Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Diċembru 2023 – Lianopoulou vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1136/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Anastasia Lianopoulou (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: F. Quraishi, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tirriforma jew tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda kkontestata tal-1 ta’ Settembru 2023 adottata minn [kunfidenzjali] 1 fil-kapaċità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra (AIPN) u tiddikjara l-ilment [kunfidenzjali] fondat u konsegwentement tirriforma jew tannulla d-deċiżjoni inizjali adottata fit-30 ta’ Jannar 2023;

tiddeċiedi li r-rikorrenti għandha d-dritt għar-rikostituzzjoni tal-karriera tagħha flimkien mal-avvanzi neqsin u mal-kumpens materjali korrispondenti bl-interessi legali mid-data teorika tal-ħlasijiet u bl-interessi moratorji;

tiddeċiedi li r-rikorrenti sofriet dannu morali ekwivalenti għal tnax-il xahar tar-remunerazzjoni medja tagħha fuq l-aħħar sena ta’ servizz jew għal kull ammont ieħor li għandu jiġi deċiż mill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Awtorità tal-Ħatra għall-ispejjeż kollha tal-kawża u b’mod partikolari għall-ispejjeż tal-perizja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż tal-avukat li r-rikorrenti kellha tħallas sabiex issostni d-drittijiet, l-ispejjeż u l-onorarji tagħha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-prinċipju li l-kumpens għandu jkun sħiħ. Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata jew li din il-motivazzjoni hija żbaljata. Peress li l-assenza ta’ evalwazzjonijiet professjonali matul is-snin 2015, 2016, 2017 u 2018 ma kinux tort tar-rikorrenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod żbaljat.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-dannu morali jirriżulta mill-aġir żbaljat tal-konvenuta u mid-deċiżjoni inizjali annullata.

____________

1 Informazzjoni kunfidenzjali redatta.