Language of document : ECLI:EU:T:2013:443

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Settembru 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Imputabbiltà ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Gravità tal-ksur — Koeffiċjenti — Ċirkustanzi attenwanti — Kriżi ekonomika — Pressjoni eżerċitata mill-grossisti — Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 — Tnaqqis tal-ammont tal-multa — Valur miżjud sinjifikattiv”

Fil-Kawża T‑411/10,

Laufen Austria AG, stabbilita f’Wilhelmsburg (l-Awstrija), irrappreżentata minn E. Navarro Varona u L. Moscoso del Prado González, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Castillo de la Torre, A. Antoniadis u F. Castilla Contreras, sussegwentement minn F. Castillo de la Torre, A. Antoniadis u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju), u talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti f’din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża.

29      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet li wieġbuhom fit-terminu mogħti.

30      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2013.

31      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jikkonċernawha;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha kemm individwalment kif ukoll in solidum ma’ Roca Sanitario abbażi tal-motivi esposti minnha jew għal kwalunkwe motiv ieħor stabbilit mill-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

[omissis]

A –  Dwar it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

1.     Dwar l-ewwel motiv rigward l-eżistenza ta’ impriża unika

[omissis]

a)     Dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv

[omissis]

 Dwar l-ammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq l-assenza taż-żamma tal-kapital azzjonarju kollu tar-rikorrenti minn Roca Sanitario qabel is-6 ta’ Ġunju 2000

[omissis]

 Dwar l-ammissibbiltà tal-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv

[omissis]

b)     Dwar l-ewwel parti rigward l-applikazzjoni tal-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti

[omissis]

 Dwar l-ilment rigward l-importanza eċċessiva mogħtija lil rabtiet ta’ azzjonisti

[omissis]

 Dwar il-provi prodotti mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti

[omissis]

–       Dwar l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-provi

[omissis]

–       Dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-provi

[omissis]

 Dwar l-elementi addizzjonali meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-preżunzjoni li tiġi eżerċitata influwenza determinanti

[omissis]

–       Dwar l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-elementi addizzjonali

[omissis]

–       Dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-elementi addizzjonali

[omissis]

 Dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

[omissis]

2.     Dwar it-tieni motiv rigward il-metodu ta’ kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti individwalment

[omissis]

3.     Dwar it-tielet motiv rigward l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti

[omissis]

4.     Dwar ir-raba’ motiv rigward l-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ta’ kriżi ekonomika bħala ċirkustanza attenwanti

[omissis]

5.     Dwar il-ħames motiv rigward l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-pressjoni eżerċitata mill-grossisti bħala ċirkustanzi attenwanti

[omissis]

6.     Dwar is-sitt motiv rigward il-kooperazzjoni tar-rikorrenti

[omissis]

a)     Dwar l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni u dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

218    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u wettqet żball fl-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni meta ħassret, fid-deċiżjoni kkontestata, it-tnaqqis ikkundizzjonat tal-multa li kien ġie nnotifikat lill-grupp Roca permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Diċembru 2006 b’applikazzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija ssostni li, essenzjalment, fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li hija kienet parti minn unità ekonomika ma’ Roca Sanitario u Roca France, kien xieraq li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha, l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni waqt l-evalwazzjoni tat-talba intiża sabiex tgawdi minn tnaqqis fil-multa mressqa minn Roca France. Min-naħa l-oħra, hija tqajjem bosta żbalji li l-Kummissjoni allegatament wettqet matul l-evalwazzjoni tal-informazzjoni ppreżentata minn Roca France insostenn tat-talba tagħha intiża sabiex tgawdi minn tnaqqis fil-multa fir-rigward tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

219    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

220    L-eżami tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u jekk wettqitx żball fl-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jippreżumi l-kwistjoni preliminari dwar jekk ir-rikorrenti, li pparteċipat fil-ksur imwettaq fl-Awstrija, tistax titlob, fl-unika kwalità tagħha ta’ sussidjarja oħra tal-istess kumpannija parent li pparteċipat fil-ksur fi Franza u li kienet ippreżentat, f’dan ir-rigward, talba intiża sabiex tgawdi minn tnaqqis fil-multa, tali tnaqqis fil-multa skont din il-komunikazzjoni.

221    F’dan ir-rigward, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-kunċett ta’ impriża unika jimplika li kull vantaġġ li jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni għandu jipprovdi benefiċċju lill-kumpanniji kollha li jagħmlu parti minn tali impriża unika. Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

222    Huwa importanti li jitfakkar li l-Kummissjoni stabbilixxiet, fil-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, il-kundizzjonijiet li fihom impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha dwar akkordju jistgħu jiġu eżenti mill-multa jew igawdu minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kien ikollhom iħallsu.

223    Il-punt A tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, li jinkludi l-punti 8 sa 19, jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom impriża tista’ tgawdi minn immunità minn multa filwaqt li l-punt B, li jinkludi l-punti 20 sa 27, jikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom tali impriża tista’ tgawdi minn tnaqqis fil-multa.

224    Bis-saħħa tal-punt 20 tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, “[i]mpriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet [sabiex jiksbu immunità mill-ħlas ta’ multa] jistgħu [madankollu] jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta.”

225    Fil-punt 21 tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jipprovdi li, “[b]iex tikkwalifika [għal tnaqqis tal-multa skont il-punt 20 tal-imsemmija komunikazzjoni], impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud [sinjifikanti] b’rispett għall-evidenza li diġa’ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi.”

226    Minn dan kollu jirriżulta li tista’ tgawdi minn tnaqqis fil-multa skont il-punt B tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni impriża li għamlet it-talba u li pproduċiet provi lill-Kummissjoni dwar il-ksur preżunt li jirrappreżenta valur miżjud sinjifikattiv.

227    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, bħala regola ġenerali, hija biss l-impriża awtriċi tat-talba li hija intiża li tgawdi minn tnaqqis fil-multa (iktar ʼil quddiem l-“awtriċi tat-talba”) kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-entitajiet li f’isimhom ġiet ifformulata din it-talba u li jikkooperaw mal-Kummissjoni li jistgħu jgawdu minn tnaqqis fil-multa f’dan ir-rigward.

228    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza, meta l-kumpannija parent ma tkunx ipparteċipat materjalment fl-akkordju u li r-responsabbiltà tagħha hija bbażata fuq l-unika parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha fl-imsemmi akkordju, ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent ma tistax teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Tomkins vs Il‑Kummissjoni, T‑382/06, Ġabra p. II‑1157, punt 38, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, punt 39). F’dawn il-kundizzjonijiet, meta r-responsabbiltà tal-kumpannija parent tirriżulta biss minn dik tas-sussidjarja tagħha li pparteċipat fl-akkordju, il-kumpannija parent għandha tgawdi minn tnaqqis fil-multa mogħti lis-sussidjarja, wara talba li hija tkun ressqet b’applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

229    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li testendi lil sussidjarja oħra (iktar ʼil quddiem is-“sussidjarja l-oħra”) il-benefiċċju ta’ tnaqqis fil-multa mogħti lill-ewwel sussidjarja li għamlet talba skont il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni minħabba biss l-appartenenza tagħhom, flimkien mal-kumpannija parent komuni tagħhom, f’impriża fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 62 u 63 iktar ʼil fuq. Fil-fatt, kuntrarjament għar-responsabbiltà tal-kumpannija parent li hija analizzata, fiċ-ċirkustanzi invokati fil-punt 228 iktar ʼil fuq, bħala responsabbiltà purament sekondarja, aċċessorja u dipendenti fuq dik tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Tomkins, punt 228 iktar ʼil fuq, punt 39), ir-responsabbiltà ta’ sussidjarja ma tistax tkun idderivata minn dik tas-sussidjarja l-oħra, peress li din ir-responsabbiltà tirriżulta mill-parteċipazzjoni tagħha stess fl-akkordju. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa biss meta, minn naħa, it-talba intiża sabiex tgawdi minn tnaqqis fil-multa hija fformulata f’isem is-sussidjarja l-oħra u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar tkun effettivament ikkooperat mal-Kummissjoni, li l-imsemmija sussidjarja l-oħra tkun tista’ tgawdi minn tnaqqis fil-multa fuq talba ta’ sussidjarja oħra li tappartjeni għall-istess impriża. Din is-sitwazzjoni tiddistingwi ruħha għalhekk minn dik fejn kumpannija parent tifformula, f’isimha stess u f’isem is-sussidjarji tagħha, talba intiża li tgawdi minn tnaqqis fil-multa, peress li, f’sitwazzjoni tali, il-kumpanniji kollha li jagħmlu parti mill-impriża fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 62 u 63 iktar ʼil fuq huma obbligati li jikkooperaw mal-Kummissjoni.

230    F’dan il-każ, jirriżulta mill-premessa 1288 tad-deċiżjoni kkontestata li, fis-17 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni rċeviet, mingħand Roca France, talba intiża li tgawdi mit-tnaqqis fil-multa. Bħala risposta għal din it-talba, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Diċembru 2006, tat lill-grupp Roca tnaqqis kundizzjonali fil-multa skont il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni (premessa 1289 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara eżami ġdid tal-provi, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, irrifjutat li tnaqqas il-multa lil dan il-grupp għal motivi esposti, essenzjalment, fil-premessi 1291 sa 1293, 1295, 1299 u 1300 tal-imsemmija deċiżjoni.

231    F’dan ir-rigward, jirriżulta mingħajr ekwivoku mill-atti tal-proċess li, minkejja d-dubji li t-termini użati fid-deċiżjoni kkontestata setgħu joħolqu fir-rigward tal-awtur tat-talba u tal-portata tat-talba intiża sabiex tgawdi minn tnaqqis fil-multa, din it-talba ġiet ifformulata, mhux f’isem il-grupp Roca kollu kemm hu, iżda minn Roca France f’isimha stess u f’isem il-“grupp Laufen”. F’dan ir-rigward, huwa mandankollu xieraq li jiġi ppreċiżat li jirriżulta wkoll mingħajr dubju mill-imsemmija atti tal-proċess li din it-talba kienet tikkonċerna dan l-aħħar grupp biss sa fejn l-attivitajiet tiegħu fi Franza kienu ġew inklużi fi ħdan Roca France. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1291 u 1293 tad-deċiżjoni kkontestata, l-informazzjoni ppreżentata minn Roca France kienet tirrigwarda esklużivament il-ksur imwettaq, fir-rigward tal-oġġetti taċ-ċeramika, fi Franza fl-2004. B’mod partikolari, huwa paċifiku li l-ebda informazzjoni u l-ebda prova ma ġiet ippreżentata fir-rigward tal-ksur imwettaq fl-Awstrija.

232    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija talba ma ġietx ifformulata f’isem ir-rikorrenti. Fil-fatt, jekk huwa veru li din tal-aħħar tagħmel parti mill-“grupp Laufen” imsemmi f’din it-talba, huwa madankollu xieraq li jiġi kkonstatat li l-imsemmija talba tirrigwarda l-attivitajiet tal-“grupp Laufen” fi Franza u li r-rikorrenti ma hijiex attiva fis-suq Franċiż. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma kkooperatx mal-Kummissjoni skont il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Iktar minn hekk, l-elementi pprovduti minn Roca France ma kinux jikkonċernaw l-attivitajiet tar-rikorrenti, iżda kienu jirrigwardaw il-ksur li twettaq, fir-rigward tal-oġġetti taċ-ċeramika, fi Franza fl-2004.

233    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi konkluż li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma setgħetx la kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u lanqas ma setgħet wettqet żball fl-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, peress li hija, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet imsemmija fil-punti 230 sa 232 iktar ʼil fuq, ma kinitx obbligata li tnaqqas il-multa lir-rikorrenti.

234    Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti kollha preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud, sa fejn jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, bħala infondat, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti, hekk kif esposti fil-punt 218 iktar ʼil fuq.

b)     Dwar l-iżball fl-applikazzjoni tal-linji gwida tal-2006

[omissis]

B –  Dwar it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

[omissis]

 Fuq l-ispejjeż

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Laufen Austria AG għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


1 –      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-pubblikazzjoni tagħhom tqieset li hija utli mill-Qorti Ġenerali.