Language of document : ECLI:EU:T:2015:497

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*)

“Aċċess għad-dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti marbuta mal-affiljazzjoni ta’ ċerti membri tal-Parlament fl-iskema tal-pensjoni addizzjonali — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-ħajja privata u mal-integrità tal-individwu — Artikolu 8(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 — Trasferiment tad-data ta’ natura personali — Kundizzjonijiet marbuta man-neċessità ta’ trasferiment tad-data u mar-riskju ta’ preġudizzju tal-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata”

Fil-Kawża T‑115/13,

Gert-Jan Dennekamp, residenti f’Giethoorn (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentat minn O. Brouwer, T. Oeyen u E. Raedts, avukati,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo, bħala aġent,

minn

Ir-Renju tal-Isvezja, inizjalment irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, S. Johannesson u U. Persson, sussegwentement minn Falk, Meyer‑Seitz, Persson, E. Karlsson, L. Swedenborg, C. Hagerman u F. Sjövall, bħala aġenti,

u minn

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), irrappreżentat minn A. Buchta u U. Kallenberger, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Lorenz u N. Görlitz, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni A (2012) 13180 tal-Parlament, tal-11 ta’ Diċembru 2012, li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għal ċerti dokumenti marbuta mal-affiljazzjoni ta’ ċerti membri tal-Parlament fl-iskema tal-pensjoni addizzjonali,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich, President, J. Schwarcz (Relatur) u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Gert-Jan Dennekamp, huwa ġurnalist, impjegat min-Nederlandse Omroep Stichting (Assoċjazzjoni tar-radju u t-televiżjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi).

2        Fil-25 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrent ressaq, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), quddiem il-Parlament talba ta’ aċċess għad-“dokumenti kollha” marbuta mal-affiljazzjoni ta’ ċerti membri tal-Parlament fl-iskema tal-pensjoni addizzjonali (iktar ʼil quddiem “skema”). Huwa ngħata aċċess għal nota tas-segretarjat ġenerali tal-bureau tal-Parlament (iktar ʼil quddiem il-“bureau”), għall-“kontijiet u rapporti annwali” relattivi għal diversi snin u għall-verbal ta’ laqgħa tal-bureau. Barra minn hekk, l-ilment ippreżentat mir-rikorrent quddiem l-Ombudsman Ewropew, minħabba r-rifjut li huwa jingħata aċċess għal-lista tal-Membri tal-Parlament li jipparteċipaw fl-iskema, ingħalaq.

3        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrent ressaq talba għal aċċess għad-dokumenti kollha li jindikaw liema membri tal-Parlament (iktar ʼil quddiem il-“membri”) jipparteċipaw fl-iskema, għal-lista tal-membri li kienu jipparteċipaw fl-iskema fl-1 ta’ Settembru 2005 u għal-lista ta’ parteċipanti fid-data li fiha saret it-talba għal aċċess, li favur tagħhom il-Parlament kien iħallas kontribuzzjoni mensili. Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2008, il-Parlament ċaħad it-talba konfermatorja għal aċċess għad-dokumenti msemmija iktar ʼil fuq.

4        Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2008 permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Novembru 2011, Dennekamp vs Il-Parlament (T‑82/09, EU:T:2011:688). Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rikorrenti ma ħax inkunsiderazzjoni, fit-talba tiegħu għal aċċess għad-dokumenti, il-prinċipju stabbilit fis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (C‑28/08 P, Ġabra, EU:C:2010:378, punt 63), li jeħtieġ, meta talba ta’ aċċess tkun tirrigwarda data ta’ natura personali, li jiġi applikat, fl-intier tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102). B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrent ma kienx wera n-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali, kif rikjest mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 (sentenza Dennekamp vs Il-Parlament, iċċitata iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punti 31 sa 35).

5        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent talab lill-President tal-Parlament li jagħtih aċċess għal erba’ kategoriji ta’ dokumenti: id-dokumenti kollha li minnhom jirriżulta liema huma, fost il-membri attwali, dawk li huma affiljati fl-iskema; il-lista nominattiva tal-membri li kienu affiljati fl-iskema wara Settembru 2005; il-lista nominattiva tal-membri attwalment affiljati fl-iskema u li fir-rigward tagħhom il-Parlament ħallas kontribuzzjoni mensili; id-dokumenti kollha li għandhom rabta mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-iskema sa mill-2009 (iktar ʼil quddiem it-“talba inizjali”).

6        Fit-talba inizjali, ir-rikorrenti sostna, minn naħa, li kienet teżisti n-neċessità oġġettiva, fis-sens tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, għat-trasferiment tad-data ta’ natura personali u, min-naħa l-oħra, li ma kienx hemm riskju li l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati jsofru preġudizzju minħabba l-iżvelar tad-data inkwistjoni.

7        Dwar in-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali, ir-rikorrenti, filwaqt li jibbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ interess kbir tal-pubbliku għat-trasparenza, rikonoxxut mir-Regolament Nru 1049/2001, invoka l-bżonn tal-pubbliku li jifhem aħjar kif ittieħdu d-deċiżjonijiet u l-fatt li, sabiex isir dan, seta’ jinbeda dibattitu permezz ta’ rappurtar fl-istampa. F’dan il-każ, huwa enfasizza li kien tal-ikbar importanza li ċ-ċittadini Ewropej jkunu jafu liema kienu l-membri li kellhom interess personali fl-iskema, fid-dawl, prinċipalment, taċ-ċirkustanzi li l-Parlament kien iħallas żewġ terzi tal-kontribuzzjonijiet tal-membri li jipparteċipaw fl-iskema, li diversi drabi dan għamel tajjeb għall-iżbilanċ tal-iskema u li impenja ruħu li jikkumpensa t-telf kollu li ġarrbet l-iskema biex b’hekk jiżgura wkoll fir-rigward tal-membri li jipparteċipaw fl-iskema, iż-żamma tad-drittijiet tal-pensjoni akkwistati, fatt li jekwivali, skont ir-rikorrent, għal użu kunsiderevoli ta’ fondi pubbliċi.

8        Dwar l-assenza ta’ kull preġudizzju għall-interessi leġittimi tal-membri, ir-rikorrent kellu l-opinjoni li kien diffiċli li jiġi identifikat liema preġudizzju jirriżulta mill-iżvelar tal-ismijiet tal-membri li jipparteċipaw fl-iskema, peress li dawn tal-aħħar setgħu jkomplu jipparteċipaw fiha u li jibbenefikaw minnha, u li l-investimenti privati tagħhom ma kinux, b’dan il-mod, ser jiġu żvelati. F’każ li jiġi kkunsidrat li l-iżvelar tal-ismijiet tal-membri li jipparteċipaw fl-iskema jaffettwa l-interessi privati tagħhom, ir-rikorrent isostni li dawn ma humiex interessi privati leġittimi peress li, fid-dawl tal-fatt li l-iskema ġiet stabbilita u influwenzata mill-eletti għan-nom tal-eletti u li din ħallset benefiċċji ffinanzjati minn fondi pubbliċi, tali interessi privati ma kellhomx jiġu ttrattati bl-istess mod bħal dawk li huma marbuta man-natura privata tal-kontribuzzjonijiet lejn l-iskema ta’ pensjoni normali. Skont ir-rikorrent, reazzjoni negattiva tal-pubbliku fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ ċerti membri fl-iskema ma tistax titqies li hija preġudizzju għall-ħajja privata li r-Regolament Nru 1049/2001 għandu l-għan li jevita.

9        Fl-aħħar, fit-talba inizjali, ir-rikorrent, wara li għamel riferiment għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ʼil quddiem il-“KEDB”), sostna li, permezz tat-talba tiegħu, huwa ma kellux l-intenzjoni li jinterferixxi fir-residenza jew fil-ħajja familjari tal-membri, iżda li jibda dibattitu pubbliku fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet pubbliċi li fihom iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu awtorizzati li jipparteċipaw.

10      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2012, is-segretarjat ġenerali tal-Parlament irrifjuta l-aċċess għall-ewwel tliet kategoriji ta’ dokumenti, peress li dawn id-dokumenti kienu jinkludu data ta’ natura personali li fir-rigward tagħha l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 kien jirrikjedi mill-persuna li titlobha li tistabbilixxi n-neċessità tat-trasferiment tagħha u li ma kienet teżisti l-ebda raġuni li abbażi tagħha t-trasferiment seta’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati. Issa, is-segretarjat ġenerali kkunsidra li r-rikorrent ma kienx wera n-neċessità tat-trasferiment tad-data inkwistjoni b’sempliċi riferiment għall-interess pubbliku fit-trasparenza. Sussegwentement, huwa qies li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk kienx jeżisti riskju ta’ preġudizzju għall-interessi leġittimi tal-membri. Fl-aħħar, fir-rigward tar-raba’ kategorija ta’ dokumenti mitluba mir-rikorrent, is-segretarjat ġenerali identifika d-dokumenti marbuta mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-iskema sa mill-2009 u pprovda r-referenzi li bihom setgħu jinstabu dawn id-dokumenti fis-sit tal-internet tal-Parlament.

11      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrent ippreżenta, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, domanda konfermatorja ta’ aċċess għall-ewwel tliet kategoriji ta’ dokumenti ċċitati fil-punt 5 iktar ʼil fuq (iktar ʼil quddiem id-“domanda konfermatorja”). Ir-rikorrent insista fuq ir-raġunijiet li abbażi tagħhom huwa kien iqis neċessarju t-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkwistjoni, billi bbaża ruħu fuq id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni u fuq id-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Huwa enfasizza l-assenza ta’ bbilanċjar mill-Parlament tan-neċessità tat-trasferiment tad-data mad-dritt għall-osservanza tal-ħajja privata tal-membri kkonċernati, kif ukoll l-assenza ta’ spjegazzjoni dwar il-mod kif l-aċċess mitlub seta’ jkun ta’ preġudizzju b’mod konkret u speċifiku għall-ħajja privata tal-imsemmija membri. Sussegwentement, ir-rikorrent spjega b’mod iddettaljat, minn naħa, għaliex kien neċessarju l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, jiġifieri sabiex isir rappurtaġġ dwar il-mod kif il-fondi pubbliċi kienu użati, fuq l-impatt possibbli tal-interessi provati fuq il-voti tal-membri u fuq il-funzjonament tal-mekkaniżmi ta’ kontroll, u, min-naħa l-oħra, għal liema raġunijiet l-interessi privati possibbli tal-membri kkonċernati mid-dokumenti mitluba ma setgħux jipprevalu fuq il-libertà tal-espressjoni u l-interess pubbliku li jiġi informat dwar il-mod kif il-fondi pubbliċi kienu qegħdin jintnefqu kif ukoll dwar id-deċiżjonijiet politiċi adottati.

12      Permezz ta’ Deċiżjoni A (2012) 13180, tal-11 ta’ Diċembru 2012, il-Parlament ċaħad id-domanda konfermatorja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

13      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament ibbaża r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq riskju ta’ preġudizzju għall-ħajja privata u l-integrità tal-individwu, prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li dawn id-dokumenti kienu jinkludu data ta’ natura personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, li l-iżvelar tagħha jmur kontra dan ir-regolament, li għandu jiġi applikat b’mod sħiħ meta d-dokumenti mitluba jkunu jinkludu tali data.

14      Fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ neċessità prevista fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, fl-ewwel lok, il-Parlament ikkunsidra li din kellha tiġi interpretata b’mod ristrettiv bħal kull eċċezzjoni oħra għad-dritt fundamentali. Fit-tieni lok, huwa ammetta li r-rikorrent kien preċiż ħafna fir-rigward tal-intenzjonijiet tiegħu fir-rigward tad-data personali inkwistjoni, iżda li l-argumenti ta’ dan tal-aħħar ma kinux jistabbilixxu n-neċessità tat-trasferiment tagħhom. Fil-fatt, il-Parlament kien tal-opinjoni li jekk tiġi ammessa bħala argument validu fil-kuntest tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, l-invokazzjoni ta’ interess tal-pubbliku u tal-midja li jeżerċitaw kontroll fuq l-ispejjeż pubbliċi, dan ikun jippermetti l-iżvelar tad-data ta’ natura personali lil hinn minn kull limitu raġonevoli u jkun jikser ir-regoli ta’ protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar. B’mod iktar preċiż, il-Parlament innota li r-rikorrent ma kien jistabbilixxi l-ebda ness bejn l-intenzjonijiet tiegħu u d-data preċiża li talab l-aċċess għaliha. Issa, la huwa neċessarju u lanqas proporzjonat li jintalbu l-ismijiet tal-membri kollha li jipparteċipaw fl-iskema, peress li d-deċiżjonijiet relattivi għal din tal-aħħar ġew adottati mill-bureau. Fit-tielet lok, il-Parlament irrileva li r-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi kien inerenti fis-sitwazzjoni ta’ parlament, li kien jiddeċiedi kuljum fuq ir-remunerazzjonijiet tal-membri tiegħu, u tali fatt ma setax waħdu jiġġustifika l-iżvelar ta’ data ta’ natura personali. Fir-raba’ lok, il-Parlament ikkunsidra li l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 kellu jiġi interpretat b’mod li jiġi żgurat ir-ratio u l-effett utli tal-imsemmi regolament u li l-applikazzjoni tiegħu ma setgħetx twassal sabiex ixxejjen is-sustanza kollha ta’ dan tal-aħħar, li kieku jiġri jekk, bħal f’dan il-każ, it-trasferiment tad-data ta’ natura personali jkollu bħala l-għan waħdieni tiegħu l-iżvelar immedjat tagħha lill-pubbliku. Issa, peress li l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 tirrikjedi li tintwera n-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali minn min jitlobha, l-għan segwit mir-rikorrent kien jippermetti lil persuni li ma wrewx tali neċessità li jiksbu aċċess għal din id-data, bi ksur tar-regola stabbilita mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq (EU:C:2010:378, punt 63).

15      Fir-rigward tal-ibbilanċjar tan-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkwistjoni u l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati, il-Parlament ikkunsidra, fir-rigward tar-Regolament Nru 45/2001, li dawn tal-aħħar kienu jipprevalu, peress li ma kienx proporzjonat li jiġi ammess tali trasferiment. Fl-ewwel lok, il-Parlament ammetta li l-interessi leġittimi ta’ membru kienu inqas estiżi minn dawk ta’ persuna privata mingħajr kariga pubblika u li, konsegwentement, il-livell ta’ protezzjoni tad-data tagħhom kienet inqas. Fit-tieni lok, il-Parlament madankollu rrileva li peress li l-finanzjament pubbliku tal-iskema ma kienx jimplika li l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali tal-membri ma kellhiex tiġi applikata jew li dawn tal-aħħar ma kellhomx interessi leġittimi li jistgħu jinvokaw kontra l-iżvelar ta’ din id-data. F’dan il-kuntest, il-Parlament sostna li kellha ssir distinzjoni bejn id-data li taqa’ fl-isfera pubblika, suġġetta għal livell inqas ta’ protezzjoni, u dawk li jaqgħu taħt l-isfera privata, protetti mill-kunċett ta’ interessi leġittimi. Issa, skont il-Parlament, peress li d-data ta’ natura personali inkwistjoni kienet taqa’ taħt l-isfera privata tal-membri, l-informazzjoni li kien fiha kienet tippreżenta interess leġittimu li għandu jiġi protett. Din kienet data li tirrigwarda s-sitwazzjoni finanzjarja personali tal-membri kkonċernati, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet lejn l-iskema tal-irtirar u d-drittijiet tal-pensjoni li jirriżultaw minnha, li huma kwistjonijiet ta’ natura privata. Il-Parlament innota li, ċertament, l-eżistenza ta’ mandat ta’ membru kienet kundizzjoni sine qua non għall-aċċess għall-iskema, iżda li l-pensjoni kienet titħallas biss fi tmiem il-mandat u li l-kontribuzzjonijiet personali kienu importanti. Fit-tielet lok, il-Parlament sostna li, li kieku l-finanzjament minn fondi pubbliċi kien suffiċjenti sabiex ixejjen in-natura tad-data personali, dan kien jiswa wkoll għal kull aġent ta’ amministrazzjoni pubblika. Fir-raba’ lok, il-Parlament ikkonkluda, fl-ibbilanċjar tal-interessi, li, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura ġenerali tal-interess tal-medja u tal-pubbliku ġenerali fis-sitwazzjoni personali tal-membri, ma kienx proporzjonali li tiġi żvelata d-data mitluba, dment li ma jiġix ammess li jkun possibbli l-aċċess għad-data kollha ta’ natura personali tal-membri jew anki ta’ kull aġent pubbliku, li jimplika spejjeż pubbliċi. Skont il-Parlament, tali approċċ ikun ixejjen is-sustanza kollha tal-Artikolu 16 TFUE, filwaqt li, sabiex jasal għall-għanijiet tiegħu, ir-rikorrent seta’ sempliċement jitlob ċifri aggregati li jikkonċernaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-iskema. Fil-ħames lok, il-Parlament innota li kienu jeżistu miżuri iktar adegwati sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-rikorrenti, li jiżguraw b’mod suffiċjenti kontroll tal-ispejjeż pubbliċi u jinformaw lill-pubbliku.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Frar 2013, ir-rikorrent ippreżenta r-rikors odjern.

17      Permezz ta’ atti ppreżentati rispettivament fid-29, fit-30 ta’ Mejju u fil-11 ta’ Ġunju 2013, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Finlandja talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-rikorrent.

18      Permezz ta’ digrieti tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2013, il-KEPD, minn naħa, u r-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja, min-naħa l-oħra, ġew ammessi jintervjenu.

19      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli u l-Imħallef Relatur inizjalment maħtur ġie assenjat lill-Ħames Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

20      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti mill-intervenjenti.

21      Ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-KEPD jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tilqa’ t-talbiet tar-rikorrent u, għalhekk, tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

22      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

23      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsija lill-partijiet prinċipali. Il-partijiet wieġbu permezz ta’ ittri ppreżentati fis-16 ta’ Ottubru 2014 għall-Parlament u fis-17 ta’ Ottubru 2014 għar-rikorrent.

24      Wara s-seduta, saru diversi mistoqsijiet bil-miktub lill-Parlament, li r-risposta għalihom waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Jannar 2015. Ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq ir-risposta tal-Parlament. Il-fażi tal-proċedura orali ngħalqet fit-2 ta’ Frar 2015.

 Id-dritt

1.     Fuq il-portata tal-kawża

25      Fir-risposta tiegħu għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti indika li 64 membru parteċipanti fl-iskema kienu jopponu l-emendi li saru fir-rigward ta’ din tal-aħħar mill-bureau fil-laqgħat tiegħu tad-9 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2009, billi ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, li ġie miċħud bid-digriet tal-15 ta’ Diċembru 2010, Albertini et u Donnelly vs Il-Parlament (T‑219/09 u T‑326/09, Ġabra, EU:T:2010:519).

26      Barra minn hekk, membru ieħor parteċipanti fl-iskema wkoll ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-Parlament li tirrifjuta li tagħtih il-benefiċċju tal-pensjoni addizzjonali tiegħu fil-forma ta’ kapital (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il-Parlament, T‑439/09, Ġabra, EU:T:2011:600).

27      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ismijiet ta’ 65 membru parteċipanti fl-iskema kienu ġew ippubblikati fid-dati li fihom il-Qorti Ġenerali tat id-deċiżjonijiet tagħha fir-rigward tat-tliet kawżi msemmija fil-punti 25 u 26 iktar ʼil fuq, jiġifieri qabel ma ġie ppreżentat dan ir-rikors.

28      Minn din il-prespettiva, ir-rikors odjern huwa bla skop (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2006, Weber vs Il-Kummissjoni, T‑290/05, EU:T:2006:381, punt 42).

29      Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq dan l-aspett tal-kawża.

2.     Fuq il-fondatezza tar-rikors

30      Sabiex jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 11 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001. It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 11 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001

31      Fl-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrenti jsostni li, fit-talba konfermatorja, huwa pprovda, skont l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, ġustifikazzjonijiet espressi u leġittimi għan-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkluża fid-dokumenti mitluba, billi bbaża ruħu fuq id-dritt għall-informazzjoni taċ-ċittadini Ewropej. Fit-tieni parti, ir-rikorrent isostni li, fl-ibbilanċjar tal-interessi, il-membri ma għandhomx interess leġittimu fil-protezzjoni tal-ħajja privata tagħhom fis-sens tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001.

32      L-ewwel parti tal-motiv hija maqsuma f’erba’ lmenti, li permezz tagħhom ir-rikorrent iqis, fl-ewwel lok, li huwa wera n-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali, kriterju previst mill-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 u interpretat fid-dawl tas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq (EU:C:2010:378, punt 63), u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq (EU:T:2011:688, punti 31 sa 35), fit-tieni lok, li l-kriterju tan-neċessità ma għandux jingħata interpretazzjoni ristrettiva, fit-tielet lok, li huwa pprovda b’mod espliċitu n-ness bejn l-għan segwit mit-talba tiegħu u n-neċessità li jiġu żvelati l-ismijiet kollha mitluba, mezz l-iktar effettiv sabiex jintlaħaq dan l-għan, u, fir-raba’ lok, li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-istruttura u l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001.

33      It-tieni parti tal-motiv hija maqsuma fi tliet ilmenti. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostni li l-membri ma għandhomx interess leġittimu fil-protezzjoni tal-ħajja privata tagħhom fis-sens tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, peress li huma jissuġġettaw l-aġir tagħhom għal-livell għoli ta’ eżami mill-pubbliku. Fit-tieni lok, huwa tal-opinjoni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament ma ġġustifikax il-fatt li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jippreġudika l-interessi leġittimi tal-membri. Permezz tat-tielet ilment, huwa jqis li, anki jekk il-Parlament ġustament ikkunsidra li l-informazzjoni mitluba kienet taqa’ taħt l-isfera privata tal-membri, dan ma kienx biżżejjed sabiex din tiġi protetta bħala interess leġittimu fis-sens tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, li jirrikjedi bbilanċjar tal-interessi preżenti.

34      Qabel xejn, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li fihom it-trasferiment tad-data ta’ natura personali huwa awtorizzat mill-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, b’risposta, b’mod partikolari, għat-tieni u r-raba’ lment tal-ewwel parti tal-motiv, intiż sabiex jikkontesta l-mod kif il-Parlament applika b’mod konġunt ir-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Nru 45/2001. Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-Parlament evalwax b’mod korrett il-ġustifikazzjonijiet mogħtija mir-rikorrent dwar in-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali, b’risposta għall-ewwel u t-tielet ilment tal-ewwel parti tal-motiv. Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Parlament ibbilanċjax b’mod korrett l-interessi leġittimi tal-membri fil-protezzjoni tal-ħajja privata tagħhom u l-interess favur it-trasferiment tad-data ta’ natura personali, b’risposta għat-tliet ilmenti tat-tieni parti tal-motiv, li jikkoinċidu ħafna.

 Fuq l-applikazzjoni konġunta tar-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Nru 45/2001 u fuq l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001

35      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li hija rreġistrata fi Stat Membru għandha d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’riżerva għall-prinċipji u kundizzjonijiet li huma stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 294 TFUE (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, Ġabra, EU:C:2014:112, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jaqa’ taħt il-volontà espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, inserit bit-Trattat ta’ Amsterdam, li jittieħed pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin. Kif tfakkar il-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess għall-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra, EU:C:2008:374, punt 34, u tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u l-Kummissjoni, C‑506/08 P, Ġabra, EU:C:2011:496, punt 72).

36      Għal dan l-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 għandu l-għan, kif tindika l-premessa 4 tiegħu u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku d-dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (sentenzi L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 35 iktar ʼil fuq, EU:C:2008:374, punt 33, u L‑Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ʼil fuq, EU:C:2011:496, punt 73).

37      Ċertament, dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u b’mod konformi mal-premessa 11 tiegħu, l-imsemmi regolament jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, skema ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn dan l-artikolu (sentenza L‑Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ʼil fuq, EU:C:2011:496, punt 74).

38      Madankollu, peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-aċċess għad-dokumenti l-iktar wiesa’ possibbli favur il-pubbliku, dawn għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod ristrett (sentenzi L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 35 iktar ʼil fuq, EU:C:2008:374, punt 36, u L‑Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ʼil fuq, EU:C:2011:496, punt 75).

39      Għalhekk, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbet il-komunikazzjoni tiegħu, din għandha, fil-prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet rigward il-kwistjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u invokata minn din l-istituzzjoni (sentenza L‑Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ʼil fuq, EU:C:2011:496, punt 76). Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenzi L‑Isvezja vs Il-Kunsill, punt 35 iktar ʼil fuq, EU:C:2008:374, punt 43, u L‑Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ʼil fuq, EU:C:2011:496, punt 76).

40      Jeħtieġ ukoll li jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li, waqt l-eżami tar-relazzjoni eżistenti bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Nru 45/2001 bil-ħsieb tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, għandu jitħares l-ispirtu li l-imsemmija regolamenti għandhom għanijiet differenti. L-ewwel wieħed huwa intiż li jiżgura l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-informazzjoni li huma bbażati fuqhom id-deċiżjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, huwa intiż li jiffaċilita kemm jista’ jkun l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti kif ukoll li jippromwovi prattiċi amministrattivi tajbin. It-tieni huwa intiż sabiex jiżgura l-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, waqt l-ipproċessar tad-data ta’ natura personali (sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:C:2010:378, punt 49, u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 23).

41      Peress li r-Regolament Nru 45/2001 u r-Regolament Nru 1049/2001 ma jinkludux dispożizzjonijiet li jipprovdu espressament għas-supremazija ta’ wieħed fuq l-ieħor, jeħtieġ, fil-prinċipju, li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tagħhom (sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:C:2010:378, punt 56, u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 24).

42      L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, li fuqu l-Parlament ibbaża r-rifjut tiegħu tal-aċċess għad-dokumenti mitluba fid-deċiżjoni kkontestata, jipprovdi li “[l]-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ […] il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-legislazzjoni [tal-Unjoni] dwar il-ħarsien ta’ data personali”. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din hija dispożizzjoni indiviżibbli li teżiġi li l-preġudizzju possibbli għall-ħajja privata u għall-integrità tal-individwu għandu dejjem jiġi eżaminat u evalwat b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, b’mod partikolari mar-Regolament Nru 45/2001. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi sistema speċifika u msaħħa ta’ protezzjoni tal-persuna li d-data tagħha ta’ natura personali tista’, fejn xieraq, tiġi kkomunikata lill-pubbliku (sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:C:2010:378, punti 59 u 60, u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 25).

43      Meta talba bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 tkun intiża li tikseb l-aċċess għal dokumenti li jinkludu data ta’ natura personali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 jsiru applikabbli integralment, inkluż l-Artikolu 8 ta’ dan tal-aħħar (sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:C:2010:378, punt 63, u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 26).

44      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrent, sostnut mir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-KEPD.

45      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni biżżejjed l-istruttura u l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri li tittejjeb ir-responsabbiltà u l-leġittimità tal-proċess deċiżjonali tal-pubbliku billi jitressqu eqreb lejn iċ-ċittadin permezz tat-trasparenza. Skont is-sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq (EU:C:2010:378), ma huwiex iktar possibbli li r-Regolament Nru 1049/2001 jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu permezz ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti li timplika li l-iżvelar leġittimu qatt ma jista’ jsegwi l-għan ta’ żvelar sħiħ lill-pubbliku. Barra minn hekk, tali riżultat ma jiħux inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis li l-interess tal-pubbliku li jirċievi informazzjoni jipprevali fuq id-dritt tar-rispett lejn il-ħajja privata ta’ personalità pubblika, meta r-rappurtaġġ jipproduċi fatti li jistgħu jikkontribwixxu għal dibattitu f’soċjetà demokratika dwar dawn il-personalitajiet meta jkunu jeżeriċtaw il-funzjonijiet uffiċjali tagħhom. Ir-rikorrent jikkunsidra li l-Parlament kiser l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali moqri fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-KEDB, meta ddikjara, fid-deċiżjoni kkontestata, li jkun bi ksur tal-għan tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 445/2001 li l-iżvelar pubbliku tad-data jikkostitwixxi għan leġittimu.

46      Fir-replika, ir-rikorrent isostni li l-kriterju tan-neċessità previst fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 ma għandux ikun suġġett għal interpretazzjoni ristrettiva, fatt li jwassal għal interpretazzjoni estensiva ta’ eċċezzjoni għad-dritt fundamentali ta’ aċċess għad-dokumenti, restrizzjoni illeġittima ta’ dan id-dritt u għal kontradizzjoni tal-ġurisprudenza tal-Unjoni.

47      It-teżi tar-rikorrent hija bbażata fuq l-idea li l-applikazzjoni konġunta tar-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Nru 45/2001, skont is-sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq (EU:C:2010:378), ma għandhiex twassal sabiex jiġu nnewtralizzati kompletament id-dispożizzjonijiet tal-ewwel regolament u, għaldaqstant, id-dritt fundamentali ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jibbenefika minnu kull ċittadin Ewropew. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Finlandja tqis, fin-nota ta’ intervent tagħha, li hemm lok li jiġi applikat il-kontenut bażiku u l-prinċipji fundamentali taż-żewġ regolamenti, sabiex l-applikazzjoni ta’ wieħed tkun kompatibbli u koerenti ma’ dik tal-ieħor. Fost dawn il-prinċipji, hija tikkunsidra li jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-regola stabbilita mir-Regolament Nru 1049/2001 marbuta mal-assenza ta’ ġustifikazzjoni tat-talbiet ta’ aċċess għad-dokumenti. F’dan il-kuntest, ma tistax tingħata interpretazzjoni restrittiva lill-kunċett ta’ neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali, previst fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, li tirrestrinġi jew ixxejjen kull possibbiltà ta’ aċċess għad-dokumenti meta t-talba tkun ibbażata fuq interess ġenerali bħad-dritt għal informazzjoni.

48      Bil-għan li tingħata risposta għal dan l-argument, intiż li jistabbilixxi bilanċ bejn id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet, li jirriżulta mir-Regolament Nru 1049/2001, u l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 45/2001 għat-trasferiment tad-data ta’ natura personali minn dawn l-istess istituzzjonijiet, jeħtieġ li tiġi ppreċiżata l-artikulazzjoni tar-regoli stabbiliti miż-żewġ regolamenti.

49      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest ta’ talba għal aċċess ta’ dokumenti, ir-Regolament Nru 45/2001 ma jiġix applikat meta l-istituzzjoni mitluba, tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti billi tinvoka fil-konfront tal-persuna li titlobhom, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-preġudizzju possibbli tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu jiġu eżaminati u evalwati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, b’mod partikolari tar-Regolament Nru 45/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:C:2010:378, punt 59).

50      Jekk id-dokumenti mitluba jkun fihom data ta’ natura personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, l-istituzzjoni għandha, fil-prinċipju, tiżgura l-applikazzjoni sħiħa taż-żewġ regolamenti fir-rigward tat-talba għal aċċess (sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:C:2010:378, punt 56, u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 24). Madankollu għandu jiġi nnotat li r-regolament Nru 45/2001 stabbilixxa sistema speċifika u msaħħa ta’ protezzjoni ta’ persuna li d-data tagħha ta’ natura personali tista’ tiġi kkomunikata lill-pubbliku u li, waqt l-eżami tat-talba għal aċċess, id-dispożizzjonijiet tiegħu jsiru applikabbli b’mod sħiħ, inkluż l-Artikolu 8 tiegħu (sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:C:2010:378, punti 60 u 63, u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punti 25 u 26). Barra minn hekk, il-premessi 7 u 14 tar-Regolament Nru 45/2001, moqrija flimkien, jindikjaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar huma vinkolanti u japplikaw għal kull ipproċessar ta’ data ta’ natura personali mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ikun xi jkun il-kuntest.

51      Għalhekk, meta talba għal aċċess għad-dokumenti jista’ twassal, jekk din tiġi milqugħa, għall-iżvelar tad-data ta’ natura personali, l-istituzzjoni mitluba għandha tapplika d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 45/2001, b’mod li r-regoli u l-prinċipji differenti sanċiti fir-Regolament Nru 1049/2001 ma jkollhomx l-effett li jillimitaw il-portata sħiħa tal-protezzjoni mogħtija lil din id-data. Tali prinċipju ta’ azzjoni tal-istituzzjonijiet tirriżulta, skont il-premessa 12 tar-Regolament Nru 45/2001, mill-importanza rikonoxxuta tad-drittijiet ikkonferiti lill-persuni kkonċernati għall-protezzjoni tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar ta’ tali data.

52      F’tali kuntest ġenerali, huwa ċertament minnu, kif jenfasizzaw ir-rikorrent u r-Repubblika tal-Finlandja, li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ma huwiex, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, ikkundizzjonat mill-ġustifikazzjoni, mill-persuna li tressaq it-talba, ta’ interess fl-iżvelar tal-imsemmija dokumenti. Din hija applikazzjoni konkreta tal-prinċipji ta’ ftuħ u ta’ trasparenza li għandhom jikkaratterizzaw l-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll in-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar.

53      Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, billi jobbliga lill-istituzzjonijiet li jeżaminaw ir-riskju ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu permezz tar-Regolament Nru 45/2001 u r-restrizzjonijiet u limitazzjonijiet li dan jimponi fuq l-ipproċessar tad-data ta’ natura personali, b’mod partikolari permezz tal-Artikolu 8(b), l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirrikjedi, indirettament, mill-persuna li tressaq it-talba li din turi, permezz ta’ ġustifikazzjoni waħda jew iktar espressa u leġittima, in-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkluża fid-dokumenti li għalihom jintalab l-aċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:C:2010:378, punt 78, u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 30).

54      Għalhekk, l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 jirrikjedi li l-istituzzjoni mitluba li din twettaq, fl-ewwel lok, evalwazzjoni tan-natura neċessarja, u għalhekk proporzjonata, tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali fid-dawl tal-għan segwit mill-persuna li tressaq it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 34). Dan l-istess Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 jobbliga lill-istituzzjoni mitluba li teżamina, fit-tieni lok, jekk it-trasferiment tad-data ta’ natura personali jistax jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati, billi tiddetermina, matul dan l-eżami, jekk l-għan segwit mill-persuna li tressaq it-talba jistax iwassal għal tali konsegwenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:C:2010:378, punt 78, u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 30). Filwaqt li tagħmel dan, l-istituzzjoni għandha tasal sabiex tevalwa l-ġustifikazzjoni mogħtija mill-persuna li tressaq it-talba għat-trasferiment tad-data ta’ natura personali u għaldaqstant għall-aċċess tad-dokumenti.

55      Sussegwentement, l-implementazzjoni tal-kundizzjoni tan-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkluża fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 twassal sabiex tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ eċċezzjoni għar-regola stabbilita mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001. Tali konsegwenza hija ġġustifikata mill-effett utli li jeħtieġ li jingħata lid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001, peress li soluzzjoni oħra minbarra l-eżami tan-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali fid-dawl tal-għan segwit mill-persuna li tressaq it-talba ta’ aċċess għad-dokumenti, twassal neċessarjament għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(b) ta’ dan ir-regolament.

56      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-karatteristiċi essenzjali tal-iskema ta’ protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 45/2001 lill-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali tagħhom, peress li l-implementazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 timplika l-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament Nru 45/2001, li l-Artikolu 1 tiegħu jispeċifika li għandu bħala l-għan tiegħu, b’mod partikolari, il-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom.

57      Fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 45/2001, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001 jispeċifika r-raġunijiet li abbażi tagħhom ipproċessar tad-data ta’ natura personali jitqies li huwa legali. L-Artikoli 7, 8 u 9 tar-Regolament Nru 45/2001 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet sabiex isir trasferiment tad-data ta’ natura personali, rispettivament, bejn l-istituzzjonijiet jew organi tal-Unjoni jew fi ħdanhom, lid-destinatarji li ma humiex istituzzjonijiet jew organi tal-Unjoni u li jaqgħu taħt id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), u lid-destinatarji li ma humiex istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni u li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 95/46.

58      Għalkemm l-Artikoli 7, 8 u 9 tar-Regolament Nru 45/2001 ma jistabbilixxu l-ebda prinċipju akkumpanjat minn eċċezzjonijiet, kull wieħed minn dawn jillimita b’mod speċifiku l-possibbiltajiet ta’ trasferiment ta’ data ta’ natura personali b’mod li jissuġġetta t-trasferiment għal kundizzjonijiet stretti, li jipprekludu l-aċċess jekk ma jkunux issodisfatti. Fost tali kundizzjonijiet hemm dejjem inkluża n-neċessità tat-trasferiment fid-dawl tal-għanijiet ta’ natura differenti.

59      Issa, ir-Regolament Nru 45/2001 huwa intiż, skont il-premessa 5 tiegħu, li jagħti lill-persuni li dan jiddefinixxi bħala kkonċernati drittijiet protetti legalment u li jiddefinixxi l-obbligi tal-persuni responsabbli mill-ipproċessar fi ħdan l-istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni fil-qasam tal-ipproċessar tad-data. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-rigward tal-possibbiltà ta’ istituzzjoni jew organu tal-Unjoni li tittrasferixxi data ta’ natura personali għandhom jiġu interpretati b’mod strett, mingħajr ma jiġu pperikolati d-drittijiet rikonoxxuti lill-dawn il-persuni mir-Regolament Nru 45/2001 bħala drittijiet fundamentali, skont il-premessa 12 tiegħu. Għalhekk, is-sodisfazzjon tal-kundizzjoni ta’ neċessità timplika li jintwera li t-trasferiment tad-data ta’ natura personali hija l-miżura l-iktar adegwata fost il-miżuri l-oħra prevedibbli sabiex jintlaħaq l-għan segwit mill-persuna li ressqet it-talba u li dan huwa proporzjonat ma’ dan l-għan, fatt li jobbliga lill-persuna li tressaq it-talba li tippreżenta ġustifikazzjonijiet espressi u leġittimi f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:C:2010:378, punt 78, u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punti 30 u 34).

60      B’mod kuntrarju għall-argument tar-rikorrent, il-kundizzjoni tan-neċessità prevista fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, kif interpretata, ma tistax titqies li hija interpretazzjoni estensiva ta’ eċċezzjoni għad-dritt fundamentali ta’ aċċess għad-dokumenti, li twassal għal restrizzjoni illeġittima ta’ dan id-dritt, b’mod kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Unjoni. Tali interpretazzjoni ma twassalx sabiex tinħoloq eċċezzjoni ta’ “kategorija” għall-prinċipju ta’ aċċess għad-dokumenti favur data ta’ natura personali, iżda twassal sabiex jiġu kkonċiljati ż-żewġ drittijiet fundamentali li jkunu f’kunflitt meta talba għal aċċess għal dokumenti tkun tirrigwarda data ta’ natura personali, protetta mir-Regolament Nru 45/2001, kif dan jirriżulta mill-punti 56 sa 59 iktar ʼil fuq. Fl-artikulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jipproteġu dawn iż-żewġ drittijiet f’kunflitt, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti huwa ppreservat ukoll, peress li l-applikazzjoni obbligatorja, bħal f’dan il-każ, tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 twassal biss, fl-ewwel lok, sabiex il-persuna li tressaq it-talba tkun obbligata turi n-neċessità li jinkiseb it-trasferiment tad-data ta’ natura personali, jiġifieri li tipprova li dan huwa l-mezz proporzjonat l-iktar adegwat sabiex jintlaħaq l-għan segwit minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 34), u, fit-tieni lok, sabiex l-istituzzjoni tkun obbligata teżamina jekk it-trasferiment tad-data ta’ natura personali tistax tippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati fid-dawl tal-għan segwit mill-persuna li tressaq it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar il fuq, EU:C:2010:378, punt 78, u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 30). Għaldaqstant, l-interpretazzjoni stretta tal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 bl-ebda mod ma twassal sabiex tiġi stabbilita eċċezzjoni li tipprekludi b’mod ġenerali kull aċċess għad-dokumenti li jinkludu data ta’ natura personali.

61      Għalhekk, l-interpretazzjoni stretta tal-kundizzjoni ta’ neċessità, prevista fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, ma tifissirx li ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni trasferiment ta’ data ta’ natura personali ta’ natura ġenerali, bħad-dritt tal-pubbliku għal informazzjoni dwar l-aġir tal-membri fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Fir-realtà, kif jirriżulta diġà mill-punt 54 iktar ʼil fuq, in-natura ġenerali tal-ġustifikazzjoni għat-trasferiment ma tinċidix direttament fuq il-punt dwar jekk it-trasferiment huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit mill-persuna li tressaq it-talba.

62      Huwa veru li, kif jirrileva l-Parlament, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprovdux għall-ibbilanċjar tal-interess pubbliku marbut mal-ħajja privata u mal-integrità tal-individwu mal-interess pubbliku ogħla. Madankollu, salv l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 45/2001, li jirrikjedi li d-data ta’ natura personali ma għandhiex tiġi pproċessata b’mod inkompatibbli mal-finalitajiet li għalihom tkun inġabret din id-data, l-ebda dispożizzjoni tal-imsemmi regolament ma tillimita l-kamp tal-ġustifikazzjonijiet li l-persuna li tressaq it-talba tista’ tinvoka għat-trasferiment mitlub. Xejn ma jimpedixxi l-invokazzjoni ta’ ġustifikazzjoni ta’ natura ġenerali bħal dik invokata f’dan il-każ, essenzjalment id-dritt tal-pubbliku għal informazzjoni.

63      Minkejja li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 tobbliga lill-istituzzjonijiet li jeżaminaw ir-riskju ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu permezz ta-Regolament Nru 45/2001 u, b’mod iktar partikolari, fid-dawl tal-Artikolu 8(b), din għandha tiġi implementata b’mod li jingħata effett utli lid-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan ma jistax ikun il-każ jekk tkun l-istituzzjoni mitluba li tagħti aċċess għal dokumenti li jinkludu data ta’ natura personali tkun tista’ timpedixxi, abbażi tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, lill-persuna li titlob l-aċċess milli tiġġustifika t-trasferiment tad-data mitlub abbażi ta’ għan ta’ natura ġenerali, bħal, f’dan il-każ, id-dritt tal-pubbliku għal informazzjoni.

64      Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-ġustifikazzjoni ta’ natura ġenerali pprovduta mir-rikorrent għat-trasferiment ta’ data ta’ natura personali bil-għan li tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni tan-neċessità prevista fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 twassal sabiex jiġi introdott mill-ġdid kriterju ta’ interess pubbliku ikbar fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001.

65      Fit-tielet lok, minkejja dak li ġie kkonstatat fil-punt 51 iktar ʼil fuq, jeħtieġ li jitwarrab l-argument tal-Parlament li interpretazzjoni stretta tal-kundizzjoni ta’ neċessità, imposta fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, hija iktar neċessarja peress li, f’dan il-każ, ir-rikorrent għandu l-għan espliċitu u esklużiv li jikkomunika lill-pubbliku, b’mod imminenti, id-data ta’ natura personali li tiġi ttrasferita lilu, fatt li jkun jikkostitwixxi interferenza massima fid-dritt għall-protezzjoni ta’ din id-data. Skont il-Parlament, ir-Regolament Nru 45/2001 ma għandux l-għan li jippermetti l-iżvelar erga omnes ta’ data ta’ natura personali.

66      Fil-fatt, ir-rikorrenti esprima l-volontà tiegħu li jikkomunika lill-pubbliku d-data ta’ natura personali li jintalab it-trasferiment tagħha. Madankollu, jeħtieġ li jitfakkar il-kuntest legali li taqa’ fih l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Kif ġie spjegat fil-punti 49 u 50 iktar ʼil fuq, kien proprju peress li tressqet talba ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma mill-Parlament abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 u peress li ġiet invokata l-eċċezzjoni bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(b) tal-imsemmi regolament li saru interament applikabbli d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001.

67      Anki f’dan il-kuntest, talba għal aċċess għandha bħala l-għan u l-effett tagħha, jekk tintlaqa’ pożittivament, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, fatt li jimplika, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, li l-istituzzjoni jew l-organu mitlub jirrendi d-dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku. Issa, dan ma huwiex każ li l-kundizzjonijiet imposti mir-Regolament Nru 45/2001 għat-trasferiment tad-data ta’ natura personali, b’mod partikolari dawk stabbiliti mill-Artikolu 8(b) jiġu interpretati b’tali mod li l-implementazzjoni ta’ waħda minnhom ikollha l-effett li, bħala prinċipju, l-aċċess għad-dokumenti li jinkludu din id-data għandha tingħata biss lill-persuna li titlobha u pprojbita lill-pubbliku, u, għalhekk, li ssir impossibbli l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Peress li l-persuna li titlob l-aċċess għad-dokumenti li jinkludu data ta’ natura personali wriet in-neċessità tat-trasferiment ta’ dawn tal-aħħar u li l-istituzzjoni mitluba qieset li ma kienet teżisti l-ebda raġuni li tindika li dan it-trasferiment jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati, id-data tista’ tiġi ttrasferita u, peress li ma tapplika l-ebda eċċezzjoni prevista mir-Regolament Nru 1049/2001 minbarra dik marbuta mal-preġudizzju tal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, id-dokument jew dokumenti li jinkludu d-data għandhom jiġu żvelati, u għaldaqstant, isiru aċċessibbli għall-pubbliku.

68      Mill-punti 49 sa 67 iktar ʼil fuq jirriżulta li l-kriterju tan-neċessità previst fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta, li l-kundizzjoni tan-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali timplika eżami mill-istituzzjoni jew l-organu ffaċċjat bin-neċessità fid-dawl tal-għan segwit mill-persuna li titlob l-aċċess għad-dokumenti, fatt li jirrestrinġi l-portata tar-regola tal-assenza ta’ ġustifikazzjoni ta’ talba għal aċċess, li l-ġustifikazzjoni tan-neċessità tat-trasferiment ta’ din id-data, invokata mill-persuna li tressaq it-talba, tista’ tkun ta’ natura ġenerali u li r-Regolament Nru 1049/2001 ma għandux jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu permezz ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti li jimplikaw li l-iżvelar leġittimu qatt ma jista’ jsegwi l-għan ta’ żvelar sħiħ lill-pubbliku.

 Fuq l-evalwazzjoni ta’ ġustifikazzjonijiet tan-neċessità tat-trasferiment ta’ data ta’ natura personali

69      Sostanzjalment, ir-rikorrent iqis li huwa wera n-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali, kriterju previst mill-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, kif interpretat fid-dawl tas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq (EU:C:2010:378, punt 63), u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq (EU:T:2011:688, punti 31 sa 35), u b’mod espliċitu wera r-rabta bejn l-għan segwit mit-talba tiegħu u n-neċessità li jiġu żvelati l-ismijiet kollha żvelati.

70      Bil-għan li tingħata risposta għall-ilmenti tar-rikorrent, jeħtieġ li jiġu esposti, qabel xejn, il-ġustifikazzjonijiet tan-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkwistjoni pprovduti waqt il-proċedura amministrattiva u l-evalwazzjoni magħmula mill-Parlament f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata, u, sussegwentement, li tiġi esposta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fid-dawl tal-argumenti skambjati quddiemha.

–       Evalwazzjoni tal-Parlament dwar in-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali fid-deċiżjoni kkontestata

71      Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tan-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali, it-talba inizjali kienet tinvoka l-bżonn tal-pubbliku li jifhem aħjar kif jittieħdu d-deċiżjonijiet u l-fatt li, sabiex isir dan, seta’ jinbeda dibattitu permezz ta’ rappurtaġġ tal-istampa. F’dan il-każ, kien mill-iktar importanti li ċ-ċittadini ewropej ikunu jafu liema kienu l-membri li kellhom interess personali fl-iskema peress li dawn kellhom jieħdu deċiżjonijiet fuq l-amministrazzjoni tagħha.

72      Fit-talba konfermatorja, ir-rikorrent qies bħala neċessarju t-trasferiment tad-data ta’ natura personali, billi bbaża ruħu fuq id-dritt għal informazzjoni u fuq id-dritt għall-libertà tal-espressjoni. Huwa spjega li kien neċessarju li jiġu żvelati d-dokumenti mitluba sabiex huwa jkun jista’ jwettaq rappurtaġġ fuq il-mod kif il-fondi pubbliċi kienu qed jintnefqu, fuq l-impatt possibbli tal-interessi privati fuq il-voti tal-membri u fuq il-funzjonament tal-mekkaniżmi ta’ kontroll. Għal dan l-għan, huwa indika li kien indispensabbli li jinkisbu l-ismijiet tal-membri kkonċernati għall-bżonnijiet tar-rappurtaġġ tiegħu bil-għan li jeżerċita l-libertà tal-espressjoni tiegħu u li jittrażmetti din l-informazzjoni lill-membri tal-pubbliku li kellhom interess li jkunu jafuha, bħala ċittadini u kontribwenti. Fl-opinjoni tiegħu, l-iżvelar tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema kien jippermetti li jiġi evitat li dawn tal-aħħar jużaw il-voti tagħhom sabiex jinfluwenzaw l-iskema, b’tali mod li din tkun ta’ benefiċċju għalihom b’mod mhux konformi mal-espressjoni tal-elettorat tagħhom. Skont ir-rikorrenti, ma hemmx mezzi oħra sabiex il-pubbliku jsir jaf kif il-membri jużaw il-prerogattivi pubbliċi tagħhom fir-rigward tal-iskema.

73      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament qies, prinċipalment, li r-rikorrent ma kienx wera n-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali, billi bbaża ruħu fuq żewġ motivi separati sabiex jitwarrbu l-ġustifikazzjonijiet ippreżentati. Fl-ewwel lok, il-Parlament identifika, bħala li jikkostitwixxi ġustifikazzjoni tat-talba, l-interess tal-pubbliku u tal-medja fl-infiq pubbliku, li fih hemm inklużi l-vantaġġi finanzjarji tal-membri, fil-kuntest tal-libertà tal-informazzjoni u tal-libertà tal-espressjoni, Fuq dan il-punt, huwa kkunsidra li l-interess pubbliku invokat kien astratt u ġenerali ħafna, u li, għalkemm kien jikkostitwixxi argument validu fil-kuntest tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, kien jippermetti l-iżvelar tad-data ta’ natura personali lil hinn minn kull limitu raġonevoli u jwassal għal riżultat li ma josservax ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data ta’ natura personali. Fit-tieni lok, il-Parlament irrileva li r-rikorrent baqa’ ma pprovdiex rabta bejn l-għanijiet segwiti minnu u d-data personali speċifikata li ntalab it-trasferiment tagħha peress li r-raġunijiet li abbażi tagħhom kien neċessarju ma kinux ċari. Huwa kompla billi nnota li, sabiex jiġi eżerċitat kontroll pubbliku, la kien neċessarju u lanqas proporzjonat li jintalbu l-ismijiet tal-membri parteċipanti kollha fl-iskema, peress li d-deċiżjonijiet marbuta ma’ din tal-aħħar kienu ġew adottati mill-bureau, li juri li r-rikorrent kellu jidentifika riskju partikolari u speċifiku ta’ kunflitt ta’ interessi sabiex tiġi ppruvata n-neċessità tat-trasferiment.

–       L-argumenti tal-partijiet

74      Fl-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostni li huwa ġġustifika n-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali mill-fatt li din kienet informazzjoni ta’ interess pubbliku, li huwa bħala ġurnalist seta’ jippreżenta liċ-ċittadini Ewropej, bil-għan li dawn ikunu jafu kif intnefqu l-fondi pubbliċi, kif iġibu ruħhom ir-rappreżentanti eletti tagħhom u jekk il-vot ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tal-iskema kienx influwenzat mill-interess finanzjarju tagħhom. Fit-tieni lment, huwa qies li b’mod espliċitu huwa kien ipprovda r-rabta bejn l-għan segwit mit-talba tiegħu u n-neċessità li jiġu żvelati l-ismijiet kollha mitluba, l-unika mezz kif il-pubbliku jista’ jżomm ir-rappreżentanti tiegħu responsabbli għall-atti tagħhom b’rabta mal-iskema. Huwa ma kellux ikun iktar preċiż fit-talba tiegħu dwar il-membri li kienu jifformaw parti mill-bureau.

75      Għar-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-KEPD, l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba huwa ġġustifikat mill-interess pubbliku ġenerali ta’ trasparenza, li għandu jippermetti li tingħata lill-pubbliku evalwazzjoni interessanti tal-fatti marbuta mal-iskema, bħall-andament tal-voti tal-membri, u li tiġi offruta l-possibbiltà li dawn tal-aħħar jiġu interrogati u mismugħa, minħabba l-fatt li l-livell sabiex tiġi stabbilita n-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali għandu jkun baxx fl-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u minħabba l-fatt li tista’ tkun teżisti neċessità fis-sens ta’ dan l-artikolu abbażi ta’ raġunijiet imsejsa fuq l-interess pubbliku, kif sostnut mir-rikorrent b’mod preċiż u konkret fit-talba tiegħu għal aċċess.

76      Prinċipalment, il-Parlament isostni li r-rikorrent ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ proporzjonalità li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Unjoni sabiex juri n-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkwistjoni. Huwa jfakkar li din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ neċessità hija konformi mal-Artikolu 15 TUE u mar-Regolament Nru 1049/2001. Dan jiġri iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, l-għan tat-talba ta’ trasferiment tad-data ta’ natura personali jkun il-komunikazzjoni tagħha lill-pubbliku, li hija interferenza massima fid-dritt tal-protezzjoni ta’ din id-data. Skont il-Parlament, ir-Regolament Nru 45/2001 ma huwiex intiż li jippermetti żvelar erga omnes, iżda li jawtorizza t-trasferiment esklużiv ta’ data ta’ natura personali lil destinatarji speċifiċi. Barra minn hekk, huwa jirrileva li r-rikorrent ma pprovda, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ebda argument li jsostni oġġettivament l-interess pubbliku allegat, b’mod partikolari li kien jeżisti attwalment dibattitu dwar l-iskema jew li l-aġir ta’ membru kien diskutibbli, kif ġie previst fis-sentenza Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq (EU:T:2011:688).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

77      Kif ġie kkonstatat fil-punt 59 iktar ʼil fuq, is-sodisfazzjon tal-kundizzjoni tan-neċessità prevista fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, li għandha tiġi interpretata b’mod strett, jimplika li t-trasferiment tad-data ta’ natura personali hija l-miżura l-iktar adegwata fost il-miżuri l-oħra prevedibbli sabiex jintlaħaq l-għan segwit mill-persuna li titlob l-aċċess u li hija proporzjonata ma’ dan l-għan. F’dan il-każ, jeħtieġ li tingħata risposta konġunta għaż-żewġ ilmenti li t-trasferiment tad-data inkwistjoni huwa l-miżura l-iktar adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti.

78      Fost l-għanijiet li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti sostna, fit-talba konfermatorja tiegħu, li kien neċessarju għall-Parlament li jipproċedi bit-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkwistjoni, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, kontroll pubbliku tal-mod kif jintnefqu l-fondi pubbliċi permezz tal-implementazzjoni tad-dritt għal informazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-impatt possibbli tal-interessi tal-membri fuq il-voti tagħhom fir-rigward tal-iskema, jiġifieri l-identifikazzjoni tal-kunflitti ta’ interessi potenzjali fost il-membri.

79      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jinvoka l-volontà tiegħu li jippreżenta informazzjoni fuq l-iskema permezz ta’ artikoli tal-istampa u ta’ rappurtaġġi fuq it-televiżjoni, sabiex jippermetti lill-pubbliku li jipparteċipa f’dibattitu leġittimu dwar l-iskema, filwaqt li jeżerċita b’mod partikolari r-rwol tiegħu ta’ ġurnalist f’soċjetà demokratika.

80      F’din il-perspettiva, ir-rikorrent sostna, fis-seduta, li n-natura neċessarja tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46, li kien jipprevedi regoli speċifiċi meta l-ipproċessar ta’ tali data ssir għal finijiet ġurnalistiċi, peress li l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħmel riferiment għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data ta’ natura personali mingħajr ebda speċifikazzjoni. Madankollu, mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 76(d) u tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi mqajma u li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Umbach vs Il-Kummissjoni, T‑474/08, EU:T:2010:443, punt 60) jew ikun jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu (ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2012, Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, T‑590/10, EU:T:2012:635, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża u dan l-argument, ippreżentat b’mod tardiv, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

81      Sa fejn, fit-talba konfermatorja tiegħu, ir-rikorrent ibbaża ruħu fuq id-dritt għal informazzjoni u fuq id-dritt għall-libertà tal-espressjoni sabiex jiġġustifika n-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkwistjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jintwera li t-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema hija l-miżura l-iktar adegwata fost il-miżuri l-oħra prevedibbli sabiex jintlaħaq l-għan u li hija proporzjonata ma’ dan l-għan.

82      Ċertament, permezz tal-argument tiegħu, ir-rikorrent speċifika l-għanijiet segwiti minnu u r-raġunijiet li abbażi tagħhom huwa kien iqis li huwa neċessarju t-trasferiment tad-data: essenzjalment, li huwa jwettaq rappurtaġġ fuq l-iskema bil-għan li l-pubbliku Ewropew ikun f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament tagħha u li jeżerċita kontroll fuq il-membri li jirrappreżentawh. Madankollu, permezz ta’ dan huwa ma spjegax kif it-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema kien il-miżura l-iktar adegwata sabiex jintlaħaq l-għan li kien assenjat b’mod kuntrarju għar-rekwiżit li joriġina mill-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, kif interpretat mis-sentenza Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq (EU:T:2011:688, punti 30 u 34).

83      Fil-fatt, ir-rikorrent sempliċement ikkonferma, fit-talba konfermatorja tiegħu, li l-miżuri maħsuba sabiex jippermettu kontroll tal-pubbliku fuq l-ispejjeż pubbliċi mwettqa fil-kuntest tal-iskema, bħall-proċedura ta’ kwittanza baġitarja, ma kinux jipproteġu d-drittijiet fundamentali li huwa invoka, jiġifieri d-dritt għal informazzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-informazzjoni miġbura, u li dawn ma setgħux, għal din ir-raġuni, jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ żvelar tad-data inkwistjoni. Għandu jiġi kkonstatat li tali elementi ma kinux jippermettu li jiġi ddeterminat kif it-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema jikkostitwixxi l-miżura l-iktar adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit mir-rikorrenti u lanqas kif din hija proporzjonata għal dan l-għan. Is-sempliċi dikjarazzjoni li t-trasferiment ikun aħjar sabiex jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ma tistax titqies li hija r-riżultat ta’ analiżi, anki ridott, tal-effetti u tal-implikazzjonijiet ta’ miżuri differenti li jistgħu jiġu previsti li jittieħdu sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet tar-rikorrent.

84      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li d-dibattitu fuq l-iskema jeżisti diġà b’kunsiderazzjoni tal-kontroversja madwar il-ħolqien u l-iffinanzjar tagħha jew li, anki fl-assenza ta’ tali dibattitu, huwa neċessarju l-aċċess għall-ismijiet tal-membri sabiex jiġi inkoraġġut il-ħruġ tagħha, ir-rikorrent jinvoka biss argumenti li huma marbuta mal-finalità segwita minnu permezz tat-talba għal aċċess għad-dokumenti. Dawn l-argumenti ma jippermettux li tintwera n-neċessità li jinsab fiha sabiex jikseb it-trasferiment tad-data inkwistjoni, peress li ma tirriżulta l-ebda rabta man-natura adegwata u proporzjonata tal-miżura mitluba kif huwa rikjest mill-ġurisprudenza tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 34). Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ dibattitu fuq l-iskema, b’mod iktar preċiż fuq in-natura vantaġġuża għall-membri b’detriment għall-finanzi pubbliċi, bl-istess mod bħall-elementi fattwali kollha rrilevati mir-rikorrent huma juru li dan tal-aħħar diġà għandu informazzjoni preċiża fuq ir-regoli u l-funzjonament tal-iskema, li tista’ tippermettilu li jibda jew li jiżviluppa d-dibattitu pubbliku li huwa għandu l-intenzjoni li jibda dwar il-ġestjoni korretta tal-iskema u r-riskji finanzjarji li din timponi fuq il-baġit tal-Unjoni. Minn barra l-assenza ta’ prova tan-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dawn l-elementi differenti, ippreżentati mir-rikorrent innifsu, ma jimmilitawx favur it-teżi li huwa neċessarju li tinkiseb konoxxenza tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema sabiex jiġu rrappurtati l-allegati effetti negattivi fuq il-fondi pubbliċi.

85      Sussegwentement, jeħtieġ li tinsilet l-istess konsegwenza mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li kienet iddeċidiet li r-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni kkostitwita minn data personali ta’ persuna eletta ma kienx neċessarju f’soċjetà demokratika fid-dawl tad-dritt tal-ġurnalisti li jirċievu u li jikkomunikaw informazzjoni ta’ interess pubbliku. Fil-fatt, tali konstatazzjoni bl-ebda mod ma tippermetti li jiġi ddeterminat jekk il-miżura mitluba mir-rikorrent hijiex iktar adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit minnu u jekk hijiex proporzjonata ma’ dan tal-aħħar.

86      Fl-aħħar, jibqgħu wkoll mingħajr effett fuq il-konklużjoni tal-punt 82 iktar ʼil fuq, l-argumenti li r-rikorrent kien espliċitament ipprovda n-ness bejn l-għan segwit bit-talba tiegħu u n-neċessità li jiġu żvelati l-ismijiet kollha mitluba u ma kellux ikun iktar preċiż fit-talba tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-membri li kienu jifformaw parti mill-bureau, fid-dawl tal-possibbiltà ta’ żvelar parzjali prevista mill-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jippermetti li tintwera n-neċessità tat-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema kif huwa rikjest mill-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001.

87      Sussegwentement, jeħtieġ li jitwarrab l-argument tar-rikorrent dwar in-neċessità tat-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema fid-dawl tal-għan li l-pubbliku jiġi informat u jiġi involut f’dibattitu fuq il-leġittimità tal-iskema, peress li ma ġewx miksura l-Artikoli 11 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li huma marbuta rispettivament mal-libertà tal-espressjoni u mad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet u organi tal-Unjoni.

88      Fit-tieni lok, ir-rikorrent qies li t-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkwistjoni huwa neċessarju sabiex jiġi ddeterminat jekk il-vot tal-membri fir-rigward tal-iskema huwiex influwenzat mill-interessi finanzjarji tagħhom, peress li l-iżvelar tal-ismijiet kollha tal-membri parteċipanti fl-iskema kien l-unika mezz għall-pubbliku sabiex iżommu lir-rappreżentanti tagħhom responsabbli għall-atti tagħhom inkonnessjoni mal-iskema.

89      L-argument tar-rikorrent, kemm fit-talba konfermatorja kif ukoll fl-atti tiegħu, huwa bbażat fuq in-neċessità li jiġu żvelati l-kunflitti ta’ interess possibbli tal-membri.

90      Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Parlament, b’risposta għal mistoqsija magħmula waqt is-seduta, sostna li l-iżvelar ta’ kunflitti ta’ interess ma setax jitqies, fuq livell ġuridiku, bħala finalità leġittima ta’ pproċessar ta’ data ta’ natura personali fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 45/2001, billi rriproduċa argument li huwa kien invoka fir-risposta mingħajr ma rabtu ma’ din id-dispożizzjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament ma sostniex, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema kien ipproċessar tad-data inkompatibbli mal-finalitajiet leġittimi li għalihom kien nġabru dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, dan l-argument għandu, fi kwalunkwe każ, jitwarrab bħala infondat fil-fatt, peress li d-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma kienet immotivata minn tali konstatazzjoni.

91      Fit-tieni lok, l-Artikolu 3(1) tal-Kodiċi ta’ Mġiba għall-Membri tal-Parlament fir-rigward tal-interessi finanzjarji u l-kunflitti ta’ interessi jipprovdi:

“Kunflitt ta’ interess jeżisti meta Membru jkollu interess personali li jista’ jinfluwenza b’mod mhux xieraq il-qadi ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew. M’hemmx kunflitt ta’ interess meta Membru jibbenefika biss bħala membru tal-pubbliku ġenerali jew ta’ kategorija wiesgħa ta’ persuni.”

92      Bl-istess mod, jista’ jiġi nnotat li, għall-Kunsill tal-Ewropa, kunflitt ta’ interess jirriżulta minn sitwazzjoni li fiha aġent pubbliku jkollu interess personali tali li jinfluwenza jew li jidher li jinfluwenza l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, fejn l-imsemmi interess personali jinkludi kull vantaġġ favurih jew favur familtu, il-ġenituri tiegħu, ħbieb u qrabat, jew persuni jew organizzazzjonijiet li magħhom huwa jew hija għandu jew għandha relazzjonijiet ta’ negozju jew politiċi, kif ukoll kull obbligu finanzjarju jew ċivili li huwa suġġett għalih l-aġent pubbliku [ara l-Artikolu 13 tar-rakkomandazzjoni R (2000) 10 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-kodiċi ta’ mġiba għall-aġenti pubbliċi, adottata fil-11 ta’ Mejju 2000].

93      Għaldaqstant, fil-każ ta’ persuna eletta, il-kunflitt ta’ interessi jippreżumi, kif isostni r-rikorrent, li, fl-okkażjoni ta’ votazzjoni dwar suġġett partikolari, l-aġir tal-persuna eletta jista’ jkun influwenzat mill-interess personali tiegħu. F’dan il-każ, il-kunflitt ta’ interessi potenzjali jinsab fil-fatt li l-membri jistgħu, bil-vot tagħhom, ibiddlu l-iskema jew jesprimu l-pożizzjoni tagħhom dwarha b’mod li jiffavorixxu l-interessi tagħhom bħala benefiċjarji tal-iskema.

94      Issa, sabiex ikunu jistgħu jiġu żvelati l-kunflitti ta’ interessi potenzjali tal-membri meta dawn jieħdu pożizzjoni fir-rigward tal-iskema, hija meħtieġa konoxxenza tal-ismijiet ta’ dawk fosthom li jipparteċipaw f’din tal-aħħar, mingħajr ma ċ-ċirkustanza li l-kunflitt ta’ interess ikun, kif isostni l-Parlament, inerenti għall-funzjoni ta’ membru ta’ assemblea eletta, tkun influwenzat l-evalwazzjoni tan-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali. Fiha nnifisha, din iċ-ċirkustanza bl-ebda mod ma tippermetti li jintwera li t-trasferiment previst ma huwiex neċessarju. Għaldaqstant, tali trasferiment jikkostitwixxi l-unika miżura li tippermetti li jintlaħaq l-għan segwit mir-rikorrent, peress li l-ebda miżura oħra ma setgħetx tiżgura l-identifikazzjoni tal-membri li huma f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi potenzjali. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, bil-għan li jiġi applikat l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 li t-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema hija l-miżura l-iktar adegwata u li hija proporzjonata sabiex jiġi ddeterminat jekk l-interessi li għandhom il-membri fl-iskema jistgħux jinfluwenzaw l-aġir tagħhom fir-rigward tal-votazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punti 30 u 34).

95      Madankollu, jeħtieġ, f’dan l-istadju, li jiġi nnotat li, f’din is-sitwazzjoni, li fiha l-kunflitt ta’ interessi potenzjali jinsabu fl-andament tal-voti tal-membri, is-sempliċi relevazzjoni tal-identità ta’ dawk li jipparteċipaw fl-iskema ma tistax waħidha tindirizza dan il-kunflitt. Barra minn hekk, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat liema mill-membri ġew mitluba jiddeċiedu fuq l-iskema fl-okkażjoni ta’ vot, peress li l-Parlament isostni li huma biss il-membri parteċipanti fl-iskema u li jifformaw parti mill-bureau, organu li, fl-opinjoni tiegħu, jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ ġestjoni tal-iskema, jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi potenzjali.

96      Issa, ir-rikorrent ma llimitax ruħu, fit-talba konfermatorja tiegħu, għal riferiment għal voti li taw lok għal emendi fir-rigward tal-modalitajiet tal-ġestjoni tal-iskema, iżda għamel riferiment għall-kull votazzjoni li matulha l-Parlament, jew wieħed mill-organi tiegħu, iddeċieda b’mod jew ieħor fuq l-iskema. B’hekk huwa semma l-impatt possibbli tal-interessi privati fuq l-aġir tal-voti tal-membri, l-pożizzjoni tal-membri li permezz tagħha huma setgħu jinfluwenzaw il-mod kif il-fondi pubbliċi jintużaw favur tagħhom u l-assenza ta’ mod ieħor minbarra l-iżvelar tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema sabiex jiġi rrilevat kif il-persuni eletti jużaw il-prerogattivi pubbliċi tagħhom inkonnessjoni mal-iskema.

97      B’risposta għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 23 iktar ʼil fuq), ir-rikorrent ippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali l-atti adottati mill-1 ta’ Ottubru 2005 li permezz tagħhom, fl-opinjoni tiegħu, l-assemblea plenarja tal-Parlament, il-kummissjoni ta’ kontroll tal-baġit tal-Parlament u l-bureau kienu taw lok għal tibdil fl-iskema jew iddeċidew fuq il-ġestjoni tagħha. Għal dak li jikkonċerna lill-assemblea plenarja ġiet adottata d-Deċiżjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, tal-24 ta’ April 2007, dwar il-kwittanza għall-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005, Taqsima I – il-Parlament Ewropew (ĠU 2008 L 187, p. 1), id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tat-22 ta’ April 2008, dwar il-kwittanza għall-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006, Taqsima I – il-Parlament Ewropew (ĠU 2009, L 88, p. 1), id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-kwittanza għall-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima I – Parlament Ewropew (ĠU L 255, p. 1), u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-10 ta’ Mejju 2012, dwar il-kwittanza għall-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew (ĠU L 286, p. 1). Għal dak li jikkonċerna lill-kummissjoni ta’ kontroll tal-baġit, ġew adottati abbozz ta’ rapport tat-8 ta’ Marzu 2007 fuq l-emendi 1 sa 21 dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena 2005, Taqsima I – Il-Parlament, dokument informattiv dwar l-opinjoni tal-kummissjoni fuq il-kwittanza tal-baġit għas-sena 2006 u rendikont tax-xogħol tal-Kummissjoni fuq il-kwittanza baġitarja għas-sena 2010. Għal dak li jikkonċerna lill-bureau, ġew adottati d-Deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2005 dwar il-ġestjoni tal-iskema, id-Deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2009, C 159, p. 1), id-Deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2009 dwar il-fondi tal-pensjoni volontarja u d-Deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 dwar il-fondi tal-pensjoni volontarja.

98      Qabel xejn, jeħtieġ li titħalla barra d-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, p. 1), peress li din id-deċiżjoni tinsab barra l-kamp tat-talba ta’ aċċess għad-dokumenti mressqa mir-rikorrent, li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-lista nominattiva tal-membri parteċipanti fl-iskema wara Settembru 2005. Dan għandu jgħodd ukoll għad-dokument informattiv dwar l-opinjoni tal-kummissjoni ta’ kontroll baġitarju fuq il-kwittanza tal-baġit għas-sena 2006 u għar-rendikont tax-xogħlijiet tal-imsemmija kummissjoni fuq il-kwittanza tal-baġit għas-sena 2010, li sempliċement jirreferu indirettament għal deċiżjonijiet jew għal voti mingħajr ma dawn ġew identifikati b’mod preċiż.

99      Sussegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat, min qari tar-risposti tal-partijiet prinċipali għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-erba’ deċiżjonijiet tal-assemblea plenarja msemmija fil-punt 97 iktar ʼil fuq, li jinkludu kull waħda mid-deċiżjonijiet li tawtorizza lill-President tal-Parlament jeżegwixxi l-baġit u osservazzjonijiet inklużi f’riżoluzzjoni, ġew suġġetti għal votazzjoni li tirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ kwittanza stess u r-riżoluzzjonijiet. Meta ġie mistoqsi waqt is-seduta, il-Parlament ma kienx f’pożizzjoni li jispeċifika jekk, għal kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet jew riżoluzzjonijiet, il-voti kienu ġew espressi b’mod globali jew separat fuq żewġ paragrafi jew proposti ta’ emendi ta’ ċerti paragrafi.

100    Għaldaqstant, id-domandi bil-miktub magħmula lill-Parlament wara s-seduta kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni tal-modalitajiet speċifiċi ta’ votazzjoni fuq l-erba’ deċiżjonijiet ta’ kwittanza tal-baġit imsemmija iktar ʼil fuq u fuq l-erba’ riżoluzzjonijiet li jakkumpanjawhom, adottati mill-assemblea plenarja.

101    Issa, mir-risposta tal-Parlament jirriżulta li, għalkemm kull waħda mill-erba’ deċiżjonijiet ta’ kwittanza ċċitati fil-punt 97 iktar ʼil fuq u kull waħda mir-riżoluzzjonijiet li jakkumpanjawhom ġew adottati permezz ta’ votazzjoni globali tal-assemblea plenarja, il-votazzjoni fuq ir-riżoluzzjonijiet dwar il-kwittanza għas-sena 2005, li saret fl-24 ta’ April 2007, il-votazzjoni fuq dik tas-sena 2006, li saret fit-22 ta’ April 2008, u l-votazzjoni fuq dik tas-sena 2010, li saret fl-10 ta’ Mejju 2012, kienu preċeduti minn votazzjonijiet separati fuq emendi u paragrafi speċifiċi tal-abbozzi ta’ riżoluzzjoni. Fir-rigward tar-riżoluzzjoni dwar il-kwittanza għas-sena 2005, il-paragrafi 74 sa 84 tal-abbozz ta’ riżoluzzjoni, li jirrigwardaw l-iskema, kienu suġġetti għal votazzjonijiet separati, li matulhom il-membri esprimew ruħhom. Fir-rigward tar-riżoluzzjoni li tirrigwarda l-kwittanza għas-sena 2006, il-paragrafi 70 sa 73, li jirrigwardaw l-iskema, ġew adottati bl-istess mod. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tar-riżoluzzjoni dwar il-kwittanza għas-sena 2010 għall-paragrafi 98 u 99 tal-abbozz ta’ riżoluzzjoni li jirrigwarda l-iskema.

102    Minn dan kollu li ntqal jirriżulta li l-membri kollha li jifformaw parti mill-assemblea plenarja kellhom dritt li jiddeċiedu fuq l-iskema, fl-24 ta’ April 2007, fit-22 ta’ April 2008 u fl-10 ta’ Mejju 2012.

103    Għaldaqstant, bil-għan li r-rikorrent ikun permess li jilħaq l-għan tiegħu li jiġu rrilevati l-kunflitti ta’ interessi potenzjali tal-membri, il-Parlament kellu jipproċedi bit-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema li kienu wkoll membri tal-assemblea plenarja fid-dati msemmija fil-punt 102 iktar ʼil fuq u li effettivament ipparteċipaw fil-votazzjonijiet li saru f’dawk id-dati, mingħajr ma jillimita ruħu għall-ismijiet ta’ dawk li pparteċipaw fl-iskrutinji organizzati skont il-proċedura ta’ votazzjoni b’sejħa tal-ismijiet, prevista mill-Artikolu 180 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament, kif jistgħu jindikaw il-kummenti tar-rikorrent fl-osservazzjonijiet ippreżentati fit-2 ta’ Frar 2015. Fil-fatt, tkun xi tkun il-proċedura ta’ votazzjoni użata waqt l-iskrutinji fir-rigward tal-iskema, il-membri kollha li effettivament ivvotaw u li kienu jipparteċipaw fl-iskema setgħu jiġu influwenzati mill-interess personali tagħhom f’dan ir-rigward (ara l-punt 102 iktar ʼil fuq).

104    Minn dan li ntqal jirriżulta li ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-modalitajiet speċifiċi tal-votazzjoni tal-kummissjoni ta’ kontroll tal-baġit u tal-bureau, peress li l-membri tagħhom kienu wkoll membri tal-assemblea plenarja.

105    Fit-tielet lok, il-Parlament qies li huwa naturalment impossibbli li jiġi ddeterminat jekk il-membri, meta dawn waslu sabiex jiddeċiedu fuq l-iskema, kinux ġew realment influwenzati mill-interessi finanzjarji proprji tagħhom jew minn xi motiv leġittimu ieħor jew le, peress li l-identifikazzjoni tal-membri parteċipanti fl-iskema ma tipprovdi l-ebda informazzjoni fuq il-motivi suġġettivi tal-voti tagħhom fuq l-iskema.

106    Issa, il-kunċett ta’ kunflitt ta’ interessi ma jagħmilx riferiment biss għal sitwazzjoni li fiha l-aġent pubbliku għandu interess personali ta’ natura li tkun influwenzat effettivament l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, f’dan il-każ dik ta’ persuna eletta fil-Parlament, iżda wkoll dik li fiha l-interess identifikat jista’, f’għajnejn il-pubbliku, jidher li jinfluwixxi l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet uffiċjali. Barra minn hekk, l-iżvelar tal-kunflitti ta’ interessi potenzjali ma huwiex intiż biss sabiex jiġu rrilevati l-każijiet li fihom l-aġent pubbliku eżerċita l-funzjonijiet tiegħu bl-għan li jissodisfa l-interessi personali tiegħu, iżda wkoll sabiex jinforma lill-pubbliku dwar ir-riskji ta’ kunflitti tal-interessi imposti fuq l-aġenti pubbliċi, bil-għan li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, dawn tal-aħħar jaġixxu b’mod imparzjali, wara li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jkunu jinsabu fihom, jkunu ddikjaraw is-sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali li tirrigwardhom u addottaw jew ipproponew miżuri sabiex jirriżolvu jew jevitaw l-imsemmi kunflitt. Sussegwentement, l-argument tal-Parlament huwa infondat u għandu jitwarrab, peress li l-motivi suġġettivi ta’ vot espress minn persuna eletta huma, barra minn hekk, min-natura tagħhom mhux verifikabbli.

107    Fir-raba’ lok, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 106 iktar ʼil fuq, jeħtieġ li jitwarrab l-argument tal-Parlament marbut mal-assenza ta’ prova mir-rikorrent ta’ dibattitu dwar il-kunflitti ta’ interessi potenzjali tal-membri marbuta mal-iskema jew mal-aġir ta’ membru preċiż.

108    Fil-ħames lok, mir-raġunament tal-punti 91 sa 106 iktar ʼil fuq, jirriżulta wkoll li r-regola li skontha jirriżulta li r-Regolament Nru 45/2001, kif interpretat fis-sentenza Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq (EU:T:2011:688, punti 34 u 35), li hija l-persuna li titlob it-trasferiment tad-data ta’ natura personali li għandha tipprovdi bi preċiżjoni l-elementi li jippermettu li jiġi konkluż li teżisti n-neċessità għal dan it-trasferiment ma tistax twassal għal konsegwenzi implikati mill-argument tal-Parlament.

109    Qabel xejn, b’mod kuntrarju għal dak li jikkonferma dan tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent espona r-raġunijiet li abbażi tagħhom huwa għandu jikseb konoxxenza tal-parteċipazzjoni tal-membri fl-iskema, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu b’hekk irrilevati l-kunflitti ta’ interessi potenzjali li jistgħu jinfluwixxu l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

110    Sussegwentement, għalkemm il-Parlament għandu l-intenzjoni jsostni li r-rikorrent kellu l-obbligu li jipproduċi preċiżament l-elementi kollha li juru l-eżistenza ta’ kunflitti ta’ interessi sabiex tiġi stabbilita n-neċessità tat-trasferiment, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, bil-għan li jiġu rrilevati l-kunflitti ta’ interessi potenzjali tal-membri meta dawn jivvotaw fuq l-iskema, ir-rikorrent seta’ legalment sempliċement juri li dawn tal-aħħar kienu jinsabu f’tali sitwazzjoni, minħabba l-karatteristika doppja tagħhom ta’ membri u ta’ parteċipanti fl-iskema. Fil-fatt, il-kunċett ta’ kunflitt ta’ interess jagħmel riferiment għas-sitwazzjoni li fiha l-interess identifikat jista’, f’għajnejn il-pubbliku, jidher li jinfluwenza l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet uffiċjali (ara l-punt 106 iktar ʼil fuq) u għaldaqstant ma jirrikjedix li tintwera l-assenza ta’ eżerċizzju imparzjali tal-funzjonijiet inkwistjoni. B’mod iktar partikolari, ma jistax jiġi allegat li r-rikorrent ma identifikax huwa stess l-organu li, fi ħdan il-Parlament, intalab jiddeċiedi fuq l-iskema u, għalhekk, il-grupp tal-membri kkonċernati, qabel ma talab it-trasferiment tal-ismijiet tal-membri inkwistjoni.

111    Interpretazzjoni kuntrarja tkun twassal sabiex ir-rikorrent jiġi rikjest li huwa jitlob, fl-ewwel lok, l-aċċess għad-dokumenti li juru liema huma l-organi li fi ħdanhom saret votazzjoni fuq l-iskema u, fid-dawl tar-riżultat miksub, li huwa jitlob, fit-tieni lok, l-aċċess għad-dokumenti li jidentifikaw il-membri li effettivament ivvotaw fuq dan il-punt, u mbagħad għad-dokumenti li jidentifikaw il-membri li jipparteċipaw fl-iskema. L-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tobbliga lill-persuna li titlob l-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjoni jew organu tal-Unjoni li ssegwi tali perkors, li lanqas ma jirriżulta mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001 fir-rigward tad-dokumenti li jinkludu data ta’ natura personali.

112    Fis-sitt lok, il-Parlament allega li l-interess, li fid-dawl tiegħu ntalab it-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema, huwa bbażat unikament fuq l-evalwazzjoni tal-ġurnalist li jitlob l-aċċess għad-dokumenti, f’dan il-każ ir-rikorrent, u mhux fuq raġunijiet oġġettivi. Issa, permezz ta’ dan, il-Parlament jitlef kont tal-fatt li r-rikorrent ibbażat ruħu fuq l-eżistenza ta’ kunflitti ta’ interessi potenzjali fost il-membri parteċipanti fl-iskema fl-okkażjoni tal-votazzjoni fuq din tal-aħħar, fatt li ma jikkostitwixxix evalwazzjoni suġġettiva fuq sitwazzjoni partikolari, iżda l-konstatazzjoni ta’ riskju fuq l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet uffiċjali tal-membri inkwistjoni.

113    Konsegwentement, mill-punti 88 sa 112 iktar ʼil fuq jirriżulta li l-Parlament wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li r-rikorrent ma kienx wera n-neċessità tat-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema, li, bħala membri tal-assemblea plenarja, kienu effettivament ivvotaw fuq l-iskema waqt l-iskrutinji li saru fl-24 ta’ April 2007, fit-22 ta’ April 2008 u fl-10 ta’ Mejju 2012, fir-rigward tal-għan segwit ta’ rivelazzjoni tal-kunflitti tal-interessi potenzjali.

114    Madankollu, jeħtieġ, li jitkompla l-eżami tar-rikors permezz tal-analiżi tal-argumenti marbuta mal-applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni kumulattiva tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali, rikjesta mill-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, jiġifieri li ma tkun teżisti l-ebda raġuni li tindika li t-trasferiment tal-ismijiet tal-membri tal-assemblea plenarja parteċipanti fl-iskema li vvotaw fuq din tal-aħħar tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi ta’ dawn tal-aħħar.

 Fuq l-applikazzjoni tal-kundizzjoni tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 marbut mal-assenza ta’ interess leġittimu fil-protezzjoni tal-ħajja privata tal-membri

115    It-tieni parti tal-motiv hija kompost minn tliet ilmenti, li jikkoinċidu. Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrent jsostni li l-membri ma għandhomx interess leġittimu fil-protezzjoni tal-ħajja privata tagħhom fis-sens tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, peress li huma jissuġġettaw l-aġir tagħhom għal-livell għoli ta’ eżami mill-pubbliku. Permezz tat-tieni lment, huwa tal-opinjoni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament ma ġġustifikax il-fatt li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jippreġudika l-interessi leġittimi tal-membri. Permezz tat-tielet ilment tagħhom, huwa kkunsidra li, anki jekk il-Parlament kien, ġustament, ikkunsidra li l-informazzjoni mitluba kienet taqa’ taħt l-isfera privata tal-membri, dan ma kienx biżżejjed sabiex din tiġi protetta bħala interess leġittimu fis-sens tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, li jirrikjedi bbilanċjar tal-interessi preżenti.

116    Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li l-ġurisprudenza tirrikjedi li, ġaladarba tintwera n-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali, l-istituzzjoni jew l-organu tal-Unjoni li jirċievi talba għal aċċess għal dokumenti li jinkludu tali data għandu jibbilanċja l-interessi differenti tal-partijiet inkwistjoni u tivverfika jekk teżistix xi raġuni li tindika li dan it-trasferiment jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati kif jippreskrivi l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:C:2010:378, punt 78, u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 30).

117    Tali rekwiżit għandu jwassal lill-istituzzjoni jew l-organu tal-Unjoni mitlub l-aċċess li jirrifjuta t-trasferiment tad-data ta’ natura personali, meta jiġi kkonstatat li teżisti l-iċken raġuni li tindika li t-trasferiment jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati.

118    Fl-ewwel lok, l-argumenti kollha tar-rikorrent insostenn tat-tieni parti tal-ewwel motiv hija bbażata fuq il-premessa li, minħabba l-karattru pubbliku tal-funzjonijiet tal-membri u l-istatus tagħhom, l-interessi leġittimi ta’ dawn tal-aħħar ma għandhomx dritt għall-istess livell ta’ protezzjoni bħal dawk tal-persuni li ma humiex personalitajiet pubbliċi. Fost l-interessi tal-membri, għandha ssir distinzjoni bejn dawk li jaqgħu fl-isfera pubblika, li għandhom ikunu suġġetti għal protezzjoni inqas waqt l-ibbilanċjar mal-interess favur it-trasferiment tad-data ta’ natura personali, u dawk li jifformaw parti mill-isfera privata, li għandhom jiġu protetti.

119    Kif jirrikonoxxi l-Parlament, id-distinzjoni magħmula mir-rikorrent għall-personalitajiet pubbliċi bejn l-isfera pubblika u l-isfera privata hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ protezzjoni tad-data ta’ natura personali li għandhom dritt għalih taħt is-sistema tar-Regolament Nru 45/2001, anki jekk dan tal-aħħar ma jipprovdi xejn f’dan is-sens. Fil-fatt, ikun totalment inopportun li talba għal trasferiment tad-data ta’ natura personali tiġi evalwata bl-istess mod irrispettivament mill-identità tal-persuna kkonċernata. Personalità pubblika għażlet li tesponi lil terzi, b’mod partikolari lill-medja u, permezz ta’ dawn, lill-pubbliku ftit jew wisq kbir skont il-qasam ta’ azzjoni tagħha, anki jekk tali għażla bl-ebda mod ma timplika li għandu jiġu kkunsidrat li l-interessi ta’ din il-persuna qatt ma jistgħu jiġu ppreġudikati sabiex jiġi deċiż jekk għandhiex tiġi ttrasferita d-data li tikkonċernah. Għalhekk, personalità pubblika ġeneralment diġà aċċettat li ċerta data tagħha ta’ natura personali sejrin jiġu żvelati lill-pubbliku, jew inċitat l-aġir jew anki aġixxiet f’dan is-sens. Għaldaqstant għandu jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-ambjent sabiex jiġi evalwat ir-riskju ta’ preġudizzju fil-konfront tal-interessi tal-personalitajiet pubbliċi fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 u sabiex jiġu bbilanċjati dawn l-interessi man-neċessità tat-trasferiment tad-data ta’ natura personali mitlub.

120    F’tali kuntest, jeħtieġ, sabiex jiġi evalwat, f’dan il-każ, ir-riskju ta’ preġudizzju tal-interessi leġittimi tal-membri, li jifforma parti minnhom, b’mod inkontestabbli, ċerti aspetti tal-attivitajiet professjonali bħall-elementi tar-remunerazzjoni, li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod iktar partikolari r-rabta li tirrappreżenta d-data personali inkwistjoni, jiġifieri l-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema li vvotaw fuq din tal-aħħar, mal-mandat ta’ dawn tal-aħħar. Issa, il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fl-iskema hija miftuħa biss għall-membri. Għalhekk l-eżistenza tal-mandat ta’ membru tal-Parlament jikkostitwixxi l-ewwel kundizzjoni u hija neċessarja sabiex dan jibbenefika mill-pensjoni addizzjonali implementata mill-iskema. Għal din ir-raġuni prinċipali, id-data personali inkwistjoni tifforma parti mill-isfera pubblika tal-membri.

121    Fid-dawl ta’ din il-karatteristika, li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema għall-membri biss, iċ-ċirkustanza li l-parteċipazzjoni fl-iskema hija fakultattiva u tirriżulta minn adeżjoni volontarja, li b’hekk ma tirriżultax awtomatikament mill-mandat, jew dik li l-pensjoni addizzjonali tinġabar wara l-iskadenza tal-mandat, fatt rilevat barra minn hekk, min-natura stess ta’ kull pensjoni tal-irtirar, ma humiex determinanti sabiex jinserixxu d-data ta’ natura personali inkwistjoni fl-isfera privata tal-membri. Jeħtieġ, barra minn hekk, li tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss ir-rabta mal-mandat ta’ membru, iżda wkoll l-informazzjoni kollha pprovduta mir-rikorrent, mhux ikkontestata mill-Parlament, u anki kkonfermata mill-elementi tal-fajl, dwar il-funzjonament tal-iskema, jiġifieri l-finanzjament mill-Parlament sal-limitu ta’ żewġ terzi mill-kontribuzzjonijiet imħallsa, l-ibbilanċjar tal-iżbilanċ tal-iskema tal-Parlament u l-impenn ta’ dan tal-aħħar li jikkumpensa t-telf kollu li tbati l-iskema, li, skont ir-rikorrent, jiżgura b’hekk lill-membri parteċipanti fl-iskema ż-żamma tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba. Dawn huma elementi li jsaħħu l-appartenenza tad-data ta’ natura personali inkwistjoni lill-isfera pubblika tal-membri, peress li dawn jindikaw l-impenn finanzjarju u legali importanti tal-Parlament fl-iskema.

122    Jeħtieġ ukoll li tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza li tistabbilixxi, minn naħa, li l-iskema tifforma parti mid-dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan, fl-interess ġenerali, li tiġi żgurata l-indipendenza finanzjarja tal-membri u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjonijiet adottati f’dan ir-rigward mill-organi kompetenti tal-Parlament għandhom jitqiesu li huma miżuri ta’ organizzazzjoni interna maħsuba sabiex jiżguraw il-funzjonament korrett ta’ din tal-aħħar, li jaqgħu taħt prerogattivi ta’ setgħa pubblika li huwa ngħata bil-għan li jkun jista’ jwettaq il-missjoni tiegħu, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-iskema li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Purvis vs Il-Parlament, punt 26 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:600, punti 60 u 61, u tat-13 ta’ Marzu 2013, Inglewood et vs Il-Parlament, T‑229/11 u T‑276/11, Ġabra, EU:T:2013:127, punt 61).

123    Fir-rigward tal-argument tal-Parlament li l-kontribuzzjonijiet lill-iskema kienu jikkonċernaw is-sitwazzjoni finanzjarja privata tal-membri, dan għandu jitwarrab, fid-dawl tar-rabta li tista’ ssir bejn l-elementi finanzjarji tal-iskema, li jifformaw parti minnha l-kontribuzzjonijiet, u l-isfera pubblika tal-membri. Tali raġunament jgħodd ukoll għall-argument tal-Parlament li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-aġir tal-membri fil-votazzjoni, li dejjem jifforma parti mill-isfera pubblika tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskema, li taqa’, fl-opinjoni tagħhom, fl-isfera privata tagħhom. Barra minn hekk, it-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema ma jippermetti biss li tiġi rrilevata l-affiljazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, mingħajr ma tiġi żvelata l-informazzjoni fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, b’mod partikolari fuq il-patrimonju tagħhom, it-tfaddil tagħhom jew l-istrumenti li fihom jiġu investiti l-fondi ttrasferiti fl-iskema.

124    Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, fl-ibbilanċjar tal-interessi preżenti, l-interessi leġittimi tal-membri parteċipanti fl-iskema, li huma marbuta mal-isfera pubblika ta’ dawn tal-aħħar, għandhom ikunu suġġetti għal livell ta’ protezzjoni inqas għoli minn dak li, skont il-loġika tar-Regolament Nru 45/2001, jibbenefikaw minnu l-interessi marbuta mal-isfera privata tagħhom.

125    Fit-tieni lok, hemm lok li jitfakkar li, anki f’dan il-kuntest, id-data ta’ natura personali tiġi ttrasferita biss jekk ma tkunx teżisti raġuni li abbażi tagħha dan it-trasferiment jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati. Madankollu, il-livell ridott ta’ protezzjoni tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema għandu l-effett li jagħti piż ikbar lill-interessi rrappreżentati mill-għan segwit mit-trasferiment.

126    Kif isostni r-rikorrent, l-iżvelar tal-kunflitti ta’ interessi potenzjali tal-membri, li huwa l-għan tat-trasferiment tad-data mitluba, jippermetti li jiġi żgurat kontroll aħjar tal-azzjoni tal-membri u tal-funzjonament ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li tirrappreżenta l-popli tal-Istati Membri kif ukoll li tittejjeb it-trasparenza tal-azzjoni tagħha. Għall-kuntrarju ta’ dak li jikkonferma l-Parlament waqt is-seduta, tali interessi jistgħu legalment jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-ibbilanċjar li għandu jsir skont l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 (ara l-punti 61 sa 63 iktar ʼil fuq). Għaldaqstant, fid-dawl tal-importanza tal-interessi hawn invokati, intiżi li jiżguraw il-funzjonament korrett tal-Unjoni billi tiġi żviluppata l-aspettattiva li ċ-ċittadini jistgħu jkunu rrappreżentati fl-istituzzjonijiet, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li ma jistgħux jiġu ppreġudikati l-interessi leġittimi tal-membri parteċipanti fl-iskema, kif dawn ġew iddelimitati fil-punti 120 u 121 iktar ʼil fuq, permezz tat-trasferiment tad-data personali inkwistjoni.

127    L-ibbilanċjar tal-interessi preżenti kellha wkoll twassal sabiex jiġi ammess li t-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema u li pparteċipaw fil-votazzjoni fuq din tal-aħħar, peress li l-Parlament ma setax legalment isostni li kienet teżisti preżunzjoni legalment vinkolanti favur l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati mid-data ta’ natura personali li għandha tiġi ttrasferita. Xejn fit-test tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 ma jimmilita favur ir-rikonoxximent ta’ tali preżunzjoni, peress li l-evalwazzjoni ta’ talba għal trasferiment ta’ data ta’ natura personali tirrikjedi li jiġu bbilanċjati l-interessi preżenti, wara li l-persuna li tressaq it-talba tkun uriet l-eżistenza ta’ neċessità li tiġi ttrasferita l-imsemmija data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:C:2010:378, punt 79, u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 34), li hija kundizzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett u li timponi li l-persuni li titlob l-aċċess għandha tipprovdi ġustifikazzjonijiet espressi u leġittimi għan-neċessità li hija tinvoka. Barra minn hekk, il-Parlament jibbaża ruħu b’mod żbaljat fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jiġġustifika l-eżistenza ta’ tali preżunzjoni, meta jinnota li din tal-aħħar tippermetti derogi mid-dritt għal trasparenza. Għalkemm ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi fil-fatt għal eċċezzjoni mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti fil-każ fejn l-iżvelar jista’ jippreġudika l-ħajja privata jew l-integrità tal-individwu, billi jirrendi b’hekk applikabbli, ir-Regolament Nru 45/2001, dan bl-ebda mod ma jwassal sabiex joħloq preżunzjoni favur l-interessi leġittimi tal-persuni li d-data tagħhom ta’ natura personali hija protetta minn dan l-aħħar imsemmi regolament.

128    Fost l-argumenti l-oħra ppreżentati mill-Parlament, il-kritika tan-natura proporzjonata tal-miżuri mitluba mir-rikorrent hija ineffettiva. Permezz ta’ dan, il-Parlament jikkontesta n-neċessità tat-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mir-rikorrent u mhux l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti.

129    L-argumenti l-oħra tal-Parlament għandhom jitwarrbu bħala infondati. Dan jgħodd ukoll meta dan jikkunsidra li, jekk jiġi segwit ir-rikorrent, il-membri ma għandhomx iktar dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom, u li t-trasferiment tad-data ta’ natura personali kien jippreġudika l-indipendenza tal-mandat tagħhom. Ma ġie invokat l-ebda element serju insostenn ta’ tali dikjarazzjonijiet, filwaqt li n-natura limitata tal-informazzjoni rrilevata bit-trasferiment tad-data inkwistjoni għandha tiġi enfasizzata u li xejn ma jippermetti li jinftiehem kif l-indipendenza tal-mandat tal-membru tiġi affettwata b’mod negattiv jekk il-parteċipazzjoni fl-iskema tiġi kkomunikata lill-pubbliku. Dan jgħodd ukoll għall-argument marbut mal-fatt li l-membri jistgħu jsofru kritika min-naħa tal-pubbliku dwar allegat kunflitt ta’ interessi. Peress li tali kunflitt huwa inerenti fil-funzjoni ta’ membru tal-Parlament, il-kritika possibbli diġà tista’ ssir minn kull persuna li tifforma parti mill-pubbliku u li taf il-problema tal-iskema, anki jekk din il-persuna ma tkunx informata b’mod preċiż bl-isem tal-membri li possibbilment huma suġġetti għal tali kunflitt ta’ interessi. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrent jagħmel din il-kritika permezz tad-diversi atti proċedurali tiegħu.

130    Sussegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Parlament wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li t-trasferiment tal-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema li pparteċipaw fil-votazzjoni fuq din tal-aħħar kien jippreġudika l-interessi leġittimi ta’ dawn tal-aħħar.

131    Jeħtieġ li jitkompla l-eżami tar-rikors, peress li l-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Parlament fl-applikazzjoni taż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 jikkonċerna biss il-membri tal-assemblea plenarja li pparteċipaw fil-votazzjonijiet fuq l-iskema fl-24 ta’ April 2007, fit-22 ta’ April 2008 u fl-10 ta’ Mejju 2012, u mhux il-membri li astjenew u dawn li ma kinux iktar jew għadhom mhux fis-servizz, minħabba, b’mod partikolari, li l-mandat tagħhom kien spiċċa preċedentement, inklużi dawk li kienu invokaw id-drittijiet tagħhom għall-pensjoni.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

132    Essenzjalment, ir-rikorrent isostni li l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-obbligu ta’ protezzjoni tal-ħajja privata fir-rigward tad-data ta’ natura personali jipprevali fuq l-imperattiv ta’ trasparenza hija vvizzjata min-nuqqas ta’ motivazzjoni tagħha. Il-Parlament ma spjegax kif l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jippreġudika b’mod konkret u effettiv il-ħajja privata tal-membri li l-ismijiet tagħhom jinsabu f’dawn il-dokumenti.

133    Hemm lok li jitfakkar li, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbet il-komunikazzjoni tiegħu, fil-prinċipju din tal-aħħar tkun obbligata li tipprovdi spjegazzjonijiet fuq il-kwistjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 invokata minn din l-istituzzjoni (sentenzi L‑Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ʼil fuq, EU:C:2011:496, punt 76, u tat-28 ta’ Marzu 2012, Egan u Hackett vs Il-Parlament, T‑190/10, EU:T:2012:165, punt 90). Għaldaqstant, tali spjegazzjoni ma tistax tikkonsisti f’sempliċi dikjarazzjoni li l-aċċess għal ċerti dokumenti jippreġudikaw il-ħajja privata fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Egan u Hackett vs Il-Parlament, iċċitata iktar ʼil fuq, EU:T:2012:165, punt 90).

134    Jeħtieġ ukoll li jitfakkar li, meta talba bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 tkun intiża li jinkiseb aċċess għal dokumenti li jinkludu data ta’ natura personali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 isiru applikabbli b’mod sħiħ, inkluż l-Artikolu 8 (sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:C:2010:378, punt 63, u Dennekamp vs Il-Parlament, punt 4 iktar ʼil fuq, EU:T:2011:688, punt 26).

135    Għaldaqstant, meta, bħal f’dan il-każ, l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 jkun applikabbli għal talba għal aċċess għal dokumenti, l-eżami tan-natura konkreta u effettiva tal-preġudizzju tal-interess protett mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jitħallat mal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ preġudizzju għall-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata mit-trasferiment tad-data ta’ natura personali, peress li l-interessi leġittimi msemmija fl-Artikolu 8(b) jikkoinċidu mal-ħajja privata u l-integrità tal-individwu, imsemmija fl-aħħar imsemmija dispożizzjoni, li jistgħu jiġu ppreġudikati mit-trasferiment ta’ tali data billi jiġu rrilevati lill-pubbliku ċerti aspetti tagħhom.

136    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 296 KE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda fid-dawl ukoll tal-kuntest tiegħu u tat-totalità tad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw is-suġġett inkwistjoni (ara s-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra, EU:C:2007:75, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Skont ir-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata fir-rigward tal-punt dwar kif l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jippreġudika b’mod konkret u effettiv il-ħajja privata tal-membri parteċipanti fl-iskema.

138    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament ikkunsidrat li ma huwiex proporzjonali li jingħata t-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkwistjoni, fid-dawl tal-piżijiet tal-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati. Huwa invoka parti mill-opinjoni tiegħu li l-portata tal-interessi leġittimi tal-membri kienet ċertament inqas wiesa’ minn dik tal-interessi tal-persuni privati li ma għandhom involviment pubbliku, filwaqt li enfasizza li l-mekkaniżmi ta’ protezzjoni previsti mir-Regolament Nru 45/2001 japplikaw f’dan il-każ u li l-membri kellhom interessi leġittimi li d-data inkwistjoni ma tiġix żvelata, peress li din tifforma parti mill-isfera privata tagħhom u għaldaqstant tikkostitwixxi interess leġittimu li għandu jiġi protett bħala data marbuta mas-sitwazzjoni finanzjarja personali tagħhom. Fl-opinjoni tiegħu, il-kontribuzzjonijiet tal-irtirar u d-drittijiet għall-pensjoni riżultanti huma dejjem kwistjonijiet privati, b’mod li r-rabta mal-mandat ta’ membru jew il-mod ta’ finanzjament tal-iskema ma għandhomx effett. Sussegwentement, il-Parlament ikkunsidra li, fil-każ kuntrarju, it-teżi tar-rikorrent tapplika għall-persunal kollu tal-amministrazzjoni pubblika. Huwa tenna l-opinjoni tiegħu li t-trasferiment tad-data inkwistjoni, ibbażat fuq l-interess ġenerali tal-medja u tal-pubbliku fis-sitwazzjoni finanzjarja personali tal-membri, ma huwiex proporzjonat, ħlief jekk jiġi kkunsidrat li l-medja u l-pubbliku għandhom aċċess għad-data kollha privata tal-membri u anki tal-uffiċjali pubbliċi li timplika nfiq pubbliku. Huwa kkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrent li l-iżvelar tal-dokumenti mitluba huwa iktar adegwat mill-miżuri maħsuba sabiex jipprovdu kontroll pubbliku tal-ispejjeż pubbliċi. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa kkonkluda, li l-interessi leġittimi tal-membri għandhom jipprevalixxu fuq l-allegata neċessità tat-trasferiment tad-data inkwistjoni.

139    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-riskju ta’ preġudizzju tal-interessi leġittimi tal-membri u, għaldaqstant, tal-ħajja privata tagħhom, jinsab fil-fatt li, peress li tifforma parti mill-isfera privata tal-membri, id-data ta’ natura personali inkwistjoni tikkostitwixxi interess leġittimu li għandu jiġi protett peress li din tirreferi għas-sitwazzjoni finanzjarja personali tal-membri u l-kontribuzzjonijiet tal-irtirar u d-drittijiet tal-pensjoni riżultanti huma kwistjonijiet privati. L-evalwazzjonijiet l-oħra magħmula mill-Parlament fl-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, iddikjarati fil-punt 138 iktar ʼil fuq, ma humiex marbuta mal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ preġudizzju għall-interessi leġittimi jew għall-ħajja privata tal-membri.

140    Issa, peress li teżisti sovrappożizzjoni bejn l-eżami tan-natura konkreta u effettiva tal-preġudizzju għall-interess protett mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ preġudizzju tal-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata previst fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Parlament wettaq din l-aħħar imsemmija evalwazzjoni, billi enfasizza li d-data ta’ natura personali inkwistjoni tifforma parti mill-isfera privata tal-membri, hija suġġetta għal livell ogħla ta’ protezzjoni b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u għandha għaldaqstant tkun protetta bħala interess leġittimu. Huwa nnota li l-kontribuzzjonijiet lill-iskema tal-irtirar u d-drittijiet tal-pensjoni riżultanti kienu kwistjonijiet privati, indipendentement mill-iskema inkwistjoni u mill-mod kif kienet iffinanzjata, li l-pensjoni tal-irtirar riżultanti mill-iskema kienet tiġi riċevuta wara t-tmiem tal-mandat u li l-membri kellhom iħallsu kontribuzzjoni finanzjarja personali sinjifikattiva, li ma kinitx irrimborsata minnu.

141    Ċertament, ir-raġunament tal-Parlament, fid-deċiżjoni kkontestata, huwa relattivament fil-qosor, iżda jippermetti kemm lid-destinatarju tad-deċiżjoni kif ukoll lill-Qorti Ġenerali li jifhmu r-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Parlament wasal għall-konklużjoni li jkun hemm riskju ta’ preġudizzju għall-interessi leġittimi tal-membri f’każ li jiġi awtorizzat it-trasferiment tad-data ta’ natura personali inkwistjoni. Peress li tali evalwazzjoni tinkludi neċessarjament dik tar-riskju ta’ preġudizzju konkret u effettiv għall-ħajja privata u għall-integrità tal-membri, l-argument mhux wisq żviluppat tar-rikorrent għandu konsegwentement jitwarrab.

142    Sussegwentement, jeħtieġ li jitwarrab it-tieni motiv.

143    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikors ma għandux skop sa fejn dan jitlob l-aċċess għall-ismijiet ta’ 65 membru parteċipanti fl-iskema u rikorrenti fil-kawżi li taw lok għad-digriet Albertini et u Donnelly vs Il-Parlament, punt 25 iktar ʼil fuq (EU:T:2010:519), u għas-sentenza Purvis vs Il-Parlament, punt 26 iktar ʼil fuq (EU:T:2011:600), li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-Parlament irrifjuta l-aċċess għall-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema li, bħala membri tal-assemblea plenarja, effettivament ipparteċipaw fil-votazzjonijiet fuq l-iskema waqt l-iskrutinji tal-24 ta’ April 2007, tat-22 ta’ April 2008 u tal-10 ta’ Mejju 2012, u li l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

144    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont il-paragrafi 2 u 3 tal-istess artikolu, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

145    Peress li l-Parlament essenzjalment tilef il-kawża, hemm lok li dan jiġi kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal tliet kwarti minn dawk tar-rikorrent. Dan tal-aħħar għandu jbati kwart tal-ispejjeż tiegħu.

146    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. F’dan il-każ, il-KEPD, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal annullament tad-Deċiżjoni A (2012) 13180 tal-Parlament, tal-11 ta’ Diċembru 2012, li tirrifjuta li tagħti lil Gert-Jan Dennekamp l-aċċess għal ċerti dokumenti marbuta mal-affiljazzjoni ta’ ċerti membri tal-Parlament fl-iskema tal-pensjoni addizzjonali, sa fejn biha ġie rrifjutat l-aċċess għall-ismijiet ta’ 65 membru tal-Parlament rikorrenti fil-kawżi li taw lok għad-digriet tal-15 ta’ Diċembru 2010, Albertini et u Donnelly vs Il-Parlament (T‑219/09 u T‑326/09, Ġabra, EU:T:2010:519), u għas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il-Parlament (T‑439/09, Ġabra, EU:T:2011:600).

2)      Id-Deċiżjoni A (2012) 13180 hija annullata sa fejn biha ġie rrifjutat l-aċċess għall-ismijiet tal-membri parteċipanti fl-iskema tal-pensjoni addizzjonali tal-Parlament li, bħala membri tal-assemblea plenarja tal-Parlament, effettivament ipparteċipaw fil-votazzjonijiet fuq din l-iskema tal-pensjoni addizzjonali waqt l-iskrutinji tal-24 ta’ April 2007, tat-22 ta’ April 2008 u tal-10 ta’ Mejju 2012.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż proprji tiegħu u tliet kwarti minn dawk ta’ Dennekamp.

5)      Dennekamp għandu jbati kwart mill-ispejjeż proprji tiegħu.

6)      Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Dittrich

Schwarcz

Tomlejnović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.