Language of document : ECLI:EU:T:2015:639

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

16 ta’ Settembru 2015 (*)

“Appell — Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Kuntratt għal żmien determinat — Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑231/14 P,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Frar 2014, Drakeford vs EMA (F‑29/13, ĠabraSP, EU:F:2014:10), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), irrappreżentata minn T. Jabłoński u N. Rampal Olmedo, bħala aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck u A. Duron, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u G. Gattinara, bħala aġenti,

minn

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä u E. Maurage, bħala aġenti,

minn

L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), irrappreżentata minn H. Caniard u V. Peres de Almeida, bħala aġenti,

minn

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), irrappreżentata minn D. Detken, S. Gabbi u C. Pintado, bħala aġenti,

u minn

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kontroll tal-Mard (ECDC), irrappreżentat minn J. Mannheim u A. Daume, bħala aġenti,

intervenjenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li huwa

David Drakeford, residenti f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentat minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

rikorrent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger (Relatur), President, S. Papasavvas u G. Berardis, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz tal-appell tagħha, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Frar 2014, Drakeford vs EMA (F‑29/13, ĠabraSP, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:F:2014:10), li permezz tagħha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ David Drakeford.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma ddikjarati fil-punti 4 sa 19 tas-sentenza appellata kif ġej:

“4      Fit-30 ta’ Ottubru 1996, ir-rikorrent ġie rreklutat, b’effett mis-16 ta’ Novembru 1996, mill-EMA, bħala membru tal-persunal awżiljarju, għal perijodu ta’ sena, sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ koordinatur fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika fi ħdan is-settur li jġib l-istess isem (iktar ’il quddiem is-‘settur IT’) u li jaqa’ taħt l-unità ‘koordinazzjoni teknika’.

5      Billi kien kandidat li għadda minn proċedura ta’ selezzjoni ta’ membri tal-persunal temporanju, sussegwentement huwa kkonkluda kuntratt mal-EMA li, b’effett mill-1 ta’ Frar 1997 u fil-kwalità ta’ membru tal-persunal temporanju fil-grad A 5 skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, fdalu l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ta’ amministratur prinċipali, u dan għal perijodu ta’ ħames snin, li jiġġedded. Huwa kompla jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan is-settur IT.

6      Fil-15 ta’ Novembru 1998, ir-rikorrent ġie maħtur bħala Assistent Kap tas-settur IT. Huwa anki kien meħtieġ jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Kap tas-Settur IT ad interim matul il-perijodu 2001/2003.

7      Mal-iskadenza tiegħu fl-1 ta’ Frar 2002, il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju ġġedded għal perijodu ġdid ta’ ħames snin.

8      Permezz ta’ addendum tas-6 ta’ Awwissu 2002 għall-kuntratt tiegħu, ir-rikorrent ġie promoss għall-grad A 4.

9      Bħala kandidat li għadda minn proċedura ta’ selezzjoni esterna għall-pożizzjoni ta’ kap tas-settur IT, fil-15 ta’ April 2003 ir-rikorrent ikkonkluda, flimkien mal-EMA, kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, tal-grad A 4, skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Dan il-kuntratt, ta’ ħames snin u li jiġġedded, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2003.

10      Fl-1 ta’ Mejju 2004, wara r-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, il-grad tar-rikorrent ingħata l-isem A 12.

11      Permezz ta’ addendum iffirmat mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ u r-rikorrent fl-14 u fil-15 ta’ Awwissu 2007 rispettivament, il-kuntratt tar-rikorrent iġġedded b’ħames snin b’effett mill-1 ta’ Mejju 2008.

12      Permezz ta’ memorandum tal-5 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrent ġie informat bil-ħatra tiegħu bħala Kap tas-Settur tat-Teknoloġiji tal-Informatika u tal-Kommunikazzjoni tal-Unità li ġġib l-istess isem (iktar ’il quddiem l-‘Unità ICT’) fil-kuntest ta’ ristrutturazzjoni interna tal-Aġenzija.

13      Fil-15 ta’ Settembru 2011, il-Kap tas-settur Riżorsi Umani tal-Unità ‘Amministrazzjoni’ informa lir-rikorrent li kien tqiegħed fil-lista tal-kandidati li għaddew mill-proċedura ta’ selezzjoni li tikkonċerna l-pożizzjoni ta’ Kap tal-Unità ‘ICT’, valida sal-31 ta’ Diċembru 2012.

14      Fit-30 ta’ Lulju 2012, jiġifieri disa’ xhur qabel l-iskadenza tal-kuntratt tar-rikorrent, is-servizzi tas-settur ‘Riżorsi Umani’ tal-EMA bagħtu lill-Kap tal-unità tar-rikorrent formola li tikkonċerna t-tiġdid eventwali tal-kuntratt ta’ dan tal-aħħar. Fis-17 ta’ Awwissu 2012, il-Kap tal-unità tar-rikorrent ta l-opinjoni li ‘ebda azzjoni ma kienet neċessarja għat-tiġdid tal-kuntratt’ tar-rikorrent.

15      Id-Direttur Eżekuttiv fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, billi segwa din l-opinjoni, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Awwissu 2012 ikkonferma lir-rikorrent li l-kuntratt tiegħu kien se jiġi fi tmiemu fit-30 ta’ April 2013 (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni tat-30 ta’ Awwissu 2012’) u li ‘fl-interess tal-Aġenzija [huwa kien ser] jitqiegħed f’pożizzjoni mhux attiva sa mill-1 ta’ Settembru 2012 sal-iskadenza tal-kuntratt tiegħu’.

16      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrent ikkontesta l-leave ex officio tiegħu b’effett immedjat, billi sostna, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli, li, wara kważi sittax-il sena ta’ relazzjonijiet tax-xogħol fi ħdan l-EMA, huwa kellu jitqies bħala ‘impjegat permanenti’. Fl-istess jum, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ irrispondiet lir-rikorrent li l-kuntratt tiegħu, konkluż għal ħames snin fil-15 ta’ April 2003 b’effett mill-1 ta’ Mejju 2003, kien iġġedded fl-1 ta’ Mejju 2008 għal perijodu ta’ ħames snin. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Settembru ta’ wara, ir-rikorrent ġie informat bil-modalitajiet amministrattivi li jikkonċernaw it-tluq tiegħu mill-EMA.

17      Fit-12 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent bagħat ilment lill-EMA, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-‘Regolamenti tal-Persunal’), kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Awwissu 2012 billi invoka l-ħames kuntratti jew tiġdidiet tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju li seħħew mingħajr interruzzjoni sa mill-1997, liema kuntratti kienu qegħduh f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Insostenn ta’ tali klassifikazzjoni mill-ġdid, ir-rikorrent enfasizza x-xogħol impekkabbli u kunsiderevoli li huwa wettaq għas-servizz tal-Aġenzija. Fil-15 ta’ Ottubru 2012, huwa ppreżenta lment ta’ amplifikazzjoni li jinkludi, l-ewwel nett, talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid ipso jure tal-aħħar kuntratt tiegħu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, f’kuntratt għal żmien indeterminat sa mid-data li fiha t-tieni kuntratt ta’ ħames snin tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju ġie ssostitwit bil-kuntratt il-ġdid tiegħu konkluż fil-15 ta’ April 2003, it-tieni nett, talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid tal-ewwel kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju, li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1996, f’kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, b’tali mod li t-tieni tiġdid fil-verità jkun seħħ ‘fid-9 ta’ Mejju 2001’, u, it-tielet nett, talba għall-ħlas ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-dannu sostnut mill-fatt tat-tqegħid tiegħu fuq leave ex officio, liema leave huwa illegali.

18      Fid-19 ta’ Diċembru 2012, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ċaħdet l-ilment tat-12 ta’ Settembru 2012, kif ikkompletat bil-posta tal-15 ta’ Ottubru segwenti, għar-raġuni li l-kuntratt għal żmien determinat li kien daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2003 kien iġġedded darba biss u li, fl-assenza tat-tieni tiġdid, skont l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, dan ma setax jitqies li huwa kuntratt għal żmien indeterminat.

19      Fl-24 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrent ippreżenta ilment ġdid skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-darba kontra d-deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012, sa fejn din kienet tiċħad it-talbiet tiegħu għal klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt inizjali tiegħu ta’ membru tal-persunal awżiljarju f’kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju u tal-kuntratt attwali tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju f’kuntratt ta’ membru tal-persunal għal żmien indeterminat, u stieden lill-Aġenzija sabiex teżamina b’mod konkret il-possibbiltajiet ta’ tiġdid ta’ dan l-aħħar kuntratt. Dan l-aħħar ilment, li kien jinkludi t-talba għal tiġdid ta’ kuntratt, ġie miċħud mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Frar 2013 (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2013’).”

3        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-28 ta’ Marzu 2013, D. Drakeford ressaq azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet tat-30 ta’ Awwissu 2012 u tas-26 ta’ Frar 2013 u l-kundanna tal-EMA sabiex tħallsu EUR 25 000 bħala kumpens għad-dannu morali li huwa sostna. Min-naħa tagħha, l-EMA talbet, prinċipalment, li r-rikors jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat, sussidjarjament talbet iċ-ċaħda tat-talbiet għal kundanna għall-ispejjeż u għall-ħlas ta’ EUR 25 000 lil D. Drakeford, kif ukoll iċ-ċaħda ta’ kull talba għal kumpens fir-rigward tad-dannu materjali allegat li għadu ma ġiex stabbilit, u l-kundanna ta’ D. Drakeford għall-ispejjeż.

4        Qabelxejn, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies bħala inammissibbli t-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2013, sa fejn din kienet tiċħad it-talbiet għal tiġdid tal-kuntratt ta’ D. Drakeford, għal klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal awżiljarju f’kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju u għal klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat.

5        Sussegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, it-talba ta’ D. Drakeford intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Awwissu 2012, billi interpreta l-kliem “[k]ull tiġdid ieħor [ta’ dan ir-reklutaġġ]”, li jinsab fit-tielet sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) bħala li jinkludi kull proċess li permezz tiegħu, membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jitwassal sabiex, mal-iskadenza tar-reklutaġġ tiegħu għal żmien determinat, ikompli, f’din il-kwalità, bir-relazzjoni tiegħu mal-persuna li timpjegah, anki jekk dan it-tiġdid ikun akkumpanjat minn progress fil-grad jew minn evoluzzjoni fil-funzjonijiet eżerċitati. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żied li ma jistax ikun mod ieħor ħlief jekk il-kuntratt il-ġdid ikun jaqa’ fil-kuntest ta’ sistema ġuridika ġdida jew jimmaterjalizza terminazzjoni fil-karriera li timmanifesta ruħha, pereżempju, b’emenda sostanzjali tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mill-membru tal-persunal ikkonċernat.

6        It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża r-raġunament tiegħu fuq l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li huwa dak li jiggarantixxi ċertu stabbiltà tal-impjieg, u fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sabiex jikkonkludi li d-deċiżjoni tat-30 ta’ Awwissu 2012, billi ttieħdet fil-perspettiva ta’ relazzjoni tax-xogħol għal żmien determinat, kienet tmur kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

7        Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dannu materjali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għall-perijodu mill-iskadenza tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat ta’ D. Drakeford sal-għoti tas-sentenza appellata, ikkundanna lill-EMA tħallas lil D. Drakeford id-differenza bejn l-ammont tar-remunerazzjoni li huwa seta’ jistenna li kieku dan baqa’ fil-kariga u l-ammont tar-remunerazzjonijiet, onorarji, allowances tal-qgħad u kull kumpens ieħor ta’ sostituzzjoni jew remunerazzjoni tal-istess natura effettivament riċevuta sa mill-1 ta’ Mejju 2013. Għall-perijodu ta’ wara l-għoti tas-sentenza appellata, billi għamel użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-EMA jew li tintegra mill-ġdid lil D. Drakeford, jew inkella li tfittex li tilħaq ftehim li jistabbilixxi kumpens pekunjarju ġust, u ordna lill-partijiet jinformawh bis-soluzzjoni hekk miksuba bi ftehim komuni jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, sabiex jippreżentawlu t-talbiet tagħhom f’ċifri.

 Fuq l-appell

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

8        Permezz ta’ nota ppreżentata lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2014, l-EMA ressqet dan l-appell, abbażi tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-25 ta’ Lulju 2014, D. Drakeford ippreżenta r-risposta tiegħu.

9        Permezz ta’ atti ppreżentati lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14, fil-25 u fit-28 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-EMA. Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Awla tal-Appell tat-2 u tal-24 ta’ Settembru 2014, dawn il-ħames talbiet għal intervent insostenn tat-talbiet tal-EMA ntlaqgħu.

10      Il-Kummissjoni, l-ECHA, Frontex, l-EFSA u l-ECDC ippreżentaw nota ta’ intervent fit-terminu mogħti lilhom.

11      L-EMA u D. Drakeford ġew mistiedna jifformulaw osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent, u dawn għamlu hekk fit-terminu mogħti.

12      L-EMA, sostnuta mill-Kummissjoni, mill-ECHA, minn Frontex, mill-EFSA u mill-ECDC, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        konsegwentement, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza;

–        tikkundanna lil D. Drakeford għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

13      D. Drakeford jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-EMA għall-ispejjeż.

14      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Frar 2015, l-EMA ppreżentat talba motivata, skont l-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, sabiex tinstema’ fil-kuntest tal-fażi orali tal-proċedura.

15      Il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tar-rikorrenti u fetħet il-fażi orali tal-proċedura.

16      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ April 2015.

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni, imwettaq mit-Tribunal għas-Servizz pubbliku, tal-kliem “[k]ull tiġdid ieħor [ta’ dan ir-reklutaġġ]”, li jinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

[omissis]

22      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, fil-każ ta’ diskrepanza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha titqies fil-kuntest tagħha u għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan id-dritt, tal-għanijiet tiegħu u tal-istat tal-evoluzzjoni tagħha fid-data li fiha d-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi applikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Kirin Amgen, C‑66/09, Ġabra, EU:C:2010:484, punt 41).

23      Għandu wkoll jitfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg la għandha bħala għan ċertu stabbiltà tax-xogħol u lanqas perennità tar-relazzjonijiet tax-xogħol tal-membri tal-persunal temporanju b’kuntratt għal żmien determinat, iżda għandha l-għan tal-prevenzjoni tal-użu abbużiv mill-kuntratti għal żmien determinat (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Macchia, T‑368/12 P, ĠabraSP, EU:T:2014:266, punt 60). In-nuqqas ta’ stabbiltà tar-relazzjoni tax-xogħol barra minn hekk huwa kkonfermat mill-fatt li t-tiġdid tal-kuntratt għal żmien determinat ta’ membru tal-persunal temporanju huwa sempliċi possibbiltà, ħlief fl-ipoteżi stabbilita fl-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li għandha preċiżament l-għan li tevita l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat billi tipprevedi klassifikazzjoni mill-ġdid ipso jure tal-kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat. Fi kwalunkwe każ, ir-relazzjoni tax-xogħol ta’ membru tal-persunal temporanju li, bis-saħħa tal-klassifikazzjoni mill-ġdid ipso jure prevista fl-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, isir detentur ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ma hijiex ta’ natura stabbli. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, l-amministrazzjoni tista’ fi kwalunkwe ħin ittemm dan il-kuntratt għal raġuni leġittima, b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

24      F’dan il-każ, qabel kollox, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma kinux jippermettu interpretazzjoni univoka tal-imsemmija dispożizzjoni. Insostenn ta’ din il-konklużjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku irrefera, minn naħa, għall-verżjoni Olandiża u dik Taljana, favorevoli għat-teżi difiża mill-EMA, u, min-naħa l-oħra, għall-verżjoni Franċiża, dik Ġermaniża, dik Ingliża u dik Spanjola. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, kuntrarjament għall-verżjoni Taljana u dik Olandiża, il-formulazzjoni tal-verżjoni Franċiża u dik Ġermaniża, li kienet issemmi t-tiġdid tar-reklutaġġ u r-relazzjoni tax-xogħol b’mod iktar ġenerali, u dik tal-verżjoni Ingliża u dik Spanjola, li kienet issemmi tiġdid sussegwenti mingħajr ebda preċiżazzjoni, ma kinux jippermettu li wieħed jikkonkludi li l-kliem “[k]ull tiġdid ieħor” kien jikkonċerna l-istess kuntratt. Għalhekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata l-eżistenza ta’ żewġ kategoriji ta’ verżjonijiet lingwistiċi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg: l-ewwel waħda, li minnha kien jirriżulta b’mod ċar li l-kliem “[k]ull tiġdid ieħor” kien jirreferi għall-kuntratt, u l-oħra, li ma kinitx tippermetti tali konklużjoni. Fid-dawl ta’ din id-differenza bejn it-testi, li ma kinux jipprovdu indikazzjoni mhux ekwivoka fir-rigward tal-għan tat-tiġdid li jwassal għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li kien hemm lok li tiġi stabbilita interpretazzjoni uniformi tal-imsemmija dispożizzjoni.

25      Din il-konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma hijiex ivvizzjata minn żball ta’ liġi. Ċertament huwa minnu li, hekk kif sostniet l-EMA, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli jagħraf il-fatt li, fil-verżjoni Ingliża u dik Spanjola, b’differenza mill-verżjoni Franċiża u dik Ġermaniża, il-kliem “[k]ull tiġdid ieħor” seta’ biss jirreferi għall-kelma “kuntratt”. Madankollu, dan l-iżball ma għandux effett fuq l-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sa fejn dan tal-aħħar ġustament ikkonstata li, għall-kuntrarju, il-verżjoni Franċiża u dik Ġermaniża ma kinux jippermettu li wieħed jasal għal konklużjoni univoka dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Fil-fatt, fl-imsemmija verżjonijiet, l-użu alternattiv tal-kliem “[reklutaġġ]”, “[kuntratt]” u “[k]ull tiġdid ieħor [ta’ dan ir-reklutaġġ]” jirrendi d-dispożizzjoni ambigwa. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-kelma “reklutaġġ” tikkonċerna b’mod iktar ġenerali r-relazzjoni tax-xogħol bejn membru tal-persunal, minn naħa, u istituzzjoni jew aġenzija, min-naħa l-oħra, il-kelma “kuntratt” tikkorrispondi għall-istrument legali li permezz tiegħu din ir-relazzjoni tikkonkretizza ruħha. Peress li l-formulazzjoni tal-verżjoni Franċiża u dik Ġermaniża tippermetti li tiġi interpretata fis-sens li r-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal jista’ jsir permezz tal-konklużjoni ta’ diversi kuntratti fil-kuntest tal-istess relazzjoni tax-xogħol, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġustament qies li l-imsemmija verżjonijiet ma kinux jippermettu li wieħed ikun jaf jekk il-kliem “[k]ull tiġdid ieħor” kienx jirreferi b’mod univoku għar-reklutaġġ jew għall-kuntratt. Konsegwentement, l-argument sussegwenti tal-EMA li jgħid li l-kliem “reklutaġġ” u “kuntratt” jistgħu jintużaw waħda flok l-oħra, lanqas ma jista’ jintlaqa’.

26      Barra minn hekk, l-istess interpretazzjoni testwali proposta mill-EMA li t-tiġdid għandu jkun jikkonċerna l-istess kuntratt għal żmien determinat sabiex tkun tapplika l-aħħar sentenza tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ma hijiex nieqsa minn ambigwità, sa fejn il-verżjonijiet lingwistiċi li jużaw esklużivament il-kelma “kuntratt” jistgħu jingħataw interpretazzjoni testwali differenti minn din tal-aħħar. Fil-fatt, jista’ jkun il-każ li membru tal-persunal temporanju li jkollu kuntratt għal żmien determinat sussegwentement jikkonkludi kuntratt għal żmien determinat ġdid li, anki jekk distint formalment, joffri kontinwità sostanzjali mal-kuntratt inizjali. Minn dan jirriżulta li xejn ma jxekkel milli wieħed jikkunsidra li, fir-rigward tal-għan tat-tiġdid li jwassal għat-trasformazzjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat, l-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tista’ tiġi interpretata bħala li tagħmel riferiment għall-istess tip ta’ kuntratt, jiġifieri kuntratt għal żmien determinat, iktar milli għal kuntratt identiku għall-kuntratt inizjali. Din l-ipoteżi għaldaqstant turi li, bħala prinċipju, kuntratti għal żmien determinat suċċessivi bejn membru tal-persunal u l-amministrazzjoni jistgħu, sa fejn huma jkollhom kontinwità mal-ewwel kuntratt għal żmien determinat, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

27      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, billi kkonstata differenza bejn it-testi li jistgħu jipproduċu diverġenzi fis-sens, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku seta’, mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi, minn naħa jsostni li ma setax jillimita ruħu għal approċċ sempliċement testwali u, min-naħa l-oħra, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni uniformi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, japplika, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ġenerali li dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kollha, fid-dawl tal-għanijiet tiegħu u fid-dawl tal-istat ta’ evoluzzjoni tal-imsemmi dritt.

28      Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

29      Sussegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża l-interpretazzjoni tiegħu tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg abbażi, minn naħa, tal-għan tiegħu u, min-naħa l-oħra, tal-kuntest tiegħu. Fir-rigward tal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, fil-punti 43, 44 u 46 tas-sentenza appellata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku essenzjalment iddeċieda li hija kellha l-għan li tiggarantixxi ċertu stabbiltà tal-impjieg fil-qasam tar-relazzjoni tax-xogħol. Fir-rigward tal-kuntest tagħha, fil-punt 47 tas-sentenza appellata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li teskludi l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt għal żmien determinat ta’ membru tal-persunal temporanju f’kuntratt għal żmien indeterminat minħabba s-sempliċi fatt li dan tal-aħħar kien mexa ’l quddiem fil-karriera tiegħu billi kkonkluda kuntratti differenti mal-amministrazzjoni tkun tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll kontra r-rieda tal-leġiżlatur, espressa b’mod espliċitu fl-Artikolu 12(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jiġi żgurat li l-membri tal-persunal temporanju jipprovdu lill-istituzzjonijiet is-servizzi ta’ persuni tal-ogħla ħiliet, effiċjenza u integrità.

30      Issa, fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi kkonstatat li, meta ddeċieda li l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg kien li jiggarantixxi ċertu stabbiltà tal-impjieg, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ddeċieda, kif ġie rrilevat fil-punt 23 iktar ’il fuq, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandu l-għan li jippreveni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu, mill-amministrazzjoni, ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 19 iktar ’il fuq, l-għan limitat tal-imsemmi artikolu huwa kkonfermat mis-setgħa rrikonoxxuta lill-amministrazzjoni li fi kwalunkwe ħin ittemm ir-relazzjoni tax-xogħol ma’ membru tal-persunal temporanju li jkollu kuntratt għal żmien indeterminat, bl-osservanza tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

31      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tal-Unjoni tista’ tiċħad motiv jew ilment bħala ineffettiv meta din tikkonstata li dan il-motiv jew ilment ma huwiex ta’ natura, fl-ipoteżi fejn dan ikun fondat, li jwassal għall-annullament imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il-Kummissjoni, T‑50/08 P, ĠabraSP, EU:T:2009:457, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Issa, minn naħa, minkejja li huwa minnu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta qies li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg kien intiż li jiggarantixxi ċertu stabbiltà tal-impjieg, min-naħa l-oħra huwa ġustament iddeċieda li l-imsemmi artikolu kien jipprekludi li wieħed iqis li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt għal żmien determinat ta’ membru tal-persunal temporanju f’kuntratt għal żmien indeterminat setgħet isseħħ ipso jure biss meta t-tiġdidiet suċċessivi jkunu jikkonċernaw l-istess kuntratt. Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġustament irrileva, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li jekk membru tal-persunal temporanju b’kuntratt għal żmien determinat, li jkun mexa ’l quddiem fil-karriera tiegħu minħabba r-riżultati professjonali tajbin tiegħu permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratti differenti, jiġi mċaħħad mill-protezzjoni prevista mill-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’mod komparattiv ma’ membru tal-persunal temporanju b’kuntratt għal żmien determinat li l-istess kuntratt tiegħu ġie mġedded mingħajr progressjoni fil-karriera bis-saħħa ta’ merti partikolari, dan ikollu l-effett li jippenalizza lil tal-ewwel. Għaldaqstant, l-argument tal-EMA għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

33      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet parti, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-EMA, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma assimilax il-membri tal-persunal temporanju mal-uffiċjali. Ċertament, kif ġie kkonstatat fil-punt 29 iktar ’il fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ħax inkunsiderazzjoni l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-amministrazzjoni setgħet, fi kwalunkwe ħin, ittemm il-kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal, b’osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Dan juri li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bl-ebda mod ma kkontesta d-differenza bejn l-uffiċjali u l-membri tal-persunal u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-amministrazzjoni għandha fir-relazzjonijiet ta’ xogħol ma’ dawn tal-aħħar (sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2013, ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, ĠabraSP, EU:T:2013:624, punt 76).

34      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel aggravju tal-EMA għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-eċċezzjoni għall-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg

[omissis]

37      Fir-rigward tal-argument li r-riferiment għal sistema ġuridika oħra jkun vag, u saħansitra ma jagħmilx sens, għandu jiġi kkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi. Fil-fatt, hekk kif l-EMA, sostnuta mill-Kummissjoni, mill-ECHA, minn Frontex, mill-EFSA u mill-ECDC, sostniet ġustament, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa l-unika sistema ġuridika li tapplika għall-membri tal-persunal temporanju kollha. Għalhekk, riferiment, mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għal sistema ġuridika oħra huwa żbaljat.

38      Madankollu, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 31 iktar ’il fuq, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiċħad motiv jew ilment bħala ineffettiv meta hija tikkonstata li dan ma huwiex ta’ natura, fl-ipoteżi li dan ikun fondat, li jwassal għall-annullament imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michail vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, EU:T:2009:457, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk ir-riferiment għal xi sistema oħra applikabbli huwa żbaljat, fis-sentenza appellata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża r-raġunament tiegħu fuq l-ipoteżi dwar il-materjalizzazzjoni ta’ terminazzjoni tal-karriera. Minn dan jirriżulta li l-argument tan-natura vaga, u saħansitra mingħajr sens, tar-riferiment għal sistema ġuridika oħra għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

39      Fir-rigward tal-argument li l-kuntratt il-ġdid jimmaterjalizza terminazzjoni fil-karriera tal-membru tal-persunal temporanju, preliminarjament għandu jiġi rrilevat li l-eċċezzjoni stabbilita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għall-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni mill-ġdid prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fl-ipoteżi ta’ tmiem tal-karriera hija l-konsegwenza loġika tal-interpretazzjoni tal-imsemmi artikolu. Fil-fatt, l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa li jevita li, fl-ipoteżi ta’ progress fil-karriera jew ta’ evoluzzjoni fil-funzjonijiet ta’ membru tal-persunal temporanju li jkollu kuntratt għal żmien determinat, l-amministrazzjoni tkun tista’ tagħmel użu b’mod abbużiv minn kuntratti, differenti fuq il-livell formali, sabiex tevita milli twettaq il-klassifikazzjoni mill-ġdid prevista fl-imsemmi artikolu.

40      Madankollu, il-premessa ta’ din il-klassifikazzjoni mill-ġdid hija li l-membru tal-persunal temporanju, li jimxi ’l quddiem fil-karriera tiegħu jew jevolvi fil-funzjonijiet tiegħu, iżomm relazzjoni tax-xogħol ikkaratterizzata mill-kontinwità mal-persuna li timpjegah. Jekk jiġri li l-membru tal-persunal jikkonkludi kuntratt li jinkludi modifika sostanzjali, u mhux formali, tan-natura tal-funzjonijiet tiegħu, il-premessa tal-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma tibqax valida. Fil-fatt, ikun kontra l-ispirtu tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li wieħed jaċċetta li kwalunkwe tiġdid jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli li huwa jipprevedi. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-EMA, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata, iċċara b’mod suffiċjenti fid-dritt il-kunċett ta’ terminazzjoni meta ddeċieda li din kienet tinvolvi emenda sostanzjali tal-funzjonijiet tal-membru tal-persunal tali li tkun ta’ natura li tikkontesta l-kontinwità funzjonali tar-relazzjoni tax-xogħol tiegħu mal-amministrazzjoni. Konsegwentement, l-argument tal-EMA għandu jiġi miċħud.

41      Din il-konklużjoni la hija kkontestata mill-argument tal-EMA li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta applika kunċett vag ta’ terminazzjoni, b’mod żbaljat ikkonkluda li ma kienx hemm terminazzjoni tal-karriera ta’ D. Drakeford, minkejja ż-żieda tal-livell tar-responsabbiltajiet tiegħu u l-emenda formali tal-funzjonijiet tiegħu, u lanqas mill-argument li l-ħatra ta’ D. Drakeford seħħet wara proċedura esterna. Fil-fatt, billi t-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol ma hijiex kunċett vag, kif stabbilit fil-punt 39 iktar ’il fuq, l-argument li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball, f’dan il-każ, meta applika dan il-kunċett ma jistax jintlaqa’. Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina b’mod korrett iċ-ċirkustanzi partikolari ħafna tal-kawża, fid-dawl tal-kunċett ta’ terminazzjoni stabbilit fil-punt 48 tas-sentenza appellata. Ċertament, fir-rigward ta’ tqabbil eventwali tal-kompiti li għandhom jitwettqu, il-funzjoni ta’ kap ta’ settur, li għaliha D. Drakeford kellu aċċess wara proċedura ta’ selezzjoni esterna, tirrappreżenta emenda sostanzjali meta mqabbla ma’ dik ta’ assistent kap, li toħloq terminazzjoni fis-sens tal-kunċett stabbilit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, għalkemm iż-żamma fl-istess qasam ta’ attività ma jwassalx għal kontinwità awtomatika fil-funzjonijiet eżerċitati, din il-kontinwità għandha, bħala prinċipju, tiġi eskluża fl-ipoteżi fejn l-aċċess għall-funzjoni ta’ kap tas-settur ikun suġġett għal proċedura ta’ selezzjoni esterna. Madankollu, f’dan il-każ jidher li qabel il-ħatra tiegħu bħala kap ta’ settur fl-2003, D. Drakeford eżerċita l-funzjonijiet ta’ kap ta’ settur ad interim matul il-perijodu 2001-2003. Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż tassew li l-ħatra tiegħu bħala kap ta’ settur, anki jekk din seħħet wara proċedura esterna, effettivament ikkostitwixxiet terminazzjoni meta mqabbel mal-funzjonijiet li huwa kien jeżerċita preċedentement. Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mill-proċess fl-ewwel istanza li D. Drakeford, fix-xahar ta’ April 2003, kien ikklassifikat fil-grad A 4, skala 3, b’għaxar xhur ta’ anzjanità, u li, sa mill-1 ta’ Mejju 2003, li hija d-data tal-bidu tal-kuntratt tiegħu ta’ kap tas-settur tal-Unità IT, huwa kien ikklassifikat fil-grad A 4, skala 3, bi ħdax-il xahar ta’ anzjanità. Din l-informazzjoni tikkonferma, mill-ġdid, il-kontinwità fir-relazzjoni tax-xogħol bejn D. Drakeford u l-EMA. Minn dan jirriżulta li, billi kkonstata li D. Drakeford kien eżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod kontinwu fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika u, b’mod partikolari, bħala assistent kap ta’ settur, kap ta’ settur ad interim u kap ta’ settur, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġustament eskluda li kien hemm terminazzjoni fil-kontinwità sostanzjali tar-relazzjonijiet tax-xogħol bejn l-EMA u D. Drakeford.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It‑Tielet Awla), tal-5 ta’ Frar 2014, Drakeford vs EMA (F‑29/13, EU:F:2014:10), hija annullata sa fejn f’dik is-sentenza t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżerċita s-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tiegħu fil-qasam pekunjarju għall-perijodu ta’ wara l-għoti ta’ dik is-sentenza.

2)      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

3)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati għal David Drakeford u għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA).

5)      Il-Kummissjoni Ewropea, L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kontroll tal-Mard (ECDC) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati ma’ din l-istanza.

Jaeger

Papasavvas

Berardis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2015.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.