Language of document : ECLI:EU:C:2020:1040

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

17 ta’ Diċembru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Il-punt 10 tal-Artikolu 3 – Artikolu 5(2) – Apparat ta’ manipulazzjoni – Vetturi bil-mutur – Magna diesel – Emissjonijiet ta’ inkwinanti – Programm li jaġixxi fuq il-kalkolatur li jikkontrolla l-magna – Teknoloġiji u strateġiji li jippermettu li tiġi limitata l-produzzjoni tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti”

Fil-Kawża C‑693/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-juges d’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Qrati Istruttorji tal-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ottubru 2018, fil-proċeduri kriminali kontra

X,

fil-preżenza ta’:

CLCV et,

A et,

B,

AGLP et,

C et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, A. Kumin, T. von Danwitz u P. G. Xuereb (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Giacobbo, Amministrattriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Novembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal X, minn D. Lecat, P. Benson u J. Philippe, avocats, kif ukoll minn R. B. A. Wollenschläger, Rechtsanwalt,

–        għal A et, minn C. Constantin-Vallet, avocat,

–        għal B, minn P. Peuvrel u X. Leuck, avocats,

–        għal AGLP et, minn F. Sartre, avocat,

–        għal C et, minn J. Bensaid u F. Verdier, avocats,

–        għall-Gvern Franċiż, inizjalment minn D. Colas, J. Traband, E. Leclerc u A.‑L. Desjonquères, sussegwentement minn J. Traband, E. Leclerc u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello u P. Pucciariello, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.‑F. Brakeland, M. Huttunen u A. C. Becker, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 10 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra l-kumpannija X, manifattur ta’ vetturi bil-mutur, talli qiegħdet fis-suq Franċiż vetturi bil-mutur mgħammra b’softwer li jista’ jimmodifika s-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ gassijiet inkwinanti skont il-kundizzjonijiet ta’ sewqan li huwa jidentifika.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Ir-Regolament Nru 83 tal-KEE/NU

3        Ir-Regolament Nru 83 tal-Kummissjoni Ekonomika Ewropea tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) – Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward ta’ l-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu skond ir-rekwiżiti tal-fjuwil tal-magna (ĠU 2006, L 375, p. 234, rettifika fil-ĠU 2007, L 70, p. 171), jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur.

4        Il-punt 2.16 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

2.16      ‘Mekkaniżmu ta’ diżattivazzjoni’ tfisser kwalunkwe element tad-disinn li jissensja t-temperatura, il-veloċità tal-vettura, il-veloċità ta’ kemm tgħaqqad il-magna, il-ger tat-trażmissjoni, il-vakwu tal-manifold jew xi parametru ieħor bil-għan li jattiva, jirregola, jirritardja jew jiddiżattiva l-operazzjoni ta’ xi parti mis-sistema li tikkontrolla l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effikaċità tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kundizzjonijiet li wieħed mistenni jiltaqa’ magħhom meta l-vettura qed taħdem u tintuża’ b’mod normali. Dak l-element tad-disinn jista’ ma jitqiesx mekkaniżmu ta’ diżattivazzjoni jekk:

2.16.1.      il-bżonn għall-mekkaniżmu hu ġustifikat f’kemm jipproteġi l-magna mill-ħsarat jew l-inċidenti u biex il-vettura taħdem b'mod sikur, jew

2.16.2.      il-mekkaniżmu ma jiffunzjonax aktar mir-rekwiżiti biex tistartja l-magna, jew

2.16.3.      il-kundizzjonijiet huma sostanzjalment inklużi fil-proċeduri tat-test tat-Tip I jew tat-Tip VI.”

5        Mill-punt 7.3.1.2 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE jirriżulta li r-riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost (Exhaust Gas Recirculation (EGR)) jinsab fost il-parametri tas-sistema ta’ kontra t-tniġġis.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Deċiżjoni 97/836/KE

6        Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas‑27 ta’ Novembru 1997 bil-għan tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet liema jistgħu jkunu ffittjati u/jew ikunu użati ma’ vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (Ftehim Rivedut tal‑1958) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 27, p. 52, rettifika fil-ĠU 2012, L 188, p. 19), il-Komunità Ewropea aderixxiet għal dan il-ftehim.

7        Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni:

“Skond l-Artikolu 1(5) tal-Ftehim Rivedut, il-Komunità għandha tgħid li l-adeżjoni tagħha ħa tkun ristretta għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti UN/ECE mniżżlin fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.”

8        Fost ir-regolamenti NU/KEE elenkati f’dan l-Anness II hemm ir-Regolament Nru 83 NU/KEE.

 Id-Direttiva Qafas

9        Skont il-premessa 11 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (ĠU 2007, L 263, p. 1), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1060/2008 tas‑7 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 292, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”):

“[…] ir-Regolamenti tal-Kummissjoni Ekomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) li għalihom taderixxi l-Komunità fl-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni, u l-emendi għar-Regolamenti ta’ l-UNECE li għalihom il-Komunità diġà aderixxiet għandhom ikunu inkorporati fil-proċedura Komunitarja ta’ l-approvazzjoni tat-tip bħala ħtiġijiet għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE tal-vetturi jew bħala alternattivi għal-liġi Komunitarja eżistenti. […]”

10      L-Artikolu 34(1) ta’ din id-direttiva qafas jipprevedi:

“Regolamenti UNECE li għalihom aderixxiet il-Komunità u li huma elenkati fl-Anness IV, Parti I u fl-Anness XI huma parti mill-approvazzjoni tat-tip tal-KE għal vettura taħt l-istess termini bħad-direttivi jew regolamenti separati. Huma għandhom japplikaw għall-kategoriji ta’ vetturi elenkati fil-kolonni rilevanti fit-tabella ta’ l-Anness IV, Parti I u l-Anness XI.”

11      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(1) tal-imsemmija direttiva qafas jiddisponi:

“Ir-Regolamenti UNECE elenkati fil-parti II ta’ l-Anness IV huma rikonoxxuti bħala li huma ekwivalenti għad-Direttivi jew ir-Regolamenti separati korrispondenti bl-istess mod kif huma jikkondividu l-istess kamp ta’ applikazzjoni u suġġett.”

12      Ir-Regolament Nru 83 NU/KEE jinsab fl-Anness IV tad-Direttiva Qafas.

 Ir-Regolament Nru 715/2007

13      Skont il-premessi 1 u 4 sa 6 tar-Regolament Nru 715/2007:

“(1)      […] Ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ emissjonijiet għandhom […] jiġu armonizzati biex jiġu evitati rekwiżiti li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali.

[…]

(4)      […] tnaqqis ulterjuri ta’ l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport (trasport bl-ajru, marittimu u bl-art), mid-djar u mis-setturi ta’ l-enerġija, tal-biedja u ta l-industrija biex jinkisbu l-għanijiet ta’ l-UE dwar il-kwalità ta’ l-arja. […]

(5)      Hemm bżonn ta’ sforzi kontinwi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vetturi sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ l-UE rigward il-kwalità ta’ l-arja. […]

(6)      B’mod partikulari, hemm bżonn ta’ tnaqqis konsiderevoli ta’ l-emissjonijiet ta’ l-ossidju tan-nitroġenu biex tittejjeb il-kwalità ta’ l-arja u biex ikun hemm konformità mal-valuri ta’ limitu għat-tniġġis. […]

[…]”

14      Il-punti 6 u 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ l-implimentazzjoni tiegħu japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

6)      ‘emissjonijiet mit-tailpipe’ ifissru emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u f’partikuli;

[…]

10)      ‘tagħmir ta’ riduzzjoni’ jfisser kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”.

15      L-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“1.      Il-manifatturi għandhom juru li l-vetturi ġodda kollha mibjugħa, reġistrati jew mqiegħda fis-servizz fil-Komunità għandhom l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-manifatturi għandhom juru wkoll li t-tagħmir ġdid, użat biex jibdel tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis, kollu li jeħtieġ approvazzjoni tat-tip li jinbiegħ jew li jitqiegħed fis-servizz fil-Komunità għandu l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

Dawn l-obbligi jinkludu r-rispett tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I u l-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

2.      Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ l-approvazzjoni tat-tip għall-verifika tal-konformità fil-produzzjoni, il-perjodu tas-servizz tat-tagħmir tal-kontroll tat-tniġġis u l-konformità waqt is-servizz jiġu rispettati.

Barra minn hekk, il-miżuri tekniċi meħuda mill-manifattur jridu jkunu tali li jiġi żgurat li l-emissjonijiet mit-tailpipe jew evaporattivi huma effettivament limitati, skond dan ir-Regolament, tul il-ħajja normali tal-vettura li tintuża f’kundizzjonijiet normali. […]

[…]”

16      L-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 715/2007 jipprevedi:

“1.      Il-manifattur għandu jattrezza l-vetturi b’mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u assemblati bil-għan li jippermettu li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

2.      L-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll ta’ l-emissjonijiet għandu jiġi pprojbit. Il-projbizzjoni m’ għandiex tapplika fejn:

(a)      il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura;

(b)      it-tagħmir ma jaħdimx għajr għall-ħtiġijiet ta’ l-istartjar tal-magna;

jew

(ċ)      il-kondizzjonijiet huma sostanzjalment inklużi fil-proċeduri tal-verifika ta’ l-emissjonijiet evaporattivi u l-medja ta’ l-emissjonijiet mit-tailpipe.”

17      L-Anness I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Limiti ta’ emissjoni”, jipprevedi b’mod partikolari l-valuri limitu tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu.

 Ir-Regolament (KE) Nru 692/2008

18      L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat‑18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU 2008, L 199, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 336, p. 68), jipprevedi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 4, 5 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.”

19      Skont il-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 692/2008:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

18.      ‘sistema għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet’ tfisser, fil-kuntest tas-sistema OBD [sistema dijanjostika abbord], il-kontrollur elettroniku tal-ġestjoni tal-magna u kwalunkwe komponent relatat ma’ l-emissjonijiet fis-sistema ta’ l-egżost jew fis-sistema evaporattiva li jipprovdi input għal jew jirċievi output minn dan il-kontrollur”.

20      L-Anness III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Verifika ta’ l-Emissjonijiet Medji ta’ l-Egżost f’Kundizzjonijiet Ambjentali (it-Test tat-Tip 1)”, jiddisponi:

“1.      Introduzzjoni

Dan l-Anness jiddeskrivi l-proċedura għat-test tat-tip 1 li jivverifika l-emissjonijiet medji ta’ l-egżost f’kundizzjoinjiet ambjentali.

[…]”

21      L-Anness XI tar-Regolament Nru 692/2008, intitolat “Id-Dijanjostika Abbord (OBD) għal Vetturi bil-Mutur”, jipprevedi, fl-Appendiċi 2 tiegħu, dwar il-“[K]aratteristiċi Essenzjali tal-Familja tal-Vetturi”:

“[…]

Is-sistema għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet:

[…]

–        ir-riċirkolazzjoni tal-gassijiet ta’ l-egżost (biha jew mingħajrha),

[…]”

 Id-dritt Franċiż

22      L-Artikolu L. 213‑1 tal-code de la consommation (il-Kodiċi tal-Konsumatur), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sat‑18 ta’ Marzu 2014, kien jipprevedi:

“Għandha tiġi imposta piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sentejn u multa ta’ mhux iktar minn EUR 35 000 jew waħda minn dawn iż-żewġ pieni, fuq persuna, irrispettivament minn jekk tkunx parti jew le fil-kuntratt, li tkun qarrqet bil-kontraenti, bi kwalunkwe mezz jew aġir u anki permezz ta’ terz:

1°      dwar in-natura, l-ispeċi, l-oriġini, il-kwalitajiet sostanzjali, il-kompożizzjoni jew il-kontenut li jkunu bħala prinċipju utli tal-merkanzija kollha;

2°      dwar il-kwantità tal-oġġetti kkunsinnati jew dwar l-identità tagħhom permezz tal-kunsinna ta’ merkanzija differenti mill-oġġett speċifiku li kien is-suġġett tal-kuntratt;

3°      dwar l-adegwatezza għall-użu, ir-riskji inerenti għall-użu tal-prodott, il-kontrolli mwettqa, il-modi ta’ użu jew il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu.”

23      L-Artikolu L. 213‑1 ta’ dan il-kodiċi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mid‑19 ta’ Marzu 2014 sat‑30 ta’ Ġunju 2016, jiddisponi:

“Għandha tiġi imposta piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sentejn u multa ta’ EUR 300 000, fuq persuna, irrispettivament minn jekk tkunx parti jew le fil-kuntratt, li tkun qarrqet bil-kontraenti, bi kwalunkwe mezz jew aġir u anki permezz ta’ terz:

1°      dwar in-natura, l-ispeċi, l-oriġini, il-kwalitajiet sostanzjali, il-kompożizzjoni jew il-kontenut li jkunu bħala prinċipju utli tal-merkanzija kollha;

2°      dwar il-kwantità tal-oġġetti kkunsinnati jew dwar l-identità tagħhom permezz tal-kunsinna ta’ merkanzija differenti mill-oġġett speċifiku li kien is-suġġett tal-kuntratt;

3°      dwar l-adegwatezza għall-użu, ir-riskji inerenti għall-użu tal-prodott, il-kontrolli mwettqa, il-modi ta’ użu jew il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu.

L-ammont tal-multa jista’ jkun, b’mod proporzjonat mal-vantaġġi li jirriżultaw min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ medju annwali, ikkalkolat fuq l-aħħar tliet dħul mill-bejgħ annwali magħrufa fid-data tal-fatti.”

24      L-Artikolu L. 213‑2 tal-imsemmi kodiċi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sat‑18 ta’ Marzu 2014, jistabbilixxi:

“Il-pieni previsti fl-Artikolu L. 213‑1 għandhom jiġu rdoppjati:

1°      jekk ir-reati previsti fl-imsemmi artikolu kellhom bħala konsegwenza li jagħmlu l-użu tal-merkanzija perikoluż għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali;

2°      jekk ir-reat jew it-tentattiv ta’ reat previsti fl-Artikolu L. 213‑1 ikunu twettqu:

a)      jew bl-użu ta’ piż, miżuri u strumenti foloz jew mhux korretti oħra;

b)      jew bl-għajnuna ta’ manuvri jew proċessi li jwasslu għad-distorsjoni tal-operazzjonijiet tal-analiżi jew tad-doża, tal-piż jew tal-kejl, jew intiżi li jimmodifikaw b’mod frawdolenti l-kompożizzjoni, il-piż jew il-volum tal-merkanzija, anki qabel dawn l-operazzjonijiet;

c)      jew fl-aħħar, bl-użu ta’ indikazzjonijiet frawdolenti li jwasslu sabiex wieħed jemmen f’operazzjoni preċedenti u eżatta.”

25      L-Artikolu L. 213‑2 tal-istess kodiċi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mid‑19 ta’ Marzu 2014 sat‑30 ta’ Ġunju 2016, jipprevedi:

“I.‑      Il-pieni previsti fl-Artikolu L. 213‑1 għandhom jitilgħu għal ħames snin priġunerija u għal multa ta’ EUR 600 000 jekk ir-reat jew it-tentattiv ta’ reat previsti fl-istess Artikolu L. 213‑1 ikunu twettqu:

1°      jew bl-użu ta’ piż, miżuri u strumenti foloz jew mhux korretti oħra;

2°      jew bl-għajnuna ta’ manuvri jew proċessi li jwasslu għad-distorsjoni tal-operazzjonijiet tal-analiżi jew tad-doża, tal-piż jew tal-kejl, jew intiżi li jimmodifikaw b’mod frawdolenti l-kompożizzjoni, il-piż jew il-volum tal-merkanzija, anki qabel dawn l-operazzjonijiet;

3°      jew bl-użu ta’ indikazzjonijiet frawdolenti li jwasslu sabiex wieħed jemmen f’operazzjoni preċedenti u eżatta.

II.‑      Il-pieni previsti fl-Artikolu L. 213‑1 għandhom jitilgħu għal seba’ snin priġunerija u għal multa ta’ EUR 750 000 jekk ir-reat jew it-tentattiv ta’ reat previsti fl-istess Artikolu L. 213‑1:

1°      kellhom il-konsegwenza li jagħmlu l-użu tal-merkanzija perikoluża għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali;

2°      twettqu fi grupp organizzat.

III.‑ Il-pieni ta’ multa previsti f’dan l-artikolu jistgħu jiżdiedu, b’mod proporzjonat mal-vantaġġi li jirriżultaw min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali medju, ikkalkolat fuq l-aħħar tliet dħul mill-bejgħ annwali magħrufa fid-data tal-fatti.”

26      Skont l-Artikolu L. 213‑6 tal-Kodiċi tal-Konsumatur:

“Il-persuni ġuridiċi ddikjarati responsabbli kriminalment, fil-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 121‑2 tal-Kodiċi Kriminali, għar-reati ddefiniti fl-Artikoli L. 213‑1 sa L. 213‑4 għandhom jinkludu, minbarra l-multa skont il-modalitajiet previsti mill-Artikolu 131‑38 tal-Kodiċi Kriminali, il-pieni previsti fil-punti 2° sa 9° tal-Artikolu 131‑39 tal-istess kodiċi.

Il-projbizzjoni msemmija fil-punt 2° tal-Artikolu 131‑39 tal-Kodiċi Kriminali dwar l-attività li fl-eżerċizzju tagħha jew fl-okkażjoni tal-eżerċizzju tagħha jkun twettaq il-ksur.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27      Il-kumpannija X hija manifattur ta’ vetturi bil-mutur li tikkummerċjalizza vetturi bil-mutur fit-territorju Franċiż. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huwa kkontestat lil din il-kumpannija li qiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni, f’dan it-territorju, vetturi mgħammra b’softwer li jista’ jidentifika l-fażi ta’ approvazzjoni ta’ dawn tal-aħħar għall-finijiet tad-distorsjoni tar-riżultati tal-kontrolli ta’ emissjoni ta’ gassijiet inkwinanti, b’mod partikolari ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx), imwettqa matul din il-fażi.

28      Fit‑28 ta’ Settembru 2015, wara informazzjoni żvelata fl-istampa, il-Viċi President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Île-de-France responsabbli għat-trasport irrapporta lill-procureur de Paris (il-Prosekutur ta’ Pariġi, Franza) l-aġir tal-kumpannija X dwar it-tqegħid fis-suq ta’ vetturi mgħammra b’dan is-softwer.

29      Fit‑2 ta’ Ottubru 2015, il-parquet de Paris (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Pariġi, Franza), billi qies li dawn il-fatti kellhom jiġu kklassifikati bħala “qerq aggravat”, adixxa lill-Office central de lutte contre les atteintes à l’environnement et à la santé publique (OCLAESP) (l-Uffiċċju Ċentrali għall-Ġlieda Kontra l-Ħsara għall-Ambjent u għas-Saħħa Pubblika, Franza) sabiex jikseb il-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fis-suq Franċiż tal-vetturi kkonċernati.

30      Fl-istess ħin, il-Ministru Franċiż għall-Ekoloġija, għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Enerġija talab lis-Service national des enquêtes (SNE) (is-Servizz Nazzjonali għall-Investigazzjoni, Franza) fi ħdan id-Direction générale de la concurrence, de la consommation et de la répression des fraudes (DGCCRF) (id-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni, tal-Konsumaturi u għall-Ġlieda kontra l-Frodi, Franza) sabiex jiftaħ investigazzjonijiet bil-għan li jiġi ddeterminat jekk vetturi kkummerċjalizzati fit-territorju Franċiż kinux mgħammra b’tali softwer.

31      Fil-kuntest tal-approvazzjoni parzjali għall-emissjonijiet ta’ inkwinanti, il-vetturi huma ttestjati skont protokoll li l-parametri tiegħu huma ddefiniti b’mod regolatorju, b’mod partikolari l-profil ta’ veloċità segwit, it-temperatura u l-preparazzjoni tal-vettura minn qabel. Il-profil ta’ veloċità użat għall-finijiet tat-test ta’ approvazzjoni, imsejjaħ in-“New European Driving Cycle” (NEDC) jikkonsisti fir-repetizzjoni ta’ erba’ ċikli urbani, segwit minn ċiklu mhux urban, f’laboratorju. Huwa jippermetti għalhekk li jiġi vverifikat li l-kwantità ta’ NOx li joħroġ hija inqas mil-limitu massimu previst fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007.

32      Il-valv għar-riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost (Exhaust Gas Recirculation (iktar ’il quddiem il-“valv EGR”)) huwa waħda mit-teknoloġiji użati mill-manifatturi ta’ vetturi bil-mutur, fosthom il-kumpannija X, sabiex jikkontrollaw u jnaqqsu l-emissjonijiet finali ta’ NOx iġġenerati mill-kombustjoni inkompleta tal-karburant.

33      Il-valv EGR jippermetti, waqt il-ftuħ tagħha, li l-gassijiet tal-egżost jintbagħtu lejn il-manifold tad-dħul sabiex dawn jinħarqu għat-tieni darba u sabiex dawn jiġu mkessħa permezz ta’ skambjatur tas-sħana. Hija kkontrollata minn kalkolatur li jikkontrolla l-magna (ECU), li jindika s-sistema informatika installata fil-vettura u li jikkontrolla b’mod elettroniku d-diversi funzjonijiet integrati f’din tal-aħħar, bħal dawk relatati mal-ġestjoni tal-magna, mat-trażmissjoni jew mas-sigurtà. Il-ftuħ tal-valv EGR huwa ordnat f’ħin reali mill-kalkolatur, li jibgħat struzzjonijiet lill-attwatur ta’ dan il-valv skont l-informazzjoni pprovduta minn diversi sensors, b’mod partikolari ta’ veloċità, ta’ temperatura tal-magna jew tat-temperatura tal-arja. L-effikaċja tat-tnaqqis ta’ tniġġis hija għalhekk marbuta mal-ftuħ ta’ dan il-valv li huwa kkontrollat mill-kodiċi sors tas-softwer integrat mal-kalkolatur.

34      Fir-rapport tiegħu, is-SNE annetta t-testijiet u l-provi mwettqa mill-Union technique de l’automobile, du motocycle et du cycle (UTAC) (l-Unjoni Teknika tal-Vetturi bil-Mutur, tal-Muturi u tar-Roti, Franza), li hija l-uniku organu awtorizzat li jwettaq it-testijiet ta’ approvazzjoni ta’ vetturi fi Franza. Dawn it-testijiet, li kellhom l-għan li jivverifikaw jekk frodi fuq it-testijiet kontra t-tniġġis setgħetx tiġi preżunta, werew li l-emissjonijiet ta’ NOx ta’ ċerti vetturi tal-kumpannija X ikkontrollati kienu mmultiplikati bi 2, bi 3.2, bi 3.4 jew bi 3.6 skont il-vetturi, meta mqabbla mal-valuri kkonstatati matul il-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ dawn il-vetturi.

35      Testijiet addizzjonali, imwettqa mill-Institut français du pétrole énergie nouvelle (IFPEN) (l-Istitut Franċiż tal-Petroleum u tal-Enerġiji Ġodda, Franza) fuq talba tal-Ministeru għall-Ekoloġija, għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Enerġija, u li tirrigwarda tliet vetturi ta’ din il-kumpannija, ippermettew ukoll li jiġi kkonstatat li l-livell tal-emissjonijiet ta’ NOx tnaqqas meta ġie identifikat ċiklu ta’ approvazzjoni, waqt li l-ftuħ tal-valv EGR żdied b’mod kunsiderevoli.

36      Fis‑16 ta’ Ottubru 2015, il-President tas-sussidjarja Franċiża tal-kumpannija X, waqt seduta bil-miftuħ, indika li ma kienx ġie informat bil-mekkaniżmu ta’ funzjonament ta’ dan is-softwer u bin-natura frawdolenti tiegħu u ppreċiża li l-vetturi li kienu mgħammra bih kienu ser ikunu s-suġġett ta’ tfakkir sabiex jiġi aġġornat l-imsemmi softwer.

37      Fil‑15 u fit‑18 ta’ Diċembru 2015, fuq talba tal-kumpannija X, uffiċċju tal-avukati bagħat lill-investigaturi dokument intiż sabiex juri li s-sistema EGR ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens tar-Regolament Nru 715/2007.

38      Fid‑19 ta’ Frar 2016, wara din l-investigazzjoni, tliet juges d’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Qrati Istruttorji tal-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) ġew aditi mill-procureur de la République (il-Prosekutur tar-Repubblika, Franza). Fl-att li jiftaħ l-istruttorja, il-kumpannija X hija kkritikata li, mill‑1 ta’ Settembru 2009, fit-territorju Franċiż, kienet qarrqet ix-xerrejja ta’ vetturi mgħammra b’magni diesel ta’ ġenerazzjoni Euro 5 u Euro 6 fuq il-kwalitajiet essenzjali tal-imsemmija vetturi, minħabba l-preżenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jmur kontra r-Regolament Nru 715/2007, u fuq il-kontrolli mwettqa, biċ-ċirkustanza aggravanti li l-fatti kellhom bħala konsegwenza li jagħmlu l-użu tal-merkanzija perikoluża għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali.

39      Il-juges d’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Qrati Istruttorji tal-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) ordnaw perizja ġudizzjarja sabiex titwettaq analiżi tar-riżultati tat-testijiet imwettqa mill-awtorità amministrattiva, jiġifieri t-testijiet imwettqa mill-UTAC u mill-IFPEN, u kull analiżi teknika oħra, bil-għan li tiddeskrivi l-mekkaniżmu tas-softwer inkwistjoni u tesponi l-effetti tiegħu fir-rigward taż-żieda tal-emissjoni ta’ NOx mill-vetturi mgħammra bih. Fir-rapport tiegħu ppreżentat fis‑26 ta’ April 2017, l-espert qies li l-vetturi kkonċernati kellhom apparat li jippermetti l-identifikazzjoni tal-proċedura ta’ approvazzjoni, l-adattament tal-funzjonament ta’ riċirkulazzjoni tal-gassijiet maħruqa għall-finijiet ta’ din l-approvazzjoni u t-tnaqqis, għall-bżonnijiet ta’ din il-proċedura, tal-emissjonijiet ta’ NOx. Huwa qies li s-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet tagħhom kienu ġew immanipulati sabiex iżidu l-ftuħ tal-valv EGR meta tiġi identifikata fażi ta’ approvazzjoni. It-tnaqqis tal-ftuħ ta’ din il-valv f’kundizzjonijiet normali ta’ użu ta’ dawn il-vetturi jnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u jwassal għal żieda fl-emissjonijiet ta’ NOx.

40      Skont l-espert, kieku l-funzjonament tal-valv EGR fil-kundizzjonijiet ta’ użu normali kien identiku għall-funzjonament ikkonstatat matul il-proċeduri ta’ approvazzjoni, il-vetturi kkonċernati kienu jipproduċu nettament inqas NOx, il-konsum tagħhom u s-saħħa tagħhom kienu jonqsu u l-operazzjonijiet ta’ manutenzjoni kienu jkunu iktar frekwenti u iktar għoljin. Bis-saħħa tat-tbagħbis li sar, il-vetturi għandhom kapaċità ta’ aċċellerazzjoni ikbar, saħħa ikbar, ħruq baxx mill-manifold tad-dħul, mill-valvs u mill-kompartiment tal-kombustjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għall-ħajja fit-tul u għall-affidabbiltà tal-magna. Għalhekk, mingħajr din il-manipulazzjoni, il-vetturi kkonċernati ma kinux jiġu approvati.

41      Fit‑28 ta’ Marzu 2017, il-kumpannija X ġiet imsejħa quddiem il-juges d’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Qrati Istruttorji tal-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi). Peress li bbenefikat mill-istatus ta’ xhud assistit, hija rrifjutat li twieġeb il-mistoqsijiet li sarulha. L-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru tas-sede tal-kumpannija X irrifjutaw ukoll li jittrażmettu l-elementi tal-investigazzjoni mitluba mill-qrati istruttorji. Barra minn hekk, iktar minn 1 200 persuna saru partijiet ċivili fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni ġudizzjarja.

42      Peress li l-juges d’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Qrati Istruttorji tal-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) jesponu li l-apparat li jippermetti li wieħed jaġixxi fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-vetturi jista’ jkollu forom differenti, għandu jiġi ppreċiżat x’ikopri l-kunċett ta’ “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, peress li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi dan il-kunċett billi tirrikorri għal diversi kunċetti li għadhom ma ġewx interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

43      Peress li l-klassifikazzjoni bħala “qerq”, prevista fil-kuntest tal-investigazzjoni kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq dik ta’ “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, il-juges d’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Qrati Istruttorji tal-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) iqisu li interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija neċessarja sabiex tittieħed deċiżjoni kemm dwar l-eventwali tqegħid taħt eżami tal-kumpannija X kif ukoll it-tqegħid jew le tagħha taħt att ta’ akkuża wara l-istruttorja.

44      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-juges d’instruction du tribunal de grande instance de Paris (il-Qrati Istruttorji tal-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) iddeċidew li jissospendu l-proċedura quddiemhom u li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ element tad-disinn

a)      X’inhu kopert mill-kunċett ta’ element ta’ disinn imsemmi [fil-punt 10 tal-Artikolu 3] tar-[Regolament Nru 715/2007], li jiddefinixxi t-tagħmir ta’ riduzzjoni (defeat device) [apparat ta’ manipulazzjoni]?

b)      Programm integrat fil-kalkolatur li jikkontrolla magna jew b’mod iktar ġenerali li jaġixxi fuq dan il-kalkolatur jista’ jitqies bħala element ta’ disinn fis-sens ta’ dan l-artikolu?

2)      Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet

a)      X’inhu kopert mill-kunċett ta’ sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet imsemmi [fil-punt 10 tal-Artikolu 3] tar-[Regolament Nru 715/2007], li jiddefinixxi t-tagħmir ta’ riduzzjoni (defeat device)?

b)      Din is-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tinkludi biss it-teknoloġiji u l-istrateġiji intiżi biex jittrattaw u jnaqqsu l-emissjonijiet (b’mod partikolari NOx) wara li dawn jinħolqu, jew tinkludi fiha wkoll it-teknoloġiji u strateġiji differenti li jippermettu li tiġi limitata l-produzzjoni tagħhom mill-bidu, bħat-teknoloġija EGR?

3)      Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni (defeat device)

a)      Dispożittiv li jidentifika kull parametru marbut mal-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ approvazzjoni stabbiliti bir-[Regolament Nru 715/2007], għall-finijiet ta’ attivazzjoni jew ta’ aġġustament ’il fuq, matul dawn il-proċeduri, tal-funzjonament ta’ kull parti mis-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, u b’hekk tinkiseb l-approvazzjoni tal-vettura, huwa tagħmir ta’ riduzzjoni fis-sens tal-[punt 10 tal-Artikolu 3] tar-[Regolament Nru 715/2007]?

b)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, dan it-tagħmir ta’ riduzzjoni huwa pprojbit, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tar-[Regolament Nru 715/2007]?

c)      Dispożittiv bħal dak deskritt fil-punt (a) tat-tielet domanda jista’ jiġi kkwalifikat bħala ‘tagħmir ta’ riduzzjoni’ jekk l-aġġustament ’il fuq tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tkun effettiva, mhux biss waqt il-proċeduri ta’ approvazzjoni, iżda anki f’ċirkustanzi speċifiċi, meta l-kundizzjonijiet eżatti identifikati biex is-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tiġi aġġustata ’l fuq matul il-proċeduri ta’ approvazzjoni jerġgħu jiġu identifikati matul iċ-ċirkulazzjoni reali?

4)      Interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 [tar-Regolament Nru 715/2007]

a)      X’inhu kopert mit-tliet eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tal-Kapitolu 2 tar-[Regolament Nru 715/2007]?

b)      Il-projbizzjoni tat-tagħmir ta’ riduzzjoni (defeat device) li jattiva jew jaġġusta ’l fuq il-funzjonament ta’ kull parti mis-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet b’mod speċifiku waqt il-proċeduri ta’ approvazzjoni tista’ tiġi injorata għal xi waħda mit-tliet raġunijiet elenkati fl-Artikolu 5(2) [ta’ dan ir-regolament]?

c)      It-tnaqqis tal-proċess li bih magna teqdiem jew tinstadd jifforma parti mir-rekwiżiti ta’ ‘protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti’ jew ta’ ‘tħaddim fis-sigurtà tal-vettura’ li jistgħu jiġġustifikaw il-preżenza ta’ ‘defeat device’ fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) [ta’ dan ir-regolament]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

45      Il-kumpannija X teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba, l-ewwel, li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula ma hijiex neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti deċiżjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, hija ssostni li tali risposta ma hijiex ta’ natura li teżerċita influwenza fuq il-klassifikazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu reat ta’ qerq aggravat li hija akkużata bih fid-dritt kriminali Franċiż.

46      It-tieni, il-kumpannija X tqis li l-fatt li l-karatterizzazzjoni tal-ksur tkun tiddependi mill-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007 għandu l-konsegwenza li jikser il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

47      It-tielet, il-kumpannija X issostni li f’dan l-istadju ma teżisti ebda tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju b’rabta mad-domandi magħmula, b’tali mod li dawn tal-aħħar huma purament ipotetiċi. Peress li hija ma ħaditx pożizzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, dawn jikkostitwixxu biss sempliċi talba għal formulazzjoni ta’ opinjoni konsultattiva dwar regoli tad-dritt tal-Unjoni.

48      Ir-raba’, id-domandi magħmula ma kinux is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju, u dan jippreġudika l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

49      Il-ħames, anki jekk id-domandi magħmula jirriflettu r-raġunament tal-qorti tar-rinviju, il-kumpannija X tqis li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tesponix biċ-ċarezza meħtieġa r-raġunijiet li għalihom din il-qorti tqis li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007 hija utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, u lanqas ir-rabta li teżisti bejn din l-interpretazzjoni u din il-kawża. F’dan ir-rigward, din il-kumpannija ppreċiżat ukoll li d-domandi preliminari kienu saru b’mod prematur peress li l-kuntest fattwali ma kienx ġie stabbilit, f’dan l-istadju tal-investigazzjoni, bi preċiżjoni suffiċjenti.

50      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Minn dan isegwi li d-domandi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi espożizzjoni motivata tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali, kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li r-risposta għad-domandi magħmula hija neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha.

53      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-klassifikazzjoni ta’ “qerq aggravat”, prevista mid-dritt nazzjonali, għal fatti bħal dawk li l-kumpannija X hija akkużata bihom, tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk is-softwer inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kkunsidrat bħala “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, li l-użu tiegħu huwa pprojbit skont l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

55      Sussegwentement, fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu reat ta’ qerq aggravat fid-dritt kriminali Franċiż, għandu jitfakkar li, sa fejn, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u l-eżami tal-kundizzjonijiet previsti minnu jaqgħu esklużivament taħt il-qorti tar-rinviju (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Čepelnik, C‑33/17, EU:C:2018:896, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-argument imressaq mill-kumpannija X fuq dan il-punt ma huwiex biżżejjed sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rilevanza invokata fil-punt 51 ta’ din is-sentenza.

56      L-istess japplika għall-argument tal-kumpannija X dwar il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 715/2007 ma jistabbilixxix sanzjonijiet kriminali, b’tali mod li dan il-prinċipju huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

57      Fl-aħħar, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-kumpannija X li d-domandi preliminari magħmula ma kinux is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju peress li l-Artikolu 267 TFUE ma jissuġġettax it-tressiq ta’ talba lill-Qorti tal-Ġustizzja għan-natura kontradittorja tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-membri tal-ġudikatura Taljani li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 63).

58      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

59      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “element tad-disinn”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, softwer integrat fil-kalkolatur li jikkontrolla l-magna jew li jaġixxi fuqu.

60      Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 jiddefinixxi “tagħmir ta’ riduzzjoni” bħala “kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”.

61      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “element tad-disinn”.

62      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Entoma, C‑526/19, EU:C:2020:769, punt 29).

63      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-kliem “element tad-disinn” jirreferu, fis-sens abitwali tagħhom, għal oġġett immanifatturat sabiex jiġi integrat f’totalità funzjonali.

64      Fit-tieni lok, mill-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-kunċett ta’ apparat ta’ manipulazzjoni msemmi f’din id-dispożizzjoni jindika “kull” element tad-disinn. F’dan ir-rigward, bħall-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li tali definizzjoni tal-apparat ta’ manipulazzjoni tagħti għalhekk portata wiesgħa lill-kunċett ta’ “element tad-disinn” li jkopri kemm il-partijiet mekkaniċi kif ukoll l-elementi elettroniċi li jirregolaw l-attivazzjoni ta’ tali partijiet, peress li dawn jaġixxu fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u jnaqqsu l-effettività tagħhom.

65      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ftuħ tal-valv EGR huwa rregolat f’ħin reali minn wieħed mill-kalkolaturi ta’ kontroll tal-magna li jikkostitwixxi sistema informatika inkorporata fil-vettura. Għalhekk, skont l-informazzjoni pprovduta minn diversi sensors, b’mod partikolari ta’ veloċità jew ta’ temperatura tal-magna, dan il-kalkolatur jibgħat struzzjonijiet lill-attwatur tal-valv EGR. L-effettività tas-sistema ta’ tnaqqis tat-tniġġis hija marbuta mal-ftuħ ta’ dan il-valv, li huwa rregolat mill-kodiċi sors tas-softwer integrat mal-kalkolatur.

66      Konsegwentement, peress li jaġixxi fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u li jnaqqas l-effettività tagħha, softwer, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, integrat fil-kalkolatur tal-kontroll tal-magna, jikkostitwixxi “element tad-disinn”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007.

67      Din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “element tad-disinn” hija kkorroborata mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 715/2007, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 tiegħu, fit-tnaqqis kunsiderevoli tal-emissjonijiet ta’ NOx tal-vetturi diesel sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja u jiġu osservati l-valuri limitu f’termini ta’ tniġġis.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “element tad-disinn”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, softwer integrat fil-kalkolatur li jikkontrolla l-magna jew li jaġixxi fuqu, peress li huwa jaġixxi fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u jnaqqas l-effettività tagħha.

 Fuq it-tieni domanda

69      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss it-teknoloġiji u l-istrateġija “ta’ trattament sussegwenti tal-gass tal-egżost”, li jnaqqsu l-emissjonijiet fi stadju sussegwenti, jiġifieri wara l-formazzjoni tagħhom, jew ukoll dawk li, bħas-sistema EGR, inaqqsu l-emissjonijiet fi stadju preċedenti, jiġifieri wara l-ħolqien tagħhom fil-mutur stess.

70      Preliminarjament, għandu jitfakkar li jeżistu żewġ strateġiji li jistgħu jiġu implimentati mill-manifatturi, fil-vetturi diesel tagħhom, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet li jniġġsu. Minn naħa, l-istrateġija msejħa “interna għall-magna”, bħas-sistema EGR, li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-ħolqien ta’ inkwinanti fil-mutur innifsu u, min-naħa l-oħra, l-istrateġija msejħa ta’ “trattament sussegwenti tal-gass tal-egżost”, li tikkonsisti f’li jiġu ttrattati l-emissjonijiet ta’ gass tal-egżost wara l-ħolqien tagħhom.

71      Ir-Regolament Nru 715/2007 ma jiddefinixxix, bħala tali, il-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet”, iżda jfakkar, fil-preambolu tiegħu, li fid-dawl tal-għan tat-tnaqqis tal-emissjonijiet imsemmi minnu, huwa neċessarju li jiġu previsti apparati intiżi għall-kejl u, għaldaqstant, għall-kontroll tal-emissjonijiet matul l-użu ta’ vettura.

72      Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed kont tal-kuntest li fih huma jintużaw u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li huma jifformaw parti minnha.

73      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li fuq il-livell letterali s-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tikkostitwixxi komponent ta’ vettura li għandha l-għan li tikkontrolla l-emissjonijiet tagħha.

74      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sistema EGR hija strument li għandu l-għan waħdieni li jnaqqas, u għalhekk li jikkontrolla, l-emissjonijiet ta’ NOx. Konsegwentement, ma jistax jiġi dedott mill-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 li tali apparat ma jistax, teknikament, jagħmel parti mis-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet peress li jippermetti li jiġi kkontrollat il-volum ta’ emissjonijiet ta’ NOx skont parametri stabbiliti minn qabel.

75      Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-kuntest li fih jinsab il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007. Din id-dispożizzjoni, li tinsab fil-Kapitolu I ta’ dan ir-regolament iddedikat għall-għan, għall-kamp ta’ applikazzjoni u għad-definizzjonijiet tiegħu, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-kuntest regolatorju tal-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur fi ħdan l-Unjoni Ewropea li fih jaqa’ dan ir-regolament.

76      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Parti I tal-Anness IV tad-Direttiva Qafas telenka l-atti leġiżlattivi li jipprevedu l-kundizzjonijiet sostantivi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex l-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura bil-mutur tingħata. Ir-regolament Nru 715/2007 jidher f’dan l-anness u jipprevedi, fl-Artikolu 5 tiegħu, li l-manifattur għandu jarma l-vetturi b’tali mod li l-komponenti li jistgħu jkollhom effett fuq l-emissjonijiet huma ddisinjati, mibnija u mmuntati b’mod li jippermettu lill-vetturi, f’użu normali, jikkonformaw ruħhom ma’ dan ir-regolament u mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu. Fir-rigward tal-kontroll tal-emissjonijiet, dan l-artikolu jimponi rekwiżiti tekniċi speċifiċi, li ġew stabbiliti mir-Regolament Nru 692/2008. Dan l-aħħar regolament jirreferi, minn naħa tiegħu, għal dak li jikkonċerna ċerti rekwiżiti tekniċi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi, għar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE.

77      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-Regolament Nru 715/2007, l-Artikolu 4(2) tiegħu jipprevedi li l-miżuri tekniċi adottati mill-manifattur għandhom ikunu tali li jiggarantixxu limitazzjoni effettiva b’mod partikolari tal-emissjonijiet mit-tailpipe, tul il-ħajja normali kollha tal-vetturi, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali. F’dan ir-rigward, il-punt 6 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “emissjonijiet mit-tailpipe” bħala “emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u f’partikuli”.

78      Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu biss l-għan li għandu jintlaħaq mill-kostrutturi, jiġifieri li jiġu limitati l-emissjonijiet mit-tailpipe, mingħajr ma jippreċiżaw il-mezzi sabiex jilħqu dan l-għan.

79      Konsegwentement, il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, eżaminat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet” ma jeskludix it-teknoloġiji u l-istrateġija li jnaqqsu l-emissjonijiet fi stadju preċedenti, jiġifieri waqt il-ħolqien tagħhom.

80      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE, u b’mod partikolari l-Artikolu 2.16 ta’ dan tal-aħħar, jirreferi wkoll għall-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet” jew ta’ “sistema ta’ kontra t-tniġġis”, mingħajr madankollu ma jippreċiża jekk dan il-kunċett jirreferix għall-miżuri adottati sabiex jiġu ttrattati l-emissjonijiet wara l-formazzjoni tagħhom jew għal dawk intiżi sabiex jillimitaw il-formazzjoni tagħhom.

81      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-“apparat ta’ manipulazzjoni” f’termini paragunabbli għal dawk tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007. Konsegwentement, ma jistax jiġi dedott minn dan l-Artikolu 2.16 li s-“sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet”, fis-sens ta’ dan tal-aħħar, tkopri biss it-teknoloġiji u l-istrateġija li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass tal-egżost wara l-formazzjoni tagħhom u mhux dawk intiżi sabiex jillimitaw il-formazzjoni tagħhom.

82      Barra minn hekk, il-punt 7.3.1.2 tar-Regolament Nru 83 tan-NU/KEE, intitolat “Sistema li tikkontrolla t-tniġġis”, jistabbilixxi, fil-punt (ċ) tiegħu, li s-sistema EGR hija waħda minn dawn il-parametri. Għalhekk minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li s-sistema EGR taqa’ taħt il-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet”.

83      Fit-tielet lok, għalkemm ir-Regolament Nru 692/2008 jiddefinixxi, fil-punt 18 tal-Artikolu 2 tiegħu, is-“sistema għall-kontroll ta’ l-emissjonijiet” bħala “fil-kuntest tas-sistema OBD, il-kontrollur elettroniku tal-ġestjoni tal-magna u kwalunkwe komponent relatat ma’ l-emissjonijiet fis-sistema ta’ l-egżost jew fis-sistema evaporattiva li jipprovdi input għal jew jirċievi output minn dan il-kontrollur” u jekk dan l-istess regolament jinkludi diversi dispożizzjonijiet dwar is-sistemi differenti ta’ pproċessar tal-emissjonijiet li jinsabu fis-sistema tal-egżost tal-vetturi u jikklassifikahom b’“sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet”, huwa jelenka wkoll, taħt din l-istess klassifikazzjoni, sistemi interni għall-magna, intiżi sabiex jillimitaw il-ħolqien tal-emissjonijiet. F’dan ir-rigward, l-Appendiċi 2 tal-Anness XI ta’ dan ir-regolament isemmi espressament ir-riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost fil-lista tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet. Issa, dan huwa l-għan tas-sistema EGR.

84      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-proċeduri ta’ approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur, il-livell tal-emissjonijiet huwa dejjem imkejjel mal-ħruġ mill-pajp tal-egżost, kif jirriżulta mill-Anness 3 tar-Regolament Nru 692/2008. Għaldaqstant, ma tistax issir distinzjoni bejn l-istrateġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass tal-egżost wara l-ħolqien tagħhom u dawk intiżi sabiex jillimitaw il-ħolqien tagħhom.

85      Għalhekk mill-kuntest tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 jirriżulta li l-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet” jinkludi kemm it-teknoloġiji u l-istrateġija interna tal-magna tal-vetturi intiżi sabiex inaqqsu l-emissjonijiet wara l-formazzjoni tagħhom kif ukoll dawk intiżi sabiex jillimitaw il-formazzjoni tagħhom.

86      Fl-aħħar, tali interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 715/2007 li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent.

87      Fil-fatt, kif tesponi l-premessa 1 tar-Regolament Nru 715/2007, ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet għandhom jiġu armonizzati b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu dan l-għan. Barra minn hekk, il-premessa 5 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi li t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni għall-kwalità tal-arja jeħtieġ sforz kontinwu sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vetturi. Il-premessa 6 ta’ dan jippreċiża li huma b’mod partikolari neċessarju li jkomplu jitnaqqsu kunsiderevolment l-emissjonijiet ta’ NOx tal-vetturi diesel sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja u sabiex jiġu osservati l-valuri limitu f’termini ta’ tniġġis.

88      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 715/2007 jimponi fuq il-manifattur l-obbligu li juri li l-miżuri tekniċi li huma adottaw jiggarantixxu limitazzjoni effettiva tal-emissjonijiet, b’mod partikolari, għat-tailpipe u dan matul il-ħajja normali tal-vetturi, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali.

89      Konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet” fil-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, li tipprovdi li dan il-kunċett jinkludi kemm it-teknoloġiji u l-istrateġiji interni għall-magna tal-vetturi intiżi sabiex inaqqsu l-emissjonijiet wara l-formulazzjoni tagħhom kif ukoll dawk intiżi sabiex jillimitaw il-formazzjoni tagħhom, hija konformi mal-għan imfittex minn dan ir-regolament. Fil-fatt, hekk kif l-Avukata Ġenerali rrilevat fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-portata ta’ dan il-kunċett tiġi limitata biss għat-teknoloġiji u għall-istrateġija li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass tal-egżost wara l-formazzjoni tagħhom iċaħħad lir-Regolament Nru 715/2007 minn parti kunsiderevoli mill-effett utli tiegħu.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kemm it-teknoloġiji u l-istrateġija magħrufa bħala “trattament sussegwenti tal-gass tal-egżost”, li jnaqqsu l-emissjonijiet fi stadju sussegwenti, jiġifieri wara l-formazzjoni tagħhom, kif ukoll dawk li, bħas-sistema EGR, inaqqsu l-emissjonijiet fi stadju preċedenti, jiġifieri wara l-ħolqien tagħhom.

 Fuq il-punti (a) u (c) tat-tielet domanda

91      Permezz tal-punti (a) u (c) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, apparat li jidentifika kull parametru marbut mal-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ approvazzjoni previsti minn dan ir-regolament, sabiex titjieb il-prestazzjoni, matul dawn il-proċeduri, tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, u hekk tinkiseb l-approvazzjoni tal-vettura, anki jekk tali titjib jista’ jiġi osservat, f’ċirkustanzi speċifiċi, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vettura.

92      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-approvazzjoni parzjali dwar l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu, il-vetturi huma ttestjati skont il-profil ta’ veloċità NEDC, li jikkonsisti fir-repetizzjoni, fil-laboratorju, ta’ erba’ ċikli urbani segwiti minn ċiklu mhux urban. Dan jippermetti b’mod partikolari li jiġi vverifikat li l-kwantità ta’ NOx emessa hija inqas mil-limitu previst mir-Regolament Nru 715/2007. Iċ-ċikli ta’ testijiet għall-emissjonijiet tal-vetturi fil-kuntest ta’ din il-proċedura ma humiex ibbażati fuq il-kundizzjonijiet reali ta’ ċirkulazzjoni.

93      Is-softwer inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermetti li jiġu identifikati l-parametri li jikkorrispondu għal dawk tat-testijiet imwettqa fil-laboratorju skont il-profil NEDC u, jekk ikun il-każ, li jiżdied il-livell ta’ ftuħ tal-valv EGR sabiex tiġi assenjata parti ikbar mill-gassijiet tal-egżost fil-manifold u sabiex hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vettura ttestjata. Dan is-softwer jippermetti għalhekk li jiġi intensifikat il-funzjonament tal-valv EGR sabiex l-emissjonijiet josservaw il-limiti stabbiliti mir-Regolament Nru 715/2007. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, meta l-imsemmi softwer ma jidentifikax il-profil NEDC u minħabba f’hekk huwa jqis li l-vettura tinsab f’kundizzjonijiet ta’ użu normali, jiġu kkonstatati emissjonijiet ta’ NOx ogħla minn dawk miġbura matul il-fażi tat-testijiet, li barra minn hekk ma humiex konformi mal-limiti stabbiliti mir-Regolament Nru 715/2007.

94      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti minnha (is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Kaplan International colleges UK, C‑77/19, EU:C:2020:934, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Qabel kollox, mill-formulazzjoni tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 jirriżulta li apparat ta’ manipulazzjoni huwa intiż sabiex inaqqas “l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura”.

96      Konsegwentement, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jiġi dedott li apparat, bħas-sistema EGR inkwistjoni fil-kawża prinċipali, implimentat sabiex tiġi żgurata limitazzjoni tal-emissjonijiet skont ir-Regolament Nru 715/2007, għandu jkun operattiv kemm matul il-perijodu ta’ testijiet ta’ approvazzjoni tal-laboratorju kif ukoll waqt l-użu f’kundizzjonijiet normali tal-vettura.

97      Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, mill-punt 77 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, il-miżuri tekniċi adottati mill-manifattur għandhom ikunu tali li jiggarantixxu b’mod partikolari limitazzjoni effettiva tal-emissjonijiet mit-tailpipe matul il-ħajja normali tal-vetturi, f’kundizzjonijiet normali ta’ użu. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-manifattur għandu jattrezza l-vetturi b’tali mod li l-komponenti li jaġixxu fuq l-emissjonijiet għandhom jippermettu lill-vetturi, f’użu normali, jikkonformaw ruħhom mal-limiti tal-emissjonijiet previsti mill-istess regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

98      Għandu jiġi kkonstatat li dan il-kuntest ma jurix elementi li jippermettu li ssir distinzjoni bejn il-funzjonament tal-apparat kontenzjuż fil-fażi tat-test ta’ approvazzjoni u waqt is-sewqan f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vetturi. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 124 tal-konklużjonijiet tagħha, l-implimentazzjoni ta’ apparat li l-uniku skop tiegħu huwa li tiġi żgurata l-osservanza tal-limiti tal-emissjonijiet previsti mir-Regolament Nru 715/2007 biss matul il-fażi ta’ test ta’ approvazzjoni jmur kontra l-obbligu li tiġi żgurata limitazzjoni effettiva tal-emissjonijiet f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vettura.

99      Konsegwentement, għandha tingħata interpretazzjoni lill-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 fis-sens li jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, softwer, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jemenda l-livell tal-emissjonijiet tal-vetturi skont il-kundizzjonijiet ta’ sewqan li huwa jidentifika u jiggarantixxi l-osservanza tal-limiti tal-emissjonijiet biss meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu jikkorrispondu għal dawk applikati matul il-proċeduri ta’ approvazzjoni. Għalhekk, tali apparat jikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni anki jekk it-titjib tal-prestazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet jista’ wkoll jiġi osservat, f’ċirkustanzi speċifiċi, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vettura.

100    Din l-interpretazzjoni hija, fl-aħħar, ikkorroborata mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 715/2007, li, kif jirriżulta mill-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza, jikkonsisti fit-tnaqqis kunsiderevoli tal-emissjonijiet ta’ NOx u li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent.

101    Fil-fatt, il-fatt li l-kundizzjonijiet għall-użu normali tal-vetturi jistgħu eċċezzjonalment, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet ta’ sewqan applikati matul il-proċeduri ta’ approvazzjoni, u għalhekk itejbu, f’ċirkustanzi speċifiċi, ir-rendiment tal-apparat inkwistjoni ma jaffettwax din l-interpretazzjoni, peress li, fil-kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vetturi, l-għan ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ NOx normalment ma jintlaħaqx.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt (a) u (c) tat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, apparat li jidentifika kull parametru marbut mal-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ approvazzjoni previsti minn dan ir-regolament, sabiex titjieb il-prestazzjoni, matul dawn il-proċeduri, tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, u hekk tinkiseb l-approvazzjoni tal-vettura, anki jekk tali titjib jista’ jiġi osservat, f’ċirkustanzi speċifiċi, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vettura.

 Fuq il-punt (b) tat-tielet domanda u ir-raba’ domanda

103    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-punt (b) tat-tielet domanda u r-raba’ domanda jirrigwardaw l-eċċezzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2)(b) u (ċ) ta’ dan ir-regolament huma irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant ma hemmx lok li jiġi interpretat l-imsemmi Artikolu 5(2)(b) u (ċ).

104    Għalhekk, permezz tal-imsemmija domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jtejjeb sistematikament ir-rendiment tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-vetturi waqt proċeduri ta’ approvazzjoni meta mqabbel ma’ dak ikkonstatat matul kundizzjonijiet ta’ użu normali, jista jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tali apparati prevista f’din id-dispożizzjoni peress li dan l-apparat jikkontribwixxi sabiex jipprevjeni t-tqassir tal-proċess li bih magna tiqdiem jew tinstadd.

105    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet huwa pprojbit. Madankollu, din il-projbizzjoni għandha tliet eċċezzjonijiet, fosthom dik li tinsab fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li din il-projbizzjoni ma tapplikax meta “l-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura”.

106    Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċetti ta’ “ħsara” u ta’ “inċident” ma humiex iddefiniti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 715/2007 u lanqas fl-artikoli l-oħra tal-imsemmi regolament.

107    Għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni, fir-Regolament Nru 715/2007, ta’ dawn il-kunċetti, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ dawn il-kliem għandha tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti.

108    Fis-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, it-terminu “inċident” jirreferi, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 135 tal-konklużjonijiet tagħha, għal avveniment mhux previst u li jseħħ f’daqqa waħda li jwassal għal ħsara jew perikoli, bħal korrimenti jew mewt. Minn naħa tagħha, il-kelma “ħsara” tirreferi għal dannu li jirriżulta ġeneralment minn kawża vjolenti jew li sseħħ f’daqqa waħda.

109    Konsegwentement, apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet huwa ġġustifikat peress li, skont l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, huwa jippermetti li l-magna tiġi protetta minn danni li jseħħu f’daqqa waħda u li huma eċċezzjonali.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li magna tinstadd u tiqdiem ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “inċident” jew “ħsara”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li, kif tosserva l-Kummissjoni, dawn l-avvenimenti huma, bħala prinċipju, prevedibbli u inerenti għall-funzjonament normali tal-vettura.

111    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, li jistabbilixxi eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, kif ukoll mill-għan imfittex mill-imsemmi regolament. Fil-fatt, kull eċċezzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha u li tosserva l-għan tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punti 22 kif ukoll 23).

112    Il-fatt li l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-użu ta’ apparati ta’ manipulazzjoni li jnaqqsu l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, għandha tkun interpretata b’mod strett.

113    Tali interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 715/2007, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-arja fi ħdan l-Unjoni, li jimplika t-tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet ta’ NOx matul il-ħajja normali kollha tal-vetturi. Il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament tkun imċaħħda mis-sustanza u mċaħħda minn kull effett utli jekk il-manifatturi kienu awtorizzati jattrezzaw il-vetturi ta’ tali apparati ta’ manipulazzjoni bl-għan uniku li jipproteġi l-magna milli tinstadd jew milli tiqdiem.

114    Konsegwentement, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 146 tal-konklużjonijiet tagħha, huma biss ir-riskji immedjati ta’ ħsarat li jiġġeneraw perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura li huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni.

115    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt (a) tat-tielet domanda u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jtejjeb sistematikament, waqt proċeduri ta’ approvazzjoni, ir-rendiment tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-vetturi sabiex jiġu osservati l-limiti ta’ emissjoni stabbiliti minn dan ir-regolament, u għalhekk li tinkiseb l-approvazzjoni ta’ dawn il-vetturi, ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tali apparati prevista f’din id-dispożizzjoni, dwar il-protezzjoni tal-magna kontra ħsara jew inċident u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura, anki jekk dan l-apparat jikkontribwixxi sabiex jipprevjeni t-tqassir tal-proċess li bih magna tiqdiem jew tinstadd.

 Fuq l-ispejjeż

116    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “element tad-disinn”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, softwer integrat fil-kalkolatur li jikkontrolla l-magna jew li jaġixxi fuqu, peress li huwa jaġixxi fuq il-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet u jnaqqas l-effettività tagħha.

2)      Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kemm it-teknoloġiji u l-istrateġija magħrufa bħala “trattament sussegwenti tal-gass tal-egżost”, li jnaqqsu l-emissjonijiet fi stadju sussegwenti, jiġifieri wara l-formazzjoni tagħhom, kif ukoll dawk li, bħas-sistema ta’ riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost, inaqqsu l-emissjonijiet fi stadju preċedenti, jiġifieri wara l-ħolqien tagħhom.

3)      Il-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, apparat li jidentifika kull parametru marbut mal-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ approvazzjoni previsti minn dan ir-regolament, sabiex titjieb il-prestazzjoni, matul dawn il-proċeduri, tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, u hekk tinkiseb l-approvazzjoni tal-vettura, anki jekk tali titjib jista’ jiġi osservat, f’ċirkustanzi speċifiċi, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vettura.

4)      L-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jtejjeb sistematikament, waqt proċeduri ta’ approvazzjoni, ir-rendiment tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-vetturi sabiex jiġu osservati l-limiti ta’ emissjoni stabbiliti minn dan ir-regolament, u għalhekk li tinkiseb l-approvazzjoni ta’ dawn il-vetturi, ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tali apparati prevista f’din id-dispożizzjoni, dwar il-protezzjoni tal-magna kontra ħsara jew inċident u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura, anki jekk dan l-apparat jikkontribwixxi sabiex jipprevjeni t-tqassir tal-proċess li bih magna tiqdiem jew tinstadd.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.