Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ April 2014 – Deutsche Edelstahlwerke vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-230/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Edelstahlwerke GmbH (Witten, il-Ġermanja) (rappreżentanti: S. Altenschmidt u H. Janssen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet    

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta’ Diċembru 2013 fil-Każ dwar Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) - Sostenn għal elettriku rinnovabbli u soprataxxa-EEG imnaqqsa għal utenti intensivi tal-enerġija;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE peress li s-soprataxxa EEG prevista fil-Gesetz für den Vorrang erneuerbarer Energien (Liġi dwar l-għoti ta’ prijorità għall-enerġija rinnovabbli, iktar ’il quddiem l-“EEG”) u l-iskema ta’ kumpens speċjali ma jinvolvu ebda allokazzjoni ta’ riżorsi tal-Istat jew ta’ riżorsi kkontrollati mill-Istat. Il-fatti kollha rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri kienu stabbiliti fil-kuntest ta’ proċedimenti preliminari bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Ma kien fadal ebda dubji li kienu jeħtieġu determinazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE 1 .

It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 108(1) TFUE u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma osservatx l-Artikolu 108(1) TFUE u l-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn, sabiex tivverifika l-evalwazzjoni preliminari tagħha tal-EEG bħala għajnuna, applikat il-proċedura fir-rigward ta’ għajnuna ġdida skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 minflok il-proċedura fir-rigward ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 17 et seq tar-Regolament Nru 659/1999. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li, permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2002, il-Kummissjoni ma kklassifikatx l-EEG 2000 bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li ma kien hemm ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Meta kkunsidrati fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2002, il-bidliet mill-EEG 2000 għall-EEG 2012 ma kinux sostanzjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tesprimi opinjoni legali rreveduta fil-kuntest ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 108(1) TFUE mingħajr ma tkun ta’ oneru għar-rikorrenti.It-tielet motiv: ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-prinċipju ta’ smigħ xieraqBarra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tatha minn qabel il-possibbiltà li tippreżenta l-kummenti tagħha.