Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Lulju 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

(Kawża C-462/23)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: N. Nikolova u B. Rous Demiri)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi naqset milli tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ ilma minerali naturali u ta’ ilma tan-nixxiegħa li joriġinaw mill-istess sors taħt iktar minn deskrizzjoni kummerċjali waħda, billi naqset milli tirrikjedi li l-isem tas-sors għandu jiġi indikat fuq it-tikketti tal-ilma minerali naturali u tal-ilma tan-nixxiegħa, billi awtorizzat l-użu tat-terminu “ilma tan-nixxiegħa” fir-rigward ta’ ilma li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-użu tat-terminu “ilma tan-nixxiegħa”, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(2), taħt l-Artikolu 7(2)(b) u taħt il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali 1 ;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali tistabbilixxi l-prinċipju “sors wieħed – deskrizzjoni kummerċjali waħda” fl-Artikolu 8(2), li permezz tiegħu huwa pprojbit it-tqegħid fis-suq ta’ ilma minerali naturali u ta’ ilma tan-nixxiegħa li joriġinaw mill-istess sors taħt iktar minn deskrizzjoni kummerċjali waħda. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(2)(b), moqri flimkien mal-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva, it-tikketti tal-ilma minerali naturali u tal-ilma tan-nixxiegħa għandhom jindikaw il-post fejn jiġi sfruttat is-sors u l-isem tas-sors.

Madankollu, il-leġiżlazzjoni Bulgara tippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ ilma minerali naturali u ta’ ilma tan-nixxiegħa li joriġinaw mill-istess sors taħt iktar minn deskrizzjoni kummerċjali waħda u tippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ ilma minerali u ta’ ilma tan-nixxiegħa li joriġinaw mill-water table jew mill-istess depożitu ta’ taħt l-art u li jkollhom karatteristiċi identiċi taħt deskrizzjonijiet kummerċjali differenti, bi ksur tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54/KE. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Bulgara ma tirrikjedix li l-isem tas-sors, fis-sens tad-Direttiva, ikun fost l-indikazzjonijiet obbligatorji li għandhom jingħataw fuq it-tikketti tal-ilma minerali naturali u għalhekk ma hijiex konformi mal-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva. Ir-Repubblika tal-Bulgarija lanqas ma twettaq l-obbligu tagħha taħt il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva, sa fejn id-dritt nazzjonali jippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ ilma tan-nixxiegħa li ma jissodisfax ir-rekwiżiti dwar it-tikkettar.

Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija fit-2 ta’ Lulju 2020. Fit-23 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Bulgarija. Madankollu, ir-Repubblika tal-Bulgarija għadha ma adottatx miżuri li jittrasponu d-Direttiva, u lanqas ma kkomunikat tali miżuri lill-Kummissjoni.

____________

1     ĠU 2009, L 164, p. 45.