Language of document : ECLI:EU:T:2023:66

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Frar 2023 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda minħabba s-sitwazzjoni fil-Bjelorussja – Listi tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni u żamma tal-isem tar-rikorrenti fil-listi – Kunċett ta’ ‘persuna responsabbli għar-repressjoni’ – Żball ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑536/21,

Belaeronavigatsia, stabbilita f’Minsk (Il-Bjelorussja), irrappreżentata minn M. Michalauskas, avukat,

rikorrenti,

vs

IlKunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn R. Meyer u S. Van Overmeire, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito u M. Carpus Carcea, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. Svenningsen, President, J. Laitenberger u M. Stancu (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Belaeronavigatsia, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1001 tal‑21 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2021, L 219 I, p. 67), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/999 tal‑21 ta’ Ġunju 2021 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja (ĠU 2021, L 219 I, p. 55) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti inizjali”), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/307 tal‑24 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2022, L 46, p. 97), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/300 tal‑24 ta’ Frar 2022 li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2022, L 46, p. 3) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ żamma”), sa fejn dawn l-atti (iktar ‘’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”) jikkonċernawha.

 Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

2        Ir-rikorrenti, Belaeronavigatsia, hija l-impriża tal-Istat Bjelorussu li l-attività tagħha tikkonsisti fir-regolazzjoni tal-ispazju tal-ajru u fl-assistenza fit-traffiku tal-ajru fil-Bjelorussja.

3        Din il-kawża tidħol fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea mill‑2004 minħabba s-sitwazzjoni fil-Bjelorussja fir-rigward tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem. B’mod iktar speċifiku, din hija marbuta mal-intensifikazzjoni tal-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tar-repressjoni eżerċitata b’mod brutali fil-konfront tal-opponenti tar-reġim tal-President Lukashenko wara l-elezzjoni presidenzjali tad‑9 ta’ Awwissu 2020, li ġiet iddikjarata inkompatibbli mal-istandards internazzjonali mill-Unjoni.

4        Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fit‑18 ta’ Mejju 2006, abbażi tal-Artikoli 75 u 215 TFUE, ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belarus (ĠU 2008, L 352M, p. 432) u, fil‑15 ta’ Ottubru 2012, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU 2012, L 285, p. 1).

5        Skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2012/642 u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 765/2006, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1014/2012 tas‑6 ta’ Novembru 2012, fejn l-aħħar dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-ewwel waħda, għandhom jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha miżmuma jew ikkontrollati, b’mod partikolari, minn persuni, entitajiet jew korpi responsabbli minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew mir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom jikkawżaw dannu serju, b’mod ieħor, għad-demokrazija jew lill-Istat tad-dritt fil-Bjelorussja (iktar ’il quddiem il-“kriterju ġenerali kontenzjuż”).

6        Permezz tal-atti inizjali, isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-listi tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi kkonċernati mill-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2012/642 u fl-Anness I tar-Regolament Nru 765/2006 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“listi inkwistjoni”).

7        Fl-atti inizjali, il-Kunsill iġġustifika l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi inkwistjoni għar-raġunijiet li ġejjin:

“L-intrapriża tal-Istat BELAERONAVIGATSIA hija responsabbli għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru tal-Belarussja. Għalhekk hija responsabbli għad-devjazzjoni tat-[titjira FR4978] lejn l-ajruport ta’ Minsk mingħajr ġustifikazzjoni xierqa fit‑23 ta’ Mejju 2021. Din id-deċiżjoni politikament motivata kellha l-għan tal-arrest u d-detenzjoni tal-ġurnalist tal-oppożizzjoni Raman Pratasevich u Sofia Sapega u hija forma ta’ repressjoni kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja.

L-intrapriża tal-Istat BELAERONAVIGATSIA hija għalhekk responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika.”

8        Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill bagħat lir-rikorrenti notifika individwali tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni, billi annetta magħha kopja tal-atti inizjali. F’din l-ittra, il-Kunsill informa lir-rikorrenti li hija kellha l-possibbiltà li titlob l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li isimha jiġi inkluż fl-imsemmija listi u li tikkontesta dik id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

9        Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Novembru 2021, ir-rikorrenti kkontestat l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni u talbet lill-Kunsill sabiex jagħmel eżami mill-ġdid.

10      Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Jannar 2022, il-Kunsill wieġeb għat-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti u bagħtilha d-dokument WK 15389/2021 INIT. Permezz ta’ din l-istess ittra, huwa informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jżomm isimha fil-listi inkwistjoni u bil-possibbiltà li tifformula osservazzjonijiet f’dan ir-rigward sat‑2 ta’ Frar 2022.

11      Permezz ta’ ittri tas‑26 ta’ Jannar u tal‑1 ta’ Frar 2022, ir-rikorrenti kkontestat ir-rilevanza tal-provi miġbura fid-dokument WK 15389/2021 INIT u talbet lill-Kunsill sabiex jipproċedi għal eżami mill-ġdid tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi inkwistjoni.

12      Permezz tal-atti ta’ żamma, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi inkwistjoni nżammet sat‑28 ta’ Frar 2023, u l-motivi li jiġġustifikaw din iż-żamma kienu dawn li ġejjin:

“L-intrapriża tal-istat Belaeronavigatsiahija responsabbli għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru tal-Belarussja. Għalhekk hija responsabbli għad-devjazzjoni tat-[titjira FR4978] lejn l-ajruport ta’ Minsk mingħajr ġustifikazzjoni xierqa fit‑23 ta’ Mejju 2021. Din id-deċiżjoni politikament motivata ttieħdet bl-għan li jiġu arrestati u detenuti l-ġurnalist tal-oppożizzjoni Raman Pratasevich u Sofia Sapega u hija forma ta’ repressjoni kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja.

L-intrapriża tal-istat Belaeronavigatsia hija għalhekk responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika.”

13      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Frar 2022, il-Kunsill wieġeb għall-ittri tar-rikorrenti msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq u bagħat lil din tal-aħħar id-dokumenti WK 1795/2022 INIT u WK 1795/2022 ADD 1. Permezz tal-istess ittra, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrenti d-deċiżjoni tiegħu li jżomm isimha fil-listi inkwistjoni.

 Ittalbiet talpartijiet

14      Permezz tar-rikors tagħha, ippreżentat fl‑1 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrenti inizjalment ikkontestat l-atti inizjali sa fejn jikkonċernawha. Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrenti adattat it-talbiet tagħha sabiex tinkludi wkoll l-atti ta’ żamma sa fejn jikkonċernawha.

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati sa fejn jirrigwardawha;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

17      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni u, it-tieni wieħed, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni

18      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill li qies li l-kriterju ġenerali kontenzjuż kien kriterju oġġettiv li ma kienx jeżiġi li jintwera li l-persuna jew l-entità kkonċernata mill-miżuri restrittivi kellha l-intenzjoni li tipparteċipa fl-att ta’ repressjoni mwettaq. F’dan ir-rigward, mingħajr ma teċċepixxi l-illegalità tal-kriterju ġenerali kontenzjuż, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-kliem “responsabbli […] għar-repressjoni” użati fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2012/642 u fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 765/2006 jindikaw li l-imsemmi kriterju jimplika l-eżistenza ta’ element intenzjonali u, għalhekk, il-prova li l-persuna jew l-entità suġġetta għall-miżuri restrittivi kellha l-intenzjoni li tipparteċipa fl-att ta’ repressjoni li hija akkużata bih.

19      Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma setax sempliċement juri l-imputabbiltà materjali tad-devjazzjoni tat-titjira FR4978 lejn l-ajruport ta’ Minsk (il-Bjelorussja) fit‑23 ta’ Mejju 2021 u li huwa kellu wkoll juri element intenzjonali fir-rigward tar-rikorrenti, jiġifieri l-fatt li, permezz tal-atti tagħha, hija kienet deliberatament ipparteċipat fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika. Fl-assenza ta’ din il-prova, il-Kunsill ma setax jikkunsidra li kienet teżisti bażi fattwali suffiċjenti sabiex juri l-intenzjoni tagħha li tieħu sehem fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika.

20      Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-aġir tagħha ma kienx motivat minn kunsiderazzjonijiet politiċi, iżda għall-kuntrarju mill-obbligi tagħha fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni bħala impriża tal-Istat responsabbli għar-regolamentazzjoni tal-ispazju tal-ajru u għall-assistenza fit-traffiku tal-ajru konformement mal-konvenzjonijiet internazzjonali li l-Bjelorussja hija parti minnhom. Ir-rikorrenti għalhekk aġixxiet konformement mal-Konvenzjoni għat-Trażżin ta’ Atti Illegali kontra s-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili, iffirmata f’Montréal (il-Kanada) fit‑23 ta’ Settembru 1971, u l-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, konkluża f’Chicago (l-Istati Uniti) fis‑7 ta’ Diċembru 1944.

21      Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li hija setgħet tiġi mmanipulata mis-servizzi esterni għall-impriża tagħha li informawha bil-preżenza ta’ bomba abbord it-titjira FR4978 u li, peress li ma kellhiex fil-pussess tagħha l-lista tal-passiġġieri, hija ma kellhiex raġunijiet sabiex tissuspetta tali manipulazzjoni. Iċ-ċirkustanza, li r-rikorrenti tikkontesta, li l-posta elettronika bit-twissija tal-bomba ġiet riċevuta mill-ajruport ta’ Minsk biss 24 minuta wara l-komunikazzjoni lill-bdot tat-titjira FR4978 ta’ din it-twissija, ma jeskludix il-bona fide tagħha peress li hija aġixxiet biss skont l-informazzjoni riċevuta mis-servizzi ta’ sigurtà tal-ajruport ta’ Minsk. Barra minn hekk, hija ma tistax tinżamm responsabbli għad-devjazzjoni tat-titjira FR4978 peress li hija sempliċement ħarġet rakkomandazzjoni lill-bdot, u huwa nnifsu ħa d-deċiżjoni li jinżel fil-Bjelorussja.

22      Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

23      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2012/642 u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 765/2006, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha miżmuma jew ikkontrollati minn, b’mod partikolari, il-persuni, l-entitajiet jew l-organi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom jippreġudikaw serjament, b’mod ieħor, id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, għandhom jiġu ffriżati.

24      Fir-rigward tan-natura tal-kriterju ġenerali kontenzjuż, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem “responsabbli […] għar-repressjoni” użati fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2012/642 u fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 765/2006 ma huma ddefiniti la minn dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas minn dispożizzjonijiet oħra tad-Deċiżjoni 2012/642 jew tar-Regolament Nru 765/2006.

25      Konsegwentement, it-tifsira u l-portata tal-imsemmi kliem għandhom jiġu stabbiliti konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li jintużaw fih u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2005, EasyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Mejju 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑239/17, EU:T:2019:289, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li, fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kliem “responsabbli għar-” jindika dak jew dik li l-atti u/jew l-attivitajiet tagħha pproduċew konsegwenza li l-awtur ta’ dawn l-atti u/jew ta’ dawn l-attivitajiet jaf jew ma jistax raġonevolment jinjora.

27      It-tieni, mill-kuntest li fih jintuża l-kliem “responsabbli […] mir-repressjoni”, u b’mod partikolari mill-użu, fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2012/642 u fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 765/2006, tal-formulazzjoni “persuni, entitajiet jew korpi responsabbli […] għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom ikunu serjament jipperikolaw[, b’xi mod ieħor,] id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja”, isegwi li l-intenzjoni normattiva kienet li tiġi koperta mill-kriterju ġenerali kontenzjuż, b’mod ġenerali, kull persuna, entità jew organu li l-attivitajiet tiegħu jipperikolaw serjament id-demokrazija jew l-Istat tad-dritt fil-Bjelorussja. Barra minn hekk, l-użu tal-frażi “[b’xi mod ieħor]” fit-tieni parti tal-imsemmija dispożizzjonijiet juri l-intenzjoni normattiva li r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika titqies bħala tip ta’ attivitajiet li jipperikolaw serjament id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja. Fl-aħħar, l-użu tal-kelma “attivitajiet” huwa indikazzjoni tal-intenzjoni normattiva li jiġu koperti l-persuni, l-entitajiet jew l-organi li l-attivitajiet tagħhom jipperikolaw serjament id-demokrazija jew l-Istat tad-dritt fil-Bjelorussja, minħabba l-fatt li dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu għall-imsemmija perikoli, indipendentement mill-eżistenza jew le ta’ element intenzjonali f’dan ir-rigward.

28      It-tielet, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni 2012/642 u mir-Regolament Nru 765/2006, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 21(2)(b) TUE, il-konsolidazzjoni u l-appoġġ tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali fix-xena internazzjonali jikkostitwixxu wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK).

29      F’dan il-każ, bħalma jsegwi mill-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2012/642, il-miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja ġew adottati minħabba n-nuqqas ta’ osservanza persistenti tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f’dan il-pajjiż. L-imsemmija miżuri huma intiżi sabiex jagħmlu pressjoni fuq ir-reġim tal-President Lukashenko sabiex itemm il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika.

30      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-approċċ li jikkonsisti f’li jkunu fil-mira l-persuni, l-entitajiet u l-korpi li l-atti u/jew l-attivitajiet tagħhom jikkontribwixxu għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika jissodisfa, b’mod koerenti, l-għan imsemmi fil-punt 29 iktar ’il fuq u ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies bħala mhux xieraq fid-dawl tal-għan imfittex (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 147). Fil-fatt, l-atti u/jew l-attivitajiet li jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika għandhom jieqfu mhux biss fil-każ fejn dawn l-atti u/jew dawn l-attivitajiet ikunu twettqu intenzjonalment, iżda wkoll fil-każ fejn ebda element intenzjonali ma jkun jista’ jiġi identifikat fil-konfront tal-awturi tagħhom.

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kriterju ġenerali kontenzjuż għandu jiġi interpretat fis-sens li huma responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika l-persuni, l-entitajiet jew l-organi li l-atti u/jew l-attivitajiet tagħhom jikkontribwixxu għall-imsemmija repressjoni, indipendentement mill-intenzjoni tagħhom, hekk kif ikunu jafu jew ma jistgħux raġonevolment jinjoraw il-konsegwenzi tal-atti tagħhom u/jew tal-attivitajiet tagħhom.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-miżuri restrittivi ma jikkostitwixxux miżuri punittivi li jeħtieġu li jintwera element intenzjonali fir-rigward tal-awtur tal-atti u/jew tal-attivitajiet inkwistjoni.

33      Fil-fatt, l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li r-rikorrenti hija suġġetta għalihom ma jikkostitwixxix sanzjoni amministrattiva u lanqas ma jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

34      Fl-ewwel lok, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tagħti konnotazzjoni kriminali għal miżuri restrittivi ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi meħuda kontra persuna, entità jew organu abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK. Fil-fatt, dawn il-miżuri jikkostitwixxu miżuri preventivi mmirati, li huma intiżi, konformement mal-Artikolu 21(2)(b) TUE, li jikkonsolidaw u li jappoġġjaw fix-xena internazzjonali d-demokrazija, l-Istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali.

35      Fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2012/642 li tistabbilixxi s-sistema ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi kontra l-Bjelorussja la huma intiżi sabiex jissanzjonaw u lanqas sabiex jipprekludu r-repetizzjoni ta’ kwalunkwe aġir. Dawn għandhom bħala għan uniku li jippreżervaw l-attivi miżmuma mill-persuni, l-entitajiet u l-organi msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2012/642, konformement mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-fondi u l-assi tal-persuni kkonċernati ma humiex ikkonfiskati, iżda ffriżati b’mod kawtelatorju.

36      Fit-tielet lok, l-effetti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huma limitati ratione temporis u revokabbli. L-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li huma jipprevedu huwa applikabbli, skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2012/642, għal perijodu determinat, u l-Kunsill, li jiżgura segwitu kostanti tiegħu, jista’ f’kull mument jiddeċiedi li jwaqqfu.

37      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kriterju ġenerali kontenzjuż huwa għalhekk kriterju oġġettiv, marbut mal-atti u/jew mal-attivitajiet tal-persuna milquta minn miżuri restrittivi, li għalhekk ma jeħtieġx li jintwera li hija kellha l-intenzjoni li tipparteċipa, permezz tal-atti u/jew tal-attivitajiet inkwistjoni, fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja.

38      F’dan il-każ, huwa biżżejjed għalhekk li l-fajl tal-Kunsill jinkludi sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi stabbilit li l-atti li r-rikorrenti qiegħda tiġi kkritikata għalihom fil-kuntest tad-devjazzjoni tat-titjira FR4978 ikkontribwixxew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja u li r-rikorrenti kienet taf jew ma setgħetx raġonevolment tinjora din il-konsegwenza tal-atti tagħha.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, la l-fatt li l-att li hija kkritikata għalih jikkostitwixxi att iżolat u lanqas il-fatt li hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku responsabbli għar-regolamentazzjoni tal-ispazju tal-ajru u għall-assistenza għat-traffiku fl-ajru fil-Bjelorussja ma jista’ jkollhom implikazzjonijiet fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju u l-oneru tal-prova li għandu l-Kunsill, peress li la l-Artikolu 29 TUE, la l-Artikolu 215 TFUE, u lanqas l-atti kkontestati adottati abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħmlu distinzjoni fir-rigward tan-natura iżolata jew ripetuta tal-atti u/jew tal-attivitajiet inkriminati jew inkella dwar in-natura tal-atti u/jew tal-attivitajiet tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi.

40      Fir-rigward tal-portata tal-imsemmi stħarriġ, mill-ġurisprudenza jsegwi li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li permezz tagħha miżuri restrittivi jkunu ġew adottati jew miżmuma, li għandha portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119). L-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement b’saħħitha tal-bażi fattwali adottata mill-Kunsill għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi u l-informazzjoni mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Fil-fatt, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova imposta fuqu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn l-entità suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet miġġielda (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Badica u Kardiam vs Il‑Kunsill, T‑619/15, EU:T:2017:532, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti hija l-impriża tal-Istat Bjelorussu responsabbli għar-regolamentazzjoni tal-ispazju tal-ajru u għall-assistenza fit-traffiku tal-ajru, u li hija rrakkomandat, permezz tal-kontrollur tal-ajru tagħha li kien f’kuntatt mal-bdot tat-titjira FR4978 (iktar ’il quddiem il-“kontrollur tal-ajru”), li l-ajruplan jiġi ddevjat lejn l-ajruport ta’ Minsk u jinżel hemmhekk, li ppermetta l-arrest tal-ġurnalist u avversarju Raman Pratasevich u ta’ Sofia Sapega mill-awtoritajiet Bjelorussi.

42      F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi enfasizzat li mit-traskrizzjoni tal-komunikazzjoni bejn il-bdot tat-titjira FR4978 u l-kontrollur tal-ajru kkomunikata mill-awtoritajiet Bjelorussi u li l-kontenut tagħha huwa rriprodott f’artiklu ppubblikat fil‑25 ta’ Mejju 2021 fuq is-sit internet ta’ Reuters, li jagħmel parti mill-provi tal-Kunsill miġbura fid-dokument WK 6825/2021 INIT li fuqhom hija bbażata l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi inkwistjoni permezz tal-atti inizjali, jsegwi li r-rakkomandazzjoni ta’ devjazzjoni lejn l-ajruport ta’ Minsk la ġiet mill-kumpannija tal-ajru inkarigata mit-titjira u lanqas mill-ajruporti ta’ tluq jew ta’ nżul, iżda biss mir-rikorrenti.

43      Barra minn hekk, minn diversi artikli tal-istampa miġbura fid-dokument WK 6825/2021 INIT isegwi li d-devjazzjoni tat-titjira FR4978 kienet il-kawża tal-arrest tal-ġurnalist u avversarju Raman Pratasevich u ta’ Sofia Sapega, li kienu passiġġieri tal-imsemmija titjira.

44      Għalhekk, l-informazzjoni li kellu l-Kunsill fil-mument tal-adozzjoni tal-atti inizjali tikkostitwixxi sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li juru li, mingħajr ir-rakkomandazzjoni tar-rikorrenti li tinżel fl-ajruport ta’ Minsk, it-titjira FR4978 ma kinitx tiġi ddevjata lejn dan l-ajruport u li din id-devjazzjoni wasslet għall-arrest tal-ġurnalist u avversarju Raman Pratasevich u ta’ Sofia Sapega.

45      Dan l-arrest jikkostitwixxi att ta’ repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, peress li, bħalma jsegwi mill-provi prodotti mill-Kunsill, il-ġurnalist u avversarju Raman Pratasevich ġie arrestat minħabba li kien akkużat b’terroriżmu mill-awtoritajiet Bjelorussi minħabba l-attivitajiet tiegħu ta’ ġurnalist u ta’ avversarju tar-reġim tal-President Lukashenko. Barra minn hekk, mill-provi prodotti mill-Kunsill isegwi li dan l-arrest sar wara l-elezzjoni presidenzjali tad‑9 ta’ Awwissu 2020, li ġiet iddikjarata inkompatibbli mal-istandards internazzjonali mill-Unjoni u li ġiet segwita minn intensifikazzjoni tal-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tar-repressjoni eżerċitata b’mod brutali fil-konfront tal-avversarji tar-reġim tal-President Lukashenko.

46      Fir-rigward taż-żamma tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni li saret disponibbli wara l-adozzjoni tal-atti inizjali, jiġifieri d-diversi artikli tal-istampa riprodotti fid-dokument WK 15389/2021 INIT, ir-rapport preliminari ppubblikat fis‑7 ta’ Jannar 2022 mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) wara l-ewwel investigazzjoni fattwali dwar l-inżul forzat tat-titjira FR4978, riprodott fid-Dokumenti WK 1795/2022 INIT u WK 795/2022 INIT, kif ukoll ix-xhieda tal-kontrollur tal-ajru miġbura mill-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki u t-traskrizzjoni tar-reġistrazzjoni magħmula minn dan tal-aħħar tal-konverżazzjonijiet li seħħew fit-torri tal-kontroll matul l-avvenimenti, riprodotta fid-Dokument WK 1795/2022 ADD 1, sempliċement jikkonfermaw u jippreċiżaw il-fatti li kienu disponibbli waqt l-adozzjoni tal-atti inizjali. Għalhekk, minn dawn il-provi jsegwi li l-posta bit-twissija tal-bomba riċevuta b’mod partikolari mill-ajruport ta’ Minsk intbagħtet – allegatament permezz tal-moviment Hamas, li malajr ċaħad li huwa l-awtur tagħha – wara li l-bdot kien ġie informat b’din l-allegata twissija. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ddikjarat il-fażi ta’ twissija biss fil-mument meta l-bdot nieda l-messaġġ ta’ diffikultà “Mayday” u informa lill-kontrollur tal-ajru bid-deċiżjoni li jinżel fl-ajruport ta’ Minsk.

47      Mill-bqija, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk ġie ppubblikat fid‑19 ta’ Lulju 2022, jiġifieri wara l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma, ir-rapport definittiv tal-ICAO jikkonferma l-informazzjoni li tinsab fir-rapport preliminari tal-ICAO tas‑7 ta’ Jannar 2022 (ara, dwar l-opponibbiltà ta’ informazzjoni pprovduta matul il-proċedura ġudizzjarja, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Souruh vs Il‑Kunsill, T‑440/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:115, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti skont liema, l-ewwel, hija setgħet tiġi mmanipulata mis-servizzi esterni għall-impriża tagħha li informawha bil-preżenza ta’ bomba abbord it-titjira FR4978 u, it-tieni, peress li ma kellhiex fil-pussess tagħha l-lista tal-passiġġieri, hija ma kellha ebda raġuni sabiex tissuspetta tali manipulazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li mid-dokumenti tal-proċess, b’mod partikolari mix-xhieda tal-kontrollur tal-ajru miġbura mill-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki, li, barra minn hekk, ġiet irriprodotta fir-rapport definittiv tal-ICAO tad‑19 ta’ Lulju 2022, isegwi li l-korpi governattivi tar-rikorrenti kif ukoll il-persunal ikkonċernat tagħha kienu perfettament konxji tal-aspett li kienu qegħdin jipparteċipaw f’operazzjoni li kellha bħala suġġett id-devjazzjoni tat-titjira FR4978 lejn l-ajruport ta’ Minsk għal raġunijiet li ma kellhom ebda rabta mas-sigurtà fl-avjazzjoni.

49      Qabelxejn, il-kontrollur tal-ajru ddikjara li, ħafna żmien qabel id-dħul tat-titjira FR4978 fl-ispazju tal-ajru Bjelorussu, id-direttur ġenerali tar-rikorrenti, akkumpanjat minn persuna mhux magħrufa, li r-rikorrenti kkonfermat waqt is-seduta li hija kienet tagħmel parti mill-kumitat għas-sigurtà tal-Istat Bjelorussu (KGB), kienu marru jitkellmu mas-superjur ġerarkiku tiegħu u li, sussegwentement, dan tal-aħħar informah li kien mistenni ajruplan b’bomba abbord fl-ispazju tal-ajru Bjelorussu, iżda li huwa kien ipprojbit milli jwissi immedjatament lill-ajruplan ikkonċernat, peress li dan tal-aħħar seta’ jkun irid jinżel fl-ajruport l-iżjed qrib jew fis-settur tal-ajru ta’ ħdejn fejn kien jinsab f’dak il-mument, f’dan il-każ l-Ukraina.

50      Sussegwentement, il-kontrollur tal-ajru indika li s-superjur ġerarkiku tiegħu kien ordnalu jibgħat lill-bdot tat-titjira FR4978 l-informazzjoni li tgħid li bomba li kienet tinsab abbord kienet ser tisplodi fuq Vilnjus (il-Litwanja) u li, sussegwentement, il-persuna mhux magħrufa li huwa ssuspetta li kienet fil-KGB baqgħet il-ħin kollu bilqiegħda maġenbu tindikalu kif iwieġeb għall-mistoqsijiet magħmula mill-bdot tat-titjira FR4978. Għalhekk, huwa fuq struzzjoni tal-imsemmija persuna li l-kontrollur tal-ajru indika lill-imsemmi bdot li l-informazzjoni dwar il-bomba kienet ġejja mis-servizzi ta’ sigurtà, li kienet intbagħtet posta elettronika f’dan ir-rigward u li l-kodiċi ta’ twissija kien aħmar. Wara li l-imsemmi bdot nieda l-messaġġ ta’ diffikultà “Mayday” u beda l-inżul tiegħu lejn l-ajruport ta’ Minsk, l-imsemmija persuna skambjat messaġġi telefoniċi ma’ terz billi kkonfermatlu li l-bdot kien ħa d-deċiżjoni li jinżel fl-ajruport ta’ Minsk.

51      Barra minn hekk, mill-proċess isegwi li, ftit jiem wara d-devjazzjoni tat-titjira FR4978, il-kontrollur tal-ajru ġie msejjaħ fil-bini tar-rikorrenti, fejn is-superjuri ġerarċiċi tiegħu talbuh jemenda d-dikjarazzjoni tiegħu, sabiex din ma tiżvelax l-inkoerenzi fil-kronoloġija tal-avvenimenti.

52      Fl-aħħar, mill-proċess isegwi li l-awtoritajiet Amerikani wettqu l-investigazzjoni tagħhom stess, li wasslet lill-Gran Ġuri tal-Qorti Federali Distrettwali tad-Distrett ta’ New York (l-Istati Uniti) sabiex iħejji att ta’ akkuża dwar id-devjazzjoni tat-titjira FR4978 kontra erba’ uffiċjali Bjelorussi, jiġifieri d-Direttur Ġenerali u l-Assistent Direttur Ġenerali tar-rikorrenti, kif ukoll żewġ aġenti tal-KGB. L-imsemmi att isemmi b’mod partikolari li dawn il-persuni kienu parteċipanti essenzjali f’komplott intiż li jiddevja t-titjira FR4978 lejn l-ajruport ta’ Minsk, li huma kkollaboraw mal-persunal tar-rikorrenti sabiex jittrażmettu twissija falza ta’ bomba fit-titjira FR4978 għad-devjazzjoni tagħha u li sussegwentement iffalsifikaw rapporti sabiex jaħbu l-azzjonijiet tagħhom.

53      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti u fid-dawl tal-kuntest politiku fil-Bjelorussja fiż-żmien meta seħħew il-fatti, ikkaratterizzat minn intensifikazzjoni tal-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tar-repressjoni eżerċitata b’mod brutali fil-konfront tal-avversarji tar-reġim tal-President Lukashenko wara l-elezzjoni presidenzjali tad‑9 ta’ Awwissu 2020, li ġiet iddikjarata inkompatibbli mal-istandards internazzjonali, ir-rikorrenti ma setgħetx, tal-inqas b’mod raġonevoli, tinjora li l-attivitajiet tagħha użati sabiex tiġi ddevjata t-titjira FR4978 lejn Minsk għal raġunijiet li ma kellhom ebda rabta mas-sigurtà fl-avjazzjoni kienu jikkontribwixxu għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika.

54      Għaldaqstant, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li, bl-involviment tagħha, bħala impriża pubblika responsabbli għar-regolamentazzjoni tal-ispazju tal-ajru u tal-assistenza għat-traffiku tal-ajru fil-Bjelorussja, fid-devjazzjoni tat-titjira FR4978, ir-rikorrenti hija responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja.

55      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti tar-rikorrenti.

56      Fil-fatt, l-ewwel, fir-rigward tal-argument li, fid-dawl tal-Artikolu 20 tal-Karta, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-parteċipazzjoni oġġettiva tar-rikorrenti fid-devjazzjoni tat-titjira FR4978 għandu jwassal sabiex jiġu ssanzjonati awtomatikament dawk kollha li intwera r-rwol strumentali tagħhom, inkluż il-bdot tal-imsemmija titjira, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kunsill jibqa’ liberu li jevalwa, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu mit-Trattat FUE, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, inkluż id-determinazzjoni tal-persuni kkonċernati mill-adozzjoni eventwali tal-miżuri restrittivi individwali bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 194).

57      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li allegat ir-rikorrenti waqt is-seduta, l-interpretazzjoni tal-kriterju ġenerali kontenzjuż kif mogħtija fil-punt 31 iktar ‘il fuq ma timplikax li kull att u/jew kull attività li tikkontribwixxi b’mod ekwivalenti għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika hija koperta minn dan il-kriterju indipendentement mill-klassifikazzjoni materjali tagħha. Fil-fatt, in-natura oġġettiva tagħha għandha neċessarjament tiġi ddeterminata konformement mal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2012/642 u mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 765/2006, li jirrigwardaw biss l-atti u/jew l-attivitajiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala atti ta’ repressjoni, aspett li jeskludi l-atti nieqsa, min-natura tagħhom, minn kull rabta intrinsika mar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika.

58      It-tieni, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Il-Qorti tal-Awdituri vs Pinxten (C‑130/19, EU:C:2021:782), u skont liema, minn naħa, huma biss uħud mir-rappreżentanti u impjegati tagħha li kienu effettivament involuti fid-devjazzjoni msemmija iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, is-sanzjoni tal-membru tal-istituzzjoni li jwettaq ksur ma għandhiex awtomatikament tiġi mtennija fuq l-istituzzjoni kollha kemm hi, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma ġustament jindika l-Kunsill, teżisti differenza ta’ natura bejn, minn naħa, att imwettaq waħdu minn aġent jew membru ta’ istituzzjoni, li jaġixxi f’ismu stess, b’detriment għall-istituzzjoni li jappartjeni għaliha, u, min-naħa l-oħra, bħal f’dan il-każ, att imwettaq minn membri tal-persunal ta’ stabbiliment pubbliku f’ismu, fil-kuntest tal-funzjonijiet li ngħatawlhom, billi jużaw il-mezzi u l-poteri tal-istabbiliment inkwistjoni. Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

59      It-tielet, fir-rigward tal-argument li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi għandha tkun ibbażata fuq allegazzjonijiet ta’ ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju ġenerali kontenzjuż ma jistabbilixxix li huma biss l-atti u/jew l-attivitajiet li għandhom tali natura li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, id-devjazzjoni tat-titjira FR4978 għall-arrest tal-ġurnalist u avversarju Raman Pratasevich u ta’ Sofia Sapega ma tistax tiġi sseparata mill-kuntest li taqa’ fih, jiġifieri dak tal-elezzjoni presidenzjali tad‑9 ta’ Awwissu 2020, li ġiet iddikjarata inkompatibbli mal-istandards internazzjonali mill-Unjoni u li ġiet segwita minn intensifikazzjoni tal-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tar-repressjoni brutali tal-avversarji għar-reġim tal-President Lukashenko.

60      Ir-raba’, fir-rigward tal-argument skont liema l-Kunsill adotta miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti filwaqt li l-ICAO kienet għadha ma tatx il-konklużjonijiet tagħha u li l-Istati Uniti ma kinux adottaw tali miżuri, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-Kunsill, li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li jeżiġi li kull persuna akkużata bi ksur tiġi preżunta innoċenti sakemm il-ħtija tagħha tkun ġiet legalment stabbilita, ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, peress li dawn ma humiex, bħalma ġie indikat fil-punti 34 u 35 iktar ’il fuq, ta’ natura kriminali.

61      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel motiv huwa infondat u għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

62      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

63      Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, ikun sproporzjonat li, għall-istess fatti, kemm ir-rikorrenti kif ukoll id-direttur tagħha jiġu ssanzjonati. Barra minn hekk, anki jekk kienu twettqu żbalji minn membri tal-persunal tagħha, ir-rikorrenti ma għandhiex tiġi ssanzjonata peress li hija ma għandhiex tirrispondi għall-aġir li jikkostitwixxi nuqqasijiet separabbli mis-servizz.

64      Fit-tieni lok, skont ir-rikorrenti, il-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tagħha jistgħu jikkompromettu l-funzjoni tagħha ta’ servizz pubbliku internazzjonali. B’mod partikolari, dawn il-miżuri jistgħu jipprekluduha milli tassumi l-ispejjeż kurrenti tagħha, milli tħallas lura d-djun tagħha fil-konfront ta’ diversi korpi u impriżi u milli tiffinanzja l-investimenti neċessarji sabiex ittejjeb il-kwalità tas-servizzi tagħha.

65      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-awtorizzazzjonijiet eċċezzjonali ta’ rilaxx, previsti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 765/2006, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2021/999 u mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2021/1001 huma impossibbli li jiġu implimentati. In-natura imprattikabbli tal-imsemmija awtorizzazzjonijiet hija spjegata b’mod partikolari mill-fatt li huma inadatti għan-natura strutturali tal-investimenti fis-settur tas-sigurtà fl-avjazzjoni.

66      Il‑Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

67      Għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu ta’ natura li jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il‑Kunsill, C‑380/09 P, EU:C:2012:137, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Il-ġurisprudenza tippreċiża f’dan ir-rigward li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma bħall-PESK, li jimplikaw min-naħa ta’ dan tal-aħħar għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fihom huwa msejjaħ iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għaldaqstant, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Ċertament, id-drittijiet tal-parti kkonċernata huma ristretti sa ċertu punt minħabba l-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tagħha, peress li hija ma tistax, b’mod partikolari, tiddisponi mill-fondi tagħha li potenzjalment jinsabu fit-territorju tal-Unjoni u lanqas tittrasferixxihom lejn l-Unjoni, ħlief bis-saħħa ta’ awtorizzazzjonijiet partikolari. Bl-istess mod, il-miżuri li jirrigwardaw lill-parti kkonċernata jistgħu, skont il-każ, iqanqlu ċerta sfiduċja tal-imsieħba tagħha u tal-klijenti tagħha fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑510/18, EU:T:2020:436, punt 174 (mhux ippubblikata)).

70      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, teżisti relazzjoni raġonevoli bejn il-miżuri restrittivi adottati mill-atti kkontestati u l-għan imfittex.

71      Fil-fatt, sa fejn, kif indikat fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq, dan l-għan huwa, b’mod partikolari, li jiġu promossi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, l-approċċ li jikkonsisti f’li jiġu koperti persuni, entitajiet u korpi li l-atti u/jew l-attivitajiet tagħhom ikkontribwixxew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja jissodisfa, b’mod koerenti, l-imsemmi għan u, fi kwalunkwe każ, ma jistax jitqies li ma huwiex xieraq fid-dawl tal-għan imfittex.

72      Fir-rigward tal-argument dwar il-fatt li l-miżuri jikkonċernaw simultanjament lir-rikorrenti u lid-direttur tagħha, għandu jitfakkar, bħalma huwa indikat fil-punt 56 iktar ’il fuq, li l-Kunsill jibqa’ liberu li jevalwa, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu mit-Trattat FUE, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, inkluż l-adozzjoni ta’ eventwali miżuri restrittivi bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE, u li l-importanza tal-għan imfittex mill-atti kkontestati tiġġustifika li l-miżuri restrittivi jaffettwaw il-persuni kollha responsabbli għall-atti u/jew għall-attivitajiet li jikkontribwixxu għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika.

73      Fir-rigward tal-argument li l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi jista’ jikkomprometti l-missjoni tagħha ta’ servizz pubbliku internazzjonali, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Kunsill, li mid-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti jsegwi li hija, minkejja l-impożizzjoni tal-miżuri inkwistjoni, għamlet profitti sostanzjali fl‑2019 u fl‑2020. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipprovdix elementi konkreti dwar l-investimenti fit-tul li hija ssemmi jew dwar l-ammonti inkwistjoni.

74      Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-awtorizzazzjoni eċċezzjonali għar-rilaxx ma hijiex applikabbli fil-prattika, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistabbilixxix li hija għamlet talba f’dan is-sens li ġiet irrifjutata lilha u li hija ma tipproduċi ebda element konkret ta’ natura li juri li tali awtorizzazzjoni hija insuffiċjenti sabiex tippermettilha tiżgura l-missjonijiet tagħha ta’ sigurtà fl-avjazzjoni.

75      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, it-tieni motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat, u miegħu r-rikors kollu kemm hu.

 Fuq lispejjeż

76      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

77      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

78      F’din il-kawża, peress li r-rikorrenti tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Barra minn hekk, bħala istituzzjoni intervenjenti, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Belaeronavigatsia hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Svenningsen

Laitenberger

Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Frar 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.