Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Jannar 2011 - Verenigde Douaneagenten vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-32/11)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Verenigde Douaneagenten (Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: J. van der Meché, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-Deċiżjoni għar-raġunjiet li ġejjin.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-1 ta' Ottubru 2010, bir-referenza REC 02/09.

Il-Kummissjoni ddikjarat, abbażi tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92 1 u tal-Artikolu 871 tar-Regolament Nru 2454/93 2, li r-rikorrenti aġixxiet in bona fide u osservat id-dispożizzjonijiet kollha stabbilit mill-leġiżlazzjoni fis-seħħ rigward id-dikjarazzjoni doganali, iżda li madankollu ma kien hemm l-ebda żball min-naħa tal-awtorità kompetenti u li għaldaqstant għandu jsir irkupru a posteriori.

Ir-rikorrenti ssostni li fil-każ preżenti hemm żball abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92. Dak is-subparagrafu jipprovdi li fejn l-istatus preferenzjali tal-merkanzija huwa stabbilit abbażi ta' sistema ta' kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, il-ħruġ ta' ċertifikat żbaljat minn dawn l-awtoritajiet huwa meqjus bħala żball. Fil-fehma tar-rikorrenti dan huwa il-każ hawnhekk.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li fil-każ ta' rkupru a posteriori tad-dazji doganali, l-awtoritajiet doganali Olandiżi iridu juru li l-ħruġ ta' ċertifikati żbaljati huwa imputabbli għal dikjarazzjoni żbaljata tal-fatti min-naħa tal-esportatur.

Ir-rikorrenti ssostni li, minħabba din ir-raġuni, il-konklużjoni għandha tkun li l-ħruġ taċ-ċertifikati żbaljati min-naħa tal-awtoritajiet doganali ta' Curacao jikkostitwixxi żball skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92.

Fl-investigazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni osservat ukoll li għandu jitqies li r-rikorrenti ma wettqitx atti ta' frodi jew uriet negliġenza manifesta, iżda li dan ma huwiex każ ta' ċirkustanzi speċjali u għaldaqstant remissjoni tad-dazji ma hijiex iġġustifikata.

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar ir-remissjoni skont l-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92 ma ngħatatx fil-perijodu stabbilit fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93. Għaldaqstant, hija ssostni li l-awtoritajiet doganali Olandiżi għandhom jagħtu risposta favorevoli għat-talba għal remissjoni tad-dazji.

Min-naħa l-oħra, fl-investigazzjoni tagħha l-Kummissjoni naqset ukoll milli ssegwi l-proċedura korretta inkwantu ma semgħatx lir-rikorrenti u ma tagħthiex l-opportunità li tesprimi debitament il-perspettiva tagħha, li fil-fehma tar-rikorrenti, tmur kontra l-prinċipju ta' difiża tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li hemm ċirkustanza speċjali minħabba l-fatt li billi tinvoka l-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92 hija tiddependi fuq dokumenti li ma għandhiex u li ma għandux għalfejn ikollha.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).