Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Diċembru 2023 – BNP Paribas vs SRB

(Kawża T-397/21) 1

(“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF)  – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis”)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: BNP Paribas (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A. Gosset-Grainville u M. Trabucchi, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (rappreżentanti: J. Kerlin, C. De Falco u C. Flynn, aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, F. Louis, P. Gey u V. Del Pozo Espinosa de los Monteros, avukati)

Intervenjenti insostenn tal-konvenut: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti : J. Etienne, O. Denkov u M. Menegatti, aġenti), Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti : E. d’Ursel, A. Westerhof Löfflerová u J. Bauerschmidt, aġenti), Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti : D. Triantafyllou, A. Nijenhuis u A. Steiblytė, aġenti).

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, sa fejn din tikkonċernaha.

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għandha tiġi annullata sa fejn din tikkonċerna lil BNP Paribas.

L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22, sa fejn din tikkonċerna lil BNP Paribas, għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma għandux jeċċedi sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni tal-2021.

Is-SRB huwa kkundannat, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tiegħu, għal dawk sostnuti minn BNP Paribas.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

____________

1     ĠU C 338, 23.8.2021.