Language of document : ECLI:EU:T:2021:636

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

29 ta’ Settembru 2021 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Koordinazzjoni tal-prezzijiet fiż-ŻEE kollha – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Valur tal-bejgħ – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti”

Fil-Kawża T‑343/18,

Tokin Corp., stabbilita f’Sendai (il-Ġappun), irrappreżentata minn C. Thomas, avukat, u T. Yuen, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Cleenewerck de Crayencour, F. van Schaik u L. Wildpanner, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 1768 final tal-21 ta’ Marzu 2018 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.40136 – Kapasiters), sa fejn din timponi multi fuq ir-rikorrenti u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-multi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn M. J. Costeira (Relatriċi), Presidenta, D. Gratsias, M. Kancheva, B. Berke u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-12 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Ir-rikorrenti u s-settur ikkonċernat

1        Ir-rikorrenti, Tokin Corp., hija kumpannija stabbilita fil-Ġappun, li timmanifattura u tbigħ kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju. Hija kienet magħrufa bl-isem ta’ NEC Tokin Corporation sad-19 ta’ April 2017.

2        Mill-1 ta’ Awwissu 2009 sal-31 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti kienet miżmuma 100 % minn Nec Corp.

3        Il-ksur inkwistjoni jikkonċerna l-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju. Il-kapaċitaturi huma komponenti elettriċi li jaħżnu l-enerġija b’mod elettrostatiku f’kamp elettriku. Il-kapaċitaturi elettrolitiċi huma użati fi kważi l-prodotti elettroniċi kollha, bħalma huma kompjuters personali, tablets, telefons, airconditioners, friġġijiet, washing machines, prodotti awtomobilistiċi u tagħmir industrijali. Għalhekk, il-klijentela hija ddiversifikata ħafna. Il-kapaċitaturi elettrolitiċi, u b’mod iktar preċiż il-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u t-tantalju, huma prodotti li l-prezz tagħhom jikkostitwixxi parametru kompetittiv importanti.

 Il-proċedura amministrattiva

4        Fl-4 ta’ Ottubru 2013, Panasonic u s-sussidjarji tagħha ressqu, quddiem il-Kummissjoni Ewropea, talba għall-għoti ta’ marker skont il-paragrafi 14 u 15 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006”), filwaqt li pprovdew informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur preżunt fis-settur tal-kapaċitaturi elettrolitiċi.

5        Fit-28 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), talbet informazzjoni lil diversi impriżi li joperaw fis-settur tal-kapaċitaturi elettrolitiċi, b’mod partikolari r-rikorrenti.

6        Fil-21 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti, flimkien ma’ Nec, ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

7        Fl-4 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija bagħtet b’mod partikolari lir-rikorrenti.

8        Id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti, instemgħu mill-Kummissjoni waqt is-seduta li seħħet mit-12 sal-14 ta’ Settembru 2016.

 Id-deċiżjoni kkontestata

9        Fil-21 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2018) 1768 final li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.40136 – Kapasiters) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ksur

10      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fis-settur tal-kapaċitaturi elettrolitiċi, li fih ipparteċipaw disa’ impriżi jew gruppi ta’ impriżi, jiġifieri Elna, Hitachi AIC, Holy Stone, Matsuo, Nichicon, Nippon Chemi-Con, Rubycon, Sanyo (li tirreferi għal Sanyo u Panasonic flimkien), Nec u r-rikorrenti, flimkien imsejħa “NEC Tokin” (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“parteċipanti fl-akkordju”) (premessa 1 u Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Il-Kummissjoni rrilevat, essenzjalment, li l-ksur inkwistjoni seħħ bejn is-26 ta’ Ġunju 1998 u t-23 ta’ April 2012, fit-territorju kollu taż-ŻEE, u kien ikkonsista fi ftehimiet u/jew prattiki miftiehma li kellhom bħala għan il-koordinazzjoni tal-politiki tal-prezzijiet fir-rigward tal-provvista ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      L-akkordju kien essenzjalment organizzat permezz ta’ laqgħat multilaterali, li ġeneralment kienu jinżammu fil-Ġappun, kull xahar jew kull xahrejn, fil-livell maniġerjali għoli responsabbli għall-bejgħ, u kull sitt xhur fil-livell tad-diretturi, inklużi l-presidenti (premessi 63, 68 u 738 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Il-laqgħat multilaterali ġew, l-ewwel, organizzati, bejn l-1998 u l-2003, bl-isem ta’ “ċirku tal-kapaċitaturi elettrolitiċi”, ta’ “konferenza tal-kapaċitaturi elettrolitiċi” jew ta’ “laqgħat ECC”. Sussegwentement, dawn ġew organizzati, bejn l-2003 u l-2005, bl-isem ta’ “konferenza aluminju-tantalju”, ta’ “grupp tal-kapaċitaturi tal-aluminju jew tat-tantalju” jew ta’ “laqgħat ATC”. Fl-aħħar nett, huma ġew organizzati, bejn l-2005 u l-2012, bl-isem ta’ “grupp ta’ studju tas-suq” jew “grupp ta’ marketing” (iktar ’il quddiem il-“laqgħat MK”). B’mod parallel mal-laqgħat MK, u flimkien ma’ dawn il-laqgħat, bejn l-2006 u l-2008 ġew organizzati laqgħat “żieda fl-ispejjeż” jew “żieda tal-kapaċitaturi” (iktar ’il quddiem il-“laqgħat CUP”) (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Minbarra dawn il-laqgħat multilaterali, il-parteċipanti fl-akkordju kellhom ukoll, skont il-bżonn, kuntatti bilaterali u trilaterali ad hoc (premessi 63, 75 u 739 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Fil-kuntest tal-iskambji antikompetittivi, il-parteċipanti fl-akkordju, essenzjalment, kienu jiskambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-prezzijiet futuri pprattikati, dwar it-tnaqqis futur fil-prezz u l-firxa ta’ dan it-tnaqqis, fuq l-offerta u d-domanda, inkluż fuq l-offerta u d-domanda futuri, u, f’ċerti każijiet, kienu jikkonkludu, japplikaw u jimmonitorjaw il-ftehimiet dwar il-prezzijiet (premessi 62, 715, 732 u 741 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Il-Kummissjoni qieset li l-aġir tal-parteċipanti fl-akkordju kien jikkostitwixxi forma ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma, li kellu għan komuni, jiġifieri li tiġi evitata l-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet u jiġi kkoordinat l-aġir futur tagħhom fir-rigward tal-bejgħ ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi, u b’hekk li titnaqqas l-inċertezza fis-suq (premessi 726 u 731 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan l-aġir kellu għan antikompetittiv uniku (premessa 743 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti u ta’ Nec

18      Il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tar-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju mid-29 ta’ Jannar 2003 sat-23 ta’ April 2012, ħlief f’dak li jikkonċerna l-laqgħat CUP (premessi 944 u 1022 u l-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà ta’ Nec fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm, li kellha l-kapital kollu tar-rikorrenti, għall-perijodu mill-1 ta’ Awwissu 2009 sat-23 ta’ April 2012, ħlief f’dak li jikkonċerna l-laqgħat CUP (premessi 945 u 1022 u l-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-multi imposti fuq ir-rikorrenti

20      L-Artikolu 2(f) u (g) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi, minn naħa, multa ta’ EUR 5 036 000 fuq ir-rikorrenti “flimkien u in solidum” ma’ Nec u, min-naħa l-oħra, multa ta’ EUR 8 814 000 fuq ir-rikorrenti.

 Il-kalkolu tal-ammont tal-multi

21      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni segwiet il-metodoloġija esposta fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) (premessa 980 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fl-ewwel lok, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ matul l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, skont il-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006 (premessa 989 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Il-Kummissjoni kkalkolat il-valur tal-bejgħ abbażi tal-bejgħ ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju ffatturati lil klijenti stabbiliti fiż-ŻEE (premessa 990 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkalkolat il-valur rilevanti tal-bejgħ b’mod separat għaż-żewġ kategoriji ta’ prodotti, jiġifieri l-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u l-kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju, u applikat fil-konfront tagħhom koeffiċjenti multiplikaturi differenti skont it-tul ta’ żmien (premessa 991 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni użat koeffiċjent multiplikatur għat-tul ta’ żmien ta’ 9.23, li jikkorrispondi għall-perijodu bejn id-29 ta’ Jannar 2003 u t-23 ta’ April 2012 (it-tabella 1 fil-premessa 1007 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Il-Kummissjoni ffissat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jintuża skont il-gravità tal-ksur għal 16 %. F’dan ir-rigward, hija qieset li “arranġamenti” orizzontali ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet kienu, min-natura tagħhom stess, fost l-iktar ksur gravi tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u li l-akkordju kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE (premessi 1001 sa 1003 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Il-Kummissjoni applikat ammont addizzjonali ta’ 16 %, abbażi tal-paragrafu 25 tal-Linji gwida tal-2006, sabiex tiżgura ruħha min-natura suffiċjentement dissważiva tal-multa imposta (premessa 1009 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ffissat għal EUR 16 799 000 l-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, li EUR 6 108 000 minnhom kienu jikkorrispondu għall-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti flimkien u in solidum ma’ Nec (it-tabella 2 fil-premessa 1010 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku tal-multi, minn naħa, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti u lil Nec, abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti, tnaqqis ta’ 3 % tal-ammont bażiku tal-multa, minħabba li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat CUP ma kinitx stabbilita u li xejn ma kien jagħti prova li huma kienu jafu bihom (premessa 1022 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li, fil-mument meta kien twettaq il-ksur inkwistjoni, Nec kienet diġà nżammet responsabbli għal aġir antikompetittiv li kien ġie kkonstatat permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 180/09 finali tad-19 ta’ Mejju 2010 fir-rigward ta’ proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38.511 – DRAMs). Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li, għal Nec, l-ammont bażiku tal-multa kellu jiżdied b’50 % minħabba ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva (premessi 1011 sa 1013 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Fit-tielet lok, għall-kooperazzjoni tagħhom skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti u lil Nec tnaqqis ta’ 15 % tal-ammont ta’ kwalunkwe multa li, fin-nuqqas tagħha, kienet tiġi imposta fuqhom għall-ksur (premessi 1104 sa 1105 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ffissat għal EUR 16 445 000 l-ammont totali tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti u fuq Nec (it-tabella 3 fil-premessa 1139 tad-deċiżjoni kkontestata).

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

34      Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

35      Fis-26 ta’ Settembru 2018, ir-risposta tal-Kummissjoni ġiet iddepożitata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

36      Ir-replika u l-kontroreplika ġew iddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Novembru 2018 u fid-29 ta’ Jannar 2019 rispettivament.

37      Fuq proposta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

38      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatriċi ġiet assenjata lid-Disa’ Awla Estiża, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

39      Fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, il-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom iweġbuhom fis-seduta. It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Ottubru 2020.

40      Wara l-mewt tal-Imħallef Berke fl-1 ta’ Awwissu 2021, it-tliet imħallfin li ffirmaw din is-sentenza komplew bid-deliberazzjonijiet, skont l-Artikoli 22 u 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

41      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla l-Artikolu 2(f) u (g) tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet jimponu multi fuqha;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

42      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

43      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn kemm tat-talbiet prinċipali tagħha, intiżi għall-annullament parzjali tal-multi imposti fuqha, kif ukoll tat-talbiet sussidjarji tagħha, intiżi għat-tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-multi. Dawn il-motivi huma bbażati fuq diversi żbalji u ksur imwettqa mill-Kummissjoni li jirrigwardaw, rispettivament, f’dak li jikkonċerna l-ewwel motiv, il-perijodu ta’ referenza magħżul sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-bejgħ għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi, u, f’dak li jikkonċerna t-tieni motiv, in-nuqqas ta’ applikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ koeffiċjent ta’ gravità iżgħar minħabba n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat CUP.

 Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv, dwar il-perijodu ta’ referenza magħżul sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-bejgħ għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi

[omissis]

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

51      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-limiti li kienu imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn, għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, hija użat il-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti matul l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur.

[omissis]

79      Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni biddlet id-data tat-tmiem tal-ksur filwaqt li kienet taf li din il-modifika ser ikollha l-effett li timmultiplika l-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti u, konsegwentement, l-ammont tal-multa.

80      F’din il-kawża ċertament hemm lok li jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni kienet tindika li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur sal-11 ta’ Diċembru 2013 (ara l-punt 310 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet), filwaqt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika, minn naħa, li t-tul tal-ksur inkwistjoni huwa stabbilit sat-23 ta’ April 2012 u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti pparteċipat fih sa dik id-data (ara l-premessa 971 u l-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni kkontestata).

81      Madankollu, għandu jitfakkar li, fid-dawl tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fit-twettiq tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-partijiet. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, din id-dikjarazzjoni għandha tistabbilixxi, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Din l-indikazzjoni tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi tiegħu huma ta’ natura purament provviżorja (ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punti 41 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Peress li l-evalwazzjoni tal-fatti kkonstatati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ biss tkun, mid-definizzjoni tagħha stess, provviżorja, deċiżjoni ulterjuri tal-Kummissjoni ma tistax tiġi annullata għas-sempliċi raġuni li l-konklużjonijiet definittivi bbażati fuq dawn il-fatti ma jikkorrispondux b’mod preċiż ma’ din l-evalwazzjoni provviżorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 43).

83      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tisma’ lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom intiżi sabiex iwieġbu għall-oġġezzjonijiet ikkunsidrati billi tibdel l-analiżi tagħha, preċiżament sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tippreċiża l-evalwazzjoni tagħha fid-deċiżjoni finali tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva, u dan jew sabiex tabbanduna oġġezzjonijiet li jkunu rriżultaw infondati, jew sabiex tiżviluppa u tikkompleta kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt l-argumenti tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija tqis, bil-kundizzjoni madankollu tqis biss fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-okkażjoni jispjegaw ruħhom u li matul il-proċedura amministrattiva hija tkun ipprovdiet il-provi neċessarji għad-difiża tagħhom (ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata żżomm l-evalwazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ dritt magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għall-kuntrarju, hija għandha timmotiva d-deċiżjoni finali tagħha b’evalwazzjonijiet definittivi bbażati fuq ir-riżultati tal-integralità tal-investigazzjoni tagħha hekk kif ikunu fil-mument tal-għeluq tal-proċedura formali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tispjega d-differenzi eventwali fil-konfront tal-evalwazzjonijiet provviżorji tagħha li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punti 64 u 65). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għal proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE, bħal f’dan il-każ.

85      Fil-kawża ineżami, għandu jiġi rrilevat li d-data tat-tmiem tal-ksur indikata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet ta’ natura purament provviżorja u li l-Kummissjoni kienet għadha tista’ temendaha wara din id-dikjarazzjoni, u dan sakemm tiġi adottata deċiżjoni finali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li, fid-deċiżjoni kkontestata, ħadet inkunsiderazzjoni data ta’ tmiem il-ksur differenti minn dik li hija kienet semmiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi annullata għas-sempliċi raġuni li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat data ta’ tmiem il-ksur differenti minn dik li hija kkunsidrat, provviżorjament, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

86      F’kull każ, qabel kollox, min-noti tar-rikorrenti kif ukoll mir-risposta tagħha għal domanda li saritilha waqt is-seduta jirriżulta li r-rikorrenti ma tikkontestax id-data tat-tmiem tal-ksur indikata fid-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, hija ma tikkontestax il-fatt li hija pparteċipat f’dan il-ksur mid-29 ta’ Jannar 2003 sat-23 ta’ April 2012 u li, konsegwentement, l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur tikkorrispondi għall-perijodu mill-1 ta’ April 2011 sal-31 ta’ Marzu 2012.

87      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-iffissar tad-data tat-tmiem tal-ksur hija neċessarjament ibbażata fuq elementi li jikkonċernaw il-ksur innifsu u mhux fuq regoli applikabbli għall-kalkolu tal-ammont tal-multi. Konsegwentement, tali deċiżjoni ma tistax tiġi tradotta, fiha nnifisha, fi ksur ta’ dawn ir-regoli tal-aħħar.

88      Fl-aħħar nett, f’dan il-każ, jekk jitqies li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa ogħla minħabba l-użu, mill-Kummissjoni, tal-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur bħala sena ta’ referenza għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ, għandu jiġi osservat li din iż-żieda hija, fi kwalunkwe każ, ir-riżultat tal-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tar-regola li tinsab fil-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006 u, għaldaqstant, tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa previst f’dawn il-linji gwida.

89      Issa, kif issostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li t-tqassir tat-tul tal-ksur jista’ jagħti lok għal multa ogħla, meta dan ikun ir-riżultat tal-applikazzjoni, minn din l-istituzzjoni, tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa previst fil-Linji gwida tal-2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punti 81 u 82).

90      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq ebda argument iddettaljat insostenn tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proprzjonalità. Fi kwalunkwe każ, minn dak li ntqal iktar ’il fuq ma jirriżultax li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq billi applikat ir-regola tal-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006 għall-każ ineżami u billi ffissat id-data tat-tmiem tal-ksur għal data preċedenti għal dik indikata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

91      Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament

92      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ħolqot riskju ta’ diskriminazzjoni. Minn naħa, hija użat l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni fil-ksur sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti, filwaqt li kienet taf li dan kien ser jagħti lok għal multa kunsiderevolment ogħla. Min-naħa l-oħra, hija applikat tliet metodoloġiji differenti sabiex tagħżel is-sena ta’ referenza, peress li dawn il-metodoloġiji taw lok għal seba’ snin ta’ referenza differenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni użat snin ta’ referenza differenti għal diversi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri għal Nippon, għal Hitachi, għal Nichicon, għal Elna u għal Sanyo.

[omissis]

99      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑455/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:796, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Lulju 2014, Esso et vs Il-Kummissjoni, T‑540/08, EU:T:2014:630, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Għandu wkoll jitfakkar li, minn naħa, sa fejn hemm lok li wieħed jibbaża ruħu fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi involuti fl-istess ksur sabiex jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet bejn il-multi li għandhom jiġu imposti, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jkun limitat b’mod li ċ-ċifri miksuba jkunu l-iktar paragunabbli possibbli. Minn dan jirriżulta li impriża partikolari ma tistax teħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fir-rigward tagħha, fuq perijodu differenti minn dak li ġeneralment jiġi kkunsidrat ħlief jekk hija turi li d-dħul mill-bejgħ li hija għamlet matul dan l-aħħar perijodu ma jikkostitwixxix, għal raġunijiet relatati magħha stess, indikazzjoni tad-daqs veru u tas-saħħa ekonomika tagħha u lanqas tal-portata tal-ksur li hija wettqet (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2014, Sasol et vs Il-Kummissjoni, T‑541/08, EU:T:2014:628, punt 334 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, għall-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi li pparteċipaw f’akkordju, trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati jifforma parti inerenti mill-eżerċizzju tas-setgħat li l-Kummissjoni għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam. Fil-fatt, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tindividwalizza s-sanzjoni skont l-aġir u l-karatteristiċi partikolari tal-impriżi kkonċernati sabiex tiggarantixxi, f’kull każ, l-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Caffaro vs Il-Kummissjoni, C‑447/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:797, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    F’dan il-każ, mill-premessa 989 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multi li kellhom jiġu imposti, il-Kummissjoni, billi invokat ir-regola li tinsab fil-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006, użat l-aħħar sena sħiħa (b’mod iktar preċiż l-aħħar sena kummerċjali sħiħa) tal-parteċipazzjoni fil-ksur bħala perijodu ta’ referenza għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ tal-parteċipanti kollha fl-akkordju, bl-eċċezzjoni ta’ Elna u ta’ Nippon Chemi-Con.

103    Barra minn hekk, mill-premessa 991 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkalkolat il-valur tal-bejgħ b’mod separat għaż-żewġ kategoriji ta’ prodotti, jiġifieri l-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u l-kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju (ara l-punt 24 iktar ’il fuq).

104    Barra minn hekk, mit-tabella 1 tal-premessa 1007 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fid-dawl tal-perijodi differenti ta’ ksur kif ukoll tad-diversi snin kummerċjali tal-impriżi inkwistjoni, l-aħħar sena sħiħa (jew saħansitra l-aħħar sena kummerċjali sħiħa) ta’ parteċipazzjoni fil-ksur mhux dejjem kienet l-istess għall-impriżi kkonċernati.

105    B’mod partikolari, mill-premessi 987 sa 991 u 1007 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod partikolari li, fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija kienet ipparteċipat fil-ksur sat-23 ta’ April 2012 u li l-aħħar sena kummerċjali sħiħa qabel it-tmiem tal-ksur kienet dik minn April 2011 sa Marzu 2012.

106    Fir-rigward ta’ Nichicon, il-Kummissjoni qieset li hija kienet ipparteċipat fil-ksur dwar il-kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju sad-9 ta’ Marzu 2010 u li l-aħħar sena kummerċjali sħiħa qabel it-tmiem tal-ksur fir-rigward ta’ dawn il-kapaċitaturi kienet dik minn April 2008 sa Marzu 2009. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li hija kienet ipparteċipat fil-ksur dwar il-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju sal-31 ta’ Mejju 2010 u li l-aħħar sena kummerċjali sħiħa qabel it-tmiem tal-ksur fir-rigward ta’ dawn il-kapaċitaturi kienet dik ta’ bejn April 2009 u Marzu 2010.

107    Fir-rigward ta’ Hitachi, il-Kummissjoni qieset li hija kienet ipparteċipat fil-ksur sat-18 ta’ Frar 2010 u li l-aħħar sena kummerċjali sħiħa qabel it-tmiem tal-ksur kienet dik minn April 2008 sa Marzu 2009.

108    Fir-rigward ta’ Sanyo, il-Kummissjoni qieset li huma kienu pparteċipaw fil-ksur sad-19 ta’ April 2011 u li l-aħħar sena kummerċjali sħiħa qabel it-tmiem tal-ksur kienet dik minn April 2010 sa Marzu 2011.

109    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ Elna u ta’ Nippon Chemi-Con, il-Kummissjoni qieset li, peress li Elna u Nippon Chemi-Con kienu waqfu jbiegħu kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju qabel it-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dak li jikkonċerna dawn il-kapaċitaturi, il-valur tal-bejgħ matul l-aħħar sena finanzjarja sħiħa li matulha dawn l-impriżi kienu bigħuhom sabiex jiġi evitat li l-valur tal-bejgħ jissottovaluta l-importanza ekonomika tal-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ Elna, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl tal-fatt li hija kienet waqfet tbigħ kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju fl-1 ta’ Awwissu 2010, kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sena 2009 sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-bejgħ. Fir-rigward ta’ Nippon Chemi-Con, il-Kummissjoni qieset li kien hemm lok li, bħala sena ta’ referenza, tittieħed inkonsiderazzjoni, minn naħa, l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur f’dak li jikkonċerna l-valur tal-bejgħ tal-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju, jiġifieri s-sena 2011–2012, u, min-naħa l-oħra, l-aħħar sena sħiħa li matulha din l-impriża biegħet kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju, f’dak li jikkonċerna l-valur tal-bejgħ ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri s-sena 2003-2004 (ara l-premessi 9 u 34 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1643 tad-deċiżjoni kkontestata).

110    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li, fl-ewwel lok, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi li kellhom jiġu imposti, minn naħa, il-Kummissjoni użat għall-parteċipanti kollha fl-akkordju, bl-eċċezzjoni ta’ Elna u ta’ Nippon Chemi-Con, il-kriterju li jinsab fil-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ imwettaq matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkalkolat separatament, għall-parteċipanti kollha fl-akkordju, il-valur rilevanti tal-bejgħ taż-żewġ kategoriji ta’ prodotti kkonċernati, jiġifieri l-kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju (ara l-punti 102 u 103 iktar ’il fuq).

111    Ċertament, l-applikazzjoni tal-kriterju li jinsab fil-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006 ma wasslitx għall-użu tal-istess perijodu annwali għas-seba’ impriżi kkonċernati minn dan il-kriterju, fid-dawl tal-perijodi differenti ta’ ksur ikkunsidrati fir-rigward tagħhom (ara l-punti 105 sa 108 iktar ’il fuq).

112    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju tal-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur ġie applikat mill-Kummissjoni b’mod koerenti u oġġettiv għas-seba’ impriżi kkonċernati. Fil-fatt, id-differenza osservata bejn il-perijodi annwali kkunsidrati fir-rigward tagħhom hija biss ir-riżultat tal-applikazzjoni tal-imsemmi kriterju, li jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi differenti ta’ parteċipazzjoni fil-ksur kif ukoll id-diversi snin kummerċjali tal-impriżi inkwistjoni (ara l-punti 105 sa 108 iktar ’il fuq).

113    Barra minn hekk, anki jekk il-perijodi annwali inkwistjoni ma jikkorrispondux għall-istess sena kalendarja jew għall-istess sena kummerċjali, xorta jibqa’ l-fatt li d-dħul mill-bejgħ imwettaq minn kull impriża matul dawn is-snin huwa paragunabbli bejniethom. Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-parteċipanti kollha fl-akkordju, bl-eċċezzjoni ta’ Elna u ta’ Nippon Chemi-Con, dawn il-perijodi annwali ntgħażlu skont l-istess kriterju oġġettiv, jiġifieri dak tal-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-parteċipanti kollha fl-akkordju, il-Kummissjoni segwiet l-istess metodu ta’ kalkolu, billi ħadet inkunsiderazzjoni b’mod separat il-valur tal-bejgħ ta’ kull wieħed miż-żewġ tipi ta’ kapaċitaturi kkonċernati.

114    Għaldaqstant, il-metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-bejgħ segwit mill-Kummissjoni ma huwiex arbitrarju u ma jwassalx, fih innifsu, għal ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

115    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 78 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma wrietx li s-sena ta’ referenza li ġiet applikata għaliha, bl-applikazzjoni tal-imsemmi kriterju uniformi, ma hijiex rappreżentattiva tad-daqs reali tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha fis-suq jew tal-portata tal-ksur tagħha.

116    Fit-tieni lok, minn dan jirriżulta li l-fatt li l-Kummissjoni ma użatx l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur bħala kriterju sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ tal-kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju ta’ Elna u ta’ Nippon Chemi-Con (ara l-punt 109 iktar ’il fuq) f’dan il-każ huwa oġġettivament iġġustifikat mid-differenza bejn is-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ impriżi u dik tas-seba’ parteċipanti l-oħra fl-akkordju. Fil-fatt, kuntrarjament għal dawn tal-aħħar, l-ewwel żewġ impriżi kienu waqfu jbigħu dan it-tip ta’ kapaċitaturi qabel it-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, fatt li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

117    Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta, għal impriża partikolari, id-dħul mill-bejgħ relatat mas-sena ta’ referenza użata fir-rigward tal-partijiet l-oħra fl-akkordju ma jikkostitwixxix indikazzjoni utli u affidabbli tas-sitwazzjoni ekonomika reali ta’ din l-impriża matul il-perijodu tal-ksur, il-Kummissjoni hija awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-imsemmija impriża relatat ma’ sena differenti minn dik is-sena ta’ referenza komuni sabiex tkun f’pożizzjoni li tevalwa korrettament ir-riżorsi finanzjarji tagħha u tiżgura li l-multa tkun ta’ natura dissważiva biżżejjed, bil-kundizzjoni madankollu li l-għażla tas-sena titwettaq skont kriterju koerenti u oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Caffaro vs Il-Kummissjoni, C‑447/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:797, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ matul l-aħħar sena kummerċjali sħiħa li matulha l-imsemmija żewġ impriżi biegħu kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju sabiex, minn naħa, tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika reali ta’ dawn l-impriżi matul il-perijodu tal-ksur u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi evitat li l-valur tal-bejgħ ma jissottovalutax l-importanza ekonomika tal-ksur.

119    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-fatt li d-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ setgħet kienet iktar vantaġġuża għal ċerti parteċipanti fl-akkordju milli kienet għar-rikorrenti ma jikkostitwixxix, fih innifsu, diskriminazzjoni. It-teżi tar-rikorrenti tippreżupponi li d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta mill-Kummissjoni hija r-riżultat ta’ eżerċizzju aritmetiku preċiż, li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multa tal-ammont li jkun l-inqas għoli possibbli, suppożizzjoni li hija żbaljata fid-dawl tal-paragrafu 6 tal-Linji gwida tal-2006 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, H&R ChemPharm vs Il‑Kummissjoni, C‑95/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:125, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni la ħolqot riskju ta’ diskriminazzjoni u lanqas ma kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn, minn naħa, sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ tal-parteċipanti fl-akkordju hija għażlet il-kriterju ġenerali tal-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni fil-ksur u, min-naħa l-oħra, hija applikat, billi kkunsidrat separatament il-valur tal-bejgħ taż-żewġ tipi ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi inkwistjoni, kriterju differenti fir-rigward ta’ żewġ impriżi li, bid-differenza mill-parteċipanti l-oħra, kienu waqfu jbigħu wieħed mit-tipi ta’ dawn il-kapaċitaturi diversi snin qabel it-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju.

[omissis]

126    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti baqgħet ma wrietx li l-Kummissjoni qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multi u kisret il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-iffissar tas-sena ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-ammont tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi.

127    It-tieni parti tal-ewwel motiv u, għaldaqstant, dan tal-aħħar kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ koeffiċjent ta’ gravità iktar baxx

[omissis]

129    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

[omissis]

131    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punti 19 sa 22 tal-Linji gwida tal-2006, wieħed miż-żewġ fatturi li fuqu huwa bbażat l-ammont bażiku tal-multa huwa l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ikkonċernat iddeterminat skont il-livell tal-gravità tal-ksur. L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Sabiex tiddeċiedi l-livell tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq aggregat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur, u l-implimentazzjoni tal-ksur.

132    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità tal-ksur għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni individwali. B’hekk, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-elementi kollha ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu, bħalma huma l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol ta’ kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-vantaġġ li dawn setgħu kisbu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-Unjoni (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C-272/09 P, EU:C:2011:810, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 196 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fost dawn l-elementi hemm inkluż ukoll in-numru u l-intensità tal-aġir antikompetittiv (ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 197 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti ksur uniku u kontinwu li jkopri t-territorju kollu taż-ŻEE u li jikkonsisti fi ftehimiet u/jew prattiki miftiehma li kellhom bħala għan il-koordinazzjoni tal-politika tal-prezzijiet fir-rigward tal-provvista ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tal-aluminju u tat-tantalju (ara l-punti 10 u 11 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għal dan il-ksur uniku u kontinwu, iżda mingħajr ma r-responsabbiltà tagħha testendi għal-laqgħat CUP, li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti ma kinitx ġiet stabbilita (ara l-punt 18 iktar ’il fuq).

134    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u b’mod partikolari tan-natura u tal-portata ġeografika tal-ksur, il-Kummissjoni ffissat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-gravità tal-ksur għal perċentwali ta’ 16 % (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

135    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti u lil Nec tnaqqis ta’ 3 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba l-fatt li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat CUP ma kinitx stabbilita u peress li xejn ma kien jagħti prova li huma kienu jafu bihom (ara l-punt 29 iktar ’il fuq).

136    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-ewwel nett, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ gravità tal-ksur ta’ 16 % u li, sussegwentement, hija evalwat l-aġir individwali tar-rikorrenti u tatha, abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti, tnaqqis ta’ 3 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba li l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat CUP ma kinitx ġiet stabbilita.

137    Din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi mminata mill-argumenti tar-rikorrenti.

138    Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-approċċ tal-Kummissjoni li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat CUP fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti ma jmurx kontra l-ġurisprudenza.

139    Minn naħa, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża jew fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 jew inkella fl-aġġustament tal-ammont bażiku skont ċirkustanzi attenwanti u aggravanti. L-għoti ta’ tali għażla lill-Kummissjoni huwa konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 132 iktar ’il fuq, peress li, fi kwalunkwe każ, hija timponi li, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir individwali adottat mill-impriża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 104 u 105, u tas-26 ta’ Jannar 2017, Laufen Austria vs Il-Kummisjoni, C‑637/13 P, EU:C:2017:51, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    B’hekk, anki jekk jitqies li l-punti 135 sa 138 tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T‑79/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:674), u l-punti 62, 63 u 65 sa 67 tas-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2014, Soliver vs Il-Kummissjoni (T‑68/09, EU:T:2014:867), isostnu l-pożizzjoni tar-rikorrenti li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat CUP messu ttieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ gravità tal-ksur u mhux bħala ċirkustanza attenwanti, dan l-approċċ ma huwiex sostnut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 139 iktar ’il fuq, ikkonfermata wara l-għoti tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir individwali ta’ impriża partikolari fi stadju wieħed jew ieħor tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

141    Għandu jingħad ukoll li, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 99 iktar ’il fuq, it-teħid inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur, tad-differenzi bejn l-impriżi li pparteċipaw fl-istess akkordju, b’mod partikolari fir-rigward tal-portata ġeografika tal-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom, ma għandux neċessarjament jitwettaq waqt l-iffissar tal-koeffiċjenti “gravità tal-ksur” u “ammont addizzjonali”. Huwa jista’ jitwettaq ukoll fi stadju ieħor tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, bħal waqt l-aġġustament tal-ammont bażiku abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti u aggravanti, skont il-punti 28 u 29 tal-Linji gwida tal-2006.

[omissis]

145    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni żammitha responsabbli għal ksur “li hija ma wettqitx”, ma jistax jintlaqa’.

146    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li r-rikorrenti ma hijiex qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu din tikkonstata r-responsabbiltà tagħha għall-ksur inkwistjoni, iżda inkwantu timponi fuqha multi.

147    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat CUP bl-ebda mod ma jbiddel il-fatt li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur tal-istess natura u tal-istess portata ġeografika bħal dik tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju.

148    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 12 u 13 iktar ’il fuq, l-akkordju inkwistjoni kien organizzat permezz ta’ laqgħat multilaterali li kienu jinżammu fil-livell maniġerjali superjuri responsabbli għall-bejgħ u fil-livell tad-diretturi għolja kif ukoll permezz ta’ kuntatti bilaterali u trilaterali ad hoc bejn il-partijiet. L-imsemmija laqgħat multilaterali, li seħħew kull xahar jew xahrejn bejn is-snin 1998 u 2012, kienu suċċessivament organizzati bl-isem ta’ “laqgħat ECC”, “laqgħat ATC”, “laqgħat MK” u “laqgħat CUP”. Il-laqgħat CUP kienu laqgħat paralleli għal-laqgħat MK, imwettqa flimkien ma’ dawn il-laqgħat, u kienu “laqgħat mhux uffiċjali” tal-laqgħat MK, peress li kienu ġeneralment organizzati ġimgħa wara dawn tal-aħħar. Issa, minkejja li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat CUP ma ġietx stabbilita, huwa paċifiku li r-rikorrenti pparteċipat fil-laqgħat l-oħra, b’mod partikolari fil-laqgħat MK.

149    F’dan il-kuntest, peress li r-rikorrenti pparteċipat fil-maġġoranza l-kbira tal-laqgħat multilaterali li permezz tagħhom l-akkordju inkwistjoni kien organizzat, is-sempliċi fatt li hija ma pparteċipatx fil-laqgħat CUP ma jistax ibiddel in-natura jew il-portata ġeografika tal-ksur tagħha. Għaldaqstant, huwa żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-portata tal-ksur li ġie imputat lilha hija differenti minn dik tal-ksur imputat lill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju.

150    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ gravità applikat mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għandu jiġi ffissat għal livell li jista’ jilħaq it-30 % (ara l-paragrafu 21 tal-Linji gwida tal-2006). Barra minn hekk, sabiex tiddeċiedi dwar il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari fi ħdan dan il-limitu ta’ 30 %, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq aggregat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur, u l-implimentazzjoni jew le tal-ksur (il-paragrafu 22 tal-Linji gwida tal-2006). Peress li r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, bħall-ftehimiet orizzontali ta’ ffissar tal-prezz, għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jkun ġeneralment fil-parti ta’ fuq tal-iskala (il-paragrafu 23 tal-Linji gwida tal-2006).

151    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ffissat il-koeffiċjent ta’ gravità għal 16 %, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt, minn naħa, li l-“arranġamenti” ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet kienu, min-natura tagħhom stess, fost il-ksur l-iktar gravi tal-Artikolu 101 TFUE u, min-naħa l-oħra, li l-akkordju kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). B’hekk, din ir-rata ġiet iffissata għal ammont kemxejn ogħla minn nofs l-iskala tal-koeffiċjent ta’ gravità, li jista’ jitla’ sa 30 % tal-valur tal-bejgħ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tan-natura u tal-portata ġeografika tal-ksur, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 % ma huwiex xieraq jew huwa għoli wisq fid-dawl tal-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti, għas-sempliċi raġuni li hija ma pparteċipatx fil-laqgħat CUP.

152    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-fatt li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 % għall-parteċipanti kollha fl-akkordju u ħadet inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat CUP billi tatha tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti, ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u lanqas tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali.

153    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

156    Sussidjarjament, ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tikkalkola mill-ġdid, jew saħansitra tnaqqas, l-ammont tal-multi li ġew imposti fuqha. Ir-rikorrenti ssostni li l-multi għandhom jiġu kkalkolati mill-ġdid, minn naħa, billi f’dan il-kalkolu tintuża l-medja tal-bejgħ imwettaq minnha fiż-ŻEE fuq il-perijodu kollu ta’ ksur li għalih hija disponibbli data u, min-naħa l-oħra, billi jiġi applikat tnaqqis ta’, minn tal-inqas, 3 % tal-koeffiċjent ta’ gravità.

[omissis]

166    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkalkola mill-ġdid il-valur tal-bejgħ rilevanti għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li r-rikorrenti ma tagħtix alternattiva vera għall-kriterju li jinsab fil-paragrafu 13 tal-Linji gwida tal-2006, użat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-perijodu indikat mir-rikorrenti sabiex jiġi stabbilit valur “medju” tal-bejgħ, jiġifieri dak minn Awwissu 2007 sa Marzu 2012, jidher li ntgħażel mir-rikorrenti għas-sempliċi raġuni li dan huwa l-perijodu li għalih hija disponibbli d-data.

167    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dak li tgħid ir-rikorrenti ma jistax jintlaqa’ meta hija tipproponi l-applikazzjoni ta’ kriterju sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-bejgħ li, minn naħa, ma joffri ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi żgurat li l-imsemmi valur tal-bejgħ hekk ikkalkolat ser ikun rappreżentattiv tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha jew tal-portata tal-ksur u, min-naħa l-oħra, ma jippermettix li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif barra minn hekk tammetti r-rikorrenti stess (ara l-punt 49 iktar ’il fuq).

168    Kif jirriżulta mill-punti 112 u 113 iktar ’il fuq, il-kriterju tal-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur ġie applikat, fil-każ ineżami, b’mod koerenti u oġġettiv fir-rigward tal-parteċipanti kollha fl-akkordju li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli jew identika. Barra minn hekk, jidher li, fir-rigward ta’ Elna u ta’ Nippon Chemi‑Con, dawn kienu waqfu jbigħu kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju qabel it-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, u minħabba f’hekk jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tas-seba’ parteċipanti l-oħra fil-ksur.

169    Konsegwentement, il-fatt li l-Kummissjoni użat sena oħra sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ ta’ kapaċitaturi elettrolitiċi tat-tantalju ta’ Elna u ta’ Nippon Chemi-Con jirriżulta, f’dan il-każ, oġġettivament iġġustifikat mis-sitwazzjoni differenti ta’ dawn iż-żewġ impriżi, li kienu waqfu jbigħu dan it-tip ta’ kapaċitaturi qabel it-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. F’dan il-kuntest, la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma jistgħu japplikaw kriterji identiċi għal sitwazzjonijiet differenti, taħt piena li l-valur tal-bejgħ ikkunsidrat jissottovaluta l-importanza ekonomika tal-ksur (ara l-punti 116 u 118 iktar ’il fuq).

170    Għaldaqstant, ma jistax jiġi ġġustifikat, b’mod partikolari, abbażi tal-ugwaljanza fit-trattament u tal-proporzjonalità, li tiġi emendata d-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ rilevanti għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa tar-rikorrenti, kif ġiet stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata.

[omissis]

182    Għaldaqstant, it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti għandhom jiġu miċħuda u, konsegwentement, għandu jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Tokin Corp. għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Costeira

Gratsias

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.