Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Prešove (is-Slovakkja) fl-14 ta’ Novembru 2023 – A. B. u F. B. vs Slovenská sporiteľňa, a.s.

(Kawża C-677/23, Slovenská sporiteľňa)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Krajský súd v Prešove

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: A. B. u F. B.

Konvenut: Slovenská sporiteľňa, a.s.

Domandi preliminari

A.1    L-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2008/48”) għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–    determinazzjoni espliċita tat-tul tal-kuntratt ta’ kreditu b’mod partikolari taħt il-forma ta’ delimitazzjoni b’data ta’ bidu u data ta’ tmiem tal-kuntratt (minn… sa…), possibbilment permezz ta’ tul kalendarju bħal xhur jew snin (pereżempju għal tul ta’ sena), tikkostitwixxi klawżola kuntrattwali ċara u konċiża dwar it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, jew

–    biex tiġi kkostitwita klawżola kuntrattwali ċara u konċiża dwar it-tul tal-kntratt ta’ kreditu huwa biżżejjed li l-konsumatur jikkalkola t-tul tal-kuntratt jew jiddeduċi dan it-tul b’mod ieħor mill-klawżoli tal-kuntratt, pereżempju min-numru ta’ pagamenti ta’ kull xahar jew mid-data ta’ ħlas lura komplet tal-kreditu ?

A.2    L-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni, fil-kuntratt ta’ kreditu, tat-tul tiegħu jiddetermina l-perijodu “matul [...] transazzjoni” għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/29”)?

B    Il-kliem “b’mod ċar u konċiż” u “l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata” fl-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48, ifisser li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–    l-assunzjonijiet għall-kalkolu tar-Rata ta’ Imposta Perċentwali fis-Sena (iktar ’il quddiem l-“APR”) għandhom jiġu indikati b’mod espliċitu fil-kuntratt fis-sens li jikkostitwixxu l-assunzjonijiet użati għall-kalkolu tal-APR, jew

–    il-konsumatur innifsu għandu jidentifika, fil-klawżoli kuntrattwali, l-ssunzjonijiet użati għall-kalkolu tal-APR rilevanti?

____________

1     ĠU 2008, L 133, p. 66, u r-rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, ĠU 2011, L 234, p. 46.

1     ĠU 2005, L 149, p. 22, u r-rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86.