Language of document : ECLI:EU:T:2010:396

Kawża T-97/08

KUKA Roboter GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tikkonsisti fi grad tal-lewn oranġjo — Raġuni assoluta għal rifjut — Nuqqas ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Legalità tad-deċiżjoni ta’ bord tal-appell — Kontestazzjoni permezz tal-invokazzjoni ta’ fatti ġodda — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 63)

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark — Kuluri jew abbinamenti ta’ kuluri — Kundizzjoni — Karattru distintiv — Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess ġenerali li ma tiġix ristretta indebitament id-disponibbiltà tal-kuluri

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 4)

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

4.      Rikors għal annullament — Motivi — Użu ħażin ta’ poter — Kunċett

1.      Il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (trade marks u disinni) tista’ tiġi kkontestata, billi jiġu invokati fatti ġodda quddiem il-Qorti Ġenerali, biss jekk jintwera li l-Bord tal-Appell kellu ex officio jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-fatti matul il-proċedura amministrattiva qabel ma adotta kwalunkwe deċiżjoni f’dak il-każ.

(ara l-punt 11)

2.      Fil-każ ta’ kulur, l-eżistenza ta’ karattru distintiv qabel kull użu hija konċepibbli biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari meta n-numru tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom intalbet it-trade mark huwa limitat ħafna u s-suq rilevanti huwa speċifiku ħafna.

Sa fejn id-dritt tat-trade marks jikkostitwixxi element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta stabbilita mit-Trattat, id-drittijiet u l-fakultajiet li t-trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dan l-għan. Issa, fid-dawl tal-fatt li t-trade mark irreġistrata tagħti lill-proprjetarju tagħha, għal prodotti u servizzi partikolari, dritt esklużiv li jippermettilu jimmonopolizza s-sinjal irreġistrat bħala trade mark mingħajr limitazzjoni ta’ żmien, il-possibbiltà li trade mark tiġi rreġistrata tista’ tiġi ristretta għal raġunijiet marbutin mal-interess pubbliku. F’dan ir-rigward, in-numru limitat tal-kuluri effettivament disponibbli għandu bħala riżultat li numru żgħir ta’ reġistrazzjonijiet bħala trade marks għal prodotti jew servizzi partikolari jista’ jeżawrixxi l-firxa ta’ kuluri disponibbli. Monopolju daqshekk estiż ma jkunx kompattibli ma’ sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, b’mod partikolari peress li dan joħloq riskju li jinħoloq vantaġġ kompetittiv mhux iġġustifikat favur operatur ekonomiku wieħed. Jeħtieġ għalhekk li fil-kamp tad-dritt Komunitarju tat-trade marks jiġi rrikonoxxut interess pubbliku li d-disponibbiltà ta’ kuluri għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti u servizzi tal-istess tip bħal dawk li fir-rigward tagħhom qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni, ma tkunx indebitament ristretta.

(ara l-punti 33-35)

3.      Is-sinjal li jikkonsisti fi grad tal-lewn oranġjo, li qed tintalab ir-reġistrazzjoni tiegħu għal “Robots bl-idejn artikolati sabiex jikkontrollaw, jittrattaw u jissaldjaw, bl-eċċezzjoni tar-robots għall-kmamar asettiċi (cleanrooms), ir-robots mediċi u r-robots li japplikaw il-verniċ; partijiet għall-prodotti msemmija” li jaqa’ taħt il-klassi 7 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, huwa nieqes minn karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja.

Ir-rekwiżit tad-disponibbiltà tal-kuluri, li għandu influwenza fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament, normalment, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jikkostitwixxi ostakolu għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark magħmula minn kulur. Ma ġiet prodotta ebda prova li tippermetti li jiġi deċiż li hemm ċirkustanzi eċċezzjonali u, b’mod partikolari, li n-numru ta’ prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għat-trade mark huwa tant limitat u li s-suq rilevanti huwa tant speċifiku li, minn naħa, kulur fih innifsu jkun kapaċi jindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti li jkopri u li, min-naħa l-oħra, il-monopolizzazzjoni tiegħu ma joħloqx vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat favur il-proprjetarju tat-trade mark, kontra l-interess pubbliku.

Il-partikolaritajiet tas-settur inkwistjoni, relattivi b’mod partikolari għall-fatt li r-robots koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikkostitwixxu prodotti speċifiċi ħafna, huma oġġetti li jikkostiwixxu investiment fit-tul, huma għaljin, jintużaw għal finijiet speċjalizzati ħafna u l-akkwist ta’ robot jinvolvi ħafna xogħlijiet ta’ adattament min-naħa tax-xerrej, ma jbiddlux il-fatt li huwa normali li, fis-settur tal-prodotti inkwistjoni, dawn ikunu disponibbli f’bosta kuluri differenti. Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti stess tallega li l-klijenti jagħżlu l-kuluri tal-prodotti mal-ordni. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, fis-settur ikkonċernat, il-pubbliku rilevanti huwa normalment espost għall-prodotti inkwistjoni f’diversi kuluri, mingħajr ma dawn ikunu pperċepiti bħala li jindikaw l-oriġini kummerċjali tal-imsemmija prodotti.

(ara l-punti 39, 44, 46, 47)

4.      Il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter għandu portata preċiża fid-dritt tal-Unjoni u jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn awtorità amministrattiva tuża l-poteri tagħha għal għan li ma jkunx dak li għalih ingħatawlha l-poteri. Deċiżjoni ma tkunx affettwata minn użu ħażin ta’ poter ħlief jekk din tkun tidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati.

(ara l-punt 65)