Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Diċembru 2023 – BEI vs Is-Sirja

(Kawża T-465/22) 1

(“Klawżola ta’ arbitraġġ – Ftehim ta’ self li jirrigwarda proġett ta’ bini ta’ triq ta’ kwalità għolja f’pajjiż terz – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt – Rimbors tas-somom antiċipati – Interessi moratorji – Proċedura fil-kontumaċja”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Il-Bank Ewropew tal-Investiment (rappreżentanti: T. Gilliams, R. Stuart u F. Oxangoiti Briones, aġenti, assistiti minn D. Arts u E. Paredis, avukati)

Konvenut: Ir-Repubblika Għarbija Sirjana

Suġġett

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jitlob li r-Repubblika Għarbija Sirjana tiġi kkundannata tħallsu s-somma ta’ EUR 233 051.96, flimkien mal-interessi, skont il-Ftehim ta’ self Nru 60136 li jirrigwarda proġett ta’ bini ta’ triq ta’ kwalità għolja bejn Aleppo (is-Sirja) u Tall Kojak (l-Iraq).

Dispożittiv

Ir-Repubblika Għarbija Sirjana hija kkundannata tirrimborsa lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) is-somma ta’ EUR 233 051.96 li jirrappreżentaw l-ammonti ta’ kapital u l-interessi kuntrattwali u moratorji dovuti sat-30 ta’ Ġunju 2022.

Is-somma ta’ EUR 200 900.30 inklużi l-ammonti ta’ kapital huma suġġetti għal interessi moratorji bir-rata annwali ta’ 3.5 % li jibdew jiddekorru mit-30 ta’ Ġunju 2022 sad-data tal-ħlas.

Ir-Repubblika Għarbija Sirjana hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1     ĠU C 359, 19.9.2022.