Language of document : ECLI:EU:T:2024:110

Kawżi magħquda T29/14 u T31/14

Telefónica Gestión Integral de Edificios y Servicios, SL, li kienet Taetel, SL
u
Banco Santander, SA, li kienet Banco Popular Español, SA

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (ItTmien Awla Estiża) tal21 ta’ Frar 2024

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli favur ċerti gruppi b’interess ekonomiku (GIE) u l-investituri tagħhom – Sistema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja għall-akkwist ta’ bastimenti (sistema Spanjola tat-taxxa tal-lokazzjoni) – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru parzjali tagħha – Tmiem parzjali tas-suġġett tat-tilwima – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni parzjali – Għajnuna ġdida – Irkupru – Klawżoli kuntrattwali li jipproteġu l-benefiċjarji kontra l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali”

1.      Rikors għal annullament – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Interess ġuridiku – Annullament parzjali tad-Deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ rikors ieħor ippreżentat kontra din id-deċiżjoni – Rikors intiż għall-annullament tal-partijiet annullati tad-Deċiżjoni kkontestata – Rikors li parzjalment ma għadx għandu skop – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 22 sa 34, 41 sa 49)

2.      Rikors għal annullament – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Interess ġuridiku – Annullament parzjali tad-Deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ rikors ieħor ippreżentat kontra din id-deċiżjoni – Rikors intiż għall-annullament tal-partijiet mhux annullati tad-Deċiżjoni kkontestata – Persistenza tal-interess ġuridiku

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 50, 51, 53 sa 61)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri fiskali favur ċerti gruppi b’interess ekonomiku u l-investituri tagħhom – Sistema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja għall-akkwist ta’ bastimenti – Sistema fiskali komposta minn diversi miżuri marbuta fil-fatt u fid-dritt – Evalwazzjoni separata tal-imsemmija miżuri – Inammissibbiltà

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 67 sa 71)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti – Portata – Klawżoli kuntrattwali li jipprevedu t-trasferiment tal-ispiża tal-irkupru ta’ għajnuna illegali tal-benefiċjajri ta’ din l-għajnuna lil persuni oħra – Kummissjoni li tkun ipprojbixxiet dan it-trasferiment tal-ispiża tal-irkupru u li tordna l-irkupru tal-għajnuna illegali mingħand benefiċjarji – Ksur tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri – Ksur tal-libertà ta’ intrapriża u tad-dritt għall-proprjetà – Assenza

(Artikoli 107 u 108 TFUE)

(ara l-punti 85 sa 105, 110, 111, 114 sa 123)

Sunt

Permezz ta’ din is-sentenza il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikorsi għal annullament ippreżentati rispettivament minn Telefónica Gestión Integral de Edificios y Servicios, SL, u Banco Santander, SA, kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea kklassifikat bħala għajnuna mill-Istati diversi miżuri fiskali li jikkomponu s-“sistema Spanjola tat-taxxa tal-lokazzjoni” (iktar ’il quddiem is-“STL”) applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja għall-akkwist ta’ bastimenti (1). Billi għamlet hekk, hija tikkunsidra l-eventwali tmiem tas-suġġett tat-tilwima wara l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni kkontestata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P) (2). Il-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni wkoll dwar il-kwistjoni mhux ikkunsidrata preċedentement dwar jekk il-Kummissjoni marritx lil hinn mill-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi eskludiet, fid-Deċiżjoni kkontestata, klawżoli ta’ kumpens li jinsabu f’kuntratti konklużi bejn partijiet privati, li jipproteġu l-benefiċjarji kontra l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern (3).

F’dan il-każ, il-Kummissjoni Ewropea kienet irċeviet diversi lmenti rigward l-applikazzjoni tas-STL għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja, sa fejn din is-sistema kienet tippermetti lill-kumpanniji marittimi li jibbenefikaw minn tnaqqis fil-prezz minn 20 sa 30 % għall-akkwist ta’ bastimenti mibnija minn tarzni Spanjoli. Skont il-Kummissjoni, l-għan tas-STL kien li tipprovdi vantaġġi fiskali lil gruppi b’interess ekonomiku (iktar ’il quddiem il-“GIE”) u lill-investituri li kienu pparteċipaw fiha, li mbagħad kienu jittrasferixxu parti minn dawn il-vantaġġi lill-kumpanniji marittimi li kienu xtraw bastiment ġdid.

Fid-Deċiżjoni kkontestata, adottata f’Lulju 2013, il-Kummissjoni qieset li tlieta mill-ħames miżuri fiskali li jifformaw is-STL kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li tieħu l-forma ta’ vantaġġ fiskali selettiv, parzjalment inkompatibbli mas-suq intern. Peress li l-għajnuna inkwistjoni kienet ġiet implimentata mill‑1 ta’ Jannar 2002 bi ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni (4), il-Kummissjoni ordnat lill-awtoritajiet nazzjonali jipproċedu bl-irkupru tagħha mingħand investituri, jiġifieri l-membri tal-GIE (iktar ’il quddiem l-“ordni ta’ rkupru”).

Diversi rikorsi għal annullament ġew ippreżentati kontra d-Deċiżjoni kkontestata. Dawk ippreżentati minn Telefónica Gestión Integral de Edificios y Servicios u Banco Santander ġew sospiżi sar-riżoluzzjoni definittiva tar-rikorsi ppreżentati mir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing, SA, u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión, SA (iktar ’il quddiem “PYMAR”). Għalhekk, fis-sentenza tagħha Spanja et vs Il‑Kummissjoni (5), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni kkontestata. Adita b’appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja annullatha, permezz tas-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P)(6), u bagħtet lura l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali.

Permezz tas-sentenza dwar ir-rinviju Spanja et vs Il‑Kummissjoni (7), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati mir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing u PYMAR. F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv intiż sabiex tiġi kkontestata s-selettività tas‑STL, billi ddeċidiet, essenzjalment, li l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali estiża tal-amministrazzjoni fiskali sabiex tawtorizza d-deprezzament antiċipat kienet suffiċjenti sabiex tiġi ammessa s-selettività tas-STL kollha kemm hi. Hija ċaħdet ukoll, b’mod partikolari, il-motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipji applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna, jiġifieri l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Fuq dan il-punt tal-aħħar, b’mod partikolari, hija qieset li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta ordnat l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni kollha unikament mingħand investituri tal-GIE, minkejja li parti mill-vantaġġ fiskali miksub kienet ġiet ittrasferita lil terzi, jiġifieri l-kumpanniji marittimi.

Adita b’appelli distinti kontra din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tagħha Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P) (8) laqgħet l-aggravju tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni u ċaħdet il-kumplament tal-appelli. Għalhekk billi annullat parzjalment din is-sentenza u qieset li kienet f’pożizzjoni li tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv fuq il-parti mir-rikorsi li kien jifdal li tiġi eżaminata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fi tmiem l-eżami tagħha, li kien hemm lok li d-Deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn kienet tindika lill-GIE u lill-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna msemmija u sa fejn hija ordnat l-irkupru tal-ammont kollu tal-għajnuna msemmija unikament mingħand investituri tal-GIE.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Filwaqt li fl-ewwel lok tindirizza l-kwistjoni dwar jekk, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P) li kienet annullat parzjalment id-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti ma għadx għandhom skop, il-Qorti Ġenerali tfakkar li s-suġġett tat-tilwima għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’ jagħti benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu.

Għalhekk, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tal-att ikkontestat fil-mori tal-kawża jċaħħad ir-rikors mill-iskop tiegħu fir-rigward tat-talbiet intiżi għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, permezz tal-annullament ta’ dan l-att, ir-rikorrent jikseb l-uniku riżultat li r-rikors tiegħu jista’ jagħtih u, għaldaqstant, ma għadx hemm raġuni għall-qorti tal-Unjoni Ewropea li tagħti deċiżjoni. L-istess japplika meta l-annullament parzjali tal-att ikkontestat ikun ta lir-rikorrent ir-riżultat li huwa ried jilħaq permezz ta’ parti mir-rikors tiegħu, b’tali mod li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar din il-parti.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti ma għadx għandhom skop sa fejn huma intiżi sabiex jikkontestaw l-identifikazzjoni tal-GIE u tal-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tas-STL u tal-imsemmija investituri bħala l-uniċi impriżi msemmija fl-ordni ta’ rkupru, kif ukoll il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, u l-metodu deskritt fid-Deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi kkalkolat l-ammont li għandu jiġi rrimborsat mill-investituri tal-GIE.

Fil-fatt, minn naħa, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P) diġà annullat id-Deċiżjoni kkontestata sa fejn din tindika lill-GIE u lill-benefiċjarli tagħhom bħala li huma l-uniċi benefiċjarji tal-STL u tordna l-irkupru tal-ammont kollu tal-għajnuna inkwistjoni mingħand l-imsemmija investituri. Barra minn hekk, l-appellanti ma wrewx li l-argument tagħhom li jikkontesta l-esklużjoni tat-tarzni mill-benefiċjarji tas-STL u mill-impriżi msemmija fl-ordni ta’ rkupru, jekk jitqies li huwa fondat, seta’ jagħtihom benefiċċju li jmur lil hinn minn dak li huma jisiltu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Min-naħa l-oħra, il-metodu deskritt f’din id-deċiżjoni sabiex jiġi kkalkolat l-ammont li għandu jiġi rrimborsat mill-investituri, filwaqt li huwa bbażat fuq il-premessa, illum żbaljata, li tgħid li l-vantaġġ kollu għandu jiġi rkuprat biss mingħand investituri tal-GIE, ma għadux applikabbli wara din is-sentenza.

Madankollu, dejjem għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament ta’ partijiet mid-Deċiżjoni kkontestata li ma ġewx annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P). Fil-fatt, din id-deċiżjoni tibqa’ valida sa fejn tiddikjara illegali u inkompatibbli mas-suq intern l-għajnuna li jibbenefikaw minnha tal-inqas il-GIE u l-investituri tagħhom u tobbliga lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-imsemmija għajnuna, jew parti minnha, mingħand dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, il-fatt li, għall-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, il-metodu deskritt fid-Deċiżjoni kkontestata għandu jinbidel fid-dawl tal-imsemmija sentenza bl-ebda mod ma jbiddel il-fatt li dan l-obbligu ta’ rkupru jippersisti bħala tali.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ibbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-miżuri fiskali li jikkostitwixxu s-STL, inkwantu għajnuna ġdida.

Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri fiskali bħala għajnuna ġdida, in-natura selettiva tagħhom u l-eżistenza ta’ vantaġġ huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-imsemmija miżuri għandhom jiġu evalwati separatament, fid-dawl tal-Artikolu 107 TFUE, u mhux billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-STL kollha kemm hi.

Fil-fatt, dawn il-miżuri fiskali huma marbuta fid-dritt, essenzjalment, għaliex id-deprezzament antiċipat kien suġġett għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet fiskali, u fil-fatt, minħabba li l-awtorizzazzjoni amministrattiva għad-deprezzament antiċipat kienet ingħatat biss fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni ta’ bastimenti eliġibbli għas-sistema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ. Għalhekk huwa minħabba din ir-rabta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 RENV u T‑19/13 RENV), li, peress li waħda mill-miżuri li jippermettu li jittieħed vantaġġ mis-STL kollha kemm hi kienet selettiva, jiġifieri l-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat, il-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat, fid-Deċiżjoni kkontestata, li s-sistema kienet selettiva fl-intier tagħha. Fis-sentenza Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-konklużjoni kif ukoll, impliċitament, in-neċessità li tiġi evalwata s-STL kollha kemm hi bħala skema ta’ għajnuna.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi pprojbixxiet il-klawżoli ta’ kumpens li jinsabu f’kuntratti konklużi bejn partijiet privati li jipproteġu lill-benefiċjarji kontra l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata, li r-Renju ta’ Spanja għandu jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji “mingħajr ma dawn il-benefiċjarji jkollhom il-possibbiltà jittrasferixxu l-ispiża tal-irkupru lil persuni oħra”, hija redatta f’termini wiesgħa u ma tillimitax ruħha espressament għall-klawżoli ta’ kumpens. Barra minn hekk, dawn il-klawżoli ma jirrigwardawx speċifikament l-ipoteżi tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern, iżda, b’mod iktar ġenerali, il-konsegwenzi tal-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti ma japprovawx il-vantaġġi fiskali li jirriżultaw mis-STL jew li, wara l-approvazzjoni tagħhom, tiġi kkontestata l-validità tagħhom.

Madankollu, f’ċerti premessi tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tidentifika, b’mod iktar konkret, aspetti speċifiċi tal-klawżoli ta’ kumpens li, fil-fehma tagħha, jirriżultaw problematiċi fil-kuntest speċifiku tal-irkupru tal-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Għalhekk, hija tippreċiża li l-għan tal-irkupru, li huwa intiż sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti, u b’mod partikolari l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, ikun irrimedjabbilment kompromess jekk l-atturi tas-settur privat setgħu, permezz ta’ klawżoli kuntrattwali, ibiddlu l-effetti tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru adottati mill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li l-preċiżazzjoni magħmula fl-Artikolu 4(1) tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata għandha tinftiehem bħala li tkopri biss il-klawżoli ta’ kumpens sa fejn dawn jistgħu jiġu interpretati bħala li jipproteġu lill-benefiċjarji ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern kontra l-irkupru tagħha.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pprevedietx li dawn il-klawżoli ta’ kumpens huma nulli, peress li tali kompetenza taqa’, jekk ikun il-każ, taħt il-qrati nazzjonali. Fil-fatt, il-preċiżazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata hija intiża biss sabiex tiċċara l-portata tal-obbligu li r-Renju ta’ Spanja għandu li jirkupra l-għajnuna mingħand benefiċjarji tagħha sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-imsemmija għajnuna.

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma marritx lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (9). Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-irkupru jseħħ konformement mal-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat (10), xorta jibqa’ l-fatt li dawn tal-aħħar għandhom jippermettu l-implimentazzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tippreċiża, fid-Deċiżjoni kkontestata, li r-Renju ta’ Spanja għandu jiżgura li l-benefiċjarji jirrimborsaw l-ammonti tal-għajnuna li huma effettivament gawdew minnhom, mingħajr ma jkunu jistgħu jittrasferixxu l-ispiża tal-irkupru ta’ dawn l-ammonti lil parti oħra fil-kuntratt. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li dawn il-klawżoli ta’ kumpens kienu previsti fil-kuntratti qafas konklużi bejn id-diversi parteċipanti tas-STL, peress li dawn il-kuntratti kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-amministrazzjoni fiskali sabiex tawtorizza d-deprezzament antiċipat.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas‑17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (ĠU 2014, L 114, p. 1).


2      Sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60).


3      Skont klawżoli ta’ kumpens li jinsabu f’kuntratti konklużi bejn partijiet privati, l-investituri setgħu jitolbu mingħand tarzni, l-ammonti li huma kellhom jirrimborsaw lill-Istat.


4      Obbligu previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.


5      Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 u T‑719/13, EU:T:2015:1004).


6      Sentenza tal 25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et (C 128/16 P, EU:C:2018:591).


7      Sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV, EU:T:2020:434).


8      Sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑649/20 P, C 658/20 P u C‑662/20 P, EU:C:2023:60).


9      Ara l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


10      Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999.