Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Frar 2008 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-95/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: G. Aiello, Avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitjiet Ewropej

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 6514 ta' l-20 ta' Diċembru 2007, innotifikata fil-21 ta' Diċembru 2007, safejn eskludiet mill-finanzjament Komunitarju u imponiet fuq il-baġit tar-Repubblika Taljana l-konsegwenzi finanzjarji applikabbli, fil-kuntest tal-likwidazzjoni ta' l-ispejjeż iffinanzjati taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (FAEGG).

tikkundanna l-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Gvern Taljan qed jikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 6514, ta' l-20 ta' Diċembru 2007, safejn eskludiet mill-finanzjament Komunitarju u imponiet fuq il-baġit tar-Repubblika Taljana l-konsegwenzi finanzjari applikabbli, fil-kuntest tal-likwidazzjoni ta' l-ispejjeż iffinanzjati taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (FAEGG).

In sostenn tal-pretensjonijiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni:

il-ksur, f'dak li jirrigwarda l-għajnuna fil-qasam tal-prodotti tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1535/2003, tad-29 ta' Awissu 2003, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 rigward l-iskema tal-għajnuna għall-prodotti pproċessati mill-frott u l-ħxejjex ta' l-ikel (ĠU L 218, 30.08.2003, p.14).

il-ksur, f'dak li jirirgwarda l-akkwist ta' bovini b'età ta' aktar minn tletin xahar destinati għall-qatla, ta' l-Artikolu 5(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2777/2000, tat-18 ta' Diċembru 2000, li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali in sostenn tas-suq tal-laħam taċ-ċanga (ĠU L 321, 19.12.2000, p. 47), kif ukoll ta' l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/735/KE, tal-21 ta' Ottubru 1997, dwar xi miżuri ta' protezzjoni f'dak li jikkonċerna xi tipi ta' skart ta' l-annimali mammiferi (ĠU L 294, 28.10.1997, p. 7).

il-ksur, f'dak li jirrigwarda s-sistema ta' fondi għat-tabakk, ta' l-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92, tat-30 ta' Ġunju 1992, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tat-tabakk mhux ipproċessat (ĠU L 215, 30.07.1992, p. 70), kif ukoll ta' l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2848/98, tat-22 ta' Diċembru 1998, li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92 (ĠU L 358, 11.12.1998, p. 17).

____________