Language of document : ECLI:EU:T:2018:603

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla)

26 ta’ Settembru 2018 (*)

“FAEG – Għajnuna skont l-erja – Proċedura għas-sospensjoni tal-pagamenti ta’ kull xahar lil Stat Membru – Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Elementi prinċipali tas-sistema ta’ kontroll nazzjonali – Nuqqasijiet ikkonstatati – Pjan ta’ azzjoni b’indikaturi ta’ progress ċari stabbiliti wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni – Proporzjonalità”

Fil-kawża T-682/16,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn F. Alabrune, D. Colas, D. Segoin, A.-L. Desjonquères u S. Horrenberger, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo, P. Estêvão u J. Saraiva de Almeida, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Lewis u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 4287, tat-12 ta’ Lulju 2016, li tissospendi l-pagamenti ta’ kull xahar lir-Repubblika Franċiża, abbażi tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President tal-Awla, V. Kreuschitz u N. Półtorak, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku u li l-fatti li wasslu għall-kawża

 Id-dispożizzjonijiet kontenzjużi

1        L-Artikolu 41, intitolat “Tnaqqis u sospensjoni ta’ pagamenti kull xahar u interim”, tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifika ĠU 2016, L 130, p. 13), jiddisponi:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni, tnaqqas jew tissospendi l-pagamenti ta’ kull xahar jew interim lil Stat Membru jekk wieħed jew aktar mill-komponenti ewlenin tas-sistema ta’ kontroll nazzjonali inkwistjoni ma jeżistux jew mhumiex effettivi minħabba l-gravità jew il-persistenza tan-nuqqasijiet li jinstabu, jew jekk ikun hemm nuqqasijiet serji simili fis-sistema għall-irkupru ta’ pagamenti irregolari u jekk tkun sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)      il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Istat Membru kkonċernat mhuwiex f’pożizzjoni li jimplimenta l-miżuri neċessarji ta’ rimedju fil-futur immedjat, f’konformità ma’ pjan ta’ azzjoni b’indikaturi ċari tal-progress, li għandhom jiġu stabbiliti f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

It-tnaqqis jew is-sospensjoni għandhom jiġu applikati għall-infiq rilevanti magħmul mill-aġenzija tal-pagamenti fejn in-nuqqasijiet ikunu jeżistu għal perijodu li għandu jkun iddeterminat fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu, li ma għandux ikun ta’ aktar minn tnax-il xahar […]

L-atti ta’ implimentazzjoni previsti f’dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 116(2).

Qabel ma tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru konċernat dwar l-intenzjoni tagħha u għandha titolbu jirreaġixxi fi żmien perijodu li ma għandux ikun anqas minn 30 jum.

L-atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminawil-pagamenti kull xahar imsemmija fl-Artikolu 18(3) jew il-pagamenti interim imsemmija fl-Artikolu 36 għandhom iqisu l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dan il-paragrafu.”

2        L-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 jindika, minn naħa tiegħu:

“It-tnaqqis u s-sospensjonijiet skont dan l-Artikolu għandhom jiġu applikati f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 51 [fuq l-approvazzjoni tal-kontijiet] u 52 [fuq l-approvazzjoni tal-konformità].”

 Fuq l-elaborazzjoni u l-approvazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni

3        B’ittra tal-14 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni Ewropea indikat lill-awtoritajiet Franċiżi li diversi verifiki mwettqa mis-servizzi tagħha rrivelaw xi problemi rikorrenti li jikkonċernaw l-għajnuna skont l-erja mogħtija taħt il-kuntest tal-politika agrikola komuni (PAK). Dawn il-problemi kkonċernaw, b’mod partikolari, is-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll (iktar ’il quddiem is-“SIĠK”), is-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula tar-raba’ (iktar ’il quddiem is-“SIĦR”), imsejħa wkoll ir-“reġistru tal-ħbula tar-raba’ grafiku” (iktar ’il quddiem ir-“RĦG”), il-kontroverifiki amministrattivi u l-verifiki fuq il-post. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jippreżentaw “pjan ta’ azzjoni li jiddeskrivi lill-miżuri neċessarji sabiex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet ikkonstatati”.

4        B’ittra tat-13 ta’ Novembru 2013, wara diversi skambji mal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw il-pjan ta’ azzjoni tagħhom. B’ittra tat-28 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni indikat li dan il-pjan ta’ azzjoni seta’ “jiġi kkunsidrat bħala definittiv” (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ azzjoni”) filwaqt li nnotat li, “fil-qasam tal-għajnuna skont l-erja […] l-azzjonijiet proposti jistgħu jiġu kkompletati [u] ddettaljati waqt l-implementazzjoni tagħhom”.

5        L-ewwel mill-erba’ partijiet tal-pjan ta’ azzjoni kkonċerna l-għajnuna skont l-erja. Fl-ewwel lok, din il-parti kien fiha diversi azzjonijiet intiżi sabiex jaġġornaw lis-SIĦR, fit-tieni lok, xi azzjonijiet dwar il-verifiki fuq il-post, u fit-tielet lok, xi azzjonijiet dwar il-kalkolu tal-pagament u tal-pieni. Fir-rigward tal-aġġornament tas-SIĦR, l-azzjonijiet previsti pprevedew, essenzjalment, sabiex jinterpretaw l-elementi fotografiċi li kien hemm f’bażi ta’ data, imsemmija BD TOPO (iktar ’il quddiem il-“bażi ta’ data BD TOPO”), li fiha kien hemm elenkati diversi elementi tal-pajsaġġ, bħalma huma l-foresti, il-mogħdijiet tal-ilma jew il-bini. Dan ix-xogħol ta’ interpretazzjoni sistematika kellu jippermetti sabiex jiġu kkalkolati mill-ġdid l-erjas ammissibbli li fuqhom kienu bbażati l-pagamenti. It-tliet partijiet l-oħra tal-pjan tal-azzjoni, li ma humiex inkwistjoni f’din il-kawża, ikkonċernaw lill-kondizzjonalità tal-għajnuna, id-drittijiet għall-ħlas u l-primjums fuq l-annimali.

 Segwitu, talba għal reviżjoni u l-modalitajiet ġodda tal-pjan ta’ azzjoni

6        Il-pjan ta’ azzjoni kien fih dispożittiv ta’ segwitu, li bl-applikazzjoni tiegħu seħħew diversi skambji bejn l-awtoritajiet Franċiżi u l-Kummissjoni. B’hekk, il-pjan ta’ azzjoni ppreveda li l-awtoritajiet Franċiżi kellhom jittrasmettu rapporti ta’ progress fuq l-implimentazzjoni tiegħu. Fl-2014, xi rapporti bħal dawn intbagħtu fl-4 ta’ Frar, fl-4 ta’ April, fit-2 ta’ Lulju u fl-14 ta’ Ottubru.

7        B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni kkonkludiet, wara verifika li twettqet f’Novembru 2014 sabiex jiġi evalwat l-istat tal-progress tal-pjan ta’ azzjoni, li l-baża tad-data BD TOPO kien antik wisq u ma kienx adegwat sabiex jitwettaq l-aġġornament tas-SIĦR, u li, minħabba dan, is-suċċess tal-pjan ta’ azzjoni ma setax jiġi kkonfermat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni indikat li kienet innotat li l-awtoritajiet Franċiżi żviluppaw approċċ alternattiv li kellu, parzjalment, jirriżolvi lill-problemi mqajma. Il-Kummissjoni kienet b’hekk tal-opinjoni li, sabiex jiġi evitat l-eventwali sospensjoni jew tnaqqis ta’ pagamenti bl-applikazzjoni tal-Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013, “it-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni rrevedut [kien] rikjest” u li “[kien] irriżulta indispensabbli li jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet qabel l-implemetazzjoni tal-kampanja 2015 (April 2015)”.

8        B’ittra tat-23 ta’ Diċembru 2014, l-awtoritajiet Franċiżi kkomunikaw lill-Kummissjoni “l-elementi nieqsa dwar l-implementazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni […] fl-2014 u s-segwiment tiegħu fl-2015”. Dawn l-elementi ġew ikkompletati bil-ħames rapport ta’ progress, li ntbagħat mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Jannar 2015.

9        B’ittra tas-17 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni rrilevat, partikolarment, li diversi aspetti dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni previsti mill-awtoritajiet Franċiżi fl-ittra tagħhom li kkonċernat il-ħames rapport ta’ progress tat-30 ta’ Jannar 2015, kellhom bżonn xi kjarifiki. B’ittra tal-25 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Franċiżi b’diversi elementi dwar ir-riżultati ta’ investigazzjoni li tirrigwarda lis-snin tat-talba 2013 u 2014, li minnha rriżulta li “is-sistema ta’ kontroll implementata fi Franza kellha xi nuqqasijiet minħabba nuqqasijiet ta’ SIĦR […], xi problemi marbuta mad-definizzjoni taż-żoni eliġibbli, in-nuqqas ta’ effettività tal-kontrolli fuq il-post, kif ukoll il-metodu ta’ kalkolu tal-għajnuna u tal-pieni fin-nuqqas ta’ rkupru retroattiv”. Sussegwentement, ġiet organizzata missjoni tal-Kummissjoni fi Franza mill-11 sat-13 ta’ Marzu 2015, u l-awtoritajiet Franċiżi wettqu aġġornament tal-pjan ta’ azzjoni. Fit-30 ta’ Marzu 2015, intbagħtet nota ġdida mill-awtoritajiet Franċiż li biha kkomunikaw l-elementi komplementari lill-Kummissjoni.

 L-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ sospensjoni tal-pagamenti

10      B’ittra tat-13 ta’ April 2015, il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni lill-awtoritajiet Franċiżi bl-applikazzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 (iktar ’il quddiem il-“kommunikazzjoni tat-13 ta’ April 2015”).

11      Fl-ewwel parti, il-Kummissjoni fakkret elementi differenti dwar il-pjan ta’ azzjoni u r-reviżjoni tiegħu.

12      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni indikat li l-pjan ta’ azzjoni kien jipprevedi konkretament lill-aġġornament tas-SIĦR sabiex, għal kull żona eliġibbli, l-erja massima eliġibbli tiġi stabbilita skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, b’kunsiderazzjoni, partikolarment, tal-ortofotografija l-iktar riċenti, tar-riżultati tal-kontrolli fuq il-post u tal-elementi mhux eliġibbli preżenti fil-bażijiet tad-data eżistenti.

13      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li minħabba fihom, wara l-verifika ta’ Novembru 2014, hija kienet ikkunsidrat li l-passi previsti ma ġewx irrispettati, li eżistew xi fallimenti fil-kwalità ta’ xogħol, kif ukoll xi problemi li kkonċernaw l-erjas imħallsa abbażi ta’ pagament uniku u, konsegwentement, talbet lill-awtoritajiet Franċiżi għal “pjan ta’ azzjoni rrevedut” fl-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2014.

14      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni rrilevat, f’dan ir-rigward, li “il-pjan ta’ azzjoni rrevedut ippreżentat minn Franża [,bl-ittra tat-23] ta’ Diċembru 2014” kien fih elementi dwar l-interpretazzjoni ta’ stampi skont ir-regoli li jiżguraw l-eliġibbiltà tal-erjas u l-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni, tal-elementi dwar l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ prorata fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48) (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ prorata”), tal-elementi li jirrigwardaw l-eliġibbiltà ta’ ċerti bwar permanenti, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608), abbażi tal-prattiki lokali stabbiliti (iktar ’il quddiem l-“eliġibbiltà ta’ ċerti bwar permanenti abbazi tal-prattiki lokali stabbiliti”) u l-elementi li jirrigwardaw lid-“dikjarazzjoni tal-ħbula tar-raba’ b’mod grafiku mill-2015”. Madankollu, il-Kummissjoni rrilevat li, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Jannar 2015, l-awtoritajiet Franċiżi kienu ppreżentaw, f’dak li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni rrevedut, id-diffikultajiet li kien hemm fil-ġestjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna 2015, li kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet waqt missjoni kondotta fi Franza fix-xahar ta’ Marzu 2015.

15      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni wettqet rendikont tal-pjan ta’ azzjoni li fih hija invokat, partikolarment, il-mod kif l-awtoritajiet Franċiżi applikaw lis-sistema ta’ prorata u r-riskji li, fl-opinjoni tagħha, baqgħu jeżistu fid-definizzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċerti erjas abbażi tal-prattiki lokali stabbiliti. Bħala konklużjoni fuq dan il-punt, il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li kien hemm “nuqqas ta’ rispett tal-pjan ta’ azzjoni […] minħabba l-fatt li l-erjas elenkati fir-RĦG ma ddispon[ewx] kollha minn erja massima eliġibbli skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea”.

16      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni evokat ukoll il-modalitajiet ta’ ġestjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna 2015 li kienu ġew ippreżentati, barra minn hekk, mill-awtoritajiet Franċiżi.

17      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni indikat li “l-effett magħqud tad-dgħufijiet fil-kwalità intrinsika [tal-mument] tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u tad-derogi mir-regoli ta’ sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna li Franza [kellha] l-intenzjoni li taġġlika għall-applikazzjonijiet 2015” “ma offr[ewx] l-assigurazzjoni raġjonevoli meħtieġa għall-ġestjoni tajba tal-għajnuna u għaldaqstant fuq il-legalità u r-regolarità tal-ispejjeż” u “aggra[vaw] xi dubji [tal-Kummissjoni] fir-rigward tal-possibbiltà li jitwettqu xi pagamenti korretti fit-termini li [kienu] stabbilixxew l-awtoritajiet Franċiżi”. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni pprevediet sospensjoni jew tnaqqis tal-pagamenti ta’ xi 5% jekk l-awtoritajiet Franċiżi ma rremedjawx, qabel is-16 ta’ Ottubru 2015, għall-inċertezzi identifikati f’dak li jikkonċerna r-rendikont tal-pjan ta’ azzjoni u l-modalitajiet tal-ġestjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna 2015.

18      L-awtoritajiet Franċiżi rrispondew għall-komunikazzjoni tat-13 ta’ April 2015 permezz ta’ aġġornament ġdid tal-pjan ta’ azzjoni tal-24 ta’ April 2015, intitolat “Pjan ta’ azzjoni […] – Għan tal-kalendarju tal-kampanja PAK 2015”, u permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Mejju 2015 li kellha bħala suġġett is-“segwiment tal-pjan ta’ azzjoni […]”, li huwa sommarju tal-pożizzjoni tagħhom.

19      Sussegwentement, kien hemm diversi skambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi: laqgħa bilaterali ġiet organizzata fl-10 ta’ Ġunju 2015, u rapport ta’ progress intermedjarju ngħata lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Lulju 2015, is-sitt pjan tal-fażijiet intbagħat fid-9 ta’ Ottubru 2015 u ġiet organizzata żjara fi Franza mis-servizzi tal-Kummissjoni fl-1 ta’ Diċembru 2015.

20      B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat xi osservazzjonijiet addizzjonali abbażi tal-proċedura ta’ sospensjoni tal-pagamenti. Hija fakkret li r-rapporti ta’ progress ma ntbagħtux fit-termini stabbiliti u li s-sistema ta’ prorata kif ukoll id-determinazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċerti bwar permanenti abbazi tal-prattiki lokali stabbiliti u l-verifiki fuq il-post kienu s-suġġett ta’ rimarki minn naħa tagħha.

21      B’ittra tat-13 ta’ Jannar 2016, l-awtoritajiet Franċiżi rrispondew għal dawn l-osservazzjonijiet addizzjonali. Qabel kollox, huma taw sommarju tal-elementi kollha trażmessi lill-Kummissjoni. Sussegwentement, huma ddettaljaw l-implimentazzjoni tal-elementi li dehru fil-pjan ta’ azzjoni billi fakkru li, konformemenet mal-pjan ta’ azzjoni li kien ġie approvat f’Novembru 2013, dawn l-azzjonijiet kellhom jiġu kkompletati fl-2016. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħatx tinvoka, fl-2015, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ pjan ta’ azzjoni sabiex tadotta miżura ta’ sospensjoni ta’ pagamenti. L-awtoritajiet Franċiżi fakkru wkoll il-modalitajiet l-ġodda ta’ interpretazzjoni fotografika implimentati mill-2015. Fl-aħħar, l-awtoritajiet Franċiżi rrispondew għal diversi osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prorata u fuq l-eliġibbiltà ta’ ċerti bwar permanenti abbazi tal-prattiki lokali stabbiliti kif ukoll fuq il-kritika fformulata fuq it-twettiq tal-verifiki fuq il-post. Bħala konklużjoni, l-awtoritajiet Franċiżi sostnew li kienu kompletament issodisfaw jew li kienu ser jissodisfaw kompletament l-impenji previsti fil-pjan ta’ azzjoni approvat f’Novembru 2013.

22      Wara dawn l-iskambji, xi rapporti ta’ progress intbagħtu lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Jannar, 26 ta’ Frar, 4 u 29 ta’ April 2016. Barra minn hekk, missjoni ġdida tal-Kummissjoni ġiet ippjanata fi Franza mill-11 sal-15 ta’ April 2016.

23      B’ittra tal-20 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni bagħtet kommunikazzjoni addizzjonali bl-applikazzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni addizzjonali tal-20 ta’ Mejju 2016”). Fiha, hija evokat in-neċessità li tiġi vverifikata l-kwalità tal-verifiki fuq il-post u l-allokazzjoni korretta tad-drittijiet għall-pagament. Il-Kummissjoni nnotat ukoll xi “nuqqasijiet marbuta mal-kwalità taż-żjarat qosra” u semmiet “problema ta’ konformità mad-definizzjoni ta’ ‘bwar permanenti’ li jaqgħu taħt prattiki lokali stabbiliti” u “xi problemi marbuta mal-istabbiliment ta’ [sistema ta’ prorata]”. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni informat l-awtoritajiet Franċiżi li hija pprevediet sospensjoni jew tnaqqis tal-pagamenti ta’ madwar 3%.

24      B’ittra tas-16 ta’ Ġunju 2016, l-awtoritajiet Franċiżi rrispondew għall-komunikazzjoni addizzjonali tal-20 ta’ Mejju 2016. Huma indikaw li kkunsidraw li jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni konformement mal-impenji tagħhom u li l-konstatazzjonijiet imqajma li jikkonċernaw il-modalitajiet ta’ ġestjoni l-ġodda tal-bwar implimentati fil-kuntest tar-riforma tal-PAK jirrilevaw xi evalwazzjonijiet infondati.

25      Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni li ssospendiet lill-pagamenti ta’ kull xahar lir-Repubblika Franċiża abbażi tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-pagamenti ta’ kull xahar lir-Repubblika Franċiża mwettqa abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1306/2013 kienu sospiżi sal-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ perċentwali ta’ sospensjoni ta’ 3% fuq il-pagamenti ta’ kull xahar li jirrigwardaw lill-għajnuna marbuta mal-erja abbażi tas-sena 2015 u li s-sospensjonijiet kienu applikati fuq il-pagamenti ta’ kull xahar li kellhom jitħallsu lir-Repubblika Franċiża abbażi tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 għall-ispejjeż ta’ kull xahar effettwati mill-korp ta’ ħlas Agence de services et de paiement (Aġenzija ta’ servizzi u ta’ pagamenti) mix-xahar ta’ Lulju 2016 sax-xahar ta’ Ġunju 2017 inkluż. Din id-deċiżjoni kienet ġiet innotifikata lill-awtoritajiet Franċiżi fit-13 ta’ Lulju 2016.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Settembru 2016, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat dan ir-rikors.

27      Fit-22 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha. Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fit-termini imposti.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Diċembru 2016, ir-Repubblika Portugiża talbet sabiex tintervjeni fil-proċedura preżenti insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża. Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2017, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. Ir-Repubblika Portugiża ppreżentat ir-risposta tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet dwar din fit-termini stabbiliti.

29      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tas-26 ta’ Jannar 2018, adottata abbażi tal-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet intalbu sabiex jirrispondu diversi domandi. Il-partijiet irrispondew għal din it-talba fit-terminu impost.

30      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet, fin-nuqqas ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mill-partijiet u bl-applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura. Il-Qorti Ġenerali fil-fatt qieset li kienet biżżejjed informata mill-atti tal-proċess sabiex tiddeċiedi mingħajr ma tkompli l-proċedura.

31      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla lid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Ir-Repubblika Portugiża, intervenjenti insostenn tar-Repubblika Franċiża, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla lid-deċiżjoni kkontestata.

33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad lir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

 Id-dritt

34      Ir-Repubblika Franċiża tqajjem żewġ motivi fir-rikors tagħha. L-ewwel motiv, ippreżentat prinċipalment, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013, peress li, minn naħa, l-awtoritajiet Franċiżi kienu kompletament implimentaw il-pjan ta’ azzjoni, li kien fih rapporti tal-progress ċari stabbiliti wara konsultazzjoni mal-Kummissjonu u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq xi elementi li ma kinux previsti fil-pjan ta’ azzjoni. It-tieni motiv, ippreżentat sussidjarjament, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013

35      Qabel kollox, ir-Repubblika Franċiża tfakkar li l-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità prevista mill-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità”) tippermetti li jiġi żgurat li l-ispejjeż agrikoli kienu mwettqa konformement mad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Din il-proċedura tippermetti lill-Istati Membri sabiex jiddisponu mill-garanziji neċessarji sabiex jippreżentaw il-perspettiva tagħhom u hija rregolata minn Linji gwida tal-Kummissjoni li jippreċiżaw, b’mod partikolari, kif il-konsegwenzi finanzjarji ta’ approvazzjoni ta’ konformità huma kkalkolati. Bil-kontra, il-proċedura ta’ sospensjoni ta’ pagamenti prevista mill-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1306/2013 (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ sospensjoni”) prattikament qatt ma kienet ġiet implimentata u ma kinitx irregolata mil-Linji gwida tal-Kummissjoni.

36      Skont ir-Repubblika Franċiża, il-proċedura ta’ sospensjoni ma tikkonċernax lis-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil li jirrigwarda, minn naħa, l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ prorata u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċerti erjas abbażi tal-prattiki lokali stabbiliti. Li jiġi aċċettat li tali nuqqas ta’ qbil jista’ jiġi invokat abbażi ta’ żewġ proċeduri distinti, jirriskja li jippreġudika lill-garanziji proċedurali li jiddisponi minnhom l-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità, li jġiegħel lil dan l-Istat sabiex jemenda l-prattiki tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ sospensjoni, filwaqt li r-realtà tan-nuqqas tkun għadha ma ġietx stabbilita, jew ukoll li jċaħħad mill-effettività tagħha lill-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità. Billi evokat tali nuqqas ta’ qbil fil-kuntest tal-proċedura ta’ sospensjoni, il-Kummissjoni kienet ostakolat il-progress bla xkiel tal-iskambji abbażi tal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità.

37      Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Portugiża, l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jippermettix li tiġi adottata deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-pagamenti ta’ kull xahar ibbażata fuq xi elementi li ma kinux ġew proposti mill-Istat Membru kkonċernat fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu. Tali deċiżjoni jkollha xi konsegwenzi ekwivalenti għal korrezzjoni finanzjarja mingħajr ma jiġu rrispettati l-garanziji offerti mill-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità. Billi emendat jew irrevediet unilateralment it-termini stretti tal-impenji ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni użat proċedura li toffri garanziji li huma sinjifikattivament inqas. Fil-preżenza ta’ elementi ġodda, li dehru sussegwentement, il-Kummissjoni kellha tiftaħ proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità.

38      Prinċipalment, ir-Repubblika Franċiża ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013 peress li l-Kummissjoni ma setgħatx tikkonkludi li l-Istat Membru kkonċernat ma kienx “f’pożizzjoni li jimplementa lill-miżuri previsti f’pjan ta’ azzjoni li fih xi indikaturi ċari tal-progress li għandhom jiġu stabbiliti wara l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni”. Għaldaqstant, din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfatta, minn naħa, sakemm il-pjan ta’ azzjoni ma jkunx ġie kompletament implimentat u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata tkun ibbażata fuq elementi li ma kinux previsti fil-pjan ta’ azzjoni.

39      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Franċiża tfakkar li kienet impenjat ruħha li tapplika l-pjan ta’ azzjoni vvalidat f’Novembru 2013. Peress li l-modalitajiet previsti sabiex jiġi aġġornat is-SIĦR ma kinux sodisfaċenti, ir-Repubblika Franċiża tfakkar ukoll li kienet ipproponiet, fl-ittra tat-23 ta’ Diċembru 2014, xi modalitajiet alternattivi li kienu ġew ivvalidati mill-Kummissjoni.

40      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-pjan ta’ azzjoni, ivvalidat f’Novembru 2013, u emendat f’Diċembru 2014 kien ġie kompletament implimentat.

41      Fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-SIĦR, ir-Repubblika Franċiża tfakkar li kien inizjalment previst li jiġu aġġornati l-fotografiji u li jintużaw l-bażijiet tad-data eżistenti, partikolarment il-bażi tad-data BD TOPO, sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni u li l-modalitajiet reveduti proposti f’Diċembru 2014 kellhom bħala għan li jiġu riżolti d-diffikultajiet li rriżultaw meta sar magħruf li l-bażi tad-data BD TOPO ma kinitx suffiċjentement affidabbli. Dan l-aġġornament twettaq fit-terminu massimu previst. Il-problema li tqajment minħabba l-antikità tal-fotografiji kienet ġiet riżolta fit-tmiem tal-2014, kif indikat l-ittra tal-awtoritajiet Franċiżi tat-23 ta’ Diċembru 2014, u x-xogħol ta’ interpretazzjoni tal-fotografiji kien twettaq fl-2016, kif isemmi l-erbatax-ir-rapport ta’ progress tal-1 ta’ Settembru 2016.

42      F’dak li jikkonċerna lill-verifiki fuq il-post, ir-Repubblika Franċiża tirrileva li kienet ġiet ikkritikata li inkludiet elementi u żoni li ma kinux eliġibbli. Sabiex tiġi riżolta din il-problema, il-pjan ta’ azzjoni ppreveda li tiġi implimentata proċedura ta’ żieda fuq il-livell tal-amministrazzjoni ċentrali tad-deċiżjonijiet prefettorali f’dan ir-rigward, qabel ma jiġu ffirmati dawn id-deċiżjonijiet. Din l-azzjoni kienet ġiet implimentata fit-terminu previsti, jiġifieri għall-kampanja 2014.

43      Fir-rigward tal-kalkolu tal-pagamenti u tas-sanzjonijiet, ir-Repubblika Franċiża tenfassizza li kienet ġiet ikkritikata li wettqet kalkoli mhux korretti, li ma pprevedietx il-monitoraġġ tal-irkupri retroattivi u li ma rkupratx pagamenti mhux dovuti. Sabiex tiġi riżolta din il-problema, kien ġie previst għall-kampanji 2013 u 2014, li jiġu msaħħa l-istruzzjonijiet lis-servizzi kompetenti u li ssir superviżjoni aħjar, u li mill-kampanja 2015, jiġi rrivedut l-algoritmu tal-kalkolu tal-għajnuna mifruda, peress li din id-data aktar ’il bogħod tippermetti li jiġu integrati l-emendi tal-algoritmu neċessarji għar-riforma tal-PAK. Dawn il-miżuri kienu ġew adatti fit-termini stabbiliti. B’mod partikolari, għalkemm ma kienx possibbli li tiġi kkonfermata l-eżekuzzjoni tajba tar-reviżjoni tal-algoritmu qabel Awwissu 2016, mal-likwidazzjoni effettiva tal-pagamenti għall-kampanja 2015, din kienet biss kwistjoni li jiġu osservati l-effetti tal-algoritmu l-ġdid fl-ewwel data possibbli. L-impenn fil-pjan ta’ azzjoni, li kien jikkonsisti fir-reviżjoni tal-algoritmu fl-2015, inżamm fit-terminu previst.

44      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tirrileva li, minkejja li l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti mill-pjan ta’ azzjoni, bħall-aġġornament tas-SIĦR jew ir-reviżjoni tal-algoritmu, ikkawżat xi dewmien fl-implimentazzjoni tal-pagamenti tal-kampanja 2015, din il-kwistjoni ma taqax taħt il-pjan ta’ azzjoni innifsu, peress li ma kienx jirrigwarda lill-kalendarju tal-implimentazzjoni ta’ din il-kampanja, u lanqas ta’ ebda oħra.

45      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq elementi esterni għall-pjan ta’ azzjoni sabiex tadotta deċiżjoni ta’ sospensjoni ta’ pagamenti. Huwa biss il-ksur tal-miżuri previsti fil-pjan ta’ azzjoni kif approvat f’Novembru 2013 u rrevedut f’Diċembru 2014 li jippermetti l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni.

46      Fuq dan il-punt, qabel kollox, ir-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi li, waqt xi skambji mal-Kummissjoni fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, id-diskussjoni rrigwardat l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prorata jew id-determinazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċerti bwar permanenti abbazi tal-prattiki lokali stabbiliti. Ir-Repubblika Franċiża tosserva li, fil-fatt, l-implimentazzjoni tal-possibbiltajiet ġodda previsti mid-dritt tal-Unjoni mill-kampanja 2015 setgħat timplika, għall-aġġornament tas-SIĦR, li jiżdied max-xogħol ta’ interpretazzjoni tal-fotografiji, ċerti żjarat fuq il-post ta’ numru kemxejn limitat tal-erjas. Madankollu, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prorata, u tad-determinazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċerti bwar permanenti abbazi tal-prattiki lokali stabbiliti ma kienu qatt inklużi mill-awtoritajiet Franċiżi, bħala tali, fost l-indikaturi tal-progress ta’ pjan ta’ azzjoni, u ma hijiex responsabbiltà tal-Kummissjoni li temenda unilateralment dan il-pjan sabiex tinkludihom. L-ebda indikatur ta’ progress ma jsemmi lil dawn il-kwistjonijiet fir-rapporti ta’ progress mibgħuta lill-kummissjoni, kif ukoll fl-aġġornament li twettaq fil-pjan ta’ azzjoni, bħal dak tat-12 ta’ Marzu u tal-24 ta’ April 2015.

47      Sussegwentement, ir-Repubblika Franċiża tosserva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li baqa’ jeżisti dewmien kunsiderevoli fir-rigward tal-istruzzjoni tat-talbiet ta’ għajnuna, partikolarment fil-fajls dwar il-bwar permanenti. Minn dan, il-Kummissjoni ddeduċiet li l-għanijiet tal-pjan ta’ azzjoni ma setgħux jintlaħqu fil-futur immedjat. Madankollu, skont ir-Repubblika Franċiża, il-pjan ta’ azzjoni li impenjat ruħha għalih ġie eżegwit fit-termini stabbiliti. Id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-pagamenti għall-kampanja 2015 ma jaqax taħt il-pjan ta’ azzjoni, li ma jirrigwardax il-kalendarju tal-implimentazzjoni, la ta’ din il-kampanja u lanqas ta’ oħra. Jekk il-Kummissjoni kkunsidrat li ma jeżistux prospetti għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni fit-termini qosra, u li għaldaqstant setgħat tadotta lid-deċiżjoni kkontestata, dan kien minħabba l-fatt li kienet inkludiet fil-pjan ta’ azzjoni l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prorata u d-determinazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċerti bwar permanenti abbazi tal-prattiki lokali stabbiliti, li huma żewġ kwistjonijiet li dwarhom il-pjan ta’ azzjoni ma fihx indikaturi ta’ progress.

48      Fil-fatt, fl-ewwel lok, fl-ittra tagħha tas-17 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ddikjarat “rabta stretta bejn l-implementazzjoni tajba tal-pjan ta’ azzjoni u l-proposta għal riforma tal-PAK, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar l-eliġibbiltà tal-erjas u ta’ ċerti elementi ta’ pajsaġġ”. Madankollu, din ir-rabta ma tippermettix li l-pjan ta’ azzjoni jitwessa’ ipso facto biex ikopri dawn l-elementi. Il-pjan ta’ azzjoni u r-riforma tal-PAK ikunu żewġ affarijiet separati. F’din l-istess ittra, il-Kummissjoni nkludiet ukoll unilateralment, f’dak li ssejjaħ il-“pjan ta’ azzjoni rrevedut” xi miżuri fuq il-konformità tas-sistema ta’ prorata u d-determinazzjoni ta’ eliġibbiltà ta’ ċerti tipi ta’ erjas. Madankollu, il-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li tipproċedi għal tali emenda unilaterali tal-pjan ta’ azzjoni.

49      Fit-tieni lok, fil-komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ April 2015, il-Kummissjoni kompliet sabiex tinkudi, bħala elementi prinċipali tal-pjan ta’ azzjoni rrevedut, xi elementi dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prorata u l-inklużjoni ta’ bwar permanenti abbażi tal-prattiki lokali stabbiliti li ma jidhrux madankollu fil-pjan ta’ azzjoni kif kien ġie approvat f’Novembru 2013 jew fil-pjan ta’ azzjoni rrevedut ta’ Diċembru 2014. Issa, huwa billi bbażat ruħha fuq l-“effett ikkombinat” tan-nuqqasijiet allegati li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni “ma off[riex] l-assigurazzjoni raġjonevoli meħtieġa għall-ġestjoni tajba tal-għajnuna”.

50      Fit-tielet lok, fl-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2015, it-tilwim dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prorata u tal-inklużjoni bħala erja eliġibbli ta’ ċerti bwar permanenti abbażi tal-prattiki lokali stabbiliti, huwa aspett determinanti tar-raġunament tal-Kummissjoni.

51      Fir-raba’ lok, għalkemm, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-dewmien allegatament sostanzjali fir-rigward tal-istruzzjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna, dan kien wara li esponiet fit-tul lit-tilwima dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prorata u tal-inklużjoni bħala erja eliġibbli ta’ ċerti bwar permanenti abbażi ta’ prattiki lokali stabbiliti. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi ukoll għall-pjan ta’ azzjoni “rrevedut” ta’ Marzu 2015, filwaqt li l-aħħar reviżjoni seħħet f’Diċembru 2014. Għaldaqstant tkun il-persistenza ta’ din it-tilwima li bbażat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux f’pożizzjoni li jimplimentaw lill-pjan ta’ azzjoni.

52      Bħala konklużjoni, ir-Repubblika Franċiża sostniet li t-tilwima ta’ natura legali li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ prorata u d-determinazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċerti tipi ta’ erjas hija kompletament differenti mit-tilwima dwar in-nuqqasijiet tas-sistema ta’ kontroll li kienet immotivat il-pjan ta’ azzjoni. Fil-fatt, minn naħa, il-pjan ta’ azzjoni kkorrisponda, essenzjalment, għal ħidma teknika tal-aġġornament tal-elementi ġeografiċi li fuq il-bażi tagħhom ġiet imfassla s-SIĦR. Min-naħa l-oħra, bir-riforma tal-PAK, kien sar possibbli li titbassar l-eliġibbiltà ta’ ċerti erjas adattati sabiex jilqgħu l-attivitajiet ta’ biedja anki jekk l-erjas bil-ħaxix ma kinux dominanti, peress li l-prattiki lokali stabbiliti ppermettew sabiex jiġi kkunsidrat li dawn l-erjas kienu adattati għall-biedja.

53      Għaldaqstant, minn naħa, ir-Repubblika Franċiża tfakkar li mid-dispożizzjoni kontenzjuża jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tista’ biss tiġi bbażata fuq il-prova li l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux f’pożizzjoni sabiex jimplimentaw il-miżuri li hemm fil-pjan ta’ azzjoni. Il-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq in-nuqqasijiet ta’ implimentazzjoni tal-miżuri li hemm fil-pjan ta’ azzjoni u mhux fuq “ġabra ta’ dgħufija u ta’ nuqqasijiet” invokati b’mod ġenerali. Min-naħa l-oħra, l-ebda element evokat mill-Kummissjoni ma juri l-eżistenza ta’ nuqqas fl-implimentazzjoni tal-miżuri li hemm fil-pjan ta’ azzjoni. B’hekk, fir-rigward tal-aġġornament tas-SIĦR, li kellha tibda fl-2016 skont il-pjan ta’ azzjoni, jew fir-rigward tal-kontrolli fuq il-post u l-kalkolu tal-pagamenti, il-Kummissjoni ma allegatx li dawn il-miżuri ma ġewx implimentati, iżda tillimita ruħha sabiex tafferma li d-dewmien osservat jikkostitwixxi ksur tal-impenji skont il-pjan ta’ azzjoni.

54      Fl-aħħar lok, ir-Repubblika Franċiża sostniet li, jekk huwa minnu li l-għażla tagħha sabiex tapplika lis-sistema ta’ prorata jimplika li tiġi rreveduta s-sistema ta’ pagamenti, u b’mod partikolari s-SIĦR, dan ma jfissirx li s-sistema ta’ prorata ma tistax tiġi sseparata mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni jew li l-pjan ta’ azzjoni jista’ jitqies bħala li jevolvi. Il-modernizzazzjoni tal-għodda li jippermetti li tiġi ddeterminata l-erja eliġibbli sabiex tiġi aġġornata l-bażi ta’ data meqjusa bħala antika wisq għandha tkun distinta mir-reviżjoni tagħha sabiex tinkorpora parametru ġdid maħruġ mil-leġiżlazzjoni. Dawn iż-żewġ azzjonijiet ma jistgħux jiġu sseparati. Dan ma jkunx pjan ta’ azzjoni li għandu natura dinamika jew li jevolvi, iżda huwa l-għodda għad-determinazzjoni tal-erjas eliġibbli.

55      Ir-Repubblika Portugiża ssostni, minn naħa tagħha, li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq “pjan ta’ azzjoni rrevedut”, deskritt b’hekk mill-Kummissjoni, li kien stabbilixxa unilateralment it-termini wara l-introduzzjoni tas-sistema ta’ prorata implimentata mill-awtoritajiet Franċiżi konformement mal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014. Issa, l-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prorata jew għad-determinazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċerti bwar permanenti abbazi tal-prattiki lokali stabbiliti ma jkollhom ebda rapport man-nuqqasijiet tas-sistemi ta’ kontroll li kienu fl-oriġini tal-pjan ta’ azzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013 peress li l-ħtieġa tal-emendi eventwali tas-SIĦR, immotivati mill-introduzzjoni tas-sistema ta’ prorata, issemmiet biss wara l-istabbiliment tal-pjan ta’ azzjoni u ma kinitx ġiet suġġetta għall-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità sabiex jiġi konkluż li l-elementi prinċipali tas-sistema ta’ kontroll nazzjonali kienu nieqsa jew ineffettivi minħabba l-gravità jew il-persistenza tan-nuqqasijiet ikkonstatati. Id-deċiżjoni kkontestata tikser ukoll lid-dispożizzjoni kontenzjuża peress li ma kinitx ibbazata speċifikament fuq l-impenji li kien hemm fil-pjan ta’ azzjoni li l-Istat Membru kkonċernat kien impenja ruħu sabiex jimplimenta, iżda fuq xi elementi li ma humiex parti mill-impenji tiegħu, bħall-introduzzjoni tas-sistema ta’ prorata.

56      Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża tinvoka lill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Billi tagħmel riferiment f’dan ir-rigward, għall-punti 71, 161 u 167 tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Belgique u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416), ir-Repubblika Portugiża ssostni li, fil-każ fejn il-Kummissjoni tbiddel l-evalwazzjoni tagħha fuq il-bażi unika ta’ applikazzjoni iktar stretta tar-regoli ġuridiċi, jew, bħal fil-kawża preżenti, extra legem, mingħajr ma tagħti ż-żmien neċessarju sabiex tieħu inkunsiderazzjoni effettivament lil din il-bidla ta’ evalwazzjoni, ikun hemm ksur tal-imsemmi prinċipju. Ir-Repubblika Portugiża tfakkar ukoll li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha. Il-prinċipju taċ-ċertezza legali jeżiġi li kull att tal-istituzzjonijiet li jipproduċu tali effetti legali jkunu ċari, preċiżi, u jkun miġjub għall-konjizzjoni tal-persuna kkonċernata b’tali mod li din tista’ tagħraf b’ċertezza l-mument li minnu l-att inkwistjoni jipproduċi l-effetti legali. Billi tirreferi għall-punt 124 tas-sentenza tat-22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill (T‑115/94, EU:T:1997:3), ir-Repubblika Portugiża tqis li dan l-imperattiv taċ-ċertezza legali jkun meħtieġ bir-reqqa fil-każ ta’ att li jista’ jkollu konsegwenzi finanzjarji, bħal fil-każ preżenti, sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jkunu jafu eżattament il-firxa tal-obbligi imposti fuqhom.

57      Il-Kummissjoni tikkontesta lil dan l-argument billi tirreferi għall-fatti li wasslu għall-kawża. Essenzjalment, hija ssostni li, anki kieku r-Repubblika Franċiża waqqfet xi miżuri sabiex timplimenta lill-pjan ta’ azzjoni, din l-implimentazzjoni kienet ivvizjata b’dewmien u nuqqasijiet li jiġġustifikaw lill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

58      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssospendiet il-pagament ta’ kull xahar lir-Repubblika Franċiża abbażi tal-FAEG bl-applikazzjoni tal-Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013.

59      Fil-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfakkar li din id-dispożizzjoni tippermettilha sabiex tissospendi lill-pagamenti ta’ kull xahar lil Stat Membru fil-każ fejn, minn-naħa, “jekk wieħed jew aktar mill-komponenti ewlenin tas-sistema ta’ kontroll nazzjonali inkwistjoni ma jeżistux jew [ma kienux] effettivi minħabba l-gravità jew il-persistenza tan-nuqqasijiet li jinstabu”, u fejn, min-naħa l-oħra, hija “[ikkonkludiet] li l-Istat Membru kkonċernat [ma kienx] f’pożizzjoni li jimplimenta l-miżuri neċessarji ta’ rimedju fil-futur immedjat, f’konformità ma’ pjan ta’ azzjoni b’indikaturi ċari tal-progress, li [kellhom] jiġu stabbiliti f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni”.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-proċedura ta’ sospensjoni ma għandhiex l-istess għan bħall-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità. Fil-fatt, il-proċedura ta’ sospensjoni tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tissospendi temporanjament il-ħlasijiet ta’ kull xahar lil Stat Membru bl-applikazzjoni tal-FAEG jew tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), b’mod partikolari fil-każ ta’ nuqqasijiet gravi ta’ sistemi ta’ kontroll nazzjonali jew ta’ rkupru ta’ pagamenti irregolari. Bil-kontra, il-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammonti li għandhom jiġu esklużi definittivament mill-finanzjament tal-Unjoni meta l-ispejjeż li jaqgħu taħt il-FAEG u l-FAEŻR ma twettqux konformement mad-dritt tal-Unjoni. Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Portugiża, ma jistax jiġi dedott mill-eżistenza ta’ proċedura ta’ approvazzjoni li tippermeti li jiġu ddeterminati l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni u li l-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant, preċedentement, jew fl-istess ħin, tuża l-proċedura ta’ sospensjoni f’dak li jikkonċerna lill-pagamenti ta’ kull xahar li jikkorrispondu għal tali ammonti. Fil-fatt, l-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi espliċitament li s-sospensjonijiet previsti għal din id-dispożizzjoni huma bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikoli 51 u 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 li jirrigwardaw rispettivament l-approvazzjoni tal-kontijiet u l-approvazzjoni tal-konformità.

61      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, bħall-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità, il-proċedura ta’ sospensjoni ta’ pagamenti ta’ kull xahar toffri garanziji proċedurali lill-Istat ikkonċernat sabiex ikun jista’ jsostni l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni ta’ pagamenti. Fil-kawża preżenti, ir-Repubblika Franċiża ġiet b’hekk informata f’żewġ okkażjonijiet, permezz tal-kommunikazzjoni tat-13 ta’ April 2015 u permezz tal-komunikazzjoni addizzjonali tal-20 ta’ Mejju 2016,bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ta’ sospensjoni ta’ pagamenti ta’ kull xahar minħabba r-raġunijiet esposti fil-kommunikazzjonijiet tagħha. Ir-Repubblika Franċiża setgħat ukoll tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward fl-24 ta’ April 2015 u fis-16 ta’ Ġunju 2016.

62      L-istess, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża li jirrigwardaw ir-riskju ta’ preġudizzju għall-garanziji proċedurali rrikonoxxuti lill-Istat ikkonċernat abbażi tal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità jew għall-fatt li r-raġunijiet esposti mill-Kummissjoni għall-ħtiġijiet tal-proċedura ta’ sospensjoni kienu ostakolaw l-iżvolġiment tajjeb tal-iskambji abbażi tal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali affermazzjonijiet, sa issa mhux sostnuti, jaqgħu taħt proċedura distinta li ma hijiex is-suġġett tal-kawża preżenti. Dan huwa minnu wkoll, b’hekk, għall-kwistjoni tal-pagament tal-ammonti ta’ kull xahar sospiżi mid-deċiżjoni kkontestata, imqajma mill-Qorti Ġenerali fil-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-26 ta’ Jannar 2018, li, kif tenfassizza l-Kummissjoni, kienet is-suġġett tal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità.

63      Għaldaqstant, u fl-ewwel lok, minn dak li ntqal qabel jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex bħala suġġett li teskludi definittivament lill-ammonti ta’ finanzjament tal-Unjoni u b’hekk tiġi evitata l-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità kif isostnu essenzjalment ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Portugiża, iżda biss li tissospendi l-pagamenti ta’ kull xahar bl-applikazzjoni tal-proċedura prevista għal dan il-għan.

64      Sabiex tkun tista’ tadotta deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-pagamenti ta’ kull xahar, il-Kummissjoni għandha għaldaqstant tiżgura li l-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013 huma ssodisfatti.

65      Fil-kawża preżenti, l-ewwel kundizzjoni meħtieġa sabiex tiġi permessa s-sospensjoni tal-pagamenti ta’ kull xahar huwa li jkun hemm “wieħed jew aktar mill-komponenti ewlenin tas-sistema ta’ kontroll nazzjonali inkwistjoni [li] ma jeżistux jew mhumiex effettivi minħabba l-gravità jew il-persistenza tan-nuqqasijiet li jinstabu”.

66      F’dan ir-rigward, fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li “diversi verifiki mwettqa mill-Kummissjoni rrilevaw xi problemi marbuta, fost oħrajn, mas-[SIĠK], mas-[SIĦR], mal-kontroverifiki amministrattivi u mal-verifiki fuq il-post” u li “pjan ta’ azzjoni [kien] ġie stabbilit mill-awtoritajiet Franċiżi f’Novembru 2013, sabiex tiġi rrimedjata d-dgħufija tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ verifika tal-għajnuna skont l-erja ffinanzjata mill-[FAEG][, li] kien fiha, fost aspetti oħra, l-aġġornament u t-titjib tal-kwalità ta’ informazzjoni tas-SIĠR fi Franza”.

67      B’hekk, b’ittra tal-14 ta’ Mejju 2013 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kienet innotat il-problemi rikorrenti li jikkonċernaw b’mod partikolari l-għajnuna skont l-erja. It-tliet dgħufijiet prinċipali identifikati f’dan il-qasam huma dawk li ġejjin:

–        fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna lis-SIĦR, l-erja massima mhux eliġibbli ma kinitx aġġornata minħabba l-antikità tar-ritratti li ntużaw u interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jikkonċernaw l-elementi ta’ pajsaġġ (imsaġar adattati għall-mergħat, għadajjar, blat);

–        fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna lill-verifiki fuq il-post, l-elementi tal-pajsaġġ u taż-żoni mhux eliġibbli kienu kkunsidrati bħala erjas ammissibbli, (imsaġar adattati għall-mergħat, għadajjar, ġonna, parkijiet, żoni ta’ parkeġġ, żoni fforestati bħalma huma l-mogħdijiet kollha siġar);

–        fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-pagamenti u tas-sanzjonijiet, il-kalkolu żbaljat tal-pagamenti, in-nuqqas ta’ monitoraġġ ta’ rkupru retroattiv, u, f’ċerti każijiet, nuqqas ta’ rkupru tal-pagamenti mogħtija b’mod indebitu kienu ġew irrilevati.

68      Għaldaqstant, u fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Franċiża ma tikkontestax, fil-kawża preżenti li, fuq diversi elementi prinċipali, is-sistema ta’ kontroll tagħha kienet nieqsa minħabba l-gravità jew il-persistenza tan-nuqqasijiet ikkonstatati matul is-snin li ppreċedew lill-adozzjoni tal-pjan ta’ azzjoni f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, “l-aġġornament u t-titjib tal-kwalità tal-informazzjoni tas-SIĦR fi Franza”. Dawn in-nuqqasijiet kellhom bħala konsegwenza li l-elementi li ma kinux eliġibbli għall-għajnuna skont l-erja kienu minkejja dan ittieħdu inkunsiderazzjoni filwaqt li kellhom jiġu esklużi, kemm inizjalment, fuq il-bażi tas-SIĦR, u kemm wara, fit-tmiem ta’ verifiki fuq il-post jew tal-kalkolu tal-pagamenti u ta’ sanzjonijiet. Konkretement, dan ifisser li xi erjas li kienu ġew iddikjarati mill-benefiċċjarji tal-għajnuna, kien fihom xi elementi li kellhom jiġu esklużi fil-fażi tal-applikazzjoni għall-għajnuna, peress li l-interpretazzjoni tal-fotografiji ta’ din l-erja tidentifika lil dawn l-elementi jew fejn l-identifikazzjoni sussegwenti tan-nuqqas ta’ ammissibbiltà ta’ tali elementi sseħħ.

69      It-tieni kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013 sabiex tiġi permessa s-sospensjoni tal-pagamenti ta’ kull xahar hija li l-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li “l-Istat Membru kkonċernat ma [kienx] f’pożizzjoni li jimplimenta lill-miżuri neċessarji sabiex jirrimedja lis-sitwazzjoni immedjatament, konformement ma’ pjan ta’ azzjoni li fih indikaturi ta’ progress li [kellhom] jiġu stabbiliti wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni”.

70      Fil-kawża preżenti, sabiex tirrimedja lis-sitwazzjoni deskritta mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża ddefinixxiet pjan ta’ azzjoni, li bagħtet lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Novembru 2013. Il-pjan ta’ azzjoni kien jipprevedi lill-miżuri u fażijiet li ġejjin.

71      Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna lis-SIĦR, l-awtoritajiet Franċiżi pprevedew li jirrimedjaw l-antikità tar-ritratti billi jiżguraw lir-rispett tal-antikità massima tagħhom, u billi taġġorna b’mod iktar mgħaġġel lir-ritratti. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Franċiżi nnotaw li 100% tar-ritratti kellhom inqas minn ħames snin fl-2013. Indikatur ta’ progress kellu jiġi ddeterminat f’Diċembru 2013, u l-għan kien li jkun operattiv fl-2016.

72      Fir-rigward tal-interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jikkonċernaw l-elementi ta’ pajsaġġ, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-istruzzjonijiet sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-verifiki mwettqa waqt il-kampanja 2012 kienu diġà ġew imsaħħa. Hija kienet qed tipprevedi wkoll li tinkorpora sistematikament lir-riżultati tal-verifiki fuq il-post mwettqa mill-kampanja 2013, peress li l-għan kien li l-bdiewa setgħu jwettqu d-dikjarazzjonijiet tagħhom għall-2014, permezz ta’ RĦG kompletament aġġornat flimkien mar-riżultati ta’ dawn il-verifiki.

73      L-awtoritajiet Franċiżi ppreċiżaw b’hekk li kienu qed jistudjaw ukoll l-ipoteżi ta’ interpretazzjoni tal-fotografiji sistematika tal-ortofotografija ġdida li kellha tintuża progressivament fil-kampanji 2012 sal-2015 u l-iktar tard fl-2016. Hija ssuġġerixxiet sabiex tuża l-bażi ta’ data BD TOPO sabiex tilħaq riżultati differenti:

–        l-inkorporazzjoni tal-bażi ta’ data BD TOPO fis-sistema ta’ ġestjoni kellha tippermetti li tiġi żviluppata kontroverifika fuq l-elementi artifiċjalizzati għall-kampanji 2012 (limitu sa’ 500 metru kwadru) u 2013 (tnaqqis tal-limitu għal 200 metru kwadru), peress li dawn l-elementi artifiċjalizzati kellhom jiġu integrati mal-klassifika ta’ erjas ammissibbli tar-RĦG;

–        l-inkorporazzjoni tal-bażi ta’ data BD TOPO għall-elementi kollha artifiċjalizzati tat-territorju mingħajr limitu ta’ erja setgħat, minn naħa tagħha, tiġi posposta għall-2015, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-erja dgħajfa sovrapposta ta’ inqas min 200 metru kwadru (inqas minn total ta’ 800 ettaru), peress li deċiżjoni f’dan ir-rigward kellha tittieħed f’Novembru jew f’Diċembru 2013;

–        l-inkorporazzjoni fis-SIĠK fis-saff “foresti” fil-bażi ta’ data BD TOPO, sabiex tiġi żviluppata kontroverifika, kienet ġiet prevista minn Ottubru jew Novembru 2013, għal ħidma li kellha tibda waqt il-kampanja 2014, li setgħat tiġi segwita, skont in-numru ta’ sovrapożizzjonijiet, fl-2015 u l-iktar tard fl-2016;

–        l-inkorporazzjoni tas-SIĠK fis-saff “korp ta’ ilma” u tal-ġebel preżenti fil-bażi ta’ data BD TOPO, sabiex tiġi żviluppata kontroverifika, kienet ġiet prevista minn Diċembru 2013 jew Jannar 2014, peress li l-kampanja ta’ sfruttar ta’ dawn l-oqsma kellha tiġi stabbilita permezz tar-riżultati tal-analiżi teknika u tad-determinazzjoni tas-sovrapożizzjonijiet.

74      Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi impenjaw ruħhom sabiex itejbu l-kwalità tal-ortofotografija, li kellha sseħħ għall-kampanja 2013 jew f’April 2014, għall-bidu tal-perijodu ta’ dikjarazzjoni, sabiex tiġi evalwata l-kwalità tar-RĦG, inklużi l-oqsma grafiċi ġodda, fl-okkażjoni tal-ewwel rapport annwali ppreparat fl-ewwel semestru tal-2014 fuq il-kampanja 2013 u sabiex jiġi implimentat fl-2014 pjan ta’ informazzjoni u ta’ akkumpanjament għall-bdiewa dwar il-kwalità tad-dikjarazzjonijiet.

75      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna lill-verifiki fuq il-post, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li ser jimplimentaw proċedura ta’ eskalazzjoni u ta’ validazzjoni tad-deċiżjonijiet prefettorali qabel il-firma tagħhom u rreferew mill-bqija għall-kontroverifika mad-database BD TOPO li ġiet implimentata gradwalment għall-elementi artifiċjali u perenni.

76      Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna lill-kalkolu tal-pagamenti u tas-sanzjonijiet, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-algoritmu tal-kalkolu tal-pieni fuq l-għajnuna mifruda f’każ ta’ diskrepanza kien ser jiġi rrevedut waqt l-implimentazzjoni tar-riforma tal-PAK fl-2015, li l-elaborazzjoni mwettqa waqt il-kampanja 2015 għal applikazzjoni fil-Ħarifa 2015, u li xi miżuri intervjenew sabiex jirregolaw lid-diffikultajiet l-oħra waqt il-kampanja 2013 u l-kampanja 2014.

77      B’ittra tat-28 ta’ Novembru 2013 (ara l-punt 4 hawn fuq), il-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Franċiżi li l-pjan ta’ azzjoni seta’ “jiġi kkunsidrat bħala definittiv” billi rrilevat li, “fil-qasam tal-għajnuna skont l-erja, l-azzjonijiet proposti jistgħu jibqgħu jiġu kkompletati [u] ddettaljati waqt l-implementazzjoni tagħhom”.

78      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi enfassizzat li l-pjan seta’ b’hekk jiġi kkompletat jew iddettaljat waqt l-implimentazzjoni tiegħu. F’dan il-kuntest, fil-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat:

“Ir-rapporti [ta’ progress] ippreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi u verifika mwettqa mill-Kummissjoni f’Novembru 2014, urew it-termini kunsiderevoli fl-implementazzjoni tal-punti essenzjali tal-pjan ta’ azzjoni li setgħu jkollhom effetti li jestendu għall-ġestjoni tas-sena 2015. Bħala konsegwenza, il-pjan ta’ azzjoni inizjali ġie rrevedut f’Marzu 2015.”

79      Fil-fatt, b’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2014 (ara l-punt 7 hawn fuq), il-Kummissjoni kkomunikat xi konstatazzjonijiet lill-awtoritajiet Franċiżi fuq l-istat ta’ avvanzament tal-pjan ta’ azzjoni. Hija rrilevat kif ġej:

–        “l-avvanzament tal-[p]jan ta’ azzjoni […] ma jikkorrispondix kompletament għar-realtà. Pereżempju, hekk kif ġie ikkjarifikat mill-awtoritajiet Franċiżi, l-antikità medja tas-saff “mibni” għandu jiżdied b’żewġ snin għal kull dipartiment (is-saff huwa integrat mill-2012), li jfisser li għal 2014 l-ortofoto[grafija] użata għall-aġġornament tar-RĦG għandha iktar minn [ħames] snin”;

–        “[l-]istima għat-territorju kollu tal-volum tal-anomaliji ġġenerati mill-qsim tar-RĦG mas-saff “bini” u “veġetazzjoni” għal-limitu ta’ 0 metru kwadru għadu ma ġiex ipprovdut sa llum, (ħidma li skont il-[p]jan ta’ azzjoni kellha tiġi ffinalizzata fl-2013 għall-“bini” u fl-2014 għas-saff “veġetazzjoni”)”;

–        “[f]il-[bażi tad-data] BD TOPO, xi nuqqasijiet u elementi nieqsa (fid-delineazzjoni tal-elementi tas-saffijiet “veġetazzjoni” u “mibni”) ġew ikkonstatati, li kellhom bħala konsegwenza in-nuqqas ta’ attivazzjoni ta’ twissijiet sabiex jiġu ttrattati s-sovrapożizzjonijiet, b’mod partikolari dawk li huma għall-bini ta’ iktar minn 200 metru kwadru u tal-veġetazzjoni ta’ iktar minn 5 000 metru kwadru (skont il-limiti stabbiliti mill-awtoritajiet Franċiżi)”;

–        “[l]-impatt finanzjarju tas-sovrapożizzjonijiet konfermati, fil-limitu deskritt, għadu ma ġiex ikkalkolat mill-awtoritajiet Franċiżi. Wara l-ispjegazzjonijiet mogħtija, għal-limiti inkwistjoni, il-pagamenti twaqqfu fil-każ ta’ sovrapożizzjoni”;

–        “it-trattament tal-erjas “mibnija” u “veġetazzjoni” ta’ inqas minn 200 u 5000 metru kwadru rispettivament għandu jibqa’ jiġi pproċessat u l-impatt finanzjarju kkalkolat. Ma dan jiżdied id-dewmien tal-integrazzjoni tas-saff “ilma” u “elementi lineari” għall-2015, bil-kontra ta’ dak li ġie stabbilit inizjalment (Sajf 2014 għall-elementi lineari u t-tmiem tal-2014 għall-korpijiet tal-ilma)”;

–        “iż-żjarat fil-post urew li l-erjas aċċettati bħala eliġibbli għas-sostenn dirett tal-ewwel pilastru ma jirrispettawx lid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa partikolarment il-każ għall-mergħat permanenti u x-xagħriet u l-mogħdijiet […] B’estensjoni, id-deċiżjonijiet prefettorali u/jew l-implementazzjoni tagħhom ma humiex konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea”.

80      F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat ukoll li, minħabba l-konstatazzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-istat ta’ avvanzament effettiv tal-pjan ta’ azzjoni kif ukoll is-suċċess tiegħu ma setgħux jiġu kkonfermati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni osservat li s-servizzi tagħha kienu nnotaw li l-awtoritajiet Franċiżi kienu żviluppaw approċċ alternattiv li kellu, parzjalment, jirriżolvi lill-problem irrilevati. Il-Kummissjoni b’hekk kienet tal-opinjoni li “l-istabbiliment ta’ pjan ta’ azzjoni rrevedut [kien] meħtieġ”.

81      B’hekk, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jikkomunikaw tali pjan, li kellu jkun fih mill-inqas l-elementi li ġejjin: “l-indikazzjoni preċiża tat-terminu (xahar u sena); [l]-integrazzjoni direttiva fl-[għodda ta’ ġestjoni] ISIS u l-informazzjoni mogħtija mill-IĠN, id-disinjar mill-ġdid tal-gżejjer; l-interpretazzjoni korretta tal-fotografiji tal-art agrikola, konformement mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli mill-2015, [fejn ġie ppreċiżat li] fid-dawl tar-riżultati taż-żjarat fuq l-art miksuba wara [l-]missjoni, l-implentazzjoni ta’ prorata għal kull parċella għar-ragħa/xagħriet u l-mogħdijiet, għandha tiġi kkunsidrat mill-awtoritajiet Franċiżi”.

82      Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni indikat li “kien [sar] indispensabbli li jiġu rrimedjati dawn in-nuqqasijiet qabel l-implementazzjoni tal-kampanja 2015 (April 2015), b’mod partikolari minħabba li dawn huma problemi sistematiċi ta’ interpretazzjoni leġiżlattiva”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat, li n-“nuqqas ta’ rispett ikun ikkunsidrat fir-rigward tal-Artikolu 41[(2)(b), tar-Regolament Nru]1306/2013 li jindika li n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni jagħti lok għat-tnaqqis/sospensjoni tal-pagamenti”. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni nnotat li “ir-rapport ta’ progress li jmiss […] għat-tmiem [ta’] Jannar 2015 [kellu] jinkludi l-emendi neċessarji”.

83      B’ittra tat-23 ta’ Diċembru 2014 (ara l-punt 8 hawn fuq), l-awtoritajiet Franċiżi kkomunikaw lill-Kummissjoni “l-elementi mistennija dwar l-implementazzjoni tal-[pjan ta’ azzjoni] fl-2014, u l-monitoraġġ tiegħu fl‑2015”.

84      Qabel kollox, l-awtoritajiet Franċiżi fakkru li l-pjan ta’ azzjoni kien previst għall-kampanji 2014 u 2015, li jfisser li kien ser jintemm fil-mument tal-pagamenti mwettqa abbażi tal-kampanja 2015.

85      Fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-RĦG, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-ħidma kienet għaddejja sabiex jiġi żgurat, permezz tal-interpretazzjoni tal-fotografiji u l-bażi tad-data tal-erja tal-Istitut nazzjonali tal-informazzjoni ġeografika u forestali (IĠN), li l-erjas mhux eliġibbli kollha huma esklużi mill-parti tal-erjas li jistgħu jirċievu pagamenti. Il-modalitajiet ta’ twettiq ta’ din il-ħidma kienu ddettaljati. Din il-ħidma kellha tippermetti sabiex tiġi ddefinita l-erja ammissibbli għall-għajnuna tal-PAK, iżda wkoll l-erjas ta’ interess ekoloġiku (EIE)” fil-kuntest tal-pagament futur abbażi tal-ekoloġizzazzjoni. L-awtoritajiet Franċiżi rilevaw li l-kalendarju kien “strett wisq”, peress li l-ħidma kellha titwettaq f’termini kompatibbli mal-kampanja 2015. Huma nnotaw li l-ħidma kienet ta’ “skala kolossali b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fajls PAK li għandhom jiġu evalwati [, jiġifieri] 80% tal-fajls PAK ippreżentati fil-2014, jiġifieri iktar minn 300,000 minn 372,000”. Bħala għanijiet mistennija tal-għoti tas-saffijiet grafiċi, l-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw il-kalendarju li ġej: Jannar 2015, għall-kontorni tal-gżejjer, Marzu 2015 għall-erjas mhux agrikoli fil-gżejjer u Ġunju 2015 għall-erjas mhux agrikoli ħdejn il-gżejjer. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi rrilevaw li “waħda mid-diffikultajiet tal-implementazzjoni f’dan is-sit fuq żewġ snin [kien] marbut mal-fatt li, wara [xi] deċiżjonijiet dwar ir-riforma tal-PAK, ir-regoli dwar l-ammissibbiltà tal-erjas għall-pagamenti diretti [kellhom] jiġu evalwati”.

86      Minħabba dawn ir-raġunijiet, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw ukoll lill-Kummissjoni li ddeċidew li jibdew rinnovazzjoni totali tar-RĦG għal 2015. F’dan ir-rigward, huma ppreċiżaw li, billi jintegraw lir-riżultati tal-pjan ta’ azzjoni, id-dispożittiv implimentat fl-2015 ma baqax juża s-saffi tal-bażi tad-data BD TOPO iżda s-saffi grafiċi speċifiċi mfassla mill-IĠN għar-rekwiżiti tal-PAK. L-awtoritajiet Franċiżi kkonkludew għaldaqstant: “Fi kliem ieħor, il-pjan [ta’ azzjoni li ser jiġi implementat] fl-2015 mhux ser jibqa sempliċi tiġdid tal-pjan [ta’ azzjoni li ġie implentat fl-]2014 (billi tnaqqsu il-limiti), iżda eżerċizzju ġdid eżawrjenti tal-interpretazzjoni tal-fotografiji li jwassal għall-kostruzzjoni ta’ dawn is-saffi grafiċi”.

87      L-elementi li hemm fl-ittra tat-23 ta’ Diċembru 2014 kienu ġew ikkompletati mill-ħames rapport ta’ progress, mibgħut mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Jannar 2015 (ara l-punt 8 hawn fuq). F’dan ir-rapport, l-awtoritajiet Franċiżi kellhom l-intenzjoni sabiex jagħtu xi risposti għall-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2014 u jikkomunikaw xi elementi ġodda.

88      Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni fl-2014, l-awtoritajiet Franċiżi fakkru li impenjaw ruħhom sabiex jiffinalizzaw il-parti RĦG ta’ dan il-pjan fuq “sentejn (anki tlieta): kampanji 2014 u 2015 (anki 2016)”. B’hekk, fl-2014, huma kienu ddeċidew li jittrattaw bi prijorità dak li rrappreżentaw potenzjalment l-ikbar riskju finanzjaru għall-FAEG: is-saff “mibni” ta’ iktar minn 200 metru kwadru u s-saff “veġetazzjoni” ta’ iktar minn 5,000 metru kwadru. L-elementi mhux ittrattati fl-2014 kienu ġew integrati fil-pjan ta’ azzjoni implimentat fl-2015.

89      Fir-rigward tal-implimentazzjoni “ta’ pjan ta’ azzjoni rrevedut għas-sena 2015”, l-awtoritajiet Franċiżi, minn naħa, indikaw li kienu ħadu nota “tal-validazzjoni tal-prinċipju tas-servizzi tal-Kummissjoni” u, min-naħa l-oħra, fakkru “l-elementi diġa mibgħuta fuq is-suġġett ([it-] 23 ta’ Diċembru [2014])”. F’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar l-elementi ta’ pajsaġġ u tal-ammissibbiltà ta’ ċerti erjas, l-awtoritajiet Franċiżi għarrfu wkoll lill-Kummissjoni dwar “l-għażla [tagħhom], bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014, li japplikaw sistema ta’ prorata sabiex jidentifikaw l-erja ammissibbli tal-bwar permanenti”, kif ukoll tal-metodu previst għal dan il-għan, li kien jinkludi partikolarment skala ta’ prorata nazzjonali f’ħames kategoriji.

90      Fl-aħħar lok, l-awtoritajiet Franċiżi fakkru l-proposta tagħhom sabiex jorganizzaw f’Pariġi (Franza), laqgħa teknika flimkien mar-rappreżentanti tas-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jippreżentaw “il-modalitjiet ġodda tal-pjan ta’ azzjoni […] li [kien] ser jiġi implementat fl-2015”.

91      B’ittra tas-17 ta’ Frar 2015 (ara l-punt 9 hawn fuq), il-Kummissjoni talbet sabiex jiġu ċċarati diversi aspetti dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni previst mill-awtoritajiet Franċiżi fl-ittra tagħhom ta’ trażmissjoni tal-ħames rapport ta’ progress tat-30 ta’ Jannar 2015. B’hekk, il-Kummissjoni indikat li rrikonoxxiet l-impatt finanzjarju u d-data li fiha kien ser jiġi ffinalizzat l-ammont għal dak li jikkonċerna lis-saff “mibni” ta’ iktar minn 200 metru kwadru u s-saff “veġetazzjoni” ta’ iktar minn 5,000 metru kwadru u l-elementi “ilma” u “lineari”.

92      F’din l-ittra tas-17 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni indikat ukoll li kienet tal-opinjoni, fid-dawl tad-data miksuba abbażi tal-verifika mwettqa f’Novembru 2014, li t-teknika ta’ interpretazzjoni tal-fotografiji ma kinitx konformi mal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-elementi tal-pajsaġġ u l-ammissibbiltà ta’ ċerti erjas. Il-Kummissjoni enfassizzat ukoll li l-iskala ta’ prorata nazzjonali ta’ ħames kategoriji, kif ukoll il-kwistjoni tal-eliġibbiltà tal-erjas bħalma huma l-imsaġar jew l-għaddajar kellhom jiġu ċċarati, li ż-żjarat fuq il-post fil-każ ta’ dubju għandhom isiru u li “pjan ta’ azzjoni rrevedut” kellu jintbagħat malajr sabiex jiġu ddettaljati l-għanijiet u l-miri.

93      B’ittra tal-25 ta’ Frar 2015 (ara l-punt 9 hawn fuq), il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Franċiżi diversi elementi dwar ir-riżultat ta’ stħarriġ li sar fi Franza f’dak li jikkonċerna s-snin 2013 u 2014, li minnha rriżulta li s-SIĦR ippreżenta lakuni marbuta mal-antikità tal-ortofotografiji u minn interpretazzjoni tal-fotografiji ħażina. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li eżistew problemi marbuta mad-definizzjoni tal-erjas eliġibbli f’dak li jikkonċerna l-elementi ta’ pajsaġġ u tal-partikolaritajiet topografiċi kif ukoll il-“mergħat u mogħdijiet”, li l-verifiki fuq il-post kienu nieqsa minn effettività u li kien hemm xi problemi f’dak li jikkonċerna lill-kalkolu tal-pagamenti u tas-sanzjonijiet kif ukoll l-irkupru retroattiv.

94      B’ittra tat-12 ta’ Marzu 2015 (ara l-punt 9 hawn fuq), l-awtoritajiet Franċiżi ttrażmettew lill-Kummissjoni l-pjan ta’ azzjoni fejn iddikjaraw “diversi aġġornamenti”. Dan id-dokument, intitolat “Pjan ta’ azzjoni […] – Għan tal-kalendarju PAK 2015”, kien fih tlett oqsma intitolati “SIĦR/RĦG – Tnaqqis tal-antikità tal-ortofotografiji”, “SIĦR/RĦG – Bidu tal-evalwazzjoni tal-kwalità tar-RĦG”, u “Emenda tal-ġestjoni tar-RĦG u artikulazzjoni bil-verifiki fuq il-post”. Nota ġdida tal-awtoritajiet Franċiżi, tat-30 ta’ Marzu 2015 (ara l-punt 9 hawn fuq), ikkomunikat xi elementi addizzjonali lill-Kummissjoni.

95      L-eżami tal-emendi mwettqa fuq il-pjan ta’ azzjoni jippermetti li jiġi kkonstatat li l-iskadenzi previsti għall-azzjonijiet imbassra kollha estendew sal-15 ta’ Jannar 2015, f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ ortofotagrifiji ġodda għall-kostituzzjoni tar-RĦG 2015, sat-tmiem tal‑2015 għat-twettiq tal-pagamenti.

96      Għaldaqstant u fit-tielet lok, minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-azzjonijiet inizjalment previsti fil-pjan ta’ azzjoni approvat f’Novembru 2013 ġew sussegwentement irreveduti fil-kors tal-implimentazzjoni tiegħu sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, partikolarment, id-diffikultajiet li huma ffaċjati bihom l-awtoritajiet Franċiżi f’dak li jikkonċerna l-użu tal-bażi ta’ data BD TOPO. B’mod partikolari, peress li ma kinux f’pożizzjoni sabiex jimplimentaw lill-miżuri neċessarji sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni li tirrigwarda lin-nuqqasijiet ikkonstatati f’dak li jikkonċerna l-aġġornament tat-titjib tas-SIĦR, waqt il-kampanja 2013 jew il-kampanja 2014, l-awtoritajiet Franċiżi ntrabtu li jipprovduhom matul il-kampanja 2015.

97      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Franċiża ma tistax tiġi segwita fl-argumenti tagħha fejn tallega li l-importanti huwa li jiġi nnotat li l-impenn tagħha abbażi tal-pjan ta’ azzjoni kien li tiffinalizzah fl-2016. Hekk kif jirriżulta minn dak li ntqal qabel, diversi indikaturi msemmija mill-pjan ta’ azzjoni jipprevedu implimentazzjoni f’fażijiet matul iż-żmien inkunsiderazzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu fit-tmiem ta’ kull kampanja. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni kienet progressiva u ma kinitx ikkundizzjonata biss mit-twettiq tal-għanijiet fl-2016.

98      B’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna l-emendi mwettqa fuq il-pjan ta’ azzjoni abbażi tar-reviżjonijiet marbuta, minn naħa, mad-diffikultajiet li ffaċjaw l-awtoritajiet Franċiżi f’dak li jikkonċerna l-użu tal-bażi ta’ data BD TOPO u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltajiet offerti mid-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prorata u tal-inklużjoni bħala erjas eliġibbli ta’ ċerti bwar permanenti abbażi tal-prattiki lokali stabbiliti, hemm lok li jiġi rrilevat li l-enfasi tqiegħdet fuq l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri fl-okkażjoni tal-kampanja 2015.

99      Sabiex tiġi sostnuta l-insuffiċjenti implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni nnotat dak li ġej fil-premessi 3 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(3) […]      Verifika tal-Kummissjoni mwettqa f’Marzu 2015 ikkonfermat li n-nuqqasijiet maġġuri baqgħu jeżistu fir-rigward tal-implementazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni.

(4)      Bħala konsegwenza, konformement mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament […] Nru 1306/2013, il-Kummissjoni kkomunikat lil Franza, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ April 2015, bl-intenzjoni tagħha li tnaqqas jew tissospendi l-pagamenti ta’ kull xahar fin-nuqqas ta’ informazzjoni addizzjonali rċevuta jew jekk din l-informazzjoni adizzjonali ma kinitx sodisfaċjenti. Franza rrispondiet b’ittra tas-7 ta’ Mejju 2015, fejn indikat li xi azzjonijiet korrettivi kienu ttieħdu bl-għan li jiġi ffinalizzat il-pjan ta’ azzjoni fl-2015.

(5)      In-nuqqasijiet imsemmija fl-ittra tat-13 ta’ April 2015, ikkonċernaw, fost elementi oħra, il-metodu li abbażi tiegħu Franza stabbilixxiet lis-sistema ta’ prorata sabiex tevalwa l-erja massima eliġibbli għall-bwar permanenti, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega […] Nru 640/2014 […], li ma kienx konformi mar-rakkomandazzjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni u li ppreżenta riskju sinifikattivi fir-rigward tal-ġestjoni u tal-kontroll; id-determinazzjoni tal-eliġibbilta ta’ ċerti tipi ta’ erjas, b’mod partikolari dawk b’densità sinifikanti ta’ siġar u/jew b’riżorsi dgħajfa għall-mergħa, pereżempju s-siġar tal-qastan, il-felċi, jew il-parċelli li għandhom prorata ta’ nqas minn 50%; il-metodu li permezz tiegħu Franza tkun tista’ tirregola l-anomaliji marbuta, pereżempju, mad-determinazzjoni tal-prorata għall-eliġibbiltà tal-bwar permanenti kif ukoll id-determinazzjoni tal-erjas ta’ interess ekoloġiku (SIE) abbażi tal-ekoloġizzazzjoni. B’mod ġenerali, kien ġie rrilevat li l-pjan ta’ azzjoni kien għadu ma ġiex implementat minħabba l-fatt li l-erjas elenkati fis-SIĦR ma ddisponux kollha minn erja massima eliġibbli konformement mar-rekwiżiti leġiżlattivi. L-awtoritajiet Franċiżi ntalbu sabiex jirrimedjaw lill-punti kollha previsti fl-ittra qabel is-16 ta’ Ottubru 2015.

(6)      L-elementi ċċitati preċedentement kollha, b’mod partikolari t-termini u l-insuffiċjenzi tal-aġġornament u ta’ titjib tas-SIĦR fi Franza, wasslu għal konsegwenzi negattivi importanti fuq il-ġestjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna abbażi tas-sena 2015, b’mod partikolari fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-benefiċjarju tal-informazzjoni rikjesta dwar l-erja massima eliġibbli u għall-erjas mhux agrikoli, inklużi s-SIE.

(7)      Rapport ta’ segwitu mibgħut minn Franza fid-9 ta’ Ottubru 2015, u verifika ġdida mwettqa mill-Kummissjoni waqt il-ġimgħa tat-30 ta’ Novembru 2015 ippermettew li jiġi konkluż li baqa’ jeżisti dewmien kunsiderevoli fir-rigward tal-istruzzjoni amministrattiva tal-fajls tal-applikazzjoni għall-għajnuna, tan-notifikazzjoni lill-operaturi tat-data maħruġa mid-dikjarazzjonijiet tagħhom, tal-kalkolu tal-erjas ammissibbli u tas-SIE, tat-trattament tal-anomaliji li jirriżultaw mill-verifiki amministrattivi u fuq il-post, miż-żjarat b’għaġġla fuq l-art intiżi sabiex tiġi evalwata l-eliġibbiltà tal-bwar permanenti u tal-verifiki fuq il-post. Dan id-dewmien kien ġie sussegwentement ikkonfermat minn verifika mwettqa mill-Kummissjoni mill-11 sa 15 ta’ April 2016. B’hekk, il-verifiki fuq il-post ma ġewx iffinalizzati qabel Lulju 2016 l-iktar kmieni, li affettwa l-effettività tagħhom u konsegwentement l-effettività tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ dubju dwar l-eliġibbiltà tal-erjas jew għar-rispett tar-rekwiżiti marbuta mad-diversifikazzjoni tal-kulturi fil-kuntest tal-ekoloġizzazzjoni. Dan jikkonferma li l-għanijiet tal-pjan ta’ azzjoni ma setgħux jintlaħqu fil-futur immedjat, li ma joffrix l-assigurazzjoni raġjonevoli meħtieġa fir-rigward tal-ġestjoni tajba tal-għajnuna u tal-legalità u tar-regolarità tal-ħlasijiet abbażi tas-sena 2015. Barra minn hekk, dan id-dewmien affettwa wkoll l-istabbiliment tal-valur definittiv tad-drittijiet għall-ħlas, li kellu jseħħ fil-1 ta’ April 2016 l-iktar tard, konformement mal-Artikolu 18 tar-Regolament ta’ Delega […] Nru 639/2014 […], kif ukoll l-eżekuzzjoni tal-pagamenti nnifishom. Konsegwentement, sospensjoni tal-pagamenti hija adattata.”

100    L-eżami tad-dokumenti differenti ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata u li ġew evokati fil-punti 69 sa 98 iktar ’il fuq jippermetti tassew li tiġi stabbilita l-implimentazzjoni insuffiċjenti tal-pjan ta’ azzjoni msemmi fih. Fil-fatt, minn dawn id-dokumenti jirriżulta li, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, id-dewmien u l-insuffiċjenzi rrilevati fl-aġġornament tas-SIĦR u fit-titjib tagħha wasslu għal konsegwenzi negattivi importanti fuq il-ġestjoni tal-applikazzjonijet għall-għajnuna abbażi tas-sena 2015, fir-rigward, b’mod partikolari tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-benefiċċjarju tal-informazzjoni rikjesta dwar l-erja massima eliġibbli u għall-erjas mhux agrikoli.

101    B’hekk, bil-kontra tal-impenji adottati l-ewwel darba fil-pjan ta’ azzjoni approvat f’Novembru 2013 u mġedded għal darba oħra fl-okkażjoni ta’ adattamenti mwettqa fuq il-pjan ta’ azzjoni, minħabba l-fatt li d-diffikultajiet li ffaċjaw l-awtoritajiet Franċiżi f’dak li jikkonċerna l-użu tal-bażi ta’ data BD TOPO u tal-possibbiltajiet offerti mid-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet previsti għar-riforma tal-PAK, l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux f’pożizzjoni li jimplimentaw lil dawn l-impenji b’mod sodisfaċenti fl-okkażjoni tal-kampanja 2015.

102    Minħabba r-raġunijiet evokati fid-dokumenti differenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata u li ġew evokati fil-punti 69 sa 98 hawn fuq, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat ġustament li n-nuqqasijiet ikkonstatati wasslu tassew għad-dewmien u għal xi diffikultajiet fil-kondotta tajba tal-kampanja 2015, minkejja l-impenji meħuda f’dan ir-rigward mill-awtoritajiet Franċiżi.

103    B’hekk, mill-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ April 2015, jirriżulta li għadhom jeżistu diversi mistoqsijiet fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna lill-“modalitajiet ta’ ġestjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna fl-2015”. Il-Kummissjoni rrilevat f’dan ir-rigward li “inċertezza reali [baqgħat] teżisti fuq l-erja li lilha [irrigwardat] l-applikazzjoni għal għajnuna u li fuqha [impenja] ruħu l-bidwi”, u huwa minħabba l-kwalità u l-kwantità tal-informazzjoni li l-benefiċjarju jirċievi mingħand l-amministrazzjoni sabiex ikun jista’ jippreżenta l-applikazzjoni għal għajnuna tiegħu. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li, minħabba dan, kien diffiċli sabiex isir magħruf “il-limitu safejn l-aġenzija tal-ħlas [tkun] tista’ tittratta l-anomaliji numerużi li [kienu] jiżdiedu wara l-istruzzjoni amministrattiva tal-fajls” u li “id-distribuzzjoni u l-allokazzjoni tad-drittijiet għal ħlas irriskjaw li jiġu affettwati, b’konsegwenzi potenzjali għall-kampanji sussegwenti”.

104    L-istess, fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2015 (ara l-punt 20 hawn fuq), il-Kummissjoni fakkret li l-awtoritajiet Franċiżi kienu ntrabtu sabiex jimplimentaw l-azzjonijiet iddefiniti fil-pjan ta’ azzjoni rrevedut qabel it-tmiem tas-sena 2015. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, peress li indikat f’dik l-okkażjoni l-missjoni li seħħet fi Franza fl-1 ta’ Diċembru 2015 li dawn l-azzjonijiet ma setgħux jiġu kkompletati qabel April jew f’Mejju 2016, l-awtoritajiet Franċiżi dewmu għat-tieni darba l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni. Issa, skont il-Kummissjoni tali dewmien ikollu bħala konsegwenza ż-żamma ta’ nuqqasijiet fl-aġġornament tas-SIĦR u l-eżistenza ta’ numru kbir ta’ anomaliji li għandhom jiġu ttrattati.

105    Fl-aħħar fil-komunikazzjoni addizzjonali tal-20 ta’ Mejju 2016 li ntbagħtet wara missjoni ta’ verifika li seħħet fi Franza f’April 2016, il-Kummissjoni nnotat li kien jeżisti “dewmien ġdid”, b’mod partikolari għall-“istabbiliment definittiv tal-valur u tan-numru ta’ drittijiet ta’ pagament, […], it-twettiq ta’ żjarat mgħaġġla u tal-verifiki fuq il-post, li fuq il-bażi tagħhom it-twettiq tal-pagamenti għall-kampanja 2015 ma [kienx] previst ħlief wara Ġunju 2016”. Il-Kummissjoni emmnet ukoll li “id-dewmien subit affettwa wkoll it-twettiq korrett tal-verifiki fuq il-post u l-pagamenti tal-kampanja 2016”.

106    L-ebda argument ippreżentat mir-Repubblika Franċiża ma kien ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni lil din il-konklużjoni. Fil-fatt, barra mill-fatt li r-Repubblika Franċiża tikkunsidra li ssodisfat in fine l-impenji tagħha, dan ma jostakolax lill-Kummissjoni, għall-bżonnijiet tad-deċiżjoni kkontestata, milli tirrileva li d-dewmien li seħħ fir-rigward tat-termini previsti u l-konsegwenzi tiegħu, filwaqt li r-Repubblika ta’ Franza tillimita ruħha essenzjalment sabiex issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq tilwima ta’ natura legali li jqiegħda kontra l-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prorata u d-determinazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċerti bwar permanenti abbazi tal-prattiki lokali stabbiliti.

107    Issa, għalkemm jirriżulta effettivament li, hekk kif tosserva r-Repubblika Franċiża, l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ prorata u d-determinazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċerti bwar permanenti abbazi tal-prattiki lokali stabbiliti ma jidhrux fost in-numru ta’ indikaturi ta’ progress previsti mill-pjan ta’ azzjoni, fil-verżjoni inizjali bħal fil-verżjoni rreveduta tagħha, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet ma ġewx evokati fid-deċiżjoni kkontestata ħlief b’mod inċidentali, abbażi tal-elenkar tan-nuqqasijiet differenti żvelati (ara d-deċiżjoni kkontestata, premessa 5).

108    Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessi 6 u 7 kif ukoll mid-dokumenti msemmija fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni sabiex tikkunsidra li, fl‑2015, il-pjan ta’ azzjoni ma kienx ġie implimentat minħabba t-termini u l-insuffiċjenzi fl-aġġornament u t-titjib tas-SIĦR u li dan in-nuqqas kien wassal għal konsegwenzi negattivi importanti għall-ġestjoni tal-applikazzjonijiet abbażi ta’ din is-sena. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħat tikkonkludi b’mod validu li r-Repubblika Franċiża ma kinitx f’pożizzjoni sabiex timplimenta lill-miżuri neċessarji sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni immedjatament.

109    Fir-rigward tal-argumenti ppreżentati mir-Repubblika Portugiża insostenn tal-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi kkonstatat li tali motivi ma ġewx imqajma mir-Repubblika Franċiża fir-rikors tagħha, li jqajjem priniċpalment il-ksur tal-Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013 u sussidjarjament il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għal dawn il-motivi li huma inammissibbli, peress li parti intervenjenti ma tistax tqajjem motiv li ma tressaqx mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punt 75).

110    Minn dak li ntqal qabel, jirriżulta li l-Repubblika Franċiża, sostnuta mir-Repubblika Portugiża, hija infondata sabiex issostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013.

111    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

112    Sussidjarjament, ir-Repubblika Franċiża titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Hija tfakkar, qabel kollox, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissospendi l-pagamenti tar-Repubblika Franċiża “sa 3% tat-total tal-pagamenti ta’ kull xahar li jirrigwardaw l-għajnuna mifruda marbuta mal-erja abbażi tas-sena 2015, li tikkorrispondi għall-ispejjeż imwettqa kull xahar mir-Repubblika Franċiża mix-xahar ta’ Lulju 2016 sax-xahar ta’ Lulju 2017 inklużi”. Ir-Repubblika Franċiża tinnota ukoll li, sabiex tiġġustifika r-rata ta’ 3%, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, li korrezzjoni ta’ 5% tikkorrispondi għall-korrezzjoni applikabbli fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità fil-każ ta’ nuqqasijiet f’dawn il-verifiki prinċipali u li, min-naħa l-oħra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ miżuri adottati mir-Repubblika Franċiża sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

113    F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Franċiża tenfassizza li hija ma tikkontestax il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-rata ta’ sospensjoni tal-pagamenti miżmuma mill-Kummissjoni, iżda, “il-bażi tas-sospensjoni”, “jiġifieri t-totalita tal-pagamenti ta’ kull xahar li jirrigwardaw l-għajnuna marbuta mal-erja abbażi tas-sena 2015”. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata hija essenzjalment ibbażata fuq il-persistenza tat-tilwima li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi kellhom dwar is-suġġett tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-prorata u l-inklużjoni ta’ ċerti erjas bħall-bwar permanenti abbażi tal-prattiki stabbiliti lokalment. Madankollu, minn-naħa, it-totalità tal-erjas ikkonċernati mir-RĦG huma evalwati għal madwar 27 miljun ettaru u l-bwar permanenti li tista’ tiġi applikata fuqhom is-sistema ta’ prorata jew li jiġu ddikjarati eliġibbli abbażi tal-prattiki lokali stabbiliti ma jikkorrispondux għal iktar minn parti dgħajfa tat-total tal-erja eliġibbli għal għajnuna agrikola. Min-naħa l-oħra, it-totalità tal-bwar permanenti huma evalwati għal 8.6 miljun ettaru u din it-totalità tkopri realtajiet differenti. Essenzjalment, din it-totalità tikkonsisti f’mergħat koperti bil-ħaxix li huma għaldaqstant manifestament eliġibbli mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi applikata s-sistema ta’ prorata jew li jiġi vverifikat jekk teżistix prattika lokali stabbilita ta’ ragħa, minkejja d-dgħufija tar-riżorsi ta’ ħaxix. L-erjas ikkonċernati mis-sistema ta’ prorata jew mid-dikjarazzjoni ta’ eliġibbiltà abbażi tal-prattiki lokali stabbilit jogħlew għaldaqstant sa massimu ta’ madwar 520,000 ettaru fl-2015, jiġifieri viċin ta’ 2% tat-totalità tal-erjas ikkonċernati mir-RĦG, peress li ġie osservat li, fl-2015, 500,283 ettaru kienu ġew ddikjarati bħala erjas ta’ ragħa bis-siġar u 20,852 ettaru ddikjarati bħala tal-ballut u tal-qastan miżmum minn ħnieżer jew annimali żgħar li jixtarru. Bħala konsegwenza, id-deċiżjoni kkontestata, ma għandiex tapplika rata ta’ 3% għal iktar minn parti li tikkorrispondi għal 2% tat-total tal-pagamenti ta’ kull xahar relattivi għall-ispejjeż imwettqa kull xahar mir-Repubblika Franċiża mix-xahar ta’ Lulju 2016 sax-xahar ta’ Lulju 2017 inklużi.

114    Barra minn hekk, bħala risposta għall-argument li jipprovdi li l-Kummissjoni setgħat tinvoka mhux biss nuqqas fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni iżda wkoll nuqqas fis-sistema ta’ pagament fit-totalità tiegħu, ir-Repubblika Franċiża ssostni li tali argument huwa infondat. L-istess, b’risposta għall-Kummissjoni li tallega li l-awtoritajiet Franċiżi kellhom iqajmu l-kwistjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-risposta tagħhom għall-komunikazzjoni addizzjonali tal-20 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika Franċiża tinnota li l-ebda regola ma tistabbilixxi tali obbligu.

115    Ir-Repubblika Portugiża ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata tikser lill-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-fatt li tipprevedi lit-totalità tal-pagamenti ta’ kull xahar u mhux biss dawk li jikkonċernaw l-erjas li jaqgħu taħt is-sistema ta’ prorata. Fil-fatt, deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-pagamenti ta’ kull xahar ikollha bħala għan li tevita riskju f’dak li jikkonċerna l-pagamenti futuri, u, minħabba dan, ikollha tikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għall-ammont ta’ spejjeż meqjusa bħala irregolari. F’każ kuntrarju, il-pagamenti li ma jkollhom l-ebda rabta mal-irregolaritajiet ikunu jistgħu jiġu sospiżi wkoll, li jdaħħal inkwistjoni l-finanzjament tal-ispejjeż tal-PAK. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet illimitat ruħha sabiex tapplika sospensjoni tal-pagamenti li tikkorrispondi għal rata fissa ta’ 3% mingħajr ma evalwat l-ammont tal-ispejjeż ikkunsidrati bħala irregolari. Billi għamlet referenza għar-rapport speċjali, intitolat “Verifika tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet”, stabbilit fl-2010 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Repubblika Portugiża tqis li l-korrezzjonijiet b’rata fissa għandhom, madankollu, ikunu bbażati b’analoġija ma’ stima preċiża tal-preġudizzju finanzjarju kkawżat.

116    Qabel kollox, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx bbażata biss fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sistema ta’ prorata. Ir-raġunijiet evokati fl-imsemmija deċiżjoni huma ħafna iktar. In-nuqqasijiet ikkonstatati jaffettwaw l-erjas kollha u mhux biss dawk tal-bwar permanenti. Għaldaqstant, il-pagamenti mwettqa ma humiex biss dawk li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-erjas eliġibbli mas-sistema ta’ prorata “iżda l-erjas kollha, jiġifieri [it-] 8.6 miljun ettaru ta’ bwar permanenti”. Barra minn hekk, ir-riskju evokat ma jaffettwax bl-istess mod l-erjas kollha u minħabba dan, b’mod partikolari, ġiet deċiża rata ta’ 3% minnflok rata ta’ 5 %. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-Repubblika Franċiża setgħat u kellha tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-fazi tal-proċedura amministrattiva. Issa, sussegwentement għall-komunikazzjoni addizzjonali tal-20 ta’ Mejju 2016, li esponiet b’mod ċar liema kienet il-bażi għas-sospensjoni tal-pagamenti kif ukoll ir-rata applikabbli, jiġifieri dik ta’ 3%, ir-Repubblika Franċiża ma kinitx evokat din il-kwistjoni fir-risposta tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2016.

117    Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li d-diffikultà li kellha kienet dik tal-identifikazzjoni tal-erjas eliġibbli. Is-SIĦR kellha tant nuqqasijiet li ma kienx possibbli li jiġu ppreċiżati l-erjas eliġibbli, li wassal għal riskju finanzjarju kunsiderevoli għall-FAEG. L-istess, fid-dawl tan-nuqqasijiet ikkonstatati, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkalkola l-erjas ikkonċernati u r-Repubblika Franċiża ma bagħtithilhiex informazzjoni dwar dan fir-risposta tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2016. Barra minn hekk, il-bażi tas-sospensjoni u r-rata ta’ sospensjoni miżmuma kienu ġew ikkalkolati b’referenza għall-metodoloġija esposta fil-kommunikazzjoni C(2015) 3675 finali tal-Kummissjoni, dwar Linji gwida dwar il-kalkolu ta’ korrezzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-konformità u ta’ approvazzjoni tal-kontijiet. L-awtoritajiet Franċiżi setgħu, kif setgħu jagħmlu abbażi ta’ proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità, jippreżentaw elementi oġġettivi li jippermettu li jintwera li t-telf massimu għall-FAEGG kien limitat għal ammont li kien inqas minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ rata fissa inqas minn dak li ġie propost, iżda huma ma għamlux dan.

118    Għandu jiġi nnotat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limitu ta’ dak li huwa adattat u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-632/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:934, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    F’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 jirriżulta li att ta’ eżekuzzjoni meħud mill-Kummissjoni sabiex tissospendi l-pagamenti ta’ kull xahar ta’ Stat Membru huwa applikat “għall-infiq rilevanti magħmul mill-aġenzija tal-pagamenti fejn in-nuqqasijiet ikunu jeżistu għal perijodu li għandu jkun iddeterminat […], li ma għandux ikun ta’ aktar minn tnax-il xahar”. L-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 jippreċiża wkoll espliċitament li tali att ta’ eżekuzzjoni huwa applikat “f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità”.

120    Fuq dan il-punt, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-possibbiltà għal Stat Membru sabiex jinvoka quddiem qorti tal-Unjoni ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma tirrekjedix li dan jesponi tali lment quddiem il-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva li tippreċedi l-adozzjoni ta’ att ta’ eżekuzzjoni meħud sabiex jiġu sospiżi l-pagamenti ta’ kull xahar. Fil-fatt, fid-dritt tal-Unjoni ma hemm l-ebda regola li tobbliga impriża, bil-piena ta’ dekadenza, li tqajjem kwistjonijiet ta’ dritt matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni (ara, b’analoġija, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑511/06 P, EU:C:2008:604, punt 123). Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 1306/2013, hija l-Kummissjoni li għandha tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk dan jiġi mitlub minnha, bħalma huwa l-każ fil-kawża preżenti. Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni finali konformi mad-dritt, indipendentement mill-eżerċizzju effettiv mid-destinatarju tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u indipendentement tal-portata ta’ dan l-eżerċizzju (ara, f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C-511/06 P, EU:C:2008:604, punt 123).

121    Il-fatt li r-Repubblika Franċiża ma qajmitx il-kwistjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-fażi tal-proċedura amministrattiva, bħalma setgħat tagħmel, għaldaqstant ma jistax iċaħħadha mid-dritt li tikkontesta lid-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward ladarba il-Kummissjoni tkun iddeċidiet fuq dan il-punt, kif hija marbuta biex tagħmel bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

122    Fil-kawża preżenti, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li, “[i]l-pagamenti ta’ kull xahar lir-Repubblika Franċiża mwettqa abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1306/2013 [kienu] sospiżi sa livell ta’ ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ perċentwali ta’ sospensjoni ta’ 3% fuq il-pagamenti ta’ kull xahar li jirrigwardaw lill-għajnuna marbuta mal-erja tas-sena 2015, li jidhru fl-anness ta’ din id-deċiżjoni” (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li “[i]s-sospensjonijiet [kienu] applikati fuq il-pagamenti ta’ kull xahar li kellhom jitħallsu lir-Repubblika Franċiża abbażi tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 għall-ispejjeż ta’ kull xahar imwettqa mill-aġenzija ta’ ħlas Agence de services et de paiement (Aġenzija ta’ servizzi u ta’ pagamenti), mix-xahar ta’ Lulju 2016 sax-xahar ta’ Ġunju 2017, inklużi” (il-premessa 8 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

123    F’dak li jikkonċerna lill-konformità tal-miżura fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni indikat kif ġej fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tal-gravità u tal-persistenza tan-nuqqasijiet stabbiliti u fid-dawl tal-konklużjonijiet stabbiliti waqt il-verifiki, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa adattat li jiġi ffissat il-livell tas-sospensjoni għal 3% tat-total tal-ispejjeż ikkonċernati. Minkejja li n-nuqqasijiet kienu nuqqasijiet fil-verifiki prinċipali u fil-verifiki sekondarji li għalihom korrezzjoni ta’ rata fissa ta’ 5% hija prevista għall-[Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-proċeduri ta’ approvazzjoni], rata ta’ sospensjoni ta’ 3% hija ġġustifikata. Fil-fatt, għalkemm l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni soffra minn dewmien u minn nuqqasijiet, mill-bidu tal-2015, ir-Repubblika Franċiża ħadet miżuri addizzjonali sabiex itaffi s-sitwazzjoni, li jaffettwa b’mod pożittiv lill-kontroverifiki mwettqa fil-mumenti tal-pagament, b’mod partikolari permezz tal-produzzjoni ta’ ortofotografiji ġodda għat-tfassil ta’ reġistru tal-parċelli grafiku. Huwa kkunsidrat li r-riskju finanzjarju tnaqqas ukoll minnħabba l-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi kienu ddeċidew li ma jħallsux sakemm il-verifiki kollha (amministrattivi u fuq il-post) twettqu.”

124    F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Franċiża ma tikkontestax il-modalitajiet tad-determinazzjoni għal 3% tal-ammont tal-ispejjeż ikkonċernati mir-rata ta’ sospensjoni miżumuma mill-Kummissjoni. Ir-Repubblika Franċiża tikkontesta biss il-fatt li l-“bażi tas-sospensjoni” deċiża mill-Kummissjoni għat-“totalità tal-pagamenti ta’ kull xahar li jirrigwardaw lill-għajnuna marbuta mal-erja abbażi tas-sena 2015”, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata kienet essenzjalment ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-prorata u l-inklużjoni ta’ ċerti erjas bħala bwar permanenti abbażi tal-prattiki stabbiliti lokalment u mhux fuq it-totalità tal-erjas ikkonċernati mir-RĦG.

125    B’mod partikolari, fl-ewwel lok, ir-Repubblika Franċiża tindika li l-erjas ikkonċernati mir-RĦG fi Franza kontinentali jirrappreżentaw, b’kollox, 27,272 miljun ettaru. Skont ir-Repubblika Franċiża, dawn huma erjas eliġibbli għal għajnuna agrikola abbażi tas-sena 2015.

126    Fit-tieni lok, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-bwar permanenti, li jirrappreżentaw b’kollux 8.6 miljun ettaru, ma jikkorrispondux b’hekk għal iktar minn parti żgħira tat-total tal-erjas eliġibbli għal għajnuna agrikola. Ir-Repubblika Franċiża ppreċiżat li, essenzjalment, dawn il-bwar permanenti huma mergħat koperti bil-ħaxix manifestament eliġibbli għal għajnuna agrikola mingħajr ma jkun hemm ħtieġa li tiġi applikata s-sistema ta’ prorata jew li jiġi vverifikat jekk teżistix prattika lokali stabbilita ta’ ragħa minkejja d-dgħufija tar-riżorsi tal-ħaxix.

127    Fit-tielet lok, ir-Repubblika Franċiża ssostni wkoll li, fost l-erjas eliġibbli għal għajnuna agrikola abbażi tas-sena 2015, l-erjas realment ikkonċernati mis-sistema ta’ prorata jew minn dikjarazzjoni ta’ eliġibbiltà abbażi tal-prattiki lokali stabbiliti jqumu għal massimu ta’ madwar 520,000 ettaru, jiġifieri kważi 2% tat-totalità tal-erjas ikkonċernati mir-RĦG. Skont ir-Repubblika Franċiża, dan jirrigwarda parti ta’ 500,283 ettaru li kienu ġew iddikjarati bħala erjas tar-ragħa bis-siġar abbażi tas-sena 2015, u ta’ 20,852 ettaru ta’ ballut u ta’ qastan miżmum minn ħnieżer jew annimali żgħar li jixtarru.

128    Madankollu, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, li tallega li l-uniċi nuqqasijiet ikkonstatati u, bħala konsegwenza, l-ispejjeż ikkonċernati kienu dawk li jikkorrispondu għall-erjas realment ikkonċernati mis-sistema ta’ prorata jew minn dikjarazzjoni ta’ eliġibbiltà abbażi tal-prattiki lokali stabbiliti, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata li n-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni huma ħafna ikbar.

129    B’hekk, skont dak li ġie indikat fil-premessi 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata, in-nuqqasijiet imsemmija mill-Kummissjoni jikkonċernaw “fost oħrajn”, “il-mod kif ir-Repubblika Franċiża kienet stabbilixxiet lis-sistema ta’ prorata sabiex tevalwa l-erja massima eliġibbli għall-bwar permanenti”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li, b’mod ġenerali, il-pjan ta’ azzjoni kien għadu ma ġiex implimentat minħabba l-fatt li l-erjas elenkati fis-SIĦR ma ddisponewx kollha minn erja massima eliġibbli stabbilita konformement mar-rekwiżiti legiżlattivi. Dawn l-elementi u, b’mod partikolari, it-termini u l-insuffiċjenzi fl-aġġornament u t-titjib tas-SIĦR, kienu, skont il-Kummissjoni, wasslu għal konsegwenzi negattivi importanti għall-ġestjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna abbażi tas-sena 2015, b’mod partikolari fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-benefiċjarju tal-informazzjoni meħtieġa dwar l-erja massima eliġibbli u għall-erjas mhux agrikoli, inklużi l-erjas ta’ interess ekoloġiku. L-istess, hekk kif ġie rrapportat fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, in-nuqqasijiet kellhom bħala effett li, sa fejn l-għanijiet tal-pjan ta’ azzjoni ma setgħux jintlaħqu fil-futur immedjat, ma ppermettewx li tiġi offerta “l-assigurazzjoni raġjonevoli rikjesta fir-rigward tal-ġestjoni tajba tal-għajnuna u tal-legalità tagħha u tar-regolarità tal-pagamenti abbażi tas-sena 2015”. Min-naħa l-oħra, dan id-dewmien kellu wkoll bħala effett, hekk kif enfassizzat ukoll il-Kummissjoni, “li jaffettwaw ukoll l-istabbiliment tal-valur definittiv tad-drittijiet ta’ pagament, li kellhom iseħħu fl-1 ta’ April 2016 l-iktar tard, […], kif ukoll l-eżekuzzjoni tal-pagamenti nnifishom”. Issa, minħabba r-raġunijiet esposti fil-punti 100 sa 105 hawn fuq, il-Kummissjoni ddenunzjat matul il-proċedura amministrattiva kollha n-nuqqasijiet fl-aġġornament tas-SIĦR u l-konsegwenzi tagħhom fuq il-ġestjoni u l-verifiki tal-għajnuna skont l-erja ffinanzjati mill-FAEG, mingħajr ma ressqu risposta sodisfaċenti l-awtoritajiet Franċiżi.

130    Għaldaqstant, ir-Repubblika Franċiża ma tistax tiġi segwita fl-argumenti tagħha fejn issostni li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni fil-kawża preżenti li tinvoka nuqqas fis-sistema ta’ pagament fit-totalità tagħha.

131    Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li t-totalità ta’ pagamenti li jirrigwardaw lill-għajnuna marbuta mal-erja abbażi tas-sena 2015 setgħu jintużaw bħala bażi għall-applikazzjoni tal-perċentwali ta’ sospensjoni, huwa 3%, li r-Repubblika Franċiża ma tikkontestax il-valur tiegħu.

132    Sa fejn ir-Repubblika Portugiża ddaħħal inkwistjoni l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni sabiex waslet għal rata ta’ sospensjoni ta’ 3%, jiġifieri l-użu b’analoġija tal-Linji gwida dwar il-kalkolu ta’ korrezzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-proċeduri ta’ approvazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-użu b’analoġija tal-imsemmija Linji gwida ma jippermettix, fih innifsu, li juri n-natura sproporzjonata tal-ammont sospiż fil-kawża preżenti. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe data relevanti disponibbli fil-fajl fir-rigward tal-erjas iddikjarati li ppreżentaw effettivament problema fir-rigward tan-nuqqasijiet ikkonstatati, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-użu mill-Kummissjoni ta’ valur b’rata fissa, ma huwiex bħala tali, fuq livell metodoloġiku, sproporzjonat.

133    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-Repubblika Franċiża, sostnuta mir-Repubblika Portugiża ma hijiex fondata li ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

134    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi mwarrab u, b’hekk, ir-rikors miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

135    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

136    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika Portugiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati, barra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Portugiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Settembru 2018.

 

Firem      

 



Werrej


Il-kuntest ġuridiku u li l-fatti li wasslu għall-kawża

Id-dispożizzjonijiet kontenzjużi

Fuq l-elaborazzjoni u l-approvazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni

Segwitu, talba għal reviżjoni u l-modalitajiet ġodda tal-pjan ta’ azzjoni

L-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ sospensjoni tal-pagamenti

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(2)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Fuq l-ispejjeż



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.