:

(a)      ħabi mill-operaturi alternattivi ta’ informazzjoni dwar in-network neċessarja għall-aċċess diżaggregat għaċ-ċirkwiti lokali;

(b)      tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi tagħha fir-rigward tal-aċċess diżaggregat għaċ-ċirkwiti lokali;

(c)      stabbiliment ta’ modalitajiet u kundizzjonijiet inġusti fl-offerta ta’ riferiment tagħha fil-qasam tal-aċċess diżaggregat fir-rigward tal-kollokazzjoni, tal-klassifikazzjoni, tal-previżjonijiet, tat-tiswija u tal-garanziji bankarji;

(d)      applikazzjoni ta’ tariffi inġusti li ma jippermettux lil operatur daqstant effikaċi abbażi tal-aċċess bl-ingrossa għaċ-ċirkwiti lokali b’aċċess diżaggregat ta’ Slovak Telekom a.s. li jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti minn Slovak Telekom a.s. mingħajr ma jsofri telf.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, il-multi segwenti huma imposti:

(a)      multa ta’ EUR 38 838 000 lil Deutsche Telekom AG u Slovak Telekom a.s., in solidum;

(b)      multa ta’ EUR 31 070 000 lil Deutsche Telekom AG.

Il-multi għandhom jitħallsu f’euro f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni fil-kont bankarju segwenti f’isem il-Kummissjoni Ewropea:

[…]

Wara l-iskadenza tat-terminu ċċitat iktar ’il fuq, il-multi għandhom awtomatikament jipproduċu interessi bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid fl-ewwel jum tax-xahar li fih din id-deċiżjoni ġiet adottata, b’żieda ta’ 3.5 punti perċentwali.

Jekk impriża msemmija fl-Artikolu 1 tippreżenta rikors, hija għandha tkopri l-multa fit-terminu mogħti jew billi tipprovdi garanzija bankarja aċċettabbli, jew billi tħallas il-multa b’mod provviżorju skont l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 [tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1)]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2        Fl‑24 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti, Deutsche Telekom AG, ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal‑2014. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru T‑827/14.

3        Fis‑16 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti ħallset il-multa ta’ EUR 31 070 000 li hija kienet l-unika debitriċi tagħha.

4        Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-deċiżjoni tal‑2014, il-Kummissjoni kienet naqset milli turi li l-prattika tariffarja ta’ Slovak Telekom a.s., imsemmija fl-Artikolu 1(2)(d) tal-imsemmija deċiżjoni, kien kellha effetti ta’ esklużjoni qabel l‑1 ta’ Jannar 2006. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti ma kienx ta’ natura li jirrifletti l-aġir individwali tagħha fit-twettiq tal-ksur inkwistjoni u li l-imsemmi dħul mill-bejgħ ma setax għalhekk iservi bħala bażi għall-kalkolu ta’ multa addizzjonali imposta biss fuqha bħala dissważjoni.

5        Għalhekk, l-ewwel, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(2)(d) tad-deċiżjoni tal‑2014, sa fejn din id-dispożizzjoni kienet tikkonstata li, matul il-perijodu bejn it‑12 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti kienet applikat tariffi inġusti li ma jippermettux lil operatur daqstant effikaċi abbażi tal-aċċess bl-ingrossa għaċ-ċirkwiti lokali b’aċċess diżaggregat ta’ Slovak Telekom li jirriproduċi s-servizzi bl-imnut offruti minn din tal-aħħar mingħajr ma jsofri telf.

6        It-tieni, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal‑2014 inkwantu dan kien jiffissa l-ammont tal-multa li Slovak Telekom u r-rikorrenti kellhom iħallsu in solidum għal EUR 38 838 000 u inkwantu dan kien jiffissa l-ammont tal-multa li kellu jitħallas mir-rikorrenti biss għal EUR 31 070 000.

7        It-tielet, minn naħa, il-Qorti Ġenerali naqqset l-ammont tal-multa li għall-ħlas tiegħu kienu miżmuma responsabbli in solidum Slovak Telekom u r-rikorrenti b’EUR 776 037 u ffissat dan l-ammont għal EUR 38 061 963. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali naqqset l-ammont tal-multa li għall-ħlas tagħha kienet marbuta biss ir-rikorrenti b’EUR 12 039 019 u ffissat dan l-ammont għal EUR 19 030 981.

8        Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors u qasmet l-ispejjeż.

9        Wara skambju ta’ ittri li beda fit‑13 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni, fid‑19 ta’ Frar 2019, irrimborsat ammont ta’ EUR 12 039 019 lir-rikorrenti.

10      Fit‑12 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tħallasha interessi moratorji għall-perijodu bejn, minn naħa, is‑16 ta’ Jannar 2015, data li fiha hija kienet ħallset l-ammont tal-multa li hija kienet l-unika debitriċi tagħha (ara l-punt 3 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, id‑19 ta’ Frar 2019, data li fiha l-Kummissjoni kienet irrimborsatilha l-parti mill-multa meqjusa bħala indebita fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930) (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). L-interessi moratorji li r-rikorrenti talbet il-ħlas tagħhom kienu jammontaw għal EUR 1 750 522.83 u kienu jikkorrispondu għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ 3.55 % għall-ammont ta’ EUR 12 039 019 li kien ġie rrimborsat lilha mill-Kummissjoni. Ir-rata ta’ 3.55 % kienet tirrappreżenta r-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid f’Jannar 2015, jiġifieri 0.05 %, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs.

11      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Ġunju 2019, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni rrifjutat li tħallas interessi moratorji lir-rikorrenti.

12      L-ewwel, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, iddikjarat li hija kienet, fid‑19 ta’ Frar 2019, irrimborsat l-ammont nominali tal-multa żejda, jiġifieri d-differenza bejn l-ammont tal-multa inizjalment imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni tal‑2014 u l-ammont tal-multa effettivament dovuta wara t-tnaqqis imwettaq mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930). Il-Kummissjoni ppreċiżat li l-ammont nominali tal-multa żejda ma kienx akkumpanjat minn interessi minħabba li r-rendimenti miksuba minn dan l-ammont kienu negattivi.

13      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għall-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega tagħha (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1).

14      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat li, meta l-multi kienu mħallsa b’mod provviżorju sakemm jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji, hija kellha tiżgura ż-żamma tal-ammonti mħallsa b’mod provviżorju “billi tara li dawn jiġu investiti f’assi finanzjarji sabiex b’hekk jiġu żgurati s-sigurtà u l-likwidità tal-fondi, filwaqt li timmira wkoll li tikseb redditu pożittiv mill-investiment”. Dawn l-ispjegazzjonijiet jikkorrispondu, essenzjalment, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012.

15      Il-Kummissjoni fakkret ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, jiġifieri li, meta “l-multi […] jkunu tħassru jew tnaqqsu, […] l-ammonti indebitament miġbura flimkien mal-imgħax iġġenerat jitħallsu lura [u, jekk] ir-redditu globali ġġenerat għall-perjodu rilevanti kien wieħed negattiv, il-valur nominali tal-ammonti indebitament miġbura jitħallas lura”.

16      It-tieni, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat l-argument tar-rikorrenti li din tal-aħħar kellha d-dritt, konformement mas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2019, Printeos vs Il‑Kummissjoni (T‑201/17, EU:T:2019:81), li tirċievi interessi moratorji skont ir-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs. Bi tweġiba għal dan l-argument, hija spjegat li dik is-sentenza ma kinitx tikkostitwixxi l-bażi legali tal-ħlas tal-interessi moratorji li r-rikorrenti talbet il-ħlas tagħhom. Barra minn hekk, hija sostniet li l-imsemmija sentenza ma kinitx ħassret l-obbligi li hija kellha b’applikazzjoni tal-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Fl-aħħar, hija indikat li kienet ppreżentat rikors kontra dik is-sentenza, li għalhekk ma kinitx definittiva.

17      Abbażi ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tissodisfa t-talba mressqa mir-rikorrenti intiża sabiex hija tħallasha interessi moratorji fuq il-parti mill-ammont tal-multa li kienet tqieset bħala indebita mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930).

 Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

19      Fit‑2 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni talbet is-sospensjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 69(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sakemm tingħata d-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39). Fl‑10 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti opponiet għal din it-talba. Fit‑22 ta’ Ottubru 2019, il-President tad‑Disa’ Awla ddeċieda li ma jissospendix il-proċedura.

20      Il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet fit‑8 ta’ Mejju 2020.

21      Fil‑25 ta’ Frar 2021, il-partijiet ġew mistiedna, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet li huma kienu jisiltu, fil-kuntest ta’ din il-kawża, mis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39). Il-partijiet wieġbu għal din l-istedina fit-terminu mogħti.

22      Fuq proposta tas-Seba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

23      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu għal diversi mistoqsijiet bil-miktub. Il-Kummissjoni ġiet mistiedna wkoll tipproduċi dokument. Il-partijiet laqgħu dawn it-talbiet fit-terminu mogħti.

24      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tat‑30 ta’ Ġunju 2021.

25      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, sabiex tikkumpensaha finanzjarjament fl-ammont ta’ EUR 2 580 374.07 għad-dannu li hija ġarrbet minħabba li, matul il-perijodu bejn is‑16 ta’ Jannar 2015 u d‑19 ta’ Frar 2019, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tuża l-ammont li hija kienet ħallset indebitament, b’tali mod li hija ma setgħetx tikseb ir-rendiment li dan l-ammont kien normalment jippermettilha tikseb jew tnaqqas l-ispiża tal-kapital tagħha bħala konsegwenza;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tilqax it-tieni kap ta’ talbiet, tikkumpensaha fl-ammont ta’ EUR 1 750 522,83 għad-dannu li hija ġarrbet minħabba l-fatt li l-Kummissjoni, fir-rigward tal-perijodu bejn is‑16 ta’ Jannar 2015 u d‑19 ta’ Frar 2019, irrifjutat li tħallasha interessi moratorji fuq l-ammont ta’ EUR 12 039 019, u dan abbażi tar-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs;

–        iktar sussidjarjament, tikkumpensaha f’ammont ieħor li l-Qorti Ġenerali tqis bħala xieraq, ikkalkolat abbażi ta’ rata ta’ interessi moratorji li din tal-aħħar tqis bħala xierqa;

–        tikkonstata li l-ammont li għandu jitħallas mill-Kummissjoni skont it-tieni, it-tielet jew ir-raba’ kap ta’ talbiet għandu jinkludi interessi matul il-perijodu bejn id-data tal-għoti tas-sentenza mogħtija f’din il-kawża u d-data tal-ħlas sħiħ mill-Kummissjoni abbażi tar-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs jew, sussidjarjament, abbażi ta’ rata oħra ta’ interessi moratorji li l-Qorti Ġenerali tqis bħala xierqa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Unjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

27      Permezz tal-ewwel kap ta’ talbiet, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tat-tieni sar-raba’ kap ta’ talbiet, hija titlob, prinċipalment, il-kumpens għal lucrum cessans minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija tal-ammont prinċipali tal-parti mill-multa mħallsa indebitament u, sussidjarjament, il-kumpens għad-dannu li hija ġarrbet minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji fuq dan l-ammont. Permezz tal-ħames kap ta’ talbiet tagħha, hija titlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas interessi moratorji, mill-għoti tas-sentenza li għandha tingħata u sal-ħlas sħiħ, fuq l-ammont li għandu jitħallas minnha b’mod konformi mat-tieni, mat-tielet jew mar-raba’ kap ta’ talbiet.

28      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina, l-ewwel, it-talbiet għad-danni kif ukoll it-talba għall-kundanna għall-ħlas ta’ interessi moratorji b’effett mill-għoti ta’ din is-sentenza. It-tieni, ikun hemm lok li tiġi ttrattata t-talba għal annullament.

 Fuq ittalbiet għaddanni

29      Permezz tat-tieni kap ta’ talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob, prinċipalment, il-kumpens għal lucrum cessans minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija tal-ammont tal-multa li hija ħallset indebitament matul il-perijodu bejn il‑15 ta’ Jannar 2015 u d‑19 ta’ Frar 2019. Permezz tat-tielet kap ta’ talbiet tagħha, hija titlob, sussidjarjament, il-kumpens għad-dannu li hija ġarrbet matul l-istess perijodu minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni, bi ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li tħallasha interessi moratorji abbażi tar-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tagħha ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs. Permezz tar-raba’ kap ta’ talbiet tagħha, hija titlob, iktar sussidjarjament, il-kumpens għad-dannu li hija ġarrbet minħabba interessi moratorji mhux imħallsa abbażi ta’ rata ta’ interessi moratorji li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa. Permezz tal-ħames kap ta’ talbiet tagħha, hija titlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas interessi moratorji mid-data tal-għoti tas-sentenza li għandha tingħata.

30      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jipprevedi li, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tikkumpensa d-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni speċifiku (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati t-talbiet imressqa mir-rikorrenti.

 Fuq ittalba għaddanni mressqa b’mod prinċipali u intiża għallkumpens għal lucrum cessans minħabba ċċaħda tattgawdija talammont talmulta mħallas indebitament

34      Prinċipalment, ir-rikorrenti titlob il-kumpens għal lucrum cessans li jammonta għal EUR 2 580 374.07 u li jikkorrispondi, essenzjalment, għar-rendiment annwali tal-kapital investit tagħha (iktar ’il quddiem ir-“ROCE”) jew għall-ispiża medja ponderata tal-kapital tagħha (iktar ’il quddiem il-“WACC”) matul il-perijodu bejn l‑2015 u l‑2018. Ir-rikorrenti ssostni li dan id-dannu ġie kkawżat lilha minħabba ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal‑kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

35      B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti tinvoka lucrum cessans minħabba li, li kieku hija setgħet tkompli tiġġestixxi s-somma li hija kienet ġiet imċaħħda minnha illegalment, hija setgħet tikseb qligħ. Hija tispjega li, bis-somma li tikkorrispondi għall-ammont tal-multa mħallas indebitament, hija setgħet twettaq attivitajiet ekonomiċi u tiffinanzja investimenti. F’dan il-każ, hija kienet tikseb inqas kapital estern (u, minħabba f’hekk, kienet tiffranka spejjeż tal-kapital) jew setgħet, bl-ammont tal-multa mħallas indebitament, tiffinanzja investimenti addizzjonali u tikseb rendiment ikbar.

36      F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti tispeċifika r-ROCE tagħha bejn l‑2015 u l‑2018. Hija tispjega li l-applikazzjoni ta’ dan ir-rendiment għas-somma ta’ EUR 12 039 019, jiġifieri l-ammont tal-multa mħallas indebitament, tippermetti li d-dannu tagħha jiġi stmat għal EUR 2 580 37407. Hija tippreċiża li, bejn l‑2015 u l‑2018, hija kkonkretizzat diversi possibbiltajiet ta’ investiment bħall-iżvilupp ta’ networks tal-fibra ottika, il-kostruzzjoni ta’ antenni ġodda tan-network tat-telefonija mobbli jew it-tkabbir tal-provvista ta’ servizzi ta’ ħażna fil-kuntest tal-cloud computing. Minn dan hija tiddeduċi li, kieku kellha l-ammont imħallas indebitament lill-Kummissjoni, hija setgħet tużah ukoll għall-imsemmija attivitajiet ta’ investiment.

37      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tispjega li stampa simili ħafna tidher jekk hija tibbaża l-kalkolu tad-dannu tagħha fuq il-WACC tagħha wara t-taxxa matul l-istess perijodu. Hija tippreċiża li, fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, il-WACC tikkostitwixxi valur ta’ riferiment irrikonoxxut sabiex issir stima ekonomika ta’ miżuri ta’ investiment u hija deċiżiva għall-għanijiet ta’ rendiment ta’ impriża. F’dan ir-rigward hija tirreferi għall-punt 2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kalkolu tal-kost tal-kapital għall-infrastruttura antika fil-kuntest tar-rieżami tal-Kummissjoni tan-notifiki nazzjonali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika tal-UE (ĠU 2019, C 375, p. 1). Fil-fehma tagħha, il-fatt li l-valuri tal-WACC jikkostitwixxu, fir-rigward tagħha, data individwali eżatta jirriżulta mill-valuri li huma ddeterminati kull sena mill-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali tan-Networks, il-Ġermanja) u li huma ogħla mill-WACC medja li fuqha hija tibbaża d-dritt għal kumpens tagħha. Hija tipproduċi wkoll stima, magħmula minn ditta ta’ konsulenza, tal-WACC regolamentari fl-Istati Membri.

38      Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dannu li għalih jintalab kumpens fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni għandu jkun reali u ċert, fatt li għandu jiġi pprovat mir-rikorrent (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il‑Kummissjoni, C‑243/05 P, EU:C:2006:708, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa dan tal-aħħar li għandu jipproduċi provi konklużivi kemm dwar l-eżistenza kif ukoll dwar il-portata tad-dannu invokat minnu. (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑362/95 P, EU:C:1997:401, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma turix li hija kienet neċessarjament tinvesti s-somma li hija ġiet imċaħħda minnha fl-attivitajiet tagħha. Fil-fatt, is-somma li tqieset bħala indebita mill-Qorti Ġenerali u li kienet preċedentement tħallset żejda mir-rikorrenti setgħet tintuża għal diversi skopijiet oħra.

41      It-tieni, ir-rikorrenti ma turix li ċ-ċaħda tat-tgawdija tal-ammont tal-multa mħallas indebitament lill-Kummissjoni wassalha tirrinunzja għal proġetti speċifiċi li setgħu jirrendulha ammont ekwivalenti għar-ROCE jew għall-WACC.

42      Fir-rigward tar-ROCE, invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li dan jikkorrispondi għal profittabbiltà medja tal-investimenti kollha tagħha permezz tal-kapital kollu (fondi proprji u djun għal żmien twil) li hija użat.

43      Ċertament, fir-replika, ir-rikorrenti ssemmi, fir-rigward tar-ROCE, diversi investimenti, jiġifieri investimenti ta’ madwar EUR 1.7 biljun għall-akkwist ta’ liċenzji ġodda tat-telefonija mobbli, investimenti ta’ madwar EUR 108.1 miljun għal spejjeż ta’ riċerka u ta’ żvilupp u investimenti ta’ madwar EUR 101.3 miljun f’assi fissi intanġibbli li għandhom jiġu attivati, li hija stess ikkostitwixxiet.

44      Madankollu, ir-rikorrenti tillimita ruħha, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, li ssostni li, bis-somma li ġiet imċaħħda minnha, hija setgħet tiffinanzja investimenti addizzjonali. Għaldaqstant, hija ma tidentifikax konkretament proġett speċifiku li fih hija setgħet tinvesti u li hija rrinunzjat għalih. Għall-kuntrarju, hija ssostni li, bejn l‑2015 u l‑2018, hija kkonkretizzat diversi possibbiltajiet ta’ investiment. Barra minn hekk, hija ma tipprovdix ir-rendiment ta’ kull wieħed mill-proġetti li hija tiċċita.

45      Fir-rigward tal-WACC, din hija ddefinita bħala l-medja ponderata tal-ispiża tas-sorsi kollha ta’ finanzjament tal-impriża. B’mod iktar preċiż, din tikkostitwixxi l-medja ponderata tal-ispiża tal-kapital proprju (rata mingħajr riskju assoċjata ma’ primjum ta’ riskju tas-suq adattat għall-karatteristiċi tal-impriża permezz ta’ koeffiċjent beta) u tal-ispiża tad-dejn. L-ispiża tal-kapital proprju u l-ispiża tad-dejn huma spejjeż previsti u mhux spejjeż storiċi. Fil-fatt, il-WACC tikkorrispondi għal aspettattiva tal-investituri ex ante bħala korrispettiv għal teħid ta’ riskju.

46      Issa, insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka WACC annwali, jiġifieri rata medja għall-proġetti kollha tagħha u mhux ir-rata applikabbli għal proġett partikolari. Bħal fil-każ tat-talba tagħha bbażata fuq ir-ROCE, hija ma identifikatx proġett speċifiku li għalih hija kienet talloka s-somma li ġiet imċaħħda minnha u lanqas ma tidentifika r-rata ta’ rendiment li kienet tikseb kieku l-proġett speċifiku inkwistjoni kien effettivament twettaq, fatt li ġie kkonfermat ukoll waqt is-seduta bi

47      It-tielet, ir-rikorrenti ma turix li hija ma kellhiex il-fondi neċessarji sabiex tilqa’ opportunità ta’ investiment relatata ma’ investiment speċifiku jew, b’mod iktar ġenerali, li hija ma kellhiex sors alternattiv ta’ finanzjament. F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fir-replika, ir-rikorrenti tispjega li l-livell ta’ dejn tagħha huwa għoli u li hija taħdem fil-limitu tal-possibbiltajiet finanzjarji tagħha. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li s-somma li ġiet imċaħħda minnha hija żgħira meta mqabbla mal-karta tal-bilanċ tagħha, mal-fondi proprji tagħha u mad-djun tagħha li jammontaw għal diversi għexieren ta’ biljun euro. Hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, il-provi prodotti mir-rikorrenti fir-replika juru li din tal-aħħar kellha kapital proprju ta’ EUR 45.6 biljun għat-tielet trimestru tal‑2019. Barra minn hekk, mill-provi prodotti mir-rikorrenti jirriżulta li din tal-aħħar kellha wkoll likwidità u ekwivalenti ta’ likwidità kunsiderevoli għall-perijodu 2015–2019, li jammontaw bħala medja għal EUR 5.4 biljun. Issa, l-ammont tal-multa mħallas indebitament jikkorrispondi għal madwar 0.22 % ta’ dawn il-likwidità u ekwivalenti ta’ likwidità medji.

48      B’hekk, ir-rikorrenti ma wrietx li hija kienet ġiet prekluża milli tagħmel investiment li kien jipproduċi rendiment li jikkorrispondi għar-ROCE jew għall-WACC li hija tinvoka.

49      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li, fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, il-WACC tikkostitwixxi valur ta’ riferiment irrikonoxxut sabiex issir stima ekonomika ta’ miżuri ta’ investiment u hija deċiżiva għall-għanijiet ta’ rendiment ta’ impriża.

50      Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni tispjega, fil-punt 2 tal-Avviż [tagħha] dwar il-kalkolu tal-kost tal-kapital għall-infrastruttura antika fil-kuntest tar-rieżami [tagħha] tan-notifiki nazzjonali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika tal-UE, li l-ispiża tal-kapital hija l-ispiża tal-opportunità li jsir “investiment speċifiku” minflok ma jsir investiment differenti b’riskju ugwali. Hija żżid li l-ispiża tal-kapital hija għalhekk ir-rata ta’ rendiment meħtieġa minn impriża sabiex tagħmel “investiment partikolari”. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni awtomatika tal-WACC tar-rikorrenti għal kull ċaħda ta’ somma flus li hija kienet vittma tagħha twassal sabiex jitqies li huwa ċert li hija ġiet imċaħħda mill-opportunità li tinvesti fi proġett partikolari li kien jipproduċi rendiment ekwivalenti għal dan il-WACC. Issa, tali approċċ ma jkunx kompatibbli mal-fatt li l-WACC tinkludi primjum ta’ riskju. Dan lanqas ma jkun kompatibbli mal-obbligu tar-rikorrenti li turi li hija ġarrbet dannu reali u ċert.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx li hija kienet sofriet lucrum cessans reali u ċert li jista’ jkun ibbażat fuq ir-ROCE jew fuq il-WACC.

52      Minn dan isegwi li t-talba mressqa b’mod prinċipali u intiża għall-kumpens għal lucrum cessans, ekwivalenti għar-ROCE jew għall-WACC tar-rikorrenti, minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija tal-ammont tal-multa imħallas indebitament għandha tiġi miċħuda minħabba li l-kundizzjoni bbażata fuq il-prova tar-realtà u taċ-ċertezza tad-dannu ma hijiex issodisfatta, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat, minn naħa, jekk il-Kummissjoni wettqitx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi u, min-naħa l-oħra, jekk teżistix rabta kawżali bejn l-imsemmi ksur suffiċjentement serju u l-allegat lucrum cessans (ara l-punt 32 iktar ’il fuq).

 Fuq ittalba għad-danni mressqa sussidjarjament u intiża għallkumpens għaddannu li jirriżulta mirrifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji

53      L-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut tal-Kummissjoni li tħallasha interessi moratorji jikkostitwixxi mhux biss illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata iżda wkoll ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE. It-tieni, hija ssostni li dan il-ksur suffiċjentement serju huwa l-kawża diretta tad-dannu li hija ġarrbet u li jikkonsisti fl-interessi moratorji li hija ġiet imċaħħda minnhom.

–       Fuq leżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju talewwel paragrafu talArtikolu 266 TFUE

54      Qabelxejn, ir-rikorrenti ssostni li, meta l-qorti tal-Unjoni tikkonstata li l-ammont ta’ multa jkun tħallas indebitament, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jobbliga lill-Kummissjoni, meta hija tirrimborsa dan l-ammont, tħallas interessi moratorji. B’hekk, rifjut totali ta’ ħlas ta’ interessi moratorji jikser b’mod suffiċjentement serju l-imsemmija dispożizzjoni.

55      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li d-dritt għall-ħlas ta’ interessi moratorji ma huwiex affettwat mill-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Jekk jitqies li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li tirregola d-dritt għall-ħlas ta’ interessi moratorji, ir-rikorrenti tinvoka, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità ta’ din id-dispożizzjoni.

56      Fl-aħħar, ir-rikorrenti tqis li l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji jitnissel mill-mument li fih ir-riżorsi ma jibqgħux għad-dispożizzjoni tal-persuna kkonċernata, jiġifieri, f’dan il-każ, fid-data li fiha hija ħallset il-multa.

57      Il-Kummissjoni tirribatti, abbażi tal-argumenti mressqa bi tweġiba għat-talba għal annullament, li hija ma kisritx l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u li tali ksur, li kieku kellu jiġi aċċettat, ma jkunx suffiċjentement serju.

58      L-ewwel, il-Kummissjoni ssostni li mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jirriżulta li hija meħtieġa biss twettaq rimbors fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ arrikkiment indebitu. Fi kliem ieħor, l-imsemmija dispożizzjoni ma timponilhiex li żżid interessi moratorji mar-rimbors ta’ multa rċevuta indebitament. Il-Kummissjoni żżid li l-qrati tal-Unjoni jiddistingwu bejn tipi differenti ta’ interessi, jiġifieri l-interessi moratorji, li huma ta’ natura fissa u jissanzjonaw dewmien ta’ ħlas, l-interessi kumpensatorji, li huma dovuti għal dannu kkawżat illegalment, u l-interessi ġġenerati, li għandhom jitħallsu lura fil-każ ta’ rimborsi.

59      It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li l-ħlas li hija wettqet favur ir-rikorrenti jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ġġenerati b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 u tal-Artikolu 83 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”). Fil-fehma tagħha, il-ħlas tal-interessi ġġenerati huwa intiż li jikkumpensa lir-rikorrenti minħabba l-arrikkiment indebitu tagħha dovut għall-multa żejda. Hija tispjega li, f’dan il-każ, hija investiet l-ammont tal-multa li r-rikorrenti kienet ħallset, iżda li r-rendiment ta’ dan l-investiment kien negattiv. B’hekk, l-“arrikkiment” tagħha dovut għall-multa żejda mħallsa mir-rikorrenti kien negattiv jew ugwali għal żero. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiddikjara li, wara l-għoti tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), hija ħadet inkunsiderazzjoni, mingħajr dewmien, l-interessi ġġenerati sabiex tħallas lura lir-rikorrenti l-arrikkiment indebitu, li jirriżulta mill-ammont tal-multa rċevut indebitament.

60      It-tielet, il-Kummissjoni ssostni li hija ma kinitx meħtieġa tħallas interessi moratorji.

61      Qabel kollox, il-Kummissjoni tispjega li l-interessi moratorji ma jistgħux ikollhom bħala għan li jħeġġuha tirrimborsa, qabel l-għoti tas-sentenza li tnaqqas l-ammont tal-multa, is-somma li hija rċeviet indebitament. Hija żżid li l-imsemmija interessi ma għandhomx jiġu kkalkolati mid-data tal-ħlas tal-multa, jiġifieri, f’dan il-każ, is‑16 ta’ Jannar 2015. Fil-fatt, hija tqis li ma tistax issib ruħha f’sitwazzjoni ta’ dewmien fil-ħlas saħansitra qabel ma l-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ obbligu ta’ ħlas fir-rigward tagħha, jiġifieri, f’dan il-każ, qabel is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930).

62      Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li hija meħtieġa tħallas interessi moratorji biss meta tirrifjuta li tirrimborsa multa u l-interessi ġġenerati wara sentenza mogħtija mill-qorti tal-Unjoni li tnaqqas jew tannulla l-ammont ta’ din il-multa. F’dak il-każ, l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji jibda jiddekorri wara l-għoti tas-sentenza inkwistjoni.

63      Fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 ma hijiex fondata.

64      Ir-raba’, il-Kummissjoni tqis li s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), tintroduċi l-obbligu fir-rigward tagħha li tħallas tip ġdid ta’ interessi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikklassifika wkoll bħala “interessi moratorji”. Hija tinterpreta l-imsemmija sentenza fis-sens li hija għandha tħallas dawn l-interessi mingħajr lanqas ma tkun tinsab f’dewmien ta’ ħlas, jiġifieri mingħajr ma tkun fis-sitwazzjoni ta’ debitur li ma ħallasx fit-termini somma dovuta u determinata. Fil-fehma tagħha, għall-kuntrarju, dawn huma interessi ta’ natura kumpensatorja.

65      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tispjega li l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji għandu żewġ għanijiet, jiġifieri l-kumpens tal-kreditur u s-sanzjoni tal-illegalità tal-aġir tad-debitur li jwassal għall-ħlas tardiv tad-dejn tiegħu. Issa, hija tqis li teżisti ċerta kontradizzjoni bejn dawn iż-żewġ għanijiet. Fil-fatt, il-multa li hija timponi ma tistax, matul l-istess perijodu u simultanjament, minn naħa, tkun eżiġibbli b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni valida u eżekuttiva abbażi tal-Artikolu 299 TFUE u, min-naħa l-oħra, ikollha tiġi rrimborsata minnha. Huwa biss fil-każ eċċezzjonali fejn id-deċiżjoni tagħha tiġi kklassifikata bħala ineżistenti li l-obbligu li titħallas il-multa li tinsab f’dik id-deċiżjoni jkun, ex tunc, nieqes minn kull bażi legali. Għalhekk, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), għandha tinftiehem fis-sens li l-obbligu ta’ ħlas ta’ interessi moratorji ma huwiex intiż li jissanzjona dewmien fir-rimbors tal-multa. L-obbligu ta’ rimbors tal-multa jeżisti mis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), hekk kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE.

66      Il-ħames, il-Kummissjoni tqis li l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), ma humiex applikabbli f’dan il-każ.

67      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), il-Qorti Ġenerali kienet preċedentement annullat fl-intier tagħha l-parti tad-deċiżjoni tagħha li timponi multa fuq Printeos SA, minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Għalhekk, wara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2019, Printeos vs Il‑Kummissjoni (T‑201/17, EU:T:2019:81), il-Kummissjoni setgħet tkompli l-proċedura fl-istadju tal-irregolarità kkonstatata u teżerċita mill-ġdid is-setgħa tagħha li timponi multi.

68      Għall-kuntrarju, fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), il-Qorti Ġenerali naqqset u għaldaqstant immodifikat l-ammont tal-multa fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha abbażi tal-Artikolu 261 TFUE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

69      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), is-setgħa li jiġu imposti sanzjonijiet ġiet ittrasferita lill-qorti tal-Unjoni u l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet lill-Kummissjoni sabiex tipproċedi għal iffissar ġdid tal-ammont tal-multa. L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa mill-Qorti Ġenerali jista’ jipproduċi biss effetti ex nunc. It-tnaqqis tal-ammont tal-multa huwa r-riżultat tal-evalwazzjoni stess tal-Qorti Ġenerali li ssostitwixxiet dik tal-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali stess evalwat is-sitwazzjoni fattwali u eżerċitat is-setgħa ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Dan it-tnaqqis tal-ammont tal-multa ġie ffissat għall-ewwel darba fid-data tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali. Qabel dan, la kien hemm dejn dovut mill-Kummissjoni u lanqas, a fortiori, ammont determinat.

70      Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li, meta l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom, applikazzjoni ex tunc tal-interessi moratorji ma hijiex possibbli.

71      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jikkostitwixxi dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi obbligu assolut u inkundizzjonat tal-istituzzjoni li minnha jirriżulta l-att annullat li tieħu, fl-interess tar-rikorrent li jkun rebaħ il-kawża, il-miżuri li l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament tkun tinvolvi, li għalih jikkorrispondi dritt tar-rikorrent għall-osservanza sħiħa ta’ dan l-obbligu.

72      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, għandu jitfakkar li, meta somom ikunu ġew rċevuti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, minn dan id-dritt jirriżulta obbligu li dawn jitħallsu lura bl-interessi. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta somom ikunu ġew rċevuti b’applikazzjoni ta’ att tal-Unjoni ddikjarat invalidu jew annullat mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punti 66 u 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      B’mod partikolari, fil-każ tal-annullament, mill-qorti tal-Unjoni, ta’ att li kien implika l-ħlas ta’ somma lill-Unjoni, il-ħlas ta’ interessi moratorji jikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, inkwantu dan huwa intiż li jikkumpensa fil-forma ta’ somma f’daqqa ċ-ċaħda tat-tgawdija ta’ kreditu u li jħeġġeġ lid-debitur jeżegwixxi, fl-iqsar termini possibbli, is-sentenza ta’ annullament (sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International, C‑336/13 P, EU:C:2015:83, punt 30, u tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 68; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 55).

74      Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-obbligi tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 266 TFUE b’eżekuzzjoni ta’ sentenza li tannulla jew tnaqqas l-ammont ta’ multa imposta fuq impriża għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, dawn jinkludu, fl-ewwel lok, l-obbligu għall-Kummissjoni li tħallas lura kompletament jew parzjalment l-ammont tal-multa mħallsa mill-impriża inkwistjoni, sa fejn dan il-ħlas għandu jitqies bħala indebitu wara s-sentenza. Dan l-obbligu jirrigwarda mhux biss l-ammont prinċipali tal-multa imħallsa indebitament, iżda wkoll l-interessi moratorji fuq dan l-ammont (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, T‑171/99, EU:T:2001:249, punti 52 u 53; tat‑8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, T‑48/00, EU:T:2004:219, punt 223, u d-digriet tal‑4 ta’ Mejju 2005, Holcim (France) vs Il‑Kummissjoni, T‑86/03, EU:T:2005:157, punt 30).

75      L-għoti ta’ interessi moratorji fuq l-ammont imħallas indebitament jidher li huwa komponent indispensabbli tal-obbligu tal-Kummissjoni ta’ restawrazzjoni tas‑sitwazzjoni wara sentenza ta’ annullament jew ta’ ġurisdizzjoni sħiħa (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, T‑171/99, EU:T:2001:249, punt 54; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2019, Printeos vs Il‑Kummissjoni, T‑201/17, EU:T:2019:81, punt 56).

76      Minn dan isegwi li, billi ma tagħtix interessi moratorji fuq l-ammont prinċipali tal-multa rrimborsat wara sentenza li tannulla jew li tnaqqas l-ammont ta’ multa imposta fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tonqos milli tieħu miżura li twassal għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza u għalhekk, tonqos mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 266 TFUE (digriet tal‑4 ta’ Mejju 2005, Holcim (France) vs Il‑Kummissjoni, T‑86/03, EU:T:2005:157, punt 31; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, EU:T:2008:254, punt 488).

77      Qabel kollox, huwa veru li, bis-saħħa tal-Artikolu 299 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu obbligu pekunjarju fuq persuni minbarra l-Istati Membri huma eżekuttivi. Sussegwentement, bis-saħħa tal-Artikolu 278 TFUE, ir-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra dawn id-deċiżjonijiet ma għandhomx effett sospensiv. Fl-aħħar, id‑deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ validità sakemm dawn ma jkunux ġew annullati jew irtirati (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Huwa wkoll veru li l-obbligu ta’ ħlas ta’ interessi moratorji jista’ jiġi previst biss meta l-kreditu prinċipali jkun ċert fir-rigward tal-ammont tiegħu jew tal-inqas determinabbli abbażi ta’ elementi oġġettivi stabbiliti (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 55).

79      Madankollu, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 83 tar-Regolament finanzjarju, applikabbli f’dan il-każ, kien jipprevedi b’mod partikolari:

“1.      Ammonti riċevuti bħala multi, penali u sanzjonijiet, u kull imgħax jew dħul dovut jew dħul ieħor iġġenerat minnhom ma għandhomx ikunu rreġistrati bħala dħul tal-baġit sakemm id-deċiżjonijiet li jimponuhom jistgħu jkunu mħassra mill-[Qorti tal-Ġustizzja].

2.      L-ammonti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati bħala dħul tal-baġit mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mis-sena ta’ wara l-eżawriment tar-rimedji kollha legali. L-ammonti li għandhom ikunu rritornati lill-entità li ħallsithom, b’segwitu għal sentenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja], ma għandhomx jiġu rreġistrati bħala dħul tal-baġit

[…]

4      Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati […] rigward ir-regoli dettaljati dwar l-ammonti rċevuti permezz ta’ multi, penali u mgħax dovut.”

80      L-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, applikabbli f’dan il-każ, kien jipprevedi b’mod partikolari:

“1.      Meta tittieħed azzjoni quddiem il-[Qorti tal-Ġustizzja] kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa jew pieni oħra skont it-TFUE jew it-Trattat tal-Euratom u sa dak iż-żmien li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha, id-debitur iħallas provviżorjament l-ammonti kkonċernati fil-kont bankarju nnominat mill-uffiċjal tal-kontabilità jew inkella jipprovdi garanzija finanzjarja li tkun aċċettabbli għall-uffiċjal tal-kontabilità. Il-garanzija tkun indipendenti mill-obbligu ta’ ħlas tal-multa jew tal-pieni jew ta’ pieni oħra u għandha tkun infurzabbli mal-ewwel sejħa. Hija tkopri t-talba fir-rigward tas-somma kapitali ewlenija u l-imgħax dovut kif speċifikat fl-Artikolu 83(4).

2.      Il-Kummissjoni tiżgura l-ammonti mħallsa provviżorjament billi tara li dawn jiġu investiti f’assi finanzjarji sabiex b’hekk jiġu żgurati s-sigurtà u l-likwidità tal-flejjes, filwaqt li timmira wkoll li tipproduċi redditu pożittiv.

[…]

4.      Wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha u l-multi jew il-pieni jkunu tħassru jew tnaqqsu, tittieħed kwalunkwe waħda mill-miżuri li ġejjin:

(a)      l-ammonti indebitament miġbura flimkien mal-imgħax iġġenerat jitħallsu lura lill-parti terza kkonċernata. F’każijiet fejn ir-redditu globali ġġenerat għall-perjodu rilevanti kien wieħed negattiv, il-valur nominali tal-ammonti indebitament miġbura jitħallas lura;

(b)      meta tkun ġiet ipprovduta garanzija finanzjarja, din tal-aħħar tiġi rilaxxata kif xieraq.”

81      L-Artikolu 24(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 2488 final tat‑2 ta’ Mejju 2013, dwar id-dispożizzjonijiet proċedurali interni għall-irkupru tal-krediti li jirriżultaw mit-tmexxija diretta u l-irkupru tal-multi, somom f’daqqa u pagamenti ta’ penalità skont it-Trattati, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni C(2011) 4212 finali tas‑17 ta’ Ġunju 2011, u li ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2786 tat‑30 ta’ April 2014, jindika wkoll li, meta rikors jiġi ppreżentat mid-debitur quddiem qorti tal-Unjoni kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jiġbor “b’mod provviżorju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] l-ammonti inkwistjoni mingħand id-debitur. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, skont id-deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, l-ammonti miġbura b’mod provviżorju, kemm l-ammont prinċipali kif ukoll l-interessi, għandhom jiddaħħlu b’mod definittiv fil-kontijiet bħala dħul jew jiġu “rrimborsati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] lill-operaturi ekonomiċi pro rata għal dik id-deċiżjoni.

82      Għalhekk, mil-leġiżlazzjoni applikabbli msemmija fil-punti 79 sa 81 iktar ’il fuq jirriżulta li, meta kumpannija tippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tikkontesta deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tkun imponiet multa fuqha, il-ħlas tal-multa magħmul minn din il-kumpannija jkun ta’ natura provviżorja sakemm jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji. L-imsemmija leġiżlazzjoni tipprevedi wkoll, ex ante, li kumpannija li tkun ħallset multa sussegwentement annullata jew imnaqqsa għandha dritt għar-rimbors tal-ammonti rċevuti indebitament u għalhekk kreditu ta’ ħlas lura.

83      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tinvoka l-fatt li, fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), il-Qorti Ġenerali naqqset l-ammont tal-multa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

84      Madankollu, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, qabel l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u t-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), annullat parzjalment id-dispożizzjoni li kienet tikkonstata l-eżistenza tal-prattika msemmija fl-Artikolu 1(2)(d) tad-deċiżjoni tal‑2014 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2 ta’ din l-istess deċiżjoni sa fejn dan kien jiffissa l-ammont tal-multa li kellu jitħallas mir-rikorrenti biss għal EUR 31 070 000 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

85      Fir-rigward tal-effetti tal-annullament ta’ att deċiż mill-qorti tal-Unjoni, għandu jitfakkar li dan japplika ex tunc u għaldaqstant għandu bħala effett li jneħħi retroattivament l-att annullat mill-ordinament ġuridiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 30; tat‑13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il‑Kummissjoni, T‑481/93 u T‑484/93, EU:T:1995:209, punt 46; u tal‑10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, T‑171/99, EU:T:2001:249, punt 50).

86      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li la d-dispożizzjonijiet jew it-testi msemmija fil-punti 79 sa 81 iktar ’il fuq u lanqas il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 74 sa 76 iktar ’il fuq ma jagħmlu distinzjoni skont jekk il-qorti tal-Unjoni annullatx biss kompletament jew parzjalment il-multa imposta fuq rikorrent jew jekk naqqsitx din il-multa wara li tkun annullatha.

87      Fl-aħħar, meta l-qorti tal-Unjoni tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha u tnaqqas l-ammont tal-multa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija tissostitwixxi, fi ħdan id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-ammont inizjalment iffissat f’dik id-deċiżjoni b’dak li jirriżulta mill-evalwazzjoni tagħha stess. Dan it-tnaqqis jemenda b’mod retroattiv id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-multa mnaqqsa wara l-evalwazzjoni l-ġdida tal-qorti tal-Unjoni titqies li dejjem kienet dik imposta mill-Kummissjoni. Fir-rigward tal-imsemmi tnaqqis, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija għalhekk meqjusa, minħabba l-effett ta’ sostituzzjoni tas-sentenza mogħtija mill-qorti tal-Unjoni, li dejjem kienet dik li tirriżulta mill-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il‑Kummissjoni, T‑275/94, EU:T:1995:141, punti 60 sa 65 u 85 sa 87).

88      Fit-tielet lok, minn naħa, l-inċentiv “sabiex [tiġi eżegwita] malajr kemm jista’ jkun, is-sentenza ta’ annullament” huwa biss wieħed miż-żewġ għanijiet tal-ħlas ta’ interessi moratorji previsti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 30 tas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs IPK International (C‑336/13 P, EU:C:2015:83). Issa, l-għoti ta’ interessi moratorji mid-data tal-ħlas provviżorju tal-multa inkwistjoni jrid jilħaq l-għan l-ieħor previst mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-impriża li ħallset din il-multa minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija tal-fondi tagħha matul il-perijodu bejn id-data tal-ħlas provviżorju tal-imsemmija multa u d-data tar-rimbors tagħha. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-annullament ta’ deċiżjoni li kienet implikat il-ħlas, b’mod provviżorju, ta’ somma bħal multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-obbligu li tiġi rrimborsata s-somma mħallsa flimkien ma’ interessi moratorji kkalkolati mid-data tal-ħlas ta’ din is-somma jikkostitwixxi inċentiv għall-istituzzjoni kkonċernata sabiex tagħti attenzjoni partikolari meta tadotta tali deċiżjonijiet, li jistgħu jimplikaw, għal individwu, l-obbligu li jħallas immedjatament somom kunsiderevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punti 85 u 86).

89      Fis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk qieset li għoti ta’ interessi moratorji mid-data tal-ħlas provviżorju tal-multa ma kellux l-għan li jħeġġeġ lill-Kummissjoni “[t]eżegwixxi, fl-iqsar termini possibbli, is-sentenza ta’ annullament”.

90      B’hekk, ċertament, l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji ma jistax ikollu bħala għan li jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrimborsa, qabel l-għoti tas-sentenza li tannulla u li tnaqqas l-ammont tal-multa li hija imponiet, is-somma li hija rċeviet indebitament. Madankollu, l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji fil-każ ta’ annullament u ta’ tnaqqis, mill-qorti tal-Unjoni, tal-ammont ta’ multa imposta mill-Kummissjoni ma għandux l-għan li jissanzjona dewmien inġustifikat ta’ din l-istituzzjoni. L-obbligu li jitħallsu interessi moratorji f’tali sitwazzjoni huwa intiż, b’mod partikolari, li jikkumpensa fil-forma ta’ somma f’daqqa dewmien oġġettiv li jirriżulta, l-ewwel, mit-tul tal-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, it-tieni, mill-fatt li l-leġiżlazzjoni finanzjarja rilevanti tipprevedi li kumpannija li ħallset b’mod provviżorju multa sussegwentement annullata jew imnaqqsa għandha kreditu ta’ ħlas lura (ara l-punti 79 sa 82 iktar ’il fuq) u, it-tielet, mir-retroattività tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa mwettaq mill-qorti tal-Unjoni (ara punti 84 sa 87 iktar ’il fuq).

91      Skont il-Kummissjoni, interpretazzjoni li tipprovdi li hija debitriċi ta’ interessi moratorji f’data preċedenti għas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni li tannulla jew li tnaqqas l-ammont ta’ multa tipprekludi l-funzjoni dissważiva tal-multi fil-kawżi ta’ kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, hija tispjega, qabelxejn, li teżisti rabta intrinsika bejn il-projbizzjoni ta’ prattiki antikompetittivi taħt l-Artikoli 101 u 102 TFUE u l-impożizzjoni ta’ multi, sussegwentement, li l-imsemmija artikoli jkunu ineffettivi jekk ma jkunux akkumpanjati minn sanzjonijiet, previsti fl-Artikolu 103(2)(a) TFUE u, fl-aħħar, li l-multi ma għandhomx jitnaqqsu minħabba ċirkustanzi esterni.

92      Madankollu, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ dissważjoni jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑679/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:606, punt 73, u tal‑4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il‑Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 84). Minn dan jirriżulta li l-funzjoni dissważiva tal-multi neċessarjament ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), meta hija eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas, b’effett retroattiv, l-ammont tal-multa li r-rikorrenti kellha tħallas (ara l-punt 87 iktar ’il fuq).

93      It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-funzjoni dissważiva tal-multi għandha tiġi kkonċiljata mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Issa, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju hija żgurata permezz tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa, prevista fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. Il-qorti tal-Unjoni hija fil-fatt f’pożizzjoni li teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt u li tevalwa l-provi, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tbiddel l-ammont tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punti 62 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ġie wkoll deċiż li, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ sħiħ fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali f’dak li jirrigwarda l-multa, il-qorti tal-Unjoni għandha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż li juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur (sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 200, u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 195). Il-ġurisdizzjoni sħiħa tikkostitwixxi garanzija addizzjonali li minnha jibbenefikaw l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 445; tas‑6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il‑Kummissjoni, T‑83/91, EU:T:1994:246, punt 235; u tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Orange Polska vs Il‑Kummissjoni, T‑486/11, EU:T:2015:1002, punt 91).

94      It-tielet, il-funzjoni dissważiva tal-multi għandha wkoll tiġi kkonċiljata mal-għanijiet li jridu jintlaħqu mill-għoti ta’ interessi moratorji wara l-eżerċizzju, mill-qorti tal-Unjoni, tal-kompetenzi tagħha u, b’mod partikolari, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, jiġifieri, minn naħa, il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-impriża li ħallset b’mod provviżorju din il-multa għaċ-ċaħda tat-tgawdija tal-fondi tagħha matul il-perijodu bejn id-data tal-ħlas provviżorju tal-imsemmija multa u d-data tar-rimbors tagħha u, min-naħa l-oħra, l-inċentiv għall-istituzzjoni kkonċernata sabiex tagħti attenzjoni partikolari meta tadotta deċiżjonijiet, bħal deċiżjonijiet li jimponu multi, li jistgħu jimplikaw, għal individwu, l-obbligu li jħallas immedjatament somom kunsiderevoli (ara l-punt 88 iktar ’il fuq).

95      Konsegwentement, fid-dawl tar-raġunijiet indikati fil-punti 79 sa 94 iktar ’il fuq, għandu jitqies minn naħa, li l-kreditu prinċipali miżmum mir-rikorrenti f’dan il-każ kien jeżisti u kien ċert fir-rigward tal-ammont massimu tiegħu jew tal-inqas determinabbli abbażi ta’ elementi oġġettivi stabbiliti fid-data tal-ħlas provviżorju tal-multa minn din tal-aħħar, jiġifieri s‑16 ta’ Jannar 2015. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha l-obbligu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, tħallas interessi moratorji fuq il-parti mill-ammont tal-multa meqjusa bħala indebita mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), għall-perijodu bejn id-data tal-ħlas provviżorju tal-multa u d-data tar-rimbors tal-parti mill-ammont tal-multa meqjusa bħala indebita.

96      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-Kummissjoni bbażati, l-ewwel, fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 u, it-tieni, fuq il-fatt li l-interessi dovuti mill-mument tal-ħlas tal-multa għandhom jiġu kklassifikati bħala interessi kumpensatorji.

97      Fil-fatt, fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 (ara l-punt 80 iktar ’il fuq), minn dan l-artikolu ma jirriżultax li, meta l-Kummissjoni tkun meħtieġa tirrimborsa l-ammont ta’ multa mħallsa b’mod provviżorju, hija tkun, fi kwalunkwe każ, eżentata mill-obbligu li żżid ma’ dan l-ammont interessi moratorji (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 73).

98      Barra minn hekk, meta l-interessi “iġġenerat[i]” previsti fl-Artikolu 90(4) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 jkunu ta’ ammont inqas minn dak tal-interessi moratorji dovuti, jew saħansitra meta ma jkunx hemm interessi, inkwantu r-rendiment mill-kapital investit kien negattiv, il-Kummissjoni hija meħtieġa, sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE, tħallas lill-parti kkonċernata d-differenza bejn l-ammont tal-eventwali “imgħax iġġenerat”, fis-sens tal-Artikolu 90(4) tal-imsemmi regolament ta’ delega, u dak tal-interessi moratorji dovuti għall-perijodu bejn id-data tal-ħlas tas-somma inkwistjoni u d-data tar-rimbors tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punti 75 u 76).

99      Għalhekk, f’dan il-każ, inkwantu huwa paċifiku li l-investiment, mill-Kummissjoni, tal-ammont tal-multa mħallsa mir-rikorrenti b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal‑2014 ma ġġenerax interessi, il-Kummissjoni kienet meħtieġa, wara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930) tirrimborsa lir-rikorrenti l-parti mill-ammont tal-multa meqjusa bħala indebita, flimkien ma’ interessi moratorji, mingħajr ma l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 jostakola dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 77).

100    Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka b’mod utli l-fatt li r-rikorrenti, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), ma kkontestatx l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal-2014, li r-raba’ paragrafu tiegħu kien ibbażat fuq l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Hija lanqas ma tista’ tinvoka l-fatt li l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni mingħajr ikkontestar tar-riferiment għall-Artikolu 90 ta’ dan ir-regolament ta’ delega.

101    Ċertament, fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal‑2014 biss inkwantu dan kien jiffissa l-ammont tal-multa li kellu jitħallas mir-rikorrenti biss għal EUR 31 070 000. Barra minn hekk, hija ffissat l-ammont tal-multa li kellu jitħallas mir-rikorrenti biss għal EUR 19 030 981.

102    Madankollu, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal‑2014 ma jirrigwardax il-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni, fil-każ ta’ annullament tal-imsemmija deċiżjoni u ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa li din id-deċiżjoni tipprevedi, tirrimborsa l-ammont tal-multa mħallsa b’mod provviżorju mill-imsemmija impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 92).

103    Barra minn hekk, fil-każ ta’ annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u fil-każ ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa li din id-deċiżjoni tipprevedi, l-obbligu tal-Kummissjoni li tirrimborsa kompletament jew parzjalment l-ammont tal-multa mħallsa b’mod provviżorju flimkien ma’ interessi moratorji għall-perijodu bejn id-data tal-ħlas provviżorju ta’ din il-multa u d-data tar-rimbors tagħha jirriżulta direttament mill-Artikolu 266 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 94).

104    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza sabiex tistabbilixxi, permezz ta’ deċiżjoni individwali, il-kundizzjonijiet li fihom hija tħallas interessi moratorji fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni li imponiet multa u fil-każ ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa li din id-deċiżjoni tipprevedi u li kienet tħallset b’mod provviżorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 95).

105    Għaldaqstant, l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 għandhom jiġu miċħuda mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ din id-dispożizzjoni mqajma mir-rikorrenti.

106    Fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-fatt li l-interessi dovuti mill-mument tal-ħlas tal-multa għandhom jiġu kklassifikati bħala interessi kumpensatorji, għandu jiġi enfasizzat li l-kategorija tal-interessi kumpensatorji hija intiża li tikkumpensa l-mogħdija taż-żmien sal-evalwazzjoni ġudizzjarja tal-ammont tad-dannu, indipendentement minn kull dewmien imputabbli lid-debitur (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Issa, l-obbligu tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji f’dan il-każ mill-mument tal-ħlas provviżorju mwettaq mir-rikorrenti jirriżulta direttament mill-obbligu li teżegwixxi, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930).

108    Il-kreditu prinċipali tar-rikorrenti kien kreditu ta’ ħlas lura li kien marbut mal-ħlas ta’ multa li kienet sar b’mod provviżorju. Dan il-kreditu kien jeżisti u kien ċert fir-rigward tal-ammont massimu tiegħu jew tal-inqas determinabbli abbażi ta’ elementi oġġettivi stabbiliti fid-data tal-imsemmi ħlas (ara l-punti 79 sa 95 iktar ’il fuq) u ma kellux ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ġudizzjarja.

109    L-interessi dovuti f’din l-ipoteżi huma interessi moratorji u ma jistax ikun il-każ, f’dan il-każ, tal-ħlas ta’ interessi kumpensatorji (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punti 78 u 79).

110    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijiex iġġustifikata ssostni li l-interessi li hija tista’ tkun responsabbli għalihom għall-perijodu bejn id-data tal-ħlas provviżorju tal-multa mir-rikorrenti u l-iskadenza tat-terminu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), għandhom jiġu kklassifikati bħala interessi kumpensatorji.

111    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kisret l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE meta rrifjutat li tħallas lir-rikorrenti interessi moratorji fuq il-parti mill-ammont tal-multa li hija kienet irċeviet indebitament, għall-perijodu bejn is‑16 ta’ Jannar 2015, data tal-ħlas tal-multa, u d‑19 ta’ Frar 2019, data tar-rimbors tal-parti mill-ammont tal-multa finalment meqjusa bħala indebita mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930).

112    Fl-aħħar, mill-punti 71 sa 95 iktar ’il fuq jirriżulta li, wara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), il-Kummissjoni kienet, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, meħtieġa li tirrimborsa lir-rikorrenti l-parti mill-ammont tal-multa mħallsa indebitament b’mod provviżorju, flimkien ma’ interessi moratorji, u ma kellha ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-opportunità li tħallas tali interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 104).

113    Għaldaqstant, fid-dawl tal-obbligu assolut u inkundizzjonat impost fuq il-Kummissjoni mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE ta’ ħlas ta’ interessi moratorji, mingħajr ma hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, hemm lok li tiġi kkonstatata, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ din id-dispożizzjoni legali li jista’ jwassal sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

–       Fuq irrabta kawżali u fuq iddannu li għandu jiġi kkumpensat

114    Ir-rikorrenti ssostni li l-ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE mwettaq mill-Kummissjoni huwa l-kawża diretta tad-dannu li hija ġarrbet u li jikkonsisti fl-interessi moratorji li hija ġiet imċaħħda minnhom. Hija tispjega li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 83(2)(b) u tal-Artikolu 111(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, ir-rata tal-interessi moratorji xierqa hija r-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs. Fl-opinjoni tagħha, ir-rata tal-interessi moratorji li għandha tiġi applikata hija, f’dan il-każ, ir-rata ta’ 3.55 % li tikkorrispondi għar-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, jiġifieri 0.05 % applikabbli f’Jannar 2015, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs. Hija tqis li l-applikazzjoni ta’ din ir-rata għas-somma ta’ EUR 12 039 019, imħallsa indebitament minnha, tippermetti li d-dannu tagħha jiġi stmat għal EUR 1 750 522.83.

115    Il-Kummissjoni ssostni li hija rrifjutat li tħallas interessi moratorji biss sa mid-deċiżjoni kkontestata, tat‑28 ta’ Ġunju 2019, b’tali mod li kumpens seta’, fi kwalunkwe każ, jintalab biss sa minn din id-data. Barra minn hekk, hija ssostni li r-rikorrenti ma osservatx il-proċedura prevista fl-Artikolu 111 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 u għalhekk ma tistax titlob interessi moratorji fis-sens tal-Artikolu 111(4)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 83, tal-imsemmi regolament ta’ delega. Fl-aħħar, hija ssostni li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), huma applikabbli f’dan il-każ, ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli għandha tkun ir-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ punt perċentwali u nofs, b’analoġija mal-Artikolu 83(4) ta’ dan ir-regolament ta’ delega.

116    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, id-dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir illegali tal-istituzzjonijiet (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 61).

117    F’dan il-każ, hemm lok li jitqies li n-nuqqas ta’ twettiq, mill-Kummissjoni, tal-obbligu tagħha li tagħti interessi moratorji skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE għandu rabta kawżali b’effett suffiċjentement dirett mad-dannu li jikkonsisti fit-telf, matul il-perijodu bejn is‑16 ta’ Jannar 2015 u d‑19 ta’ Frar 2019, tal-interessi moratorji fuq l-ammont li r-rikorrenti kienet indebitament imċaħħda minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 105).

118    Fit-tieni lok, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti hija ġġustifikata ssostni li hija sofriet dannu reali u ċert li huwa ekwivalenti għat-telf, matul il-perijodu bejn is‑16 ta’ Jannar 2015 u d‑19 ta’ Frar 2019, tal-interessi moratorji li jirrappreżentaw il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għaċ-ċaħda tat-tgawdija tal-ammont tal-multa mħallas indebitament matul dan l-istess perijodu.

119    Il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jitqies li hija għandha tħallas interessi moratorji, ir-rata ta’ dawn l-interessi għandha tiġi ffissata b’rata fissa li tikkorrispondi għaċ-ċaħda ta’ tgawdija matul il-perijodu inkwistjoni, li min-naħa tagħha tiddependi, tal-inqas parzjalment, miċ-ċirkustanzi tal-każ. Qabel kollox, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), ma tippermettix li tiġi ddeterminata r-rata tal-interessi moratorji applikabbli f’din il-kawża. Fil-fatt, dik is-sentenza ma tindikax liema rata ta’ interessi hija applikabbli għall-interessi moratorji. Sussegwentement, anki jekk jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja intendiet, b’analoġija, timponi lill-Kummissjoni tħallas interessi bir-rata prevista mill-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, hija tqis li din ir-rata ma hijiex applikabbli b’analoġija f’dan il-każ. Fil-fatt, l-ammont tad-dejn tal-Kummissjoni ġie stabbilit biss fil-kuntest tal-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930). Fl-aħħar, il-punt 81 tas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), jista’ jinftiehem fis-sens li r-rata prevista fl-Artikolu 83(4) ta’ dan ir-regolament ta’ delega, jiġifieri r-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ punt perċentwali u nofs, tista’ tapplika mutatis mutandis f’dan il-każ.

120    Għandu jitfakkar li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-interessi moratorji li għandhom jitħallsu lil impriża li ħallset multa imposta mill-Kummissjoni, wara l-annullament ta’ din il-multa, din l-istituzzjoni għandha tapplika r-rata ffissata għal dan il-għan mir-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 56).

121    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tapplika r-rata stabbilita fl-Artikolu 83 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, li jiffissa r-rata tal-interessi għall-krediti mhux irrimborsati fid-data ta’ skadenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 81).

122    L-Artikolu 83 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 kien jinsab fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu IV tal-imsemmi regolament ta’ delega. L-imsemmi kapitolu kien jirrigwarda l-“[o]perazzjonijiet ta’ dħul” u l-imsemmija taqsima kienet tirrigwarda l-“[is]tabbiliment ta’ ammonti riċevibbli”. Dan l-artikolu, li kien jimplimenta l-Artikolu 78 tar-Regolament Finanzjarju, kien intitolat “[i]mgħax awtomatiku [moratorju]” u kien jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regolamenti speċifiċi għas-settur, kwalunkwe ammont riċevibbli li ma jitħallasx lura fid-data tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 80(3)(b) jeħel imgħax skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Ir-rata tal-imgħax għall-ammonti riċevibbli li ma jitħallsux lura fid-data tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 80(3)(b) tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih tkun id-data tal-għeluq, u miżjuda hekk:

(a)      bi tmien punti perċentwali meta l-avveniment li jobbliga jkun kuntratt ta’ provvista u servizz pubbliku msemmi fit-Titolu V;

(b)      bi tliet punti perċentwali u nofs fil-każijiet l-oħrajn kollha.

[…]

4.      Fil-każ tal-multi, meta d-debitur jipprovdi garanzija finanzjarja li tiġi aċċettata mill-uffiċjal tal-kontabilità minflok ħlas, ir-rata tal-imgħax applikabbli mid-data tal-għeluq imsemmija fl-Artikolu 80(3)(b) tkun ir-rata msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fis-seħħ mill-ewwel jum tax-xahar li fih tkun ġiet adottata d-deċiżjoni li timponi multa u miżjuda biss b’punt perċentwali u nofs.”

123    L-Artikolu 111 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 kien jinsab fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu IV tal-imsemmi regolament ta’ delega. L-imsemmi kapitolu kien jirrigwarda l-“[o]perazzjonijiet ta’ nefqa” u l-imsemmija taqsima kienet tirrigwarda t-termini tal-operazzjonijiet ta’ nefqa. Dan l-artikolu, li kien jimplimenta l-Artikolu 92 tar-Regolament Finanzjarju, kien intitolat “Limiti ta’ żmien għall-ħlas u l-imgħax awtomatiku [moratorju]” u kien jipprovdi b’mod partikolari:

“1.      Iż-żmien permess sabiex isiru l-ħlasijiet jinftiehem bħala li jinkludi l-approvazzjoni, l-awtorizzazzjoni u l-ħlas tan-nefqa.

Huwa jibda jiddekorri minn dakinhar li tasal it-talba għal ħlas.

Talba għall-ħlas tiġi rreġistrata mid-dipartiment awtorizzat tal-uffiċjal awtorizzanti responsabbli mill-aktar fis possibbli u titqies li ġiet riċevuta middata meta tiġi rreġistrata.

Id-data tal-ħlas titqies li hija d-data meta jiġi debitat il-kont tal-istituzzjoni.

[…]

4.      Kif jagħlaq iż-żmien stabbilit fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-kreditur ikun intitolat għall-imgħax skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ir-rati tal-imgħax ikunu dawk imsemmija fl-Artikolu 83(2) ta’ dan ir-Regolament;

(b)      l-imgħax ikun pagabbli għall-perjodu li jgħaddi mill-jum kalendarju wara l-għeluq tal-limitu taż-żmien għall-ħlas stabbilit fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament Finanzjarju sal-jum tal-ħlas.”

124    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, meta l-Kummissjoni tinvoka l-fatt li l-ammont tad-dejn tagħha kien ġie ffissat mill-Qorti Ġenerali biss fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930), hija tkompli ssostni li hija ma kinitx meħtieġa tħallas interessi moratorji lir-rikorrenti għall-perijodu bejn id-data tal-ħlas tal-multa u d-data tar-rimbors li hija wettqet. Issa, dan l-argument għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 71 sa 95 iktar ’il fuq. Għandu jingħad ukoll li l-obbligu tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji lir-rikorrenti jirriżulta direttament mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE b’mod li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma hijiex meħtieġa tressaq talba għal ħlas skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 111 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012.

125    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ annullament ta’ deċiżjoni li kienet implikat il-ħlas provviżorju ta’ multa, l-allokazzjoni ta’ interessi moratorji mid-data ta’ dan il-ħlas hija intiża, minn naħa, sabiex tikkumpensa fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-impriża li ħallset din il-multa għaċ-ċaħda tat-tgawdija tal-fondi tagħha u, min-naħa l-oħra, sabiex il-Kummissjoni tiġi mħeġġa tagħti attenzjoni partikolari waqt l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni (ara l-punt 88 iktar ’il fuq).

126    Dan japplika wkoll fil-każ tal-annullament u tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa mill-qorti tal-Unjoni.

127    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-interessi moratorji dovuti mill-Kummissjoni wara sentenza li tannulla u li tnaqqas l-ammont ta’ multa, il-Kummissjoni tinsab f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi differenti minn kumpannija li hija destinatarja ta’ deċiżjoni li timponilha multa u li tikkostitwixxi garanzija bankarja. Id-drittijiet u l-obbligi tal-Kummissjoni fil-konfront ta’ kumpannija li ħallset il-multa huma fil-fatt differenti mid-drittijiet u l-obbligi ta’ kumpannija li tikkostitwixxi garanzija bankarja fil-konfront tal-Kummissjoni.

128    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, meta l-impriża ssanzjonata twettaq il-ħlas immedjat tal-multa imposta, hija sempliċement tkun qiegħda tikkonforma ruħha mad-dispożittiv ta’ deċiżjoni eżekuttiva konformement mas-sistema ordinarja prevista mit-Trattat (digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, T‑28/03, EU:T:2005:139, punt 126). Għall-kuntrarju, is-sostituzzjoni tal-ħlas tal-multa b’sospensjoni ta’ tali ħlas flimkien ma’ garanzija bankarja tikkostitwixxi deroga mis-sistema ordinarja prevista mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punt 44).

129    Jekk l-impriża ssanzjonata tagħżel il-ħlas immedjat tal-multa, filwaqt li tippreżenta rikors intiż għall-annullament tagħha, hija tista’ tistenna li l-Kummissjoni, fil-każ ta’ annullament, jew ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta, tħallasha lura mhux biss is-somma li tikkorrispondi għall-ammont prinċipali tal-multa mħallsa indebitament, iżda wkoll l-interessi moratorji ġġenerati minn din is-somma (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punt 43, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 74 sa 76 iktar ’il fuq).

130    Ċertament, is-sostituzzjoni tal-ħlas immedjat tal-multa b’sospensjoni ta’ ħlas flimkien ma’ garanzija bankarja hija issa prevista mil-leġiżlazzjoni finanzjarja rilevanti u hija offruta, taħt kundizzjonijiet, mill-Kummissjoni (ara l-punti 80 u 122 iktar ’il fuq). Madankollu, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni li timponi multa jew tat-tnaqqis tal-ammont tagħha, il-konsegwenzi huma differenti skont jekk l-impriża tkunx għażlet il-ħlas immedjat tal-multa jew is-sospensjoni tal-ħlas flimkien mal-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il‑Kummissjoni, T‑275/94, EU:T:1995:141, punti 82 sa 86, u d-digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punt 44).

131    Fil-fatt, meta tkun ingħatat is-sospensjoni tal-ħlas, il-Kummissjoni ma għandhiex tħallas lura multa rċevuta indebitament, peress li, ipotetikament, din il-multa ma tkunx tħallset. Għall-istess raġuni, l-impriża ssanzjonata għalhekk ma ġietx imċaħħda mit-tgawdija tas-somma li tikkorrispondi għall-ammont tal-multa rċevut indebitament. L-uniku dannu finanzjarju eventwalment subit mill-impriża kkonċernata jirriżulta mid-deċiżjoni tagħha stess li tiġi kkostitwita garanzija bankarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, T‑28/03, EU:T:2005:139, punt 129, u d-digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punt 45).

132    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma turix, permezz ta’ elementi konkreti, li l-applikazzjoni, għall-krediti ta’ ħlas lura, ta’ interessi moratorji bir-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs, prevista fl-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, hija sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn tali interessi moratorji. Hija lanqas ma tispjega li l-kalkolu tal-interessi moratorji fuq din il-bażi jkollu effett negattiv fuq l-obbligu, għal kumpannija destinatarja ta’ deċiżjoni li timponilha multa, li tħallas immedjatament l-ammont ta’ din il-multa.

133    Fir-raba’ lok, huwa minnu li, fil-punt 81 tas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), il-Qorti tal-Ġustizzja ma indikatx id-dispożizzjonijiet preċiżi tal-Artikolu 83 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 li għalihom hija kienet qiegħda tirreferi.

134    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fl-istess sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet definittivament il-kawża wara li annullat il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2019, Printeos vs Il‑Kummissjoni (T‑201/17, EU:T:2019:81), minħabba li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talba għall-ħlas ta’ interessi moratorji mressqa minn Printeos għall-perijodu li jibda fil‑31 ta’ Marzu 2017. Huwa għalhekk li, fil-punt 129 tas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien hemm lok li jingħataw interessi moratorji lil Printeos bir-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs, b’analoġija mal-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012.

135    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tispjega, b’mod rilevanti, li, li kieku hija ma ħallsitx l-ammont tal-multa ffissat b’mod irregolari, hija kien ikollha hija wkoll tħallas interessi moratorji bir-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs, prevista fl-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Minn dan ir-rikorrenti korrettament tiddeduċi li, wara l-annullament u t-tnaqqis tal-multa, il-Kummissjoni għandha tkun meħtieġa tħallas interessi moratorji abbażi tal-istess rata għall-perijodu li matulu hija rkuprat b’mod żbaljat l-ammont imħallas żejjed.

136    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa tar-rikorrenti għaċ-ċaħda tat-tgawdija tal-fondi tagħha jista’ jiġi stabbilit permezz tal-applikazzjoni, b’analoġija, tar-rata prevista fl-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, jiġifieri r-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid f’Jannar 2015, jiġifieri 0.05 %, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs.

137    Għalhekk hemm lok li tintlaqa’ t-talba mressqa sussidjarjament fil-kuntest tat-tielet kap ta’ talbiet u li jingħata kumpens ta’ ammont ta’ EUR 1 750 522.83 lir-rikorrenti bħala kumpens għad-dannu kkawżat lilha mill-ksur suffiċjentement serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u li jikkonsisti fit-telf ta’ interessi moratorji bir-rata ta’ 3.55 %, matul il-perijodu bejn is‑16 ta’ Jannar 2015 u d‑19 ta’ Frar 2019, fuq il-parti mill-ammont tal-multa li hija ħallset indebitament.

138    Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba mressqa b’mod iktar sussidjarju mir-rikorrenti fir-raba’ kap ta’ talbiet tagħha.

 Fuq linteressi relatati malkumpens li lQorti Ġenerali tagħti lirrikorrenti

139    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali żżid il-kumpens li hija tista’ tagħtiha b’interessi moratorji mid-data tal-għoti tas-sentenza li għandha tingħata u sal-ħlas sħiħ. Din iż-żieda għandha tkun ibbażata fuq ir-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs jew, sussidjarjament, fuq rata oħra ta’ interessi moratorji li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa.

140    Il-Kummissjoni titlob li din it-talba tiġi miċħuda minħabba li r-rikorrenti ma għandhiex dritt għal kumpens.

141    Fir-rigward ta’ talba bbażata fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fl-assenza ta’ ċirkustanzi partikolari, l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji jitnissel sa mis-sentenza li tikkonstata l-obbligu li jiġi kkumpensat id-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il‑Kummissjoni, C‑152/88, EU:C:1990:259, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Għall-iffissar tar-rata tal-interessi moratorji, huwa opportun li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 99(2)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament finanzjarju (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36). B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rata ta’ interessi applikabbli hija kkalkolata abbażi tar-rata applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid hekk kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar tat-terminu, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs (ara, b’analoġija, id-digrieti tal‑14 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Marcuccio, C‑617/11 P‑DEP, mhux ippubblikat, EU:C:2016:17, punt 12, u tas‑7 ta’ Ottubru 2020, Argus Security Projects vs Il‑Kummissjoni u EUBAM Libya, T‑206/17 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2020:476, punt 61).

143    F’dan il-każ, il-kumpens previst fil-punt 137 iktar ’il fuq għandu jiżdied b’interessi moratorji, sa mill-għoti ta’ din is-sentenza u sal-ħlas sħiħ. Ir-rata tal-interessi moratorji hija dik applikata mill-BĊE għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs.

 Fuq ittalba għal annullament

144    Fil-kuntest tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE inkwantu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat li tħallasha interessi moratorji. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE inkwantu d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni jew b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

145    Fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, hemm lok li jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 12 sa 17 iktar ’il fuq), tal-kuntest tal-adozzjoni tagħha (ara, l-punti 1 sa 10 iktar ’il fuq) kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tifhem li l-Kummissjoni kienet irrifjutat li tħallasha interessi moratorji minħabba, minn naħa, li l-Artikolu 266 TFUE kien jimponilha biss li tħallas l-interessi “ġġenerat[i]” msemmija fl-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 u, min-naħa l-oħra, li s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2019, Printeos vs Il‑Kummissjoni (T‑201/17, EU:T:2019:81), ma kinitx timponi, f’dan il-każ, lill-imsemmija istituzzjoni tħallasha interessi moratorji. Il-ftehim tad-deċiżjoni kkontestata mir-rikorrenti hija barra minn hekk ikkorroborata mill-argumenti mqajma minn din tal-aħħar fil-kuntest tar-rikors tagħha. Barra minn hekk, mill-punti 72 sa 111 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kienet f’pożizzjoni li tevalwa, fil-mertu, il-legalità tar-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji lir-rikorrenti.

146    Għalhekk, it-tieni motiv huwa miċħud.

147    Fir-rigward tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji, mill-punti 72 sa 111 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kisret din id-dispożizzjoni meta, fid-deċiżjoni kkontestata, hija rrifjutat li tħallas lir-rikorrenti interessi moratorji fuq il-parti mill-ammont tal-multa li hija kienet irċeviet indebitament, għall-perijodu bejn is‑16 ta’ Jannar 2015, data tal-ħlas tal-multa, u d‑19 ta’ Frar 2019, data tar-rimbors tal-parti mill-ammont finalment meqjusa bħala indebita mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930).

148    Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq lispejjeż

149    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

150    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tilfet f’dak li jirrigwarda t-tieni kap ta’ talbiet tagħha. Madankollu, l-ewwel, it-tielet u l-ħames kap ta’ talbiet ġew milqugħa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas parti kbira mill-kumpens mitlub mir-rikorrenti bħala kumpens għad-dannu li hija ġarrbet. Fl-aħħar, mill-proċess ma jirriżultax li, wara l-għoti tas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), il-Kummissjoni ddeċidiet li tħallas interessi moratorji lir-rikorrenti għall-perijodu bejn is‑16 ta’ Jannar 2015 u d‑19 ta’ Frar 2019. F’dawn iċ-ċirkustanzi hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is‑Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas kumpens ta’ ammont ta’ EUR 1 750 522.83 lil Deutsche Telekom AG bħala kumpens għad-dannu mġarrab.

2)      Il-kumpens previst fil-punt 1 għandu jiżdied b’interessi moratorji, sa mill-għoti ta’ din is-sentenza u sal-ħlas sħiħ, bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs.

3)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat28 ta’ Ġunju 2019 li tirrifjuta li tħallas interessi moratorji lil Deutsche Telekom, għall-perijodu bejn is16 ta’ Jannar 2015 u d19 ta’ Frar 2019, fuq l-ammont prinċipali tal-multa rrimborsat wara s-sentenza tat13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs IlKummissjoni (T827/14, EU:T:2018:930), hija annullata.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, nofs l-ispejjeż sostnuti minn Deutsche Telekom.

6)      Deutsche Telekom hija kkundannata tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

da Silva Passos

Valančius

Reine

Truchot

 

      Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑19 ta’ Jannar 2022.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


i Fil-paragrafu introduttorju saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.