Language of document : ECLI:EU:T:2015:639

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

16 ta’ Settembru 2015

Kawża T‑231/14 P

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)

vs

David Drakeford

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien determinat – Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tal-5 ta’ Frar 2014, Drakeford vs EMA (F‑29/13, ĠabraSP, EU:F:2014:10), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It‑Tielet Awla), tal-5 ta’ Frar 2014, Drakeford vs EMA (F‑29/13, EU:F:2014:10), hija annullata sa fejn f’dik is-sentenza t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżerċita s-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tiegħu fil-qasam pekunjarju għall-perijodu ta’ wara l-għoti ta’ dik is-sentenza. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati għal David Drakeford u għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA). Il-Kummissjoni Ewropea, L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kontroll tal-Mard (ECDC) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati ma’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Interpretazzjoni uniformi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti – Interpretazzjoni skont il-kuntest u l-iskop

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal temporanju taħt l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra – Tiġdid wara l-ewwel proroga tal-kuntratt għal żmien determinat – Klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt għal żmien indeterminat – Skop tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra (Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(a), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8, u Artikolu 47)

3.      Appell – Aggravji – Aggravju ineffettiv – Kunċett

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 22)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Kirin Amgen, C‑66/09, Ġabra, EU:C:2010:484, punt 41

2.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta ddeċieda li l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra kien li jiggarantixxi ċertu stabbiltà tal-impjieg, wettaq żball ta’ liġi. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-imsemmija kondizzjonijiet tal-impjieg għandu l-għan li jipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu, mill-amministrazzjoni, ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. Barra minn hekk, l-għan limitat tal-imsemmi artikolu huwa kkonfermat mis-setgħa rrikonoxxuta lill-amministrazzjoni li fi kwalunkwe ħin ittemm ir-relazzjoni tax-xogħol ma’ membru tal-persunal temporanju li jkollu kuntratt għal żmien indeterminat, bl-osservanza tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 47 tal-imsemmija kondizzjonijiet tal-impjieg. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġustament iddeċieda li l-amministrazzjoni setgħet, fi kwalunkwe ħin, ittemm il-kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal, b’osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 47(c)(i) tal-imsemmija kondizzjonijiet tal-impjieg, mingħajr ma jiġu kkontestati d-differenza bejn l-uffiċjali u l-membri tal-persunal u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-amministrazzjoni għandha fir-relazzjonijiet ta’ xogħol ma’ dawn tal-aħħar.

Barra minn hekk, l-eċċezzjoni stabbilita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għall-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni mill-ġdid prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra fl-ipoteżi ta’ tmiem tal-karriera hija l-konsegwenza loġika tal-interpretazzjoni tal-imsemmi artikolu. Fil-fatt, l-għan tal-imsemmi artikolu huwa li jevita li, fl-ipoteżi ta’ progress fil-karriera jew ta’ evoluzzjoni fil-funzjonijiet ta’ membru tal-persunal temporanju li jkollu kuntratt għal żmien determinat, l-amministrazzjoni tkun tista’ tagħmel użu b’mod abbużiv minn kuntratti, differenti fuq il-livell formali, sabiex tevita milli twettaq il-klassifikazzjoni mill-ġdid prevista fl-imsemmi artikolu. Madankollu, il-premessa ta’ din il-klassifikazzjoni mill-ġdid hija li l-membru tal-persunal temporanju, li jimxi ’l quddiem fil-karriera tiegħu jew jevolvi fil-funzjonijiet tiegħu, iżomm relazzjoni tax-xogħol ikkaratterizzata mill-kontinwità mal-persuna li timpjegah. Jekk jiġri li l-membru tal-persunal jikkonkludi kuntratt li jinkludi modifika sostanzjali, u mhux formali, tan-natura tal-funzjonijiet tiegħu, il-premessa tal-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-imsemmija kondizzjonijiet tal-impjieg ma tibqax valida. Fil-fatt, ikun kontra l-ispirtu tal-imsemmi artikolu li wieħed jaċċetta li kwalunkwe tiġdid jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli li huwa jipprevedi.

Ċertament, fir-rigward ta’ tqabbil eventwali tal-kompiti li għandhom jitwettqu, il-funzjoni ta’ kap ta’ settur tirrappreżenta emenda sostanzjali meta mqabbla ma’ dik ta’ assistent kap, li toħloq terminazzjoni fis-sens tal-kunċett stabbilit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, għalkemm iż-żamma fl-istess qasam ta’ attività ma jwassalx għal kontinwità awtomatika fil-funzjonijiet eżerċitati, din il-kontinwità għandha, bħala prinċipju, tiġi eskluża fl-ipoteżi fejn l-aċċess għall-funzjoni ta’ kap tas-settur ikun suġġett għal proċedura ta’ selezzjoni esterna. Madankollu, peress li, qabel il-ħatra tagħha bħala kap ta’ settur, il-persuna kkonċernata eżerċitat il-funzjonijiet ta’ kap ta’ settur ad interim, ma jistax jiġi konkluż tassew li l-ħatra tagħha bħala kap ta’ settur, anki jekk din seħħet wara proċedura esterna, effettivament ikkostitwixxiet terminazzjoni meta mqabbel mal-funzjonijiet li hija kienet teżerċita preċedentement.

(ara l-punti 30, 33 u 39 sa 41)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2013, ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, ĠabraSP, EU:T:2013:624, punt 76

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 31 u 38)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il‑Kummissjoni, T‑50/08 P, ĠabraSP, EU:T:2009:457, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata