Language of document : ECLI:EU:C:2020:846

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

21 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 16(c) – Dritt ta’ rtirar – Eċċezzjonijiet – Oġġetti li saru skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew ippersonalizzati b’mod ċar – Oġġetti li l-produzzjoni tagħhom inbdiet mill-kummerċjant”

Fil-Kawża C‑529/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Potsdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Potsdam, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

Möbel Kraft GmbH & Co. KG

vs

ML,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader, li qiegħda taġixxi bħala President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Möbel Kraft GmbH & Co. KG, minn J. Jeep, Rechtsanwalt,

–        għal ML, minn R. Sterzel, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hödlmayr u B.‑R. Killmann kif ukoll minn C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Möbel Kraft GmbH & Co. KG, kumpannija Ġermaniża li tbigħ l-għamara, u ML, konsumatur, dwar talba għad-danni wara l-irtirar, minn ML, mill-kuntratt konkluż bejn dawn il-partijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 7, 40 u 49 tad-Direttiva 2011/83 jgħidu li ġej:

“(7)      L-armonizzazzjoni sħiħa ta’ wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċjanti għandhom ikunu jistgħu jorbtu fuq qafas regolatorju uniku bbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw ċerti aspetti ta’ kuntratti fl-Unjoni tan-negozju dirett lejn il-konsumatur. [...]

[...]

(40)      It-tulijiet varjanti attwali tal-perjodi ta’ reċess [irtirar] kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll għal kuntratti mill-bogħod jew li jseħħu lil hinn mill-post tan-negozju jikkawżaw inċertezza legali u spejjeż ta’ konformità. [...]

[...]

Għandhom jeżistu ċerti eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess, kemm għall-kuntratt mill-bogħof kif ukoll għal dawklil hinn mill-post tan-negozju. Id-dritt ta’ reċess aktarx ma jkunx xieraq fid-dawl, pereżempju, tan-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi. [...] Id-dritt ta’ reċess ma għandux japplika għall-oġġetti oġġetti skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew personalizzati biċ-ċar, bħall-purtieri magħmulin apposta minn ħajjat, u lanqas għall-provvista ta’ fjuwil, li huwa minn natura tagħhom beni inseparabbli mħalltin ma’ beni oħrajn wara l-kunsinna. [...]”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(3)      ‘oġġetti’ tfisser kwalunkwe oġġett tanġibbli mobbli, bl-eċċezzjoni tal-oġġetti mibjugħa permezz ta’ eżekuzzjoni jew b’mod ieħor bl-awtorità tal-liġi; jidħlu fost l-‘oġġetti’ koperti minn din id-Direttiva l-ilma, il-gass u l-elettriku fejn huma għall-bejgħ f’volum limitat jew fi kwantità fissa;

(4)      ‘oġġett li sar skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur’ tfisser kwalunkwe oġġett li ma ġiex prefabbrikat u sar fuq il-bażi ta’ għażla jew deċiżjoni individwali tal-konsumatur;

[...]

(7)      ‘kuntratt mill-bogħod’ tfisser kwalunkwe kuntratt konkluż bejn il-kummerċjant u il-konsumatur fil-qafas ta’ skema ta’ bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta’ forniment ta’ servizzi, mingħajr il-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew iktar tal-komunikazzjoni mill-bogħod, sal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratt stess;

(8)      ‘kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju’ tfisser kwalunkwe kuntratt bejn il-kummerċjant u il-konsumatur:

(a)      konkluż fil-preżenza simultanja u fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur, f’post li mhuwiex dak tan-negozju tal-kummerċjant;

[...]

(c)      konkluż fil-post tan-negozju tal-kummerċjant iżda permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod immedjatament wara li l-konsumatur ġie avviċinat personalment u individwalment f’post differenti minn dak tan-negozju tal-kummerċjant, fil-preżenza fiżika tal-kummerċjant u l-konsumatur simultanjament; jew

[...]

(9)      ‘post tan-negozju’ tfisser:

(a)      kwalunkwe post fen isir bejħ bl-imnut immobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi permanenti; jew

(b)      kwalunkwe post fen isir bejħ bl-imnut mobbli fejn il-kummerċjant jiżvolġi l-attività tiegħu fuq bażi tas-soltu;

[...]”

5        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

[...]

(h)      f’każ li jeżisti dritt ta’ reċess [irtirar], il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ tali dritt skont l-Artikolu 11(1), kif ukoll il-formola standard ta’ reċess stabbilita fl-Anness I(B);

[...]

(k)      fejn dritt ta’ reċess mhuwiex previst skont l-Artikolu 16, l-informazzjoni li l-konsumatur mhuwiex se jibbenefika minn dritt ta’ reċess jew, jekk ikun il-każ, iċ-ċirkostanzi li fihom il-konsumatur jitlef id-dritt ta’ reċess;

[...]”

6        L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ reċess [rtirar]”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Ħlief fejn japplikaw l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16, il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ 14‑il jum biex jirreċedi [jirtira] minn kuntratt mill-bogħod jewlil hinn mill-post tan-negozju, mingħajr ma jagħti raġuni, u mingħajr ma jġarrab spejjeż differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14.”

7        L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess [rtirar]”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri ma għandhomx jipprevedu d-dritt ta’ reċess [rtirar] stabbilit fl-Artikolu 9 sa 15 għall-kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a)      il-kuntratti ta’ servizz wara l-eżekuzzjoni totali tas-servizz jekk l-eżekuzzjoni tkun nbdiet, bil-kunsens preċedenti tal-konsumatur u bir-rikonoxximent li huwa se jitlef id-dritt ta’ reċess wara l-eżekuzzjoni totali tal-kuntratt min-naħa tal-kummerċjant;

[...]

(c)      il-forniment ta’ oġġetti li saru għall-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew personalizzati b’mod ċar;

[...]

(e)      il-forniment ta’ oġġetti siġillati li mhumiex adatti biex jiġu rritornati minħabba raġunijiet iġjeniċi jew marbutin mal-protezzjoni tas-saħħa u nfetħu wara l-kunsinna;

[...]

(i)      il-forniment ta’ reġistrazzjonijiet tal-awdjo jew tal-vidjo siġillati jew ta’ software tal-kompjuter miftuħa wara l-kunsinna;

[...]

(m)      il-forniment ta’ kontenut diġitali permezz ta’ mezz mhux tanġibbli jekk l-eżekuzzjoni tkun bdiet bil-kunsens espress preċedenti tal-konsumatur u bil-konferma tiegħu li b’ dan jitlef id-dritt tiegħu ta’ reċess.”

 Id-dritt Ġermaniż

8        Skont il-punt 1 tal-Artikolu 312g(2) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/83, id-dritt ta’ rtirar ma japplikax fil-każ ta’ kuntratti ta’ provvista ta’ oġġetti mhux immanifatturati minn qabel u mwettqa skont l-għażla individwali tal-konsumatur jew li huma adattati b’mod ċar għall-bżonnijiet tiegħu.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        ML ikkonkluda ma’ Möbel Kraft, waqt fiera kummerċjali, kuntratt ta’ bejgħ dwar kċina integrata (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”). Sussegwentement, peress li ML invoka dritt ta’ rtirar u peress li, fuq din il-bażi, irrifjuta li jaċċetta l-kunsinna tal-imsemmija kċina, Möbel Kraft adixxiet lill-qorti tar-rinviju, l-Amtsgericht Potsdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Potsdam, il-Ġermanja), b’azzjoni għad-danni minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni minn ML.

10      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-elementi tal-kċina li kienu s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni, li Möbel Kraft kienet għadha ma bdietx il-produzzjoni tagħhom fil-mument meta ML iddeċieda li jirtira minn dan il-kuntratt, kienu ġew assemblati minn impriża oħra skont mudell ta’ titqib ta’ toqob fuq linji tal-manifattura diġitali u ġew immuntati fuq il-post, fid-dar ta’ ML, minn impjegati mhux ta’ din l-impriża l-oħra, iżda ta’ Möbel Kraft. Il-qorti tar-rinviju żżid, f’dan ir-rigward, li l-elementi tal-kċina immanifatturati minn qabel setgħu jiġu żarmati mingħajr telf għall-kummerċjant, sa fejn kienu biss il-pjanċa ta’ wara tan-niċċa, il-wiċċ tal-bank tal-kċina kif ukoll l-għata u l-elementi ta’ konnessjoni li ġew adattati fuq il-post u ma setgħux jerġgħu jintużaw xi mkien ieħor.

11      L-imsemmija qorti tistaqsi jekk, skont il-punt 1 tal-Artikolu 312g(2) tal-Kodiċi Ċivili, id-dritt ta’ rtirar minn kuntratt li jkun jirrigwarda l-provvista ta’ oġġetti li jkunu saru skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew ippersonalizzati b’mod ċar huwiex eskluż meta:

a)      fil-mument tal-irtirar, il-bejjiegħ kien għadu ma bediex l-assemblaġġ tal-elementi differenti li jikkostitwixxu l-oġġett;

b)      l-oġġett ġie adattat fuq il-post mill-bejjiegħ innifsu u mhux minn terzi, u

c)      l-oġġett seta’ jitqiegħed fl-istat preċedenti għall-individwalizzazzjoni permezz ta’ spejjeż ta’ żarmar baxxi, jiġifieri madwar 5 % tal-valur tal-oġġett.

12      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2011/83, iddeċidiet li d-dritt ta’ rtirar ma huwiex eskluż meta l-oġġett jista’, mingħajr telf tas-sustanza u tal-funzjonalità tiegħu, jitqiegħed fl-istat preċedenti għall-individwalizzazzjoni, permezz ta’ spejjeż relattivament baxxi. Għalhekk, il-qorti għolja Ġermaniża qieset li, fil-każ ta’ kompjuter immanifatturat skont l-ispeċifikazzjonijiet tax-xerrej, l-ispejjeż ta’ żarmar li jammontaw għal 5 % tal-valur tal-oġġett kienu relattivament baxxi.

13      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-ġurisprudenza tal-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) hija stabbilita fis-sens li x-xerrej ta’ oġġett individwalizzat ma huwiex awtorizzat jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu anki jekk il-kummerċjant ikun għadu ma bediex jimmanifattura l-oġġett jew jadattah għall-bżonnijiet personali tal-konsumatur. Min-naħa l-oħra, parti mid-duttrina Ġermaniża ma taqbilx ma’ din l-opinjoni ġurisprudenzjali.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Potsdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Potsdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt ta’ rtirar taħt l-Artikolu 16(c) tad-[Direttiva 2011/83] huwa eskluż ukoll fejn l-oġġetti jsiru skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur, iżda fejn il-bejjiegħ ikun għadu ma bediex bil-produzzjoni tal-oġġetti u meta l-aġġustamenti għand il-konsumatur ikunu ser isiru mill-bejjiegħ innifsu, mhux permezz ta’ terz? Huwa rilevanti l-punt dwar jekk huwiex possibbli li l-oġġetti jitqieħdu lura fl-istat li fih kienu jinsabu qabel l-individwalizzazzjoni bi spejjeż baxxi għal żarmar, bħal, pereżempju, madwar 5 fil-mija tal-valur tal-oġġetti?”

 Fuq id-domanda preliminari

15      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar prevista f’din id-dispożizzjoni tistax tiġi invokata kontra konsumatur li jkun ikkonkluda kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju fir-rigward tal-bejgħ ta’ oġġett li għandu jsir skont l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu, minkejja li l-kummerċjant ma jkunx beda l-produzzjoni tal-imsemmi oġġett.

16      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li kuntratt konkluż waqt fiera kummerċjali jista’ jiġi kklassifikat bħala “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83, bil-kundizzjoni li l-konklużjoni tal-kuntratt ma tkunx seħħet fuq stand ta’ fiera kummerċjali, li tista’ titqies li hija “post tan-negozju”, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin, C‑485/17, EU:C:2018:642, punti 43 sa 46).

17      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, jekk, fid-dawl tal-punti ta’ fatt suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha, il-kuntratt inkwistjoni għandux jitqies li huwa “kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju”, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83.

18      Fl-affermattiv, għandu jitfakkar li l-Artikoli 9 sa 15 tad-Direttiva 2011/83 jagħtu lill-konsumatur dritt ta’ rtirar wara, b’mod partikolari, il-konklużjoni ta’ kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

19      Għalhekk, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/83, il-konsumatur għandu bħala prinċipju terminu ta’ erbatax-il jum sabiex jirtira minn kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, mingħajr ma jġarrab, b’mod partikolari, spejjeż oħra minbarra dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u fl-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva.

20      Madankollu, l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva jipprevedi eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ rtirar b’mod partikolari fil-każ, imsemmi fil-punt (c) ta’ dan l-artikolu, ta’ kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju li jirrigwardaw “il-forniment ta’ oġġetti li saru għall-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew personalizzati b’mod ċar”.

21      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jirreferux għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħhom, dawn għandhom jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, AFMB, C‑610/18, EU:C:2020:565, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 16 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2011/83, li l-konsumatur ma jistax jinvoka d-dritt ta’ rtirar tiegħu, b’mod partikolari meta jkunu seħħew ċerti avvenimenti wara l-konklużjoni tal-kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju. L-istess japplika għaċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a), (e), (i) u (m) tal-imsemmi Artikolu 16, li huma marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.

23      Skont dawn id-dispożizzjonijiet, din l-eċċezzjoni tikkonċerna rispettivament “il-kuntratti ta’ servizz wara l-eżekuzzjoni totali tas-servizz jekk l-eżekuzzjoni tkun nbdiet, bil-kunsens preċedenti tal-konsumatur”, “il-forniment ta’ oġġetti siġillati li mhumiex adatti biex jiġu rritornati minħabba raġunijiet iġjeniċi jew marbutin mal-protezzjoni tas-saħħa u nfetħu wara l-kunsinna”, “il-forniment ta’ reġistrazzjonijiet tal-awdjo jew tal-vidjo siġillati jew ta’ software tal-kompjuter miftuħa wara l-kunsinna” kif ukoll “il-forniment ta’ kontenut diġitali permezz ta’ mezz mhux tanġibbli jekk l-eżekuzzjoni tkun bdiet bil-kunsens espress preċedenti tal-konsumatur”.

24      Min-naħa l-oħra, ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 2011/83 li jindika li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar li din id-dispożizzjoni tipprevedi tiddependi fuq is-seħħ ta’ xi avveniment wara l-konklużjoni tal-kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju fir-rigward tal-“forniment ta’ oġġetti li saru għall-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew personalizzati b’mod ċar”. Għall-kuntrarju, minn din il-formulazzjoni jirriżulta espressament li din l-eċċezzjoni hija inerenti għall-għan stess ta’ tali kuntratt, jiġifieri l-produzzjoni ta’ oġġett immanifatturat skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-infurzabbiltà ta’ din l-eċċezzjoni hija imposta immedjatament fuq dan il-konsumatur, mingħajr ma hija suġġetta għas-seħħ ta’ tali avveniment u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi kuntratt ikunx ġie eżegwit jew jekk ikunx qiegħed jiġi eżegwit mill-kummerċjant.

25      L-imsemmija interpretazzjoni, konformi mal-formulazzjoni tal-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 2011/83, hija kkorroborata mill-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 2011/83, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu, previst fl-Artikolu 6(1)(h) u (k) tagħha, li l-konsumatur jiġi informat, qabel ma dan ikun marbut b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju jew b’offerta tal-istess tip, bl-eżistenza jew bl-assenza tad-dritt ta’ rtirar.

26      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huwa intiż li jiżgura l-komunikazzjoni lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, kemm tal-informazzjoni relatata mal-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni, li tippermetti lil dan il-konsumatur jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ kummerċjant, kif ukoll tal-informazzjoni neċessarja għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt u, b’mod partikolari, għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu, speċifikament id-dritt ta’ rtirar tiegħu (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Amazon EU, C‑649/17, EU:C:2019:576, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Issa, is-sitwazzjoni li fiha l-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur tiddependi minn avveniment futur li l-materjalizzazzjoni tiegħu taqa’ taħt id-deċiżjoni tal-kummerċjant ma hijiex konċiljabbli ma’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali.

28      Barra minn hekk, fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2011/83, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 7 u 40 ta’ din id-direttiva li din hija intiża li ssaħħaħ iċ-ċertezza legali tat-tranżazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur.

29      Għandu jitqies li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 2011/83, imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, tikkontribwixxi għat-tilħiq ta’ dan l-għan, sa fejn tippermetti li tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn l-eżistenza jew l-assenza tad-dritt tal-konsumatur li jirtira mill-kuntratt tiddependi mill-istat ta’ progress tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt mill-kummerċjant, liema stat ta’ progress il-konsumatur, bħala regola ġenerali, ma jkunx informat dwaru u li fir-rigward tiegħu huwa ma jkollu, a fortiori, ebda kontroll.

30      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata kontra konsumatur li jkun ikkonkluda kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju fir-rigward tal-bejgħ ta’ oġġett li għandu jsir skont l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-kummerċjant ikunx beda l-produzzjoni tal-imsemmi oġġett.

 Fuq l-ispejjeż

31      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata kontra konsumatur li jkun ikkonkluda kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju fir-rigward tal-bejgħ ta’ oġġett li għandu jsir skont l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-kummerċjant ikunx beda l-produzzjoni tal-imsemmi oġġett.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.