Language of document : ECLI:EU:F:2016:16

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tieni Awla)

tas-17 ta’ Frar 2016

Kawża F‑58/14

DE

vs

Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)

“Servizz pubbliku – Membru tal-persunal temporanju – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Tibdil sostanzjali tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mill-aġent – Terminazzjoni tal-karriera – Klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat – Esklużjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu DE titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2013 tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità awtorizzata tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ tal-EMA, li ma ġġeddidx il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju u l-kumpens tad-danni materjali u morali li hija tikkunsidra li batiet.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. DE għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż esposti mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal temporanju taħt l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra – Tiġdid wara l-ewwel proroga tal-kuntratt għal żmien determinat – Klassifikazzjoni mill-ġdid f’kuntratt għal żmien indeterminat – Kunċett ta’ tiġdid – Tkomplija tar-relazzjoni ta’ xogħol akkumpanjata jew le mill-evoluzzjoni tal-karriera

[Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 2(a) u 8(1)]

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Kunċett

[Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 2(a) u 8(1)]

1.      Il-kelmiet “[k]ull tiġdid ieħor [ta’ dan ir-reklutaġġ]” li jinsabu fit-tielet sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra għandhom jiġu interpretati bħala jirreferu għal kull proċess li jwassal lill-membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, wara l-iskadenza tal-impjieg tiegħu għal żmien determinat, sabiex ikompli f’din il-kwalità, ir-relazzjoni tax-xogħol tiegħu mal-persuna li timpjegah, anki jekk dan it-tiġdid ikun akkumpanjat minn progress fil-grad jew minn żvilupp fil-funzjonijiet eżerċitati. Jista’ jkun mod ieħor biss jekk il-kuntratt il-ġdid iwassal għal terminazzjoni tal-karriera, li timmanifesta ruħha, pereżempju, bit-tibdil sostanzjali tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mill-membru partikolari tal-persunal temporanju.

(ara l-punt 43)

Referenza:

Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, EMA vs Drakeford, T‑231/14 P, EU:T:2015:639, punti 40 u 41

2.      Għalkemm l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jipprevedi l-possibbiltà ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, dan ma huwiex każ ta’ dritt, iżda sempliċi possibbiltà li taqa’ fid-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u fil-ħatra, għal dan il-għan, tal-persunal li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni madankollu li dawn il-ħatriet isiru fl-interess tas-servizz.

Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet fil-qasam tat-tiġdid ta’ kuntratt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, adit b’rikors għal annullament dirett kontra att adottat fl-eżerċizzju ta’ tali setgħa, għandu jillimita ruħu għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tar-rimedji u l-mezzi li setgħu iwasslu lill-amministrazzjoni għall-evalewazzjoni tagħha, din tal-aħħar żammitx mal-limiti mhux sindikabbli u użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Issa, żball jista’ jiġi kklassifikat bħala manifest meta jkun perċepibbli faċilment u jkun jista’ jiġi skopert b’mod ċar, fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur ried jissuġġetta l-eżerċizzju mill-amministrazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. L-istabbiliment tal-fatt li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni adottata abbażi ta’ din l-evalwazzjoni għaldaqstant jimplika li l-provi, li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrenti, ikunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet ikkunsidrati quddiem l-amministrazzjoni ma jibqgħux iktar plawżibbli. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq żball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-provi ppreżentati mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ xorta tiġi ammessa bħala ġustifikata u koerenti.

(ara l-punti 62 sa 64)

Referenza:

Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2014, EMA vs BU, T‑444/13 P, EU:T:2014:865, punt 28

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA, F‑35/07, EU:F:2008:150, punti 65 u 66 ; tal-10 ta’ Settembru 2014, Tzikas vs AFE, F‑120/13, EU:F:2014:197, punt 91, u tat-8 ta’ Ottubru 2015, FT vs AEMF, F‑39/14, EU:F:2015:117, punti 73 u 74, u l-ġurisprudenza ċċitata