Language of document : ECLI:EU:C:2020:323

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit‑30 ta’ April 2020 (1)

Kawża C693/18

Procureur de la République

vs

Kumpannija X,

fil-preżenza ta’:

CLCV et,

A et,

B,

AGLP et,

C et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-vice-président chargé de l’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Viċi President Responsabbli għall-Istruttorja tal-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi (Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Vetturi bil-mutur – Emissjonijiet ta’ inkwinanti – Apparat ta’ manipulazzjoni – Programm li jaġixxi fuq il-kalkolatur li jikkontrolla l-magna – Teknoloġiji u strateġiji li jippermettu li tiġi limitata l-produzzjoni tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti – Magni diesel”






 Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa, f’din il-kawża, mill-vice-président chargé de l’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Viċi President Responsabbli għall-Istruttorja tal-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-punt 10 tal-Artikolu 3 kif ukoll l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 (2).

2.        F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tikkjarifika, għall-ewwel darba, is-sinjifikat ta’ diversi kunċetti stabbiliti permezz tal-imsemmi regolament, li jinkludu l-kunċetti ta’ “apparat ta’ manipulazzjoni” u ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet” (3).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3.        Ir-Regolament Nru 83 tal-Kummissjoni Ekonomika Ewropea tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) – Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward ta’ l-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu skond ir-rekwiżiti tal-fjuwil tal-magna (4) jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur (5).

4.        Il-punti 2.16 sa 2.16.3 ta’ dan ir-regolament jipprevedu:

“[2.16.]      ‘Mekkaniżmu ta’ diżattivazzjoni’ [‘apparat ta’ manipulazzjoni’] tfisser kwalunkwe element tad-disinn li jissensja t-temperatura, il-veloċità tal-vettura, il-veloċità ta’ kemm tgħaqqad il-magna, il-ger tat-trażmissjoni, il-vakwu tal-manifold jew xi parametru ieħor bil-għan li jattiva, jirregola, jirritardja jew jiddiżattiva l-operazzjoni ta’ xi parti mis-sistema li tikkontrolla l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effikaċità tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kundizzjonijiet li wieħed mistenni jiltaqa’ magħhom meta l-vettura qed taħdem u tintuża’ b’mod normali. Dak l-element tad-disinn jista’ ma jitqiesx mekkaniżmu ta’ diżattivazzjoni jekk:

2.16.1.      il-bżonn għall-mekkaniżmu hu ġustifikat f’kemm jipproteġi l-magna mill-ħsarat jew l-inċidenti u biex il-vettura taħdem b’mod sikur, jew

2.16.2.      il-mekkaniżmu ma jiffunzjonax aktar mir-rekwiżiti biex tistartja l-magna, jew

2.16.3.      il-kundizzjonijiet huma sostanzjalment inklużi fil-proċeduri tat-test tat-Tip I jew tat-Tip VI.”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Deċiżjoni 97/836/KE

5.        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 97/836/KE (6) jiddisponi:

“Il-Komunità għandha tissieħeb fil-Ftehim ta’ l-Ewropa tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkonċerna l-addozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, taghmir u partijiet liema jistgħu jkunu iffittjati ma’ u/jew ikunu wżati ma’ vetturi bir-roti u l-kondizzjonijet għar-rikonoxximent reċiproku ta’ l-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijet, minn hawn ‘il quddiem riferrut bħala l-‘Ftehim Rivedut’.

[…]”.

6.        Skont l-Artikolu 3(1) tagħha, “[…] il-Komunità għandha tgħid li l-adeżjoni tagħha ħa tkun ristretta għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti UN/ECE mniżżlin fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni”.

7.        Isir riferiment għar-Regolament Nru 83 (KEE-NU) fl-Anness II ta’ din id-deċiżjoni.

 Id-Direttiva 2007/46/KE

8.        Konformement mal-Artikoli 34 u 35, kif ukoll skont l-Anness IV tad-Direttiva 2007/46/KE (7), ir-Regolament Nru 83 (KEE-NU) huwa inkluż fil-proċedura Komunitarja ta’ approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi.

 Ir-Regolament Nru 715/2007

9.        Il-premessi 1, 5, 6 u 12 tar-Regolament Nru 715/2007 huma fformulati kif ġej:

“(1)      […] Ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ emissjonijiet għandhom għalhekk jiġu armonizzati biex jiġu evitati rekwiżiti li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali.

[…]

(5)      Hemm bżonn ta’ sforzi kontinwi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vetturi sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ l-UE rigward il-kwalità ta’ l-arja. […]

(6)      B’mod partikulari, hemm bżonn ta’ tnaqqis konsiderevoli ta’ l-emissjonijiet ta’ l-ossidju tan-nitroġenu biex tittejjeb il-kwalità ta’ l-arja u biex ikun hemm konformità mal-valuri ta’ limitu għat-tniġġis.

[…]

(12)      Għandhom jitkomplew l-isforzi għall-implimentazzjoni ta’ limiti aktar stretti fuq l-emissjonijiet, li jinkludu tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju, u sabiex jiġi żgurat li dawk il-limiti jirrelataw mar-rendiment fil-fatt tal-vetturi meta dawn ikunu qed jintużaw.”

10.      L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi:

“[…]

4)      ‘inkwinanti gassużi’ jfissru emissjonijiet ta’ gass ta’ l-exhaust bħala monossidu tal-karbonju, ossidi tan-nitroġenu, espressi f’ekwivalenti ta’ dijossidu tan-nitroġenu (NO2), u idrokarburi;

[…]

6)      ‘emissjonijiet mit-tailpipe’ [emissjonijiet mill-pajp tal-egżost] ifissru emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u f’partikuli;

[…]

10)      ‘tagħmir ta’ riduzzjoni’ [apparat ta’ manipulazzjoni] jfisser kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura;

[…]”

11.      L-Artikolu 4(1) u (2) jiddisponi:

“1.      Il-manifatturi għandhom juru li l-vetturi ġodda kollha mibjugħa, reġistrati jew mqiegħda fis-servizz fil-Komunità għandhom l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-manifatturi għandhom juru wkoll li t-tagħmir ġdid, użat biex jibdel tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis, kollu li jeħtieġ approvazzjoni tat-tip li jinbiegħ jew li jitqiegħed fis-servizz fil-Komunità għandu l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

Dawn l-obbligi jinkludu r-rispett tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I u l-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

2.      Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ l-approvazzjoni tat-tip għall-verifika tal-konformità fil-produzzjoni, il-perjodu tas-servizz tat-tagħmir tal-kontroll tat-tniġġis u l-konformità waqt is-servizz jiġu rispettati.

Barra minn hekk, il-miżuri tekniċi meħuda mill-manifattur jridu jkunu tali li jiġi żgurat li l-emissjonijiet mit-tailpipe [mill-pajp tal-egżost] jew evaporattivi huma effettivament limitati, skond dan ir-Regolament, tul il-ħajja normali tal-vettura li tintuża f’kundizzjonijiet normali. […]”

12.      Skont l-Artikolu 5(1) u (2):

“1.      Il-manifattur għandu jattrezza l-vetturi b’mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u assemblati bil-għan li jippermettu li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

2.      L-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni [apparat ta’ manipulazzjoni] li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll ta’ l-emissjonijiet għandu jiġi pprojbit. Il-projbizzjoni m’ għandiex tapplika fejn:

(a)      il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura;

(b)      it-tagħmir ma jaħdimx għajr għall-ħtiġijiet ta’ l-istartjar tal-magna; jew

(ċ)      il-kondizzjonijiet huma sostanzjalment inklużi fil-proċeduri tal-verifika ta’ l-emissjonijiet evaporattivi u l-medja ta’ l-emissjonijiet mit-tailpipe [mill-pajp tal-egżost].”

 Ir-Regolament Nru 692/2008

13.      L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 692/2008 (8) jipprevedi li dan ir-regolament “jistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 4, 5 u 8 tar-[Regolament Nru 715/2007]”.

14.      Skont il-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, fil-kuntest tas-sistema OBD (jiġifieri, sistema ta’ dijanjostika fil-vettura (9)), “sistema għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet” tfisser “il-kontrollur elettroniku tal-ġestjoni tal-magna u kwalunkwe komponent relatat ma’ l-emissjonijiet fis-sistema ta’ l-egżost jew fis-sistema evaporattiva li jipprovdi input għal jew jirċievi output minn dan il-kontrollur”.

 Id-dritt Franċiż

15.      L-Artikolu L.213‑1 tal-code de la consommation (il-Kodiċi tal-Konsumatur) jimponi sanzjoni kriminali meta “persuna, irrispettivament minn jekk tkunx parti jew le fil-kuntratt, li tkun qarrqet bil-kontraenti, bi kwalunkwe mezz jew aġir u anki permezz ta’ terz: 1° dwar in-natura, l-ispeċi, l-oriġini, il-kwalitajiet sostanzjali, il-kompożizzjoni jew il-kontenut li jkunu bħala prinċipju utli tal-merkanzija kollha; 2° dwar il-kwantità tal-oġġetti kkunsinnati jew dwar l-identità tagħhom permezz tal-kunsinna ta’ merkanzija differenti mill-oġġett speċifiku li kien is-suġġett tal-kuntratt; 3° dwar l-adegwatezza għall-użu, ir-riskji inerenti għall-użu tal-prodott, il-kontrolli mwettqa, il-modi ta’ użu jew il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu” (10).

16.      L-Artikolu L.213‑2 tal-Kodiċi tal-Konsumatur jipprevedi li l-piena tista’ tkun iktar sostanzjali meta r-reati mwettqa “kellhom bħala konsegwenza li jagħmlu l-użu tal-merkanzija perikoluż għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali” (11).

17.      Skont l-Artikolu L.213‑6 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, il-persuni ġuridiċi li jiġu ddikjarati responsabbli kriminalment għal ksur iddefinit fl-Artikoli L.213‑1 u L.213‑2 ta’ dan l-istess kodiċi jattiraw ukoll il-pieni previsti fl-Artikolu L-131‑39(2) sa (9) tal-code pénal (il-Kodiċi Kriminali). Dawn il-pieni jistgħu jkunu, bħala eżempju, projbizzjoni li tkopri l-attività “li fl-eżerċizzju tagħha jew fl-okkażjoni tal-eżerċizzju tagħha twettaq il-ksur”.

 Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Il-kumpannija X hija manifattur ta’ vetturi bil-mutur li tikkummerċjalizza vetturi bil-mutur fi Franza. Mid-deċiżjoni tar-rinviju joħroġ li din il-kumpannija qiegħdet fis-suq vetturi mgħammra b’softwer (iktar ’il quddiem is-“softwer kontenzjuż”) li jista’ jiffalsifika r-riżultati tat-testijiet ta’ approvazzjoni marbuta mal-emissjonijiet ta’ gassijiet inkwinanti, bħalma huma l-ossidi tan-nitroġenu (iktar ’il quddiem in-“NOx”).

19.      Fil-kuntest tal-fażi tal-approvazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet inkwinanti, il-vetturi jiġu ttestjati skont protokoll li l-parametri tiegħu huma ddefiniti b’mod preċiż permezz ta’ regolamenti. Dawn jikkonċernaw b’mod partikolari l-profil ta’ veloċità segwit, it-temperatura u l-preparazzjoni tal-vettura minn qabel. Il-profil ta’ veloċità użat għall-finijiet tat-test ta’ approvazzjoni (in-New European Driving Cycle, bl-akronimu “NEDC”) jikkonsisti fir-repetizzjoni ta’ erba’ ċikli urbani, kif ukoll ta’ ċiklu mhux urban, f’laboratorju (u mhux f’kundizzjonijiet reali). Dan it-test ta’ approvazzjoni huwa intiż b’mod partikolari li jistabbilixxi jekk il-volum ta’ NOx li joħroġ jaqbiżx il-limiti imposti permezz tar-Regolament Nru 715/2007.

20.      Il-vetturi inkwistjoni f’din il-kawża għandhom valv tar-riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost (EGR).

21.      Il-valv tal-EGR huwa waħda mit-teknoloġiji użati mill-manifatturi ta’ vetturi bil-mutur (bħalma hija l-kumpannija X) sabiex jikkontrollaw u jnaqqsu l-emissjonijiet finali ta’ NOx. Din hija sistema li tikkonsisti fir-ridirezzjoni ta’ parti mill-gassijiet tal-egżost tal-magni b’kombustjoni lejn il-manifold tad-dħul tal-gassijiet, jiġifieri d-dħul ta’ arja mgħoddija lill-magna, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet finali ta’ NOx.

22.      B’mod iktar preċiż, is-sistema ta’ tnaqqis ta’ tniġġis permezz tar-riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost hija linja tal-fluss li tippermetti li l-gassijiet tal-egżost (li joħorġu mill-kombustjoni inkompleta tal-karburant) jintbagħtu lejn il-manifold, liema tal-linja tal-fluss ikollha magħha skambjatur tas-sħana li r-rwol tiegħu huwa li jkessaħ il-gassijiet maħruġa u valv tal-EGR li jvarja l-fluss ta’ gassijiet maħruġa introdotti mill-ġdid fil-manifold.

23.      Il-ftuħ tal-imsemmi valv tal-EGR huwa rregolat mill-kalkolatur li jikkontrolla l-magna. Dan il-kalkolatur huwa sistema tal-informatika inkorporata li tikkontrolla t-tagħmir fiżiku fi ħdan il-vettura. Skont l-informazzjoni mogħtija mis-sensors tiegħu, l-imsemmi kalkolatur jikkontrolla l-attwaturi. Dawn jikkontrollaw l-istat ta’ diversi elementi mekkaniċi tal-magna. Il-ftuħ tal-valv tal-EGR (li minnu jiddependi l-volum ta’ gass introdott mill-ġdid fil-manifold u, għaldaqstant, il-livell ta’ effettività tas-sistema ta’ tnaqqis tat-tniġġis) huwa rregolat f’ħin reali mill-kalkolatur li jikkontrolla l-magna li, skont l-informazzjoni miġbura mid-diversi sensors (veloċità, temperatura, eċċ), jibgħat istruzzjonijiet lill-attwatur tal-valv tal-EGR. B’hekk, il-livell ta’ ftuħ ta’ dan il-valv huwa ddeterminat minn dan l-istess kalkolatur u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-kodiċi sors tas-softwer installat fuqu (jiġifieri s-softwer kontenzjuż, fil-kawża li għandna quddiemna (12)).

24.      F’din il-kawża, fit‑28 ta’ Settembru 2015, wara xi pubblikazzjonijiet fl-istampa, il-Viċi President tal-conseil régional d’Île-de-France (il-Kunsill Reġjonali ta’ Île-de-France, Franza), responsabbli għat-trasport, ressaq denunzja quddiem il-parquet de Paris (il-Prosekutur ta’ Pariġi, Franza) dwar l-aġir tal-kumpannija X fir-rigward tal-valv tal-EGR u tas-softwer kontenzjuż li bihom kienu mgħammra wħud mill-vetturi tagħha.

25.      Fit‑2 ta’ Ottubru 2015, il-Prosekutur ta’ Pariġi kklassifika dan l-aġir bħala qerq aggravat u talab lill-Office central de lutte contre les atteintes à l’environnement et à la santé publique (OCLAESP) (l-Uffiċċju Ċentrali għall-Ġlieda Kontra l-Ħsara għall-Ambjent u għas-Saħħa Pubblika) jiftaħ investigazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi kkonċernati fis-suq Franċiż.

26.      Fl-istess ħin, il-ministère de l’Écologie (il-Ministru għall-Ekoloġija, Franza) talab lis-Service national des enquêtes (SNE) (is-Servizz Nazzjonali għall-Investigazzjoni) fi ħdan id-direction générale de la Concurrence, de la Consommation et de la Répression des Fraudes (DGCCRF) (id-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni, tal-Konsumaturi u għall-Ġlieda kontra l-Frodi, Franza) sabiex jiftaħ investigazzjonijiet bil-għan li jiġi ddeterminat jekk vetturi kkummerċjalizzati fit-territorju Franċiż kinux mgħammra bis-softwer kontenzjuż.

27.      Is-SNE fassal rapport, li miegħu ġew annessi r-riżultati tat-testijiet u tal-provi mwettqa mill-Union technique de l’automobile, du motocycle et du cycle (UTAC) (l-Unjoni Teknika tal-Vetturi bil-Mutur, tal-Muturi u tar-Roti, Franza), li hija l-unika laboratorju awtorizzat li jwettaq it-testijiet ta’ approvazzjoni ta’ vetturi fi Franza. Dawn it-testijiet u dawn il-provi kienu intiżi li jistabbilixxu l-eżistenza eventwali ta’ frodi. Minn dan jirriżulta li, f’ċerti vetturi tal-kumpannija X, l-emissjonijiet ta’ NOx kienu mmultiplikati, xi drabi bi 3.6, meta mqabbla mal-valuri teoretiċi indikati fl-istadju tal-approvazzjoni tagħhom.

28.      Testijiet addizzjonali, imwettqa mill-Institut français du pétrole énergies nouvelles (IFPEN) (l-Istitut Franċiż tal-Petroleum u tal-Enerġiji Ġodda, Franza) fuq tliet vetturi, ippermettew ukoll li jiġi kkonstatat li l-emissjonijiet ta’ NOx kienu mnaqqsa speċifikament hekk kif kien jiġi identifikat ċiklu ta’ approvazzjoni (13), u dan b’żieda kunsiderevoli fil-ftuħ tal-valv tal-EGR.

29.      F’Ottubru 2015, il-Prosekutur ta’ Pariġi organizza perkwiżizzjoni fl-uffiċji tas-sussidjarja Franċiża tal-kumpannija X, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li din l-istess sussidjarja kienet informata dwar l-eżistenza tas-softwer kontenzjuż.

30.      F’Jannar 2016, il-President tal-imsemmija sussidjarja nstemgħa fil-kuntest ta’ seduta bil-miftuħ. Huwa ddikjara li kien sar jaf bis-softwer kontenzjuż mill-istampa u li ma kienx jaf kif jaħdem. F’dan il-kuntest, il-President ta’ din is-sussidjarja speċifika madankollu li l-imsemmi softwer kien jinsab fuq ċerti magni diesel, minn total (bejn wieħed u ieħor) ta’ 950 000 vettura fi Franza, li kellhom ikunu s-suġġett ta’ sejħa għal aġġornament tal-imsemmi softwer. Huwa żied li ma kienx jirrikonoxxi n-natura frawdolenti ta’ dan is-softwer li, skontu, kien intiż “li jottimizza billi jnaqqas l-emissjonijiet ta’ NOx”.

31.      L-investigazzjoni wasslet għall-ftuħ ta’ istruttorja ġudizzjarja, li ġiet fdata lill-qorti tar-rinviju u lil żewġt iqrati tal-istruttorja oħra, fid‑19 ta’ Frar 2016. L-att li jiftaħ l-istruttorja jispeċifika li l-ksur allegat huwa li “mill‑1 ta’ Settembru 2009, […] bi kwalunkwe mod, anki permezz ta’ terz, irrispettivament minn jekk huwiex parti jew le fil-kuntratt, twettaq qerq bix-xerrejja ta’ vetturi mgħammra b’magna […] diesel, fir-rigward tal-kwalitajiet essenzjali tal-vetturi u fir-rigward tal-kontrolli mwettqa, marbuta maċ-ċirkustanza li l-fatti wasslu sabiex jagħmlu l-użu tal-merkanzija perikoluż għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali”, bi ksur, fost oħrajn, tal-Artikoli L.213‑1 u L.213‑2 tal-Kodiċi tal-Konsumatur.

32.      F’dan l-istadju tal-proċedura kriminali, il-kumpannija X tibbenefika mill-istatus ta’ xhud assistit. Imsejħa quddiem il-qrati tal-istruttorja fit‑28 ta’ Marzu 2017, il-kumpannija X irrifjutat formalment li twieġeb għall-mistoqsijiet li sarulha minnhom. Il-kumpannija X irrifjutat ukoll li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-qrati tal-istruttorja l-elementi ta’ investigazzjoni li dawn kienu qegħdin jitolbu (dwar fost oħrajn il-metodoloġiji għall-kalibrazzjoni tal-magni użati mill-kumpannija X).

33.      Barra minn hekk, minn meta nfetħet l-istruttorja ġudizzjarja, iktar minn 1 200 persuna rreġistraw ruħhom bħala partijiet ċivili.

34.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tqabbad espert sabiex iwettaq analiżi tar-riżultati tat-testijiet imwettqa mill-awtorità amministrattiva (fi kliem ieħor, it-testijiet imwettqa mill-UTAC u mill-IFPEN) u sabiex iwettaq kull analiżi teknika oħra, bil-għan li jiddeskrivi l-mekkaniżmu tas-softwer kontenzjuż u li jesponi l-effetti tiegħu fir-rigward taż-żieda tal-emissjoni ta’ NOx mill-vetturi mgħammra bih.

35.      Fir-rapport tiegħu ppreżentat fis‑26 ta’ April 2017 (iktar ’il quddiem ir-“rapport perizjali”), l-espert irrileva li, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, is-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet kellhom ikunu operazzjonali matul il-funzjonament normali tal-vettura. Jidher li, f’kundizzjonijiet ta’ sewqan normali, fil-vetturi eżaminati, il-valv tal-EGR ma kienx irregolat b’mod konformi mal-mod li jikkorrispondi mal-approvazzjoni. Il-mod ta’ operazzjoni normali ma kienx jippermetti, kif juru t-testijiet imwettqa mill-UTAC, li jiġu osservati l-limiti massimi statutorji fil-qasam tat-tniġġis. Fl-assenza ta’ identifikazzjoni taċ-ċiklu ta’ approvazzjoni u fl-assenza ta’ din il-modulazzjoni tal-funzjonament tal-valv tal-EGR, għall-vetturi inkwistjoni ftit li xejn kien possibbli li josservaw dawn il-limiti f’kundizzjonijiet ta’ użu normali. L-effettività tas-sistema ta’ tnaqqis tat-tniġġis kienet għalhekk limitata f’sitwazzjoni reali.

36.      L-espert għalhekk ikkonkluda li kien hemm apparat li jippermetti li jiġi identifikat iċ-ċiklu ta’ approvazzjoni u li jiġi aġġustat il-funzjonament tas-sistema ta’ riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost (is-“sistema tal-EGR”) fil-kuntest ta’ din l-approvazzjoni. L-eżistenza ta’ dan l-apparat jimplika żieda fl-emissjonijiet ta’ NOx tal-vetturi li jkunu qegħdin jinsaqu f’sitwazzjoni normali. L-espert speċifika wkoll li, li kieku l-funzjonament tal-valv tal-EGR f’sitwazzjoni reali kien konformi ma’ dak li jipprevali matul it-testijiet ta’ approvazzjoni, dawn il-vetturi kienu jipproduċu, b’mod partikolari f’ċirkulazzjoni urbana, ferm inqas NOx (madwar 50 % inqas), iżda probabbilment ftit iktar (madwar 5 % iktar) monossidu tal-karbonju, idrokarburi mhux maħruqa u dijossidu tal-karbonju, bħala korrispettiv (14). Kien hemm probabbilment tnaqqis marġinali fis-saħħa ta’ dawn il-vetturi. L-interventi ta’ manteniment kienu iktar frekwenti u kienu jinvolvu iktar spejjeż minħabba, fost oħrajn, li jinġabar iktar ħmieġ fil-magna.

37.      Fl-aħħar nett, l-espert speċifika li s-sistema tal-EGR hija apparat għall-kontroll tat-tniġġis, fis-sens li din is-sistema tinsab fil-magni għall-iskop esklużiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ NOx, li t-tnaqqis fil-ftuħ tagħha jnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u jissarraf f’iktar emissjonijiet ta’ NOx, u li dan it-tnaqqis huwa effettivament ikkonstatat f’kundizzjonijiet normali ta’ użu tal-vetturi. Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis tal-ftuħ tal-valv tal-EGR isarraf, fil-prattika, f’kapaċità ta’ aċċellerazzjoni ikbar tal-magna u f’potenzjal ikbar ta’ saħħa. Dan it-tnaqqis iwassal ukoll għal inqas ġbir ta’ ħmieġ fil-manifold, fil-valvs u fil-kompartiment tal-kombustjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għall-ħajja fit-tul u għall-affidabbiltà tal-magna.

38.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi tekniċi, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-mekkaniżmu legali tal-qerq – jekk jiġi kkonstatat – jikkonsisti fil-fatt li x-xerrejja tal-vetturi kkonċernati kienu tqarrqu fir-rigward tal-kwalitajiet sostanzjali ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri n-nuqqas ta’ konformità tagħhom mar-Regolament Nru 715/2007, li jirriżulta mill-preżenza, f’dawn il-vetturi, ta’ apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament, li jikkonsisti fl-ipprogrammar tal-kalkolatur tal-magna li jaġixxi fuq il-valv tal-EGR, b’mod li jiġi identifikat iċ-ċiklu ta’ approvazzjoni sabiex is-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ NOx tiġi attivatà b’mod iktar qawwi matul dan iċ-ċiklu, u mhux f’kundizzjonijiet ta’ użu normali.

39.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-qerq huwa marbut ma’ ċirkustanza aggravanti, fis-sens li l-użu tal-vetturi kien perikoluż għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, minħabba li l-gassijiet tal-egżost tal-magni diesel ġew ikklassifikati bħala karċinoġeniċi mis-Centre international de recherche sur le cancer (CIRC) (iċ-Ċentru Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer) fl‑2012.

40.      Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-apparat użat sabiex jaġixxi fuq il-funzjonament tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet jista’ jkollu diversi forom. Id-definizzjoni ta’ “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, jinkludi diversi kunċetti li għadhom ma kinux is-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

41.      Peress li l-klassifikazzjoni bħala qerq, kif ikkunsidrata fil-kuntest ta’ din il-kawża, hija bbażata fuq il-klassifikazzjoni bħala “apparat ta’ manipulazzjoni”, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha bżonn ta’ kjarifika dwar il-portata tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq sabiex tieħu deċiżjoni kemm dwar l-eventwali tqegħid tal-kumpannija X taħt eżami u kemm dwar it-tqegħid tagħha taħt att ta’ akkuża wara l-istruttorja.

42.      Fid-dawl tal-punti preċedenti, il-vice-président chargé de l’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Viċi President Responsabbli għall-Istruttorja tal-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) iddeċieda li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ element tad-disinn

a)      X’inhu kopert mill-kunċett ta’ element ta’ disinn imsemmi [fil-punt 10 tal-Artikolu 3] tar-[Regolament Nru 715/2007], li jiddefinixxi t-tagħmir ta’ riduzzjoni (defeat device) [apparat ta’ manipulazzjoni]?

b)      Programm integrat fil-kalkolatur li jikkontrolla magna jew b’mod iktar ġenerali li jaġixxi fuq dan il-kalkolatur jista’ jitqies bħala element ta’ disinn fis-sens ta’ dan l-artikolu?

2)      Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet

a)      X’inhu kopert mill-kunċett ta’ sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet imsemmi [fil-punt 10 tal-Artikolu 3] tar-[Regolament Nru 715/2007], li jiddefinixxi t-tagħmir ta’ riduzzjoni (defeat device)?

b)      Din is-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tinkludi biss it-teknoloġiji u l-istrateġiji intiżi biex jittrattaw u jnaqqsu l-emissjonijiet (b’mod partikolari NOx) wara li dawn jinħolqu, jew tinkludi fiha wkoll it-teknoloġiji u strateġiji differenti li jippermettu li tiġi limitata l-produzzjoni tagħhom mill-bidu, bħat-teknoloġija EGR?

3)      Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni (defeat device)

a)      Dispożittiv li jidentifika kull parametru marbut mal-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ approvazzjoni stabbiliti bir-[Regolament Nru 715/2007], għall-finijiet ta’ attivazzjoni jew ta’ aġġustament ’il fuq, matul dawn il-proċeduri, tal-funzjonament ta’ kull parti mis-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, u b’hekk tinkiseb l-approvazzjoni tal-vettura, huwa tagħmir ta’ riduzzjoni fis-sens tal-[punt 10 tal-Artikolu 3] tar-[Regolament Nru 715/2007]?

b)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, dan it-tagħmir ta’ riduzzjoni huwa pprojbit, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tar-[Regolament Nru 715/2007]?

c)      Dispożittiv bħal dak deskritt fil-punt (a) tat-tielet domanda jista’ jiġi kkwalifikat bħala ‘tagħmir ta’ riduzzjoni’ jekk l-aġġustament ’il fuq tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tkun effettiva, mhux biss waqt il-proċeduri ta’ approvazzjoni, iżda anki f’ċirkustanzi speċifiċi, meta l-kundizzjonijiet eżatti identifikati biex is-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tiġi aġġustata ’l fuq matul il-proċeduri ta’ approvazzjoni jerġgħu jiġu identifikati matul iċ-ċirkulazzjoni reali?

4)      Interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5

a)      X’inhu kopert mit-tliet eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tal-Kapitolu 2 tar-[Regolament Nru 715/2007]?

b)      Il-projbizzjoni tat-tagħmir ta’ riduzzjoni (defeat device) li jattiva jew jaġġusta ’l fuq il-funzjonament ta’ kull parti mis-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet b’mod speċifiku waqt il-proċeduri ta’ approvazzjoni tista’ tiġi injorata għal xi waħda mit-tliet raġunijiet elenkati fl-Artikolu 5(2)?

c)      It-tnaqqis tal-proċess li bih magna teqdiem jew tinstadd jifforma parti mir-rekwiżiti ta’ ‘protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti’ jew ta’ ‘tħaddim fis-sigurtà tal-vettura’ li jistgħu jiġġustifikaw il-preżenza ta’ ‘defeat device’ fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a)?”

43.      Il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan, uħud mill-partijiet fil-kawża prinċipali (il-kumpannija X u l-partijiet ċivili A et) u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

44.      L-imsemmija gvernijiet, uħud mill-partijiet fil-kawża prinċipali (il-kumpannija X u l-partijiet ċivili A, B, AGLP u C et) kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali organizzata fis‑7 ta’ Novembru 2019.

 Analiżi

 Osservazzjonijiet preliminari

45.      Jidhirli li huwa opportun li, qabel kollox, nesponi b’mod iktar iddettaljat il-qafas regolamentari tal-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

46.      Fid-dritt tal-Unjoni, l-approvazzjoni tat-tipi ta’ vetturi bil-mutur hija s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni ddettaljata li l-bażi legali tagħha tinsab fid-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern (attwalment l-Artikolu 114 TFUE).

47.      Id-Direttiva 2007/46 tistabbilixxi qafas armonizzat li jinkludi d-dispożizzjonijiet amministrattivi, kif ukoll ir-rekwiżiti tekniċi ta’ natura ġenerali applikabbli għall-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur ġodda kollha (żgħar jew kbar) li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

48.      Fis-settur tal-vetturi bil-mutur, kull leġiżlazzjoni qafas tistabbilixxi b’hekk il-proċedura u l-konsegwenzi legali tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura. Il-kundizzjonijiet sostantivi applikabbli għall-approvazzjoni tat-tip huma, min-naħa tagħhom, is-suġġett ta’ strumenti regolamentari separati.

49.      L-approvazzjoni tat-tip taħdem b’dan il-mod: il-manifattur jippreżenta prototip ta’ vettura lill-awtoritajiet kompetenti sabiex juri li dan il-prototip jissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi kollha stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46. Meta l-approvazzjoni tat-tip tingħata mill-awtorità amministrattiva kompetenti, il-manifattur jibda l-produzzjoni tat-tip ta’ vettura inkwistjoni. Kull vettura li tiġi mmanifatturata konformement mat-tip approvat tista’ titqiegħed fis-suq mingħajr ma jkunu meħtieġa testijiet addizzjonali.

50.      F’dan il-kuntest, ir-rekwiżiti tekniċi armonizzati dwar l-emissjonijiet huma speċifikati fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 715/2007. Dan tal-aħħar jobbliga lill-manifatturi jgħammru l-vetturi tagħhom b’mod li dawn ikunu, f’użu normali, konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmi regolament u tad-dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni tiegħu.

51.      L-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament jiddisponi wkoll, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet previsti b’mod limitat, li l-użu ta’ “apparat ta’ manipulazzjoni” (iddefinit fil-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan l-istess regolament) huwa pprojbit.

52.      Għaldaqstant, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 715/2007, il-vetturi għandhom jiġu ddisinjati mhux biss b’mod li josservaw, f’użu normali, il-limiti ffissati mir-Regolament, iżda wkoll b’mod li l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tagħhom ma tkunx tista’ titnaqqas “taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura” (15).

53.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 715/2007, il-Kummissjoni pprevediet, fir-Regolament Nru 692/2008, proċeduri ta’ eżami f’laboratorji speċifiċi li permezz tagħhom il-manifatturi jistgħu jistabbilixxu, sabiex jiksbu approvazzjoni tat-tip, li tip ġdid ta’ vetturi josserva l-limiti previsti f’termini ta’ emissjonijiet.

54.      F’dan il-każ, il-kejl ta’ emissjonijiet previsti mill-proċedura ta’ eżami kien ibbażat fuq l-uniku ċiklu ta’ sewqan li kien applikabbli dak iż-żmien, jiġifieri n-NEDC (kif iddefinit iktar ’il fuq) (16). Dawn huma testijiet standardizzati, imwettqa f’laboratorju, u mhux f’kundizzjonijiet reali – ħaġa din li tagħmilhom iktar esposti għal manuvri maħsuba għall-identifikazzjoni tat-test u għat-teħid ta’ miżuri sabiex jiġu evitati r-regoli.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

55.      Qabel ngħaddi għall-eżami fil-mertu tad-domandi ssottomessi għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa meħtieġ li nistabbilixxi l-ammissibbiltà tagħhom.

56.      Ċerti partijiet fil-kawża prinċipali (A et) sostnew, fl-osservazzjonijiet tagħhom, li l-klassifikazzjoni bħala “apparat ta’ manipulazzjoni” tikkonċerna biss ir-regolarità tal-approvazzjoni tal-vetturi. Irrispettivament minn jekk tiġix stabbilita jew le, hija mhux ser ikollha impatt fuq l-eżistenza tal-qerq dwar il-“kwalitajiet sostanzjali” jew dwar il-kontrolli mwettqa. Fil-fatt, skont dawn il-partijiet, il-Kodiċi tal-Konsumatur jikkundanna l-qerq “bi kwalunkwe mezz jew aġir”: għalhekk, il-kwistjoni ta’ jekk hemmx ksur jew le tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007 hija irrilevanti. B’hekk, id-domandi preliminari ma humiex utli għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (17).

57.      Il-kumpannija X issostni wkoll li dawn id-domandi preliminari huma inutli għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Skontha, din it-tilwima (kif ippreżentata fid-deċiżjoni tar-rinviju) tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ jekk hija tistax titqiegħed taħt eżami minħabba qerq u ta’ jekk tistax minħabba f’hekk titqiegħed taħt att ta’ akkuża. Il-kumpannija X issostni li, fid-dritt kriminali Franċiż, ir-reat ta’ qerq jeħtieġ il-preżenza ta’ element materjali u ta’ element intenzjonali, li l-eżistenza tagħhom ma hijiex ċerta f’din il-kawża. Il-kumpannija X issostni li, irrispettivament mir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, hija fl-ebda każ ma tista’ titqiegħed taħt eżami (u lanqas, a fortiori, ma tista’ titqiegħed taħt att ta’ akkuża).

58.      Barra minn hekk, il-kumpannija X tinvoka l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege: fl-assenza ta’ test li jinkrimina espliċitament il-fatti mwettqa f’dan il-każ, hija ma tistax tkun is-suġġett ta’ kundanna għal qerq.

59.      Barra minn hekk, il-kumpannija X tallega li, f’dan l-istadju, ma hemm ebda tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju marbuta mad-domandi magħmula, għar-raġuni li hija għadha ma esprimitx il-pożizzjoni tagħha (18), oralment jew bil-miktub, dwar dawn l-istess domandi quddiem il-qorti tar-rinviju. Dawn id-domandi ma huma xejn ħlief sempliċi talba għal opinjoni konsultattiva dwar regoli tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr rabta ma’ ebda tilwima. F’dan ir-rigward, dawn l-istess domandi huma purament ipotetiċi. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tar-raba’ domanda preliminari, li tikkonċerna l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, li l-kumpannija X qatt ma kienet invokat sal-lum, fil-kuntest tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

60.      Barra minn hekk, skont il-kumpannija X, id-domandi preliminari magħmula ma kinux is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju qabel tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u dan imur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

61.      Fl-aħħar nett, matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-kumpannija X sostniet ukoll li d-domandi preliminari magħmula kienu “prematuri”, għaliex l-evalwazzjonijiet imwettqa sal-lum (u riflessi, fost oħrajn, fir-rapport perizjali) ma jippermettux li jiġi ddefinit il-qafas fattwali tat-tilwima bi preċiżjoni suffiċjenti.

62.      Fil-fehma tiegħi, l-argumenti mressqa mill-partijiet A et, kif ukoll mill-kumpannija X, għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

63.      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija bħala prinċipju meħtieġa tagħti deċiżjoni (19).

64.      Fil-qosor, u għalkemm din il-kwistjoni ma tqajmitx mill-partijiet fil-kawża prinċipali, infakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, “l-qrati tal-istruttorja fil-qasam kriminali jew il-maġistrat li jeżerċita l-istruttorja kriminali huma qrati fis-sens tal-[Artikolu 267 TFUE], li huma meħtieġa jiddeċiedu b’mod indipendenti u skont id-dritt, dwar il-kawżi li fir-rigward tagħhom il-liġi tagħthom kompetenza, fil-kuntest ta’ proċedura li ser twassal għal deċiżjonijiet ta’ natura ġudizzjarja” (20).

65.      Minn dan isegwi li d-domandi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (21).

66.      F’din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-klassifikazzjoni tas-softwer kontenzjuż (li jiddetermina l-livell ta’ ftuħ tal-valv tal-EGR u, għalhekk, il-livell ta’ emissjonijiet finali ta’ NOx) bħala “apparat ta’ manipulazzjoni” fid-dawl tal-punt 10 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 jista’ jkollha impatt fuq il-konstatazzjoni ta’ ksur fid-dritt kriminali Franċiż (jiġifieri qerq aggravat, skont l-Artikoli L.213‑1 u L.213‑2 tal-Kodiċi tal-Konsumatur). L-argumenti tal-partijiet A et u tal-kumpannija X dwar l-inutilità tad-domandi magħmula għandhom għalhekk jiġu miċħuda, peress li d-domandi magħmula għandhom relazzjoni manifesta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

67.      Għalkemm l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007 jista’ jkollha impatt fuq il-konstatazzjoni tal-ksur, l-argumenti bbażati fuq id-dritt kriminali Franċiż invokati mill-kumpannija X (b’mod partikolari dwar l-eżistenza tal-element materjali u/jew intenzjonali) ma jistgħux, madankollu, jiġu kkunsidrati. Dawn l-argumenti huma irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tad-domandi preliminari (mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni) u jikkonċernaw kwistjonijiet li jaqgħu esklużivament fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (22).

68.      L-argumenti dwar il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege huma wkoll, min-naħa tagħhom, irrilevanti peress li r-regolament imsemmi iktar ’il fuq jirregola l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur u ma jistabbilixxix, bħala tali, regoli ta’ natura kriminali.

69.      Fir-rigward tan-natura allegatament ipotetika tad-domandi preliminari, l-argumenti tal-kumpannija X lanqas ma huma konvinċenti.

70.      Il-fatt li l-istrateġija proċedurali tal-kumpannija X quddiem il-qorti tar-rinviju hija li ma tagħtix tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-investigaturi, li tirrifjuta li tikkomunika l-kodiċi sors tas-softwer kontenzjuż jew li tinnega n-natura frawdolenti ta’ dan tal-aħħar ma jippermettix li tiġi stabbilita l-assenza ta’ tilwima: għall-kuntrarju, jiena iktar naħseb li din l-istrateġija turi l-eżistenza ta’ kontroversja reali, li għandha interess fundamentali għall-eżitu tal-proċedurali kriminali pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

71.      Fir-rigward b’mod partikolari tar-raba’ domanda preliminari (li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ta’ apparat ta’ manipulazzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq), il-kumpannija X allegat li hija qatt ma invokat l-imsemmija eċċezzjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, b’tali mod li d-domanda msemmija hija ipotetika. Madankollu, meta sarulha mistoqsijiet dwar dan il-punt mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kumpannija X ammettiet, b’mod ċar ħafna, li hija ma kinitx qiegħda teskludi l-possibbiltà li tinvoka tali eċċezzjonijiet fi stadju iktar tard, matul il-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Din l-ammissjoni turi wkoll, fil-fehma tiegħi, kif dawn id-domandi ma humiex “sempliċi talba għal opinjoni konsultattiva” dwar kwistjonijiet purament ipotetiċi.

72.      Fir-rigward tal-assenza ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-qorti tar-rinviju, nosserva biss li l-Artikolu 267 TFUE ma jissuġġettax it-tressiq ta’ talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għan-natura kontradittorja tal-proċedura li matulha l-qorti nazzjonali tagħmel domanda preliminari (23). Fuq din il-bażi, l-argument imressaq mill-kumpannija X għandu jiġi miċħud ukoll.

73.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-natura allegatament prematura tad-domandi preliminari magħmula f’din il-kawża, nosserva li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-mument li fih tagħżel li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja (24). Nosserva wkoll li l-argumenti tal-kumpannija X dwar dan l-aspett ftit huma konvinċenti fil-fehma tiegħi. Il-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali ġew żvelati fl‑2015 u kienu s-suġġett ta’ diversi evalwazzjonijiet tekniċi (evalwazzjonijiet li huma stess kienu s-suġġett ta’ eżami ddettaljat, li l-konklużjonijiet tiegħu jinsabu fir-rapport perizjali). F’dan ir-rigward, insibha diffiċli nsostni (kif għamlet il-kumpannija X matul is-seduta) “li ebda qafas fattwali preċiż ma ġie stabbilit f’dan l-istadju”. Għall-kuntrarju, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li sarulha.

74.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari hija stabbilita.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

75.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha (komposta minn żewġ partijiet li għandhom jiġu eżaminati flimkien), il-qorti tar-rinviju tixtieq li jiġi ddeterminat – essenzjalment – jekk programm integrat fil-kalkolatur ta’ kontroll tal-magna jew, b’mod iktar ġenerali, li jaġixxi fuq dan il-kalkolatur jistax jitqies li huwa “element ta’ disinn” fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007.

76.      Fil-fehma tiegħi, din id-domanda teħtieġ risposta fl-affermattiv.

77.      Il-kunċett ta’ “apparat ta’ manipulazzjoni” li jinsab fil-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq ikopri kull element ta’ disinn “li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”.

78.      Kif irrileva ġustament il-Gvern Franċiż, tali definizzjoni tagħti portata wiesgħa lill-kunċett ta’ element ta’ disinn. Tali element jista’ jkun ikkostitwit kemm minn partijiet mekkaniċi u kemm minn softwer tal-informatika li jirregola l-attivazzjoni ta’ tali partijiet, kemm‑il darba jaġixxi fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u kemm‑il darba jnaqqas l-effettività tagħha. Mill-bqija, din hija wkoll il-pożizzjoni difiża mill-kumpannija X fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

79.      Nispeċifika li dan għandu jkun element li joriġina mill-manifattur tal-vettura. Peress li dan huwa softwer inkorporat, ma tagħmilx differenza jekk dan ikunx installat qabel il-bejgħ tal-vettura jew imniżżel iktar tard, fil-kuntest ta’ aġġornament (impost jew irrakkomandat mill-imsemmi manifattur): għall-kuntrarju, ma jistax ikun element installat fuq l-inizjattiva biss tal-proprjetarju jew tal-utent tal-vettura, mingħajr rabta mal-manifattur.

80.      Għaldaqstant, l-ewwel domanda preliminari għandha tingħata r-risposta segwenti: il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li programm integrat fil-kalkolatur ta’ kontroll tal-magna jew, b’mod iktar ġenerali, li jaġixxi fuq dan il-kalkolatur jista’ jitqies li huwa “element ta’ disinn” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kemm‑il darba jkun jagħmel parti integrali mill-imsemmi kalkolatur.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

81.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha (komposta minn żewġ partijiet li ser neżamina flimkien), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet” ikopri esklużivament it-teknoloġiji u l-istrateġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet fi stadju sussegwenti (wara l-ħolqien tagħhom) jew jekk, għall-kuntrarju, dan il-kunċett jinkludix ukoll it-teknoloġiji u l-istrateġiji li, bħas-sistema tal-EGR, inaqqsu l-emissjonijiet fi stadju preċedenti (mal-ħolqien tagħhom).

82.      Fil-fatt, hemm żewġ kategoriji ġenerali ta’ metodi li jippermettu lill-manifatturi jottimizzaw ir-rendiment tal-vetturi tagħhom fir-rigward tal-emissjonijiet inkwinanti: minn naħa, l-istrateġiji msejħa “interni għall-magna” (bħas-sistema tal-EGR), li jikkonsistu fit-tnaqqis tal-ħolqien ta’ gassijiet inkwinanti fil-magna stess, u, min-naħa l-oħra, l-istrateġiji msejħa “ta’ trattament sussegwenti”, li jikkonsistu fit-trattament tal-emissjonijiet wara l-ħolqien tagħhom (pereżempju, is-sistema katalitika li taqbad NOx).

83.      Il-kumpannija X tiddefendi interpretazzjoni restrittiva ħafna tal-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet”. Skontha, dan il-kunċett jista’ jirreferi biss għall-komponenti dwar l-emissjonijiet li jinsabu fis-sistema tal-egżost, bl-esklużjoni tal-istrateġiji interni għall-magna. Din l-interpretazzjoni hija bbażata (essenzjalment) fuq l-Artikolu 2(18) tar-Regolament Nru 692/2008 li jipprovdi, fil-kuntest tas-sistema OBD, li s-“sistema għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet” tfisser “il-kontrollur elettroniku tal-ġestjoni tal-magna u kwalunkwe komponent relatat ma’ l-emissjonijiet fis-sistema ta’ l-egżost […] li jipprovdi input għal jew jirċievi output minn dan il-kontrollur” (25).

84.      Jiena ma naqbilx mal-analiżi tal-kumpannija X.

85.      Nibda billi nirrileva li l-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet” ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 715/2007.

86.      Sabiex jiġi kkjarifikat il-portata tiegħu, għandu jsir riferiment għall-kriterji ta’ interpretazzjoni stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, “ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti” (26).

 Interpretazzjoni letterali

87.      Fuq livell letterali, “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet” hija komponent ta’ vettura intiża tikkontrolla l-emissjonijiet tal-vettura.

88.      F’dan ir-rigward, nosserva li għalhekk is-sistema tal-EGR tista’ a priori taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett peress li l-għan tagħha huwa li tnaqqas l-emissjonijiet finali ta’ NOx. Ir-rapport perizjali anness mad-deċiżjoni tar-rinviju jindika b’mod ċar li s-sistema tal-EGR “hija installata fuq il-magni bil-għan biss li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ NOx” u li “l-gassijiet li jiċċirkulaw permezz tas-sistema tal-EGR huma fl-aħħar mill-aħħar mormija fl-atmosfera” (27). Din hija effettivament “apparat għall-kontroll tal-emissjonijiet ta’ NOx” (28).

89.      Din hija wkoll il-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fejn tosserva (fil-fehma tiegħi ġustament) li s-sistema tal-EGR tagħmel manifestament parti minn sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet peress li tippermetti li jiġi kkontrollat il-volum tal-imsemmija emissjonijiet skont parametri stabbiliti minn qabel, billi tintroduċi mill-ġdid volum ikbar jew inqas ta’ gassijiet tal-egżost fis-sistema tal-manifold tal-magna (29).

90.      Il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan kif ukoll il-partijiet ċivili li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub jew sottomissjonijiet orali matul is-seduta invokaw interpretazzjoni simili.

91.      Għall-kuntrarju tal-kumpannija X, jiena ma naħsibx li din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet” hija estensiva wisq jew hija ta’ natura li tinkludi kwalunkwe komponent ta’ vettura li jkollu xi tip jew ieħor ta’ impatt fuq il-volum tal-emissjonijiet inkwinanti. Matul is-seduta, il-kumpannija X sostniet li s-sistema ta’ ftuħ elettroniku tat-twieqi jew is-sistema ta’ klimatizzazzjoni wkoll għandhom impatt fuq l-emissjonijiet tal-vettura, mingħajr madankollu ma jista’ jingħad li dawn huma “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet”. Fil-fehma tiegħi dawn l-eżempji ma humiex rilevanti: l-għan tal-mekkaniżmi msemmija mill-kumpannija X ma huwiex li jillimitaw l-emissjonijiet ta’ NOx, meta dan huwa preċiżament l-għan tas-sistema tal-EGR (30). Hija proprju din id-differenza fl-għan li, fil-fehma tiegħi, tiġġustifika l-kategorizzazzjoni tas-sistema EGR bħala sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet (31).

 Interpretazzjoni kuntestwali

92.      Fuq livell kuntestwali, għandhom jiġu eżaminati fl-ewwel lok id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nru 715/2007, sabiex jiġi stabbilit jekk dawn jistgħux jikkontribwixxu għal risposta utli.

93.      L-Artikolu 4(2) tar-Regolament jimponi fuq il-manifatturi obbligu f’termini ta’ riżultat: huma għandhom jiżguraw li l-miżuri tekniċi adottati jiggarantixxu limitazzjoni effettiva tal-emissjonijiet mill-pajp tal-egżost. Il-punt 6 tal-Artikolu 3 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “emissjonijiet mill-pajp tal-egżost” bħala emissjonijiet ta’ gassijiet inkwinanti u ta’ partikuli, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra.

94.      Għaldaqstant, la l-Artikolu 4(2) u lanqas il-punt 6 tal-Artikolu 3 ma jispeċifikaw f’liema stadju tal-funzjonament tal-vettura (jew permezz ta’ liema mezz tekniku) dawn l-emissjonijiet għandhom jiġu mmodulati jew imnaqqsa.

95.      Minn aspett teknoloġiku, ir-Regolament Nru 715/2007 huwa newtrali, sa fejn ma jimponix soluzzjoni teknoloġika partikolari. Huwa jiffissa biss għan li għandu jintlaħaq fir-rigward tal-limitazzjoni tal-emissjonijiet, li min-naħa tagħhom jitkejlu mal-ħruġ mill-pajp tal-egżost.

96.      Għaldaqstant, fit-test tar-Regolament Nru 715/2007 ma hemm ebda ġustifikazzjoni għad-distinzjoni magħmula mill-kumpannija X bejn l-istrateġiji interni għall-magna u l-metodi ta’ trattament sussegwenti tal-gassijiet tal-egżost. Barra minn hekk, fuq livell fattwali, din id-distinzjoni ftit li xejn tagħmel sens fil-fehma tiegħi. Għalkemm il-kumpannija X għamlet sforzi kbar sabiex issostni, matul is-seduta, li “dak li joħroġ mill-magna ma huwiex emissjoni”, xorta jibqa’ l-fatt li fil-prattika, kif osservat il-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ sens komuni kważi elementari, in-NOx jibqgħu NOx: dawn fl-aħħar mill-aħħar dejjem joħorġu mill-pajp tal-egżost (kemm jekk il-ħolqien tagħhom kien illimitat fi stadju preċedenti, fil-livell tal-magna, jew jekk kinux ittrattati fi stadju sussegwenti fis-sistema tal-egżost) (32).

97.      Id-distinzjoni kkomplikata bejn metodi ta’ tnaqqis fi stadju preċedenti jew fi stadju sussegwenti, proposta mill-kumpannija X, lanqas ma hija ġġustifikata mir-Regolament Nru 83 (KEE-NU) u, b’mod partikolari, mill-punt 2.16 tiegħu (33). Il-fatt li l-punt 6.5.1.3 tal-Appendiċi 1 tal-Anness 11 ta’ dan ir-regolament isemmi żewġ metodi ta’ trattament sussegwenti bħala sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet (jew bħala sistemi għal kontra t-tniġġis) ma jimplikax ipso facto li metodi oħra (bħas-sistema tal-EGR) ma jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett: dawn huma biss eżempji iżolati u mhux lista eżawrjenti.

98.      X’inhi s-sitwazzjoni tar-Regolament Nru 692/2008, invokat mill-kumpannija X kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub u kemm matul is-seduta?

99.      Nibda billi nirrileva li r-Regolament Nru 692/2008, adottat mill-Kummissjoni (34), huwa strument ta’ livell inferjuri fil-konfront tar-Regolament Nru 715/2007 (li min-naħa tiegħu joriġina mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew): bħala prinċipju, ir-Regolament Nru 692/2008 ma jistax jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(18) tar-Regolament Nru 692/2008 (invokat mill-kumpannija X) japplika “fil-kuntest tas-sistema [ta’ dijanjostika fil-vettura]” u ma għandux portata ġenerali.

100. Barra minn hekk, il-pożizzjoni difiża mill-kumpannija X tidher li hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(18). Fil-fatt, skont il-kumpannija X, din id-dispożizzjoni tippreżupponi li sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tista’ tkun biss komponent “li huwa marbut mal-emissjonijiet” u “li jinsab fis-sistema tal-egżost” (35). Issa, l-imsemmija dispożizzjoni tkopri kull komponent (li jikkonċerna l-emissjonijiet) tas-sistema tal-egżost, b’mod partikolari fil-verżjoni bil-Franċiż tar-Regolament (36). Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li dan il-komponent ikun jinsab fiżikament fis-sistema tal-egżost.

101. Bħalma tagħmel il-Kummissjoni, jiena inklinata li nqis li din l-interpretazzjoni żbaljata tirriżulta mill-verżjoni bl-Ingliż tar-Regolament Nru 692/2008, li tirreferi għal “any emission-related component in the exhaust […] system” (37). L-użu ta’ din il-frażi (fil-verżjoni bl-Ingliż (38)) ma jidhirx, fil-fehma tiegħi, li huwa korrett meta titqies l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007, li l-verżjoni bl-Ingliż tiegħu titkellem sistematikament dwar it-“tailpipe emissions” (fil-verżjoni bil-Franċiż, din l-espressjoni hija tradotta bħala “émissions au tuyau arrière d’échappement” (39)). Il-kliem użat juri b’mod ċar ir-raġunament li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 715/2007: l-emissjonijiet huma dejjem imkejla mal-ħruġ mis-sistema tal-egżost, għaliex dawn dejjem jispiċċaw mormija permezz ta’ din is-sistema (qabel iniġġsu l-arja). Għaldaqstant, il-mekkaniżmu li jippermetti li jiġu kkontrollati l-emissjonijiet ma għandux neċessarjament ikun jinsab fis-sistema tal-egżost fis-sens strett tal-kelma.

102. Fl-aħħar nett, nosserva wkoll li l-Appendiċi 2 tal-Anness XI tal-imsemmi Regolament Nru 692/2008 jinkorpora espliċitament s-sistema tal-EGR fil-lista tiegħu ta’ sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet. Dan l-element jikkonferma, sa fejn huwa meħtieġ, in-natura żbaljata tal-interpretazzjoni difiża mill-kumpannija X fir-rigward tal-Artikolu 2(18).

 Interpretazzjoni teleoloġika

103. Ngħaddi issa għall-għanijiet tar-Regolament Nru 715/2007, kif ukoll għall-impatt tagħhom fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet”.

104. Mill-premessi 1 u 5 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan huwa intiż b’mod partikolari li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u li t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni f’termini tal-kwalità tal-arja jeħtieġ sforzi kontinwi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-vetturi. Il-premessa 6 tal-imsemmi regolament tispeċifika li “[b]’mod partikulari, hemm bżonn ta’ tnaqqis konsiderevoli ta’ l-emissjonijiet ta’ l-ossidju tan-nitroġenu biex tittejjeb il-kwalità ta’ l-arja u biex ikun hemm konformità mal-valuri ta’ limitu għat-tniġġis”.

105. Barra minn hekk, mill-Artikolu 4 tal-istess regolament jirriżulta li dan huwa intiż li jiżgura limitazzjoni effettiva tal-emissjonijiet u dan matul il-ħajja normali tal-vetturi, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali.

106. Fid-dawl tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif espressa b’mod ċar ħafna f’dawn id-dispożizzjonijiet, inqis, bħall-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, li għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa lill-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet”. Limitazzjoni tal-portata ta’ dan il-kunċett għall-metodi ta’ trattament sussegwenti tal-gassijiet tal-egżost (bl-esklużjoni tal-istrateġiji interni għall-magna, bħas-sistema tal-EGR), iċċaħħad ir-Regolament Nru 715/2007 minn parti kunsiderevoli tal-effett utli tiegħu. F’dan ir-rigward, id-distinzjoni magħmula mill-kumpannija X ma hijiex iġġustifikata.

 Konklużjoni

107. Fid-dawl tal-interpretazzjoni letterali, kuntestwali, iżda wkoll teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007, inqis li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tiġi fformulata b’dan il-mod: il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet” jinkludi kemm it-teknoloġiji, l-istrateġiji u l-partijiet mekkaniċi jew informatiċi li jippermettu li jitnaqqsu l-emissjonijiet (inklużi emissjonijiet ta’ NOx) fi stadju preċedenti, bħas-sistema tal-EGR, u kemm dawk li jippermettu li jiġu ttrattati u mnaqqsa fi stadju sussegwenti, wara l-ħolqien tagħhom.

 Fuq it-tielet domanda preliminari

108. It-tielet domanda preliminari tinkludi tliet partijiet: ser nitratta t-tieni parti meta neżamina r-raba’ domanda preliminari fit-taqsima li jmiss ta’ dawn il-konklużjonijiet.

109. L-ewwel u t-tielet parti jikkonċernaw – essenzjalment – il-kwistjoni ta’ jekk il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li apparat li jidentifika kull parametru marbut mal-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ approvazzjoni previsti minn dan ir-regolament, sabiex jattiva jew jimmodula billi jiżdied, matul dawn il-proċeduri, il-funzjonament ta’ kull parti tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, u b’hekk jikseb l-approvazzjoni tal-vettura, jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u dan minkejja li l-attivazzjoni billi jiżdied il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tista’ titwettaq b’mod ad hoc, meta l-kundizzjonijiet preċiżi li jkollhom l-effett li jagħtu bidu lil din l-attivazzjoni jkunu preżenti f’ċirkulazzjoni reali.

110. Fil-fehma tiegħi, din id-domanda teħtieġ risposta fl-affermattiv.

111. “Apparat ta’ manipulazzjoni” huwa element ta’ disinn li jidentifika diversi parametri (temperatura, veloċità tal-vettura, eċċ) sabiex jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ kull parti ta’ sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, u li jnaqqas l-effettività ta’ din is-sistema, f’kundizzjonijiet li wieħed jista’ raġonevolment jistenna li jseħħu matul il-funzjonament normali u matul l-użu normali ta’ vettura.

112. Il-kumpannija X tinvoka żewġ argumenti sabiex tirribatti tali klassifikazzjoni f’dan il-każ.

113. Permezz tal-ewwel argument tagħha, hija ssostni li s-sistema tal-EGR ma tikkostitwixxix sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u li, għaldaqstant, element ta’ disinn li jimmodula l-funzjonament tas-sistema tal-EGR ma jistax jiġi kklassifikat bħala “apparat ta’ manipulazzjoni”. Fid-dawl tar-risposta li qiegħda nipproponi li tingħata għat-tieni domanda preliminari, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Jiena għalhekk mhux ħa nindirizza iktar dan is-suġġett.

114. It-tieni argument tagħha huwa s-segwenti: l-apparat ta’ manipulazzjoni li jimmanipula billi jżid il-funzjonament ta’ sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet matul testijiet f’laboratorju (bħat-testijiet NEDC) ma jnaqqasx l-effettività tal-imsemmija sistema. Hija biss il-modulazzjoni magħmula matul l-użu normali ta’ vettura li tippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni.

115. Fil-fehma tiegħi, dan l-argument huwa kemm qarrieqi u kemm infondat, kemm fuq livell fattwali u kemm fuq livell legali.

116. Fuq livell fattwali, mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mir-rapport perizjali jirriżulta li s-sistema tal-EGR taħdem skont żewġ modi, ikkontrollati mis-softwer kontenzjuż. Meta ċ-ċiklu karatteristiku tat-test ta’ approvazzjoni jiġi identifikat, is-sistema tal-EGR tgħaddi fil-“mod 1”. Fl-assenza ta’ dan, meta jidentifika l-assenza tal-kundizzjonijiet karatteristiċi tat-test ta’ approvazzjoni, is-sistema tmur fuq il-“mod 0”.

117. Fil-mod 1, il-valv tal-EGR ikollu livell ta’ ftuħ ikbar u jippermetti lill-vettura tosserva l-limitazzjonijiet regolamentari f’termini ta’ emissjonijiet ta’ NOx. Għall-kuntrarju, fil-mod 0 (jiġifieri, fil-prattika, il-mod li jipprevali fil-kundizzjonijiet ta’ sewqan reali), il-valv tal-EGR ma jkunx iddiżattivat kompletament, iżda l-ftuħ tiegħu ikun limitat. Tali modulazzjoni twassal għal emissjonijiet ta’ NOx ferm superjuri għal dawk li jidhru fil-fażi tat-test (40) u, fi kwalunkwe każ, għal riżultat li ma huwiex konformi mal-limiti ffissati mir-Regolament Nru 715/2007 (41).

118. Kif irrilevaw ġustament il-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż, huwa għalhekk manifest li l-apparat inkwistjoni “jimmodula” l-funzjonament ta’ parti mis-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, peress li jvarja l-livell ta’ emissjonijiet skont l-identifikazzjoni ta’ diversi parametri ddefiniti minn qabel, billi jgħaddi minn mod għal ieħor.

119. Fi kliem ieħor, bl-għażla prestabbilita għall-mod 0 f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vettura, il-proċess implimentat għandu l-effett li jimmodula billi jnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet. Il-fatt li dan il-proċess iwassal għal attivazzjoni ikbar fil-każ biss li jiġu identifikati l-kundizzjonijiet speċifiċi tat-test ta’ approvazzjoni ma għandu ebda impatt fuq din il-konstatazzjoni.

120. Fuq livell legali, għandu jiġi kkonstatat li barra minn hekk it-teżi difiża mill-kumpannija X ma hijiex konformi la mat-test, la mal-kuntest u lanqas mal-għan tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007.

121. Fil-fatt, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma hijiex ibbażata fuq dikotomija bejn il-fażi tat-testijiet imwettqa għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura u l-perijodu sussegwenti ta’ użu normali tal-vettura. L-approvazzjoni tal-vetturi bil-magna hija bbażata fuq proċeduri ta’ test li għandhom, sa fejn ikun possibbli, jikkorrispondu għal dak li ser ikun l-użu normali futur tal-vettura, wara t-tqegħid tagħha fis-suq. It-test huwa mistenni li jirriproduċi ex ante l-kundizzjonijiet reali ta’ sewqan li l-vettura ser tiltaqa’ magħhom matul l-użu normali tagħha.

122. Il-metodu ta’ test NEDC jikkostitwixxi b’xi mod jew ieħor traġitt teoretiku, li jiġbor fil-qosor (b’mod skematiku) dawn il-“kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”. Id-diżattivazzjoni parzjali jew kompleta ta’ sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, ipprogrammata sabiex tapplika sistematikament meta ma jkunx hemm dan it-traġitt teoretiku, twassal neċessarjament għal tnaqqis tal-effettività ta’ din is-sistema f’kundizzjonijiet ta’ użu normali. Din id-diżattivazzjoni artifiċjali tista’ twassal biss għal ksur tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007.

123. Għaldaqstant, ma hemmx bażi testwali insostenn tal-pożizzjoni li qiegħda tiġi difiża mill-kumpannija X.

124. Barra minn hekk, fuq livell kuntestwali, għandu jsir riferiment ukoll għall-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 715/2007: dan jistabbilixxi l-obbligu li tiġi ggarantita limitazzjoni effettiva tal-emissjonijiet mill-pajp tal-egżost matul il-ħajja normali kollha tal-vetturi u dan f’kundizzjonijiet ta’ użu normali (42). Apparat li l-uniku għan tiegħu jkun li jiżgura l-osservanza tal-limiti regolamentari matul testijiet imwettqa f’laboratorju jmur de facto kontra dan l-obbligu. Ir-rapport perizjali huwa ċar f’dan is-sens: skont l-espert, “fl-ispirtu tal-liġi, is-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet għandhom ikunu operazzjonali matul il-funzjonament normali tal-vettura” (43). Jekk tintlaqa’ l-pożizzjoni tal-kumpannija X, dan iwassal sabiex “jiġi ammess li l-intenzjoni tal-leġiżlazzjoni ma hijiex li jitnaqqsu l-emissjonijiet inkwinanti kuljum […] iżda biss li t-teknoloġiji jiġu suġġetti għal testijiet sabiex jgħaddu minn livell” (44). Huwa evidenti li tali interpretazzjoni ma tkunx konformi mal-loġika sistemika tar-Regolament Nru 715/2007.

125. Ir-riflessjoni magħmula mill-perit twassalni naturalment għall-aspett teleoloġiku tal-kwistjoni: fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 715/2007 (kif esposti fil-punti 104 u 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ma hemm ebda dubju li t-teżi difiża mill-kumpannija X twassal għal limitazzjoni mhux ġustifikata tal-effett utli tar-Regolament Nru 715/2007 u tal-projbizzjoni fir-rigward tal-apparat imsemmi fil-punt 10 tal-Artikolu 3 u fl-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament.

126. Finalment, bħalma jagħmlu l-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż, inqis li l-fatt li l-modulazzjoni billi jiżdied il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tista’ titwettaq ad hoc fl-okkażjoni tal-użu normali tal-vettura huwa irrilevanti. Kif osservat il-Kummissjoni, il-probabbiltà li sseħħ tali koinċidenza hija inkredibbilment żgħira (fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tat-test NEDC). L-osservanza, mill-vettura, tal-limiti ffissati mir-regolament inkwistjoni għandha tkun ir-regola matul l-użu normali tagħha, u mhux eċċezzjoni marbuta mal-eżistenza aċċidentali ta’ kundizzjonijiet analogi għal dawk tat-testijiet ta’ approvazzjoni.

127. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li r-risposta għat-tielet domanda għandha tiġi fformulata bil-mod segwenti: il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat li jidentifika kull parametru marbut mal-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ approvazzjoni previsti minn dan l-istess regolament, bil-għan li jattiva jew jimmodula billi jiżdied, matul dawn il-proċeduri, il-funzjonament ta’ kull parti mis-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, u b’hekk bil-għan li jikseb l-approvazzjoni tal-vettura, jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk il-modulazzjoni billi jiżdied il-funzjonament ta’ din is-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tista’ titwettaq ad hoc meta l-kundizzjonijiet preċiżi li jattivawha jkunu preżenti b’mod aleatorju f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vettura.

 Fuq ir-raba’ domanda preliminari

128. Permezz tal-punt b) tat-tielet domanda, kif ukoll permezz tar-raba’ domanda (li min-naħa tagħha fiha tliet partijiet), il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-legalità ta’ apparat ta’ manipulazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni ta’ jekk tali apparat jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. Il-qorti tar-rinviju, b’mod iktar preċiż, tixtieq li jiġi ddeterminat jekk il-fatt li jitnaqqas il-proċess li bih tiqdiem jew tinstadd il-magna jistax jitqies li jagħmel parti mir-raġunijiet imperattivi marbuta mal-“protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti” jew mat-“tħaddim fis-sigurtà tal-vettura” fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament u b’hekk jiġġustifika l-preżenza tal-imsemmi apparat ta’ manipulazzjoni.

129. Infakkar li l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet huwa pprojbit u li din il-projbizzjoni fuq livell ta’ prinċipju hija suġġetta għal tliet eċċezzjonijiet biss, jiġifieri meta: a) il-bżonn tal-apparat ikun iġġustifikat f’termini ta’ protezzjoni tal-magna kontra l-ħsara jew inċident u għall-funzjonament fis-sigurtà tal-vettura; b) l-apparat ma jaħdimx għajr għall-ħtiġijiet tal-istartjar tal-magna; jew c) il-kundizzjonijiet ikunu sostanzjalment inklużi fil-proċeduri ta’ eżami sabiex jiġu vverifikati l-emissjonijiet permezz tal-evaporazzjoni u l-emissjonijiet permezz tal-pajp tal-egżost.

130. Fid-dawl tal-punti ta’ fatt esposti iktar ’il fuq, l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2)(b) u (c) huma manifestament irrilevanti f’din il-kawża.

131. Min-naħa l-oħra, għandha tiġi analizzata l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, li tippermetti li tiġi ġġustifikata l-preżenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni meta dan ikun meħtieġ sabiex il-magna tiġi protetta kontra l-ħsara jew kontra inċidenti u sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament fis-sigurtà tal-vettura.

132. Għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett sabiex ir-regoli ġenerali ma jiġux imċaħħda mis-sustanza tagħhom (45). F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet ma tistax tmur lil hinn mill-każijiet previsti b’mod espliċitu mid-dispożizzjoni inkwistjoni (46).

133. Għaldaqstant, nibda billi neskludi mill-ewwel l-argument ippreżentat mill-kumpannija X fis-sens li għandha tingħata interpretazzjoni jew applikazzjoni “wiesgħa” tal-eċċezzjoni inkwistjoni (47).

134. F’din il-kawża għandha tingħata interpretazzjoni tal-kliem “inċident” u “ħsara”. Fil-fehma tiegħi, il-portata ta’ dawn iż-żewġ kelmiet tista’ tinstilet minn qari letterali u teleoloġiku tagħhom.

135. Fuq livell letterali, nosserva li b’mod komuni huwa aċċettat li l-kelma “inċident” tirreferi għal avveniment mhux previst u li jseħħ f’daqqa u li jimplika ħsarat jew perikoli, inklużi korrimenti jew mewt (48). Min-naħa tagħha, il-kelma “ħsara” tirreferi għal dannu li jirriżulta ġeneralment minn kawża vjolenti jew li sseħħ f’daqqa (49). Il-kliem “accident” u “damage” użat fil-verżjoni bl-Ingliż tar-Regolament Nru 715/2007 ma jikkontradixxux, fil-fehma tiegħi, din l-aċċettazzjoni (50).

136. Meta l-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun ċara u preċiża, wieħed għandu joqgħod fuqha (51).

137. Għalhekk, apparat ta’ manipulazzjoni jista’ jkun iġġustifikat, skont l-Artikolu 5(2)(a) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq, fil-każ biss li jirriżulta neċessarju sabiex jipproteġi l-magna milli jseħħu danni f’daqqa.

138. Fil-fehma tiegħi, għandha għalhekk tiġi miċħuda l-interpretazzjoni estensiva tal-Gvern Taljan fis-sens li l-kunċett ta’ “ħsara” għandu jiġi estiż b’mod li jinkludi t-tkagħbir bl-użu, it-telf ta’ effiċjenza jew it-telf tal-valur patrimonjali tal-vettura li jirriżulta mill-proċess li bih il-magna tiqdiem jew tinstadd progressivament.

139. Kif irrilevaw ġustament il-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż, il-proċess li bih tiqdiem u tinstadd il-magna jew parti mill-magna huwa r-riżultat inevitabbli tal-użu normali ta’ vettura. Dawn huma effetti ordinarji u prevedibbli tal-akkumulazzjoni progressiva ta’ impuritajiet fil-magna, matul il-ħajja normali kollha tal-vettura, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali – effetti li barra minn hekk jistgħu jiġu attenwati permezz ta’ manteniment regolari, ippjanat fuq perijodu twil. Dawn għalhekk la huma inċidenti, la huma ħsara u lanqas ma huma perikoli għall-funzjonament fis-sigurtà tal-vettura.

140. Ngħaddi issa għall-aspett teleoloġiku tad-domanda. Fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament Nru 715/2007 u, b’mod partikolari, tal-għan tal-protezzjoni tal-ambjent u tat-titjib tal-kwalità tal-ajru fi ħdan l-Unjoni (52), l-interpretazzjoni estensiva difiża mill-Gvern Taljan ma tista’ tiġi ġġustifikata bl-ebda mod.

141. Din l-interpretazzjoni ġġib fix-xejn is-sustanza tar-regola ġenerali (fi kliem ieħor, il-projbizzjoni tal-apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet).

142. Fil-fatt, il-manifatturi ta’ vetturi għandhom jiżguraw li dawn tal-aħħar josservaw il-limiti ffissati mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-emissjonijiet, matul il-funzjonament normali tagħhom (53), u għandhom jiżguraw li dawn il-vetturi jaħdmu b’mod sigur, filwaqt li josservaw dawn il-limiti. Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-funzjonament ta’ sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet jista’ jaffettwa b’mod negattiv (fuq perijodu twil) it-tul tal-ħajja jew l-affidabbiltà tal-magna, dan il-fatt bl-ebda mod ma jiġġustifika li wieħed jiddiżattiva l-imsemmija sistema matul il-funzjonament normali tal-vettura, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali, bis-sempliċi għan li l-magna tiġi protetta mill-proċess li bih tiqdiem jew tinstadd b’mod progressiv.

143. Fi kliem ieħor, huwa diffiċli li l-interpretazzjoni ppreżentata (f’din il-kawża) mill-Gvern Taljan tiġi aċċettata għaliex twassal sabiex il-projbizzjoni msemmija iktar ’il fuq tiġi mċaħħda minn kull effett utli u b’mod kompletament evidenti tmur kontra l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li hija li jiġi żgurat it-tnaqqis tal-emissjonijiet inkwinanti bl-iffissar ta’ limiti li għandhom jiġu osservati matul l-użu normali ta’ kull vettura mqiegħda fis-suq.

144. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni timplika de facto li l-interessi ekonomiċi (bħaż-żamma tal-valur tal-bejgħ mill-ġdid tal-vettura) jipprevalu fuq is-saħħa pubblika (54). Dan ir-riżultat imur kontra l-formulazzjoni u l-ispirtu tar-Regolament Nru 715/2007 (55).

145. X’konklużjoni għandha tinstilet minn dan f’din il-kawża?

146. Fil-fehma tiegħi, huma biss ir-riskji immedjati ta’ ħsarat li jaffettwaw l-affidabbiltà tal-magna u li jikkawżaw perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura li huma ta’ natura li jiġġustifikaw il-preżenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni.

147. Hija l-qorti tar-rinviju – li hija l-unika qorti li tiddeċiedi dwar il-fatti – li għandha tistabbilixxi jekk l-apparat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax fil-limiti tal-eċċezzjoni analizzata iktar ’il fuq (56).

148. Madankollu, jidhirli f’loku li nirrileva li, skont ir-rapport perizjali, is-sistema tal-EGR “ma teqridx il-magna” (57). Madankollu, din is-sistema tista’ tnaqqas ir-rendiment tal-magna bl-użu u tista’ tħaffef il-proċess li bih jinġema’ ħmieġ fil-magna, li jista’ jagħmel l-operazzjonijiet ta’ manteniment “iktar frekwenti u b’iktar spejjeż” (58). Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, jidhirli li l-apparat ta’ manipulazzjoni inkwistjoni ma huwiex meħtieġ sabiex il-magna tiġi protetta kontra inċidenti jew ħsara u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament fis-sigurtà tal-vettura.

149. Ir-risposta għall-punt b) tat-tielet domanda u għar-raba’ domanda preliminari għandha għalhekk tiġi fformulata kif ġej: l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan li jitnaqqas il-proċess li bih magna tiqdiem jew tinstadd ma jiġġustifikax l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Konklużjonijiet

150. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għad-domandi magħmula mill-vice-président chargé de l’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Viċi President Responsabbli għall-Istruttorja tal-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza)

1)      L-ewwel domanda preliminari

Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi għandu jiġi interpretat fis-sens li programm integrat fil-kalkolatur ta’ kontroll tal-magna jew, b’mod iktar ġenerali, li jaġixxi fuq dan il-kalkolatur jista’ jitqies li huwa element ta’ disinn fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kemm‑il darba jkun jagħmel parti integrali mill-imsemmi kalkolatur.

2)      It-tieni domanda preliminari

Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet” jinkludi kemm it-teknoloġiji, l-istrateġiji u l-partijiet mekkaniċi jew informatiċi li jippermettu li jitnaqqsu l-emissjonijiet (inklużi emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu) fi stadju preċedenti, bħas-sistema tar-riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-egżost, u kemm dawk li jippermettu li jiġu ttrattati u mnaqqsa fi stadju sussegwenti, wara l-ħolqien tagħhom.

3)      It-tielet domanda preliminari

Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat li jidentifika kull parametru marbut mal-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ approvazzjoni previsti minn dan l-istess regolament, bil-għan li jattiva jew jimmodula billi jiżdied, matul dawn il-proċeduri, il-funzjonament ta’ kull parti mis-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, u b’hekk bil-għan li jikseb l-approvazzjoni tal-vettura, jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk il-modulazzjoni billi jiżdied il-funzjonament ta’ din is-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tista’ titwettaq ad hoc meta l-kundizzjonijiet preċiżi li jattivawha jkunu preżenti b’mod aleatorju f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vettura.

4)      Ir-raba’ domanda preliminari

L-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan li jitnaqqas il-proċess li bih magna tiqdiem jew tinstadd ma jiġġustifikax l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1).


3      Domandi preliminari analogi kienu magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C‑690/18, C‑691/18 u C‑692/18, li bħalissa huma pendenti fl-istennija tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża.


4      Dan ir-regolament ġie adottat bis-saħħa tal-Ftehim dwar l-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet uniformi ta’ approvazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjoni għal tagħmir u partijiet ta’ vetturi bil-mutur, konkluż f’Genève fl‑20 ta’ Marzu 1958 (ftehim li t-titolu tiegħu ġie sussegwentement emendat fi “Ftehim dwar l-adozzjoni ta’ preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għal vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jiġu użati fuq vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku ta’ l-approvazzjoni mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet”). L-imsemmi regolament huwa s-suġġett ta’ aġġornamenti regolari. Hawnhekk qiegħda nikkwota minn verżjoni ppubblikata fl‑2006 (ĠU 2006, L 375, p. 234, rettifika fil-ĠU 2007, L 70, p. 171) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 83 (KEE-NU)”). Ninnota li, f’verżjoni ulterjuri (ĠU 2015, L 172, p. 1), il-punt 2.16 ta’ dan ir-regolament isemmi, “sistema ta’ kontra t-tniġġis”, minflok “sistema li tikkontrolla l-emissjonijiet”.


5      L-Unjoni hija marbuta minn dan l-istrument: ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


6      Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 1997 bil-għan tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet liema jistgħu jkunu ffittjati u/jew ikunu użati ma’ vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (Ftehim Rivedut tal-1958) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 27, p. 52, rettifika fil-ĠU 2012, L 188, p. 19).


7      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU 2007, L 263, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1060/2008 tas‑7 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 292, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2007/46”). Ara wkoll il-premessa 3 tar-Regolament Nru 1060/2008, li ssemmi b’mod espliċitu r-Regolament Nru 83 (KEE-NU).


8      Regolament tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU 2008, L 199, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 336, p. 68).


9      OBD huwa l-akronimu tal-espressjoni Ingliża “on-board diagnostics”.


10      Sat‑18 ta’ Marzu 2014, ksur ta’ dan l-artikolu kien suġġett għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sentejn u għal multa ta’ mhux iktar minn EUR 35 000 jew għal waħda biss minn dawn iż-żewġ pieni. Mid‑19 ta’ Marzu 2014 sat‑30 ta’ Ġunju 2016, ksur ta’ dan l-artikolu kien suġġett għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sentejn u għal multa ta’ EUR 300 000. Barra minn hekk, l-imsemmi artikolu jipprevedi li “l-ammont tal-multa jista’ jiżdied, b’mod proporzjonali għall-vantaġġi meħuda mill-ksur, sa 10 % tad-dħul mill-bejgħ medju annwali, ikkalkulat fuq id-dħul mill-bejgħ annwali iġġenerat fl-aħħar tliet snin li jkun magħruf fid-data tal-fatti”.


11      Fil-verżjoni tiegħu applikabbli sat‑18 ta’ Marzu 2014, l-Artikolu L.213‑2 tal-Kodiċi tal-Konsumatur kien jipprevedi l-possibbiltà li tiġi rdoppjata l-piena prevista fl-Artikolu L 213‑1. Mid‑19 ta’ Marzu 2014 sat‑30 ta’ Ġunju 2016, il-pieni normalment previsti setgħu jiżdiedu għal seba’ snin ta’ priġunerija u għal multa ta’ EUR 750 000 (inkluż fil-każ li jkun hemm tentattiv ta’ reat). Il-multa wkoll setgħet tiżdied, b’mod proporzjonali għall-vantaġġi meħuda mill-ksur, sa 10 % tad-dħul mill-bejgħ medju annwali, ikkalkolat fuq id-dħul mill-bejgħ annwali iġġenerat fl-aħħar tliet snin li jkun magħruf fid-data tal-fatti.


12      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kumpannija X irrifjutat li tgħaddi lill-investigaturi l-kodiċi sors ikkonċernat, filwaqt li invokat “raġunijiet ta’ kunfidenzjalità”.


13      Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għal iktar preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward.


14      Ara l-paġna 76 tar-rapport perizjali.


15      Hawnhekk qiegħda nirreferi għall-formulazzjoni tal-aħħar parti tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007.


16      Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Minn dak iż-żmien, it-testijiet fil-laboratorji ġew immodernizzati u kkompletati bi proċedura ta’ eżami oħra għall-kejl tal-emissjonijiet f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali (bl-Ingliż “real driving missions” jew “RDE”).


17      Matul is-seduta, l-avukat tal-partijiet A et madankollu deher li kien qiegħed jirtira din l-affermazzjoni meta indika li ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari u li l-klassifikazzjoni bħala “apparat ta’ manipulazzjoni” kienet issaħħaħ il-karatterizzazzjoni tal-ksur kriminali, filwaqt li ma kinitx intrinsikament neċessarja għall-istabbiliment tal-eżistenza tal-imsemmi ksur.


18      Il-kumpannija X tikkontesta, f’dan ir-rigward, li wieħed jista’ jinvoka nota legali stabbilita fuq talba tagħha mill-uffiċċju ta’ avukati Freshfields Bruckhaus Deringer, f’Diċembru 2015 – nota li ntbagħtet lill-investigaturi qabel il-ftuħ formali tal-istruttorja ġudizzjarja u li kienet intiża li turi għaliex is-sistema tal-EGR ma setgħetx titqies li hija “apparat ta’ manipulazzjoni”.


19      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Digriet tal‑15 ta’ Jannar 2004, Saetti u Frediani (C‑235/02, EU:C:2004:26, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Čepelnik (C‑33/17, EU:C:2018:896, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2009, Roda Golf & Beach Resort (C‑14/08, EU:C:2009:395, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li kawża kriminali tkun fl-istadju tal-istruttorja ma jipprekludix li l-qorti adita tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja: ara d-digriet tal‑15 ta’ Jannar 2004, Saetti u Frediani (C‑235/02, EU:C:2004:26, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal żviluppi iktar iddettaljati ara wkoll: Von Bardeleben, E., Donnat, F. u Siritzky, D., La Cour de justice de l’Union européenne et le droit du contentieux européen, La Documentation française, Pariġi, 2012, p. 179 u 180.


25      Il-korsiv huwa miżjud minni.


26      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express (C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Din l-affermazzjoni tinsab fil-paġna 65 tar-rapport perizjali (il-korsiv huwa miżjud minni). Nosserva, għal kull fini utli, li din l-affermazzjoni ma ġietx ikkontestata mill-kumpannija X.


28      Ara l-paġna 66 (punt 8.5) tar-rapport perizjali.


29      F’dan ir-rigward, il-fatt li, filwaqt li tnaqqas b’mod sostanzjali l-volum ta’ NOx, l-attivazzjoni tal-valv tal-EGR tista’ żżid b’mod marġinali tipi oħra ta’ emissjonijiet (monossidu tal-karbonju jew partikuli) huwa irrilevanti: nirreferi hawnhekk għad-data fil-forma ta’ ċifri msemmija fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Il-kumpannija X sostniet ukoll li, għal finijiet ta’ prevedibbiltà, kellha tingħata interpretazzjoni restrittiva, u dan għaliex il-proċedura (ineżami) hija intiża li tistabbilixxi ksur kriminali. Kif osservajt fil-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan l-aspett huwa irrilevanti: ir-Regolament Nru 715/2007 ma jinkludi ebda dispożizzjoni kriminali.


31      Fil-fehma tiegħi, is-sistema tal-EGR taqa’ kemm taħt il-kategorija usa’ ta’ “komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet” (imsemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 715/2007) u kemm taħt dik, iktar limitata, tas-“sistemi tal-kontroll ta’ l-emissjonijiet” (fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007). Barra minn hekk, is-sistema tal-EGR tikkostitwixxi wkoll apparat għall-kontroll tat-tniġġis, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, jiġifieri komponent ta’ vettura li jikkontrolla u/jew jillimita l-emissjonijiet mill-pajp tal-egżost (u dan jispjega, pereżempju, għalfejn is-sistema tal-EGR tissemma fil-punt 3.3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 692/2008). Fil-leġiżlazzjoni li eżaminajt ma hemm xejn li jippermetti li jitqies li element partikolari ma jistax, simultanjament, jaqa’ taħt diversi kategoriji (“komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet”, “apparat għall-kontroll tat-tniġġis” u “sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet”, f’dan il-każ).


32      Ara wkoll il-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet: il-gassijiet li jiċċirkulaw permezz tas-sistema tal-EGR huma (fl-aħħar mill-aħħar) mormija fl-atmosfera.


33      Nosserva wkoll li, fil-verżjoni bil-Franċiż ta’ dan l-istess regolament adottata fl-2015, il-kliem “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet” ġie ssostitwit bil-kliem “sistema ta’ kontra t-tniġġis”. Din il-bidla, li ma hijiex neċessarjament riflessa b’mod ekwivalenti fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, timmilita wkoll, fil-fehma tiegħi, favur interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett. Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Fil-fatt, dan huwa regolament adottat mill-Kummissjoni sabiex timplimenta ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007 (jiġifieri l-Artikoli 4, 5 u 8 tiegħu).


35      Qiegħda nirreferi għall-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-kumpannija X.


36      Bħala eżempju, nirrileva li dan huwa wkoll il-każ fil-verżjoni bit-Taljan (li tinkludi l-kliem “del sistema di scarico”), fil-verżjoni bl-Ispanjol (“del sistemade escape”) jew ukoll fil-verżjoni bil-Pollakk (fejn il-kelma “układu” tindika l-ġenitiv u mhux il-lokativ) tar-regolament inkwistjoni. Korsiv miżjud minni.


37      Korsiv miżjud minni.


38      Din l-espressjoni tinsab ukoll fil-verżjoni bil-Ġermaniż tar-Regolament Nru 692/2008, li tinkludi l-kliem “im Abgas- oderVerdunstungssystem”. Korsiv miżjud minni.


39      Il-verżjoni bil-Ġermaniż tar-Regolament Nru 715/2007 tirreferi għall-“Auspuffemissionen”.


40      Ir-rapport perizjali jsemmi “żieda b’fattura ta’ 3 tal-emissjonijiet ta’ NOx, li jmur ferm lil hinn mill-marġni ta’ żball fil-kejl u l-protokoll implimentat”; ara l-paġna 74 tar-rapport perizjali.


41      Ibidem.


42      Ara wkoll l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 715/2007, li jsemmi l-“użu normali” tal-vetturi.


43      Ara l-paġna 75 tar-rapport perizjali.


44      Ibidem.


45      Sentenza tat‑22 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑346/08, EU:C:2010:213, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 24) u tal‑5 ta’ Marzu 2015, CopydanBåndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Skont il-kumpannija X, din l-interpretazzjoni (jew applikazzjoni) wiesgħa għandha tiġi ffavorita għaliex l-eċċezzjoni msemmija iktar ’il fuq “ma teħtieġx li tintuża l-aħjar teknoloġija disponibbli u […] għandha tingħata interpretazzjoni każ b’każ iktar milli tifsira astratta”. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-eċċezzjoni inkwistjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-ħtieġa (jew għall-assenza ta’ ħtieġa) li tintuża l-“aħjar teknoloġija disponibbli”. Sa fejn tistabbilixxi regola ta’ applikazzjoni ġenerali, din l-eċċezzjoni għandu neċessarjament ikollha portata normattiva u astratta. Għaldaqstant, l-argument invokat mill-kumpannija X huwa ineffettiv.


48      Fir-rigward tat-tifsira aċċettata ta’ din il-kelma fil-lingwa Franċiża, ara d-dizzjunarju Le Petit Robert, Société du Nouveau Littré, Pariġi, 1973, sub voce “Accident”.


49      Fir-rigward tat-tifsira aċċettata ta’ din il-kelma fil-lingwa Franċiża, ara d-dizzjunarju Le Petit Robert, Société du Nouveau Littré, Pariġi, 1973, sub voce “Dégât”.


50      B’hekk, fl-Ingliż, il-kelma “damage” tista’ tiġi ddefinita hekk: “physical harm that impairs the value, usefulness, or normal function of something” (ara, f’dan is-sens, Oxford Dictionary of English, OUP, 2016). Fl-istess dizzjunarju, il-kelma “accident” hija ddefinita hekk: “An unfortunate incident that happens unexpectedly and unintentionally, typically resulting in damage or injury. An event that happens by chance or that is without apparent or deliberate cause.


51      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2005, BĊE vs Il‑Ġermanja (C‑220/03, EU:C:2005:748, punt 31).


52      Ara l-punti 104 u 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      Ara wkoll il-punti 50 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54      Bħala prinċipju, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika għandha tingħata importanza ikbar minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi: ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 1997, Affish (C‑183/95, EU:C:1997:373, punt 43).


55      Nirrileva li l-interpretazzjoni li qiegħda nipproponi hija simili għal dik adottata llum ’il ġurnata mill-Kummissjoni fl-Avviż tagħha C(2017) 352 final tas‑26 ta’ Jannar 2017 (Gwida dwar l-evalwazzjoni tal-Istrateġiji Awżiljarji għall-Kontroll tal-Emissjonijiet u l-preżenza ta’ Tagħmir ta’ Riduzzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward talemissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6)). Madankollu, l-avviż imsemmi iktar ’il fuq ma għandux effett vinkolanti u (bħala tali) ma jistax iservi ta’ bażi għall-ħidma ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali jippreċedu l-adozzjoni ta’ dan l-avviż. Fil-fehma tiegħi, għalhekk, ma hemmx lok li dan l-avviż jittieħed inkunsiderazzjoni f’din il-kawża.


56      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali: ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Dodič (C‑194/18, EU:C:2019:385, punt 45).


57      Ara l-paġni 74 u 75 tar-rappport perizjali.


58      Ara l-paġna 76 tar-rapport perizjali.