Language of document : ECLI:EU:C:2021:311

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ April 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 2 TUE – Valuri tal-Unjoni Ewropea – Stat tad-dritt – Artikolu 49 TUE – Adeżjoni mal-Unjoni – Assenza ta’ rigress fil-livell ta’ protezzjoni tal-valuri tal-Unjoni – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 19 TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Indipendenza tal-membri tal-ġudikatura ta’ Stat Membru – Proċedura ta’ ħatra – Setgħa tal-Prim Ministru – Involviment ta’ kumitat dwar il-ħatriet tal-ġudikatura”

Fil-Kawża C‑896/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili – Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali (Malta), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

Repubblika

vs

Il-Prim Ministru,

fil-preżenza ta’

WY,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, M. Ilešič u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, C. Toader, M. Safjan, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, P. G. Xuereb u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Repubblika, minn J. Azzopardi, S. Busuttil u T. Comodini Cachia, avukati,

–        għall-Gvern Malti, minn V. Buttigieg u A. Buhagiar, bħala aġenti, assistiti minn D. Sarmiento Ramirez-Escudero u V. Ferreres Comella, abogados,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn C. Meyer-Seitz, H. Shev, H. Eklinder, R. Shahsavan Eriksson, A. M. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, O Simonsson u J. Lundberg, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn K. Mifsud-Bonnici, P. J. O. Van Nuffel, H. Krämer u J. Aquilina, sussegwentement minn K. Mifsud-Bonnici, P. J. O. Van Nuffel u J. Aquilina, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Repubblika, assoċjazzjoni, irreġistrata bħala persuna ġuridika f’Malta, li l-għan tagħha huwa li tippromwovi l-protezzjoni tal-ġustizzja u tal-Istat tad-dritt f’dan l-Istat Membru, u, min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru (Malta), dwar actio popularis li għandha bħala suġġett, b’mod partikolari, il-konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea tad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni ta’ Malta (iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Fil-Kapitolu VIII tagħha, il-Kostituzzjoni tinkludi regoli dwar il-poter ġudizzjarju, fosthom regoli dwar il-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura.

4        F’dan il-Kapitolu VIII, l-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“(1)      L-Imħallfin tal-Qrati Superjuri għandhom jiġu maħtura mill-President li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru.

(2)      Ħadd ma jkun kwalifikat biex ikun maħtur imħallef tal-Qrati Superjuri kemm-il darba għal perijodu ta’, jew perijodi li jammontaw b’kollox għal, mhux anqas minn tnax-il sena ma jkunx jew eżerċita bħala avukat f’Malta jew serva bħala maġistrat f’Malta, jew f’parti hekk eżerċita u f’parti hekk serva.

(3)      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (4), qabel ma l-Prim Ministru jagħti l-parir tiegħu skont is-subartikolu (1) dwar il-ħatra ta’ imħallef tal-Qrati Superjuri (ħlief il-Prim Imħallef) għandha tkun saret l-evalwazzjoni mill-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura mwaqqaf bl-artikolu 96A ta’ din il-Kostituzzjoni kif previst fil-paragrafi (ċ), (d) jew (e) tas-subartikolu (6) tal-imsemmi artikolu 96A.

(4)      Minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (3), il-Prim Ministru jkollu s-setgħa li jagħżel illi ma jsegwix ir-riżultat tal-evalwazzjoni msemmija fis-subartikolu (3):

Iżda meta wara li l-Prim Ministru jkun uża s-setgħa mogħtija lilu b’dan is-subartikolu, il-Prim Ministru jew il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja għandhom:

(a)      jippubblikaw fi żmien ħamest ijiem dikjarazzjoni fil-Gazzetta li tkun tħabbar id-deċiżjoni li tintuża dik is-setgħa u li tkun tagħti r-raġunijiet li wasslu għaliha: u

(b)      jagħmlu stqarrija fil-Kamra tad-Deputati dwar dik id-deċiżjoni li fiha jispjegaw ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata sa mhux aktar tard mit-tieni seduta tal-Kamra li ssir wara li jkun ingħata l-parir lill-President skont is-subartikolu (1):

Iżda wkoll id-dispożizzjonijiet tal-ewwel proviso għal dan is-subartikolu ma japplikawx fil-każ illi l-ħatra tkun għall-kariga ta’ Prim Imħallef.”

5        L-Artikolu 96A tal-Kostituzzjoni huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Għandu jkun hemm Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, hawn iżjed ’il quddiem f’dan l-artikolu msejjaħ ‘il-Kumitat’, li għandu jkun sottokumitat tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-ġustizzja mwaqqfa bl-artikolu 101A ta’ din il-Kostituzzjoni u li jkun magħmul kif ġej:

(a)      il-Prim Imħallef;

(b)      l-Avukat Ġenerali;

(c)      l-Awditur Ġenerali;

(d)      il-Kummissarju għall-Investigazzjonijiet Amministrattivi (Ombudsman); u

(e)      il-President tal-Kamra tal-Avukati:

[...)

(2)      Il-Kumitat għandu jkun presedut mill-Prim Imħallef jew, fl-assenza tiegħu, mill-imħallef li jkun is-sostitut tiegħu skont il-paragrafu (d) tas-sub-artikolu (3).

(3)      (a)      Persuna ma tkunx kwalifikata li tinħatar jew tkompli żżomm il-kariga ta’ membru tal-Kumitat jekk tkun Ministru, Segretarju Parlamentari, Membru tal-Kamra tad-Deputati, membru ta’ gvern lokali jew uffiċjal jew kandidat ta’ partit politiku:

[...)

(4)      Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom il-membri tal-Kumitat għandhom jaġixxu skont il-ġudizzju individwali tagħhom u ma jkunux soġġetti għad-direzzjoni jew kontroll ta’ xi persuna jew awtorità oħra.

[...)

(6)      Il-funzjonijiet tal-Kumitat ikunu:

(a)      li jirċievi u jeżamina espressjonijiet ta’ interess minn persuni li jkunu interessati li jinħatru fil-kariga ta’ imħallef tal-Qrati Superjuri (barra milli fil-kariga ta’ Prim Imħallef) jew ta’ maġistrat tal-Qrati Inferjuri, ħlief mingħand persuni li għalihom japplika l-paragrafu (e);

(b)      li jżomm reġistru permanenti tal-espressjonijiet ta’ interess imsemmija fil-paragrafu (a) u tal-atti relattivi għalihom, liema reġistru għandu jinżamm sigriet u għandu jkun aċċessibbli biss għall-membri tal-Kumitat, għall-Prim Ministru u għall-Ministru responsabbli għall-ġustizzja;

(ċ)      li jagħmel intervisti u evalwazzjonijiet ta’ kandidati għall-karigi fuq imsemmija b’dak il-mod li jidhirlu xieraq u li għal dan il-għan jitlob dik l-informazzjoni mingħand kull awtorità pubblika kif iqis illi jkun raġonevolment meħtieġ;

(d)      li jagħti parir lill-Prim Ministru permezz tal-Ministru responsabbli għall-ġustizzja dwar l-evalwazzjoni tiegħu fir-rigward tal-eliġibilità u l-mertu tal-kandidati biex jinħatru fil-karigi fuq imsemmija;

(e)      meta mitlub mill-Prim Ministru, li jagħti parir dwar l-eliġibilità u l-mertu ta’ persuni li diġà jkunu jokkupaw il-kariga ta’ Avukat Ġenerali, Awditur Ġenerali, Kummissarju għall-Investigazzjonijiet Amministrattivi (Ombudsman) jew ta’ maġistrat tal-Qrati Inferjuri biex jinħatru f’kariga fil-ġudikatura;

(f)      li jagħti parir dwar il-ħatra għal xi kariga oħra ġudizzjarja jew fil-Qrati kif il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja jista’ minn żmien għal żmien jitlob:

Iżda l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu (d) għandha ssir mhux aktar tard minn sittin jum mindu l-Kumitat jirċievi l-espressjoni ta’ interess u l-parir imsemmi fil-paragrafi (e) u (f) għandu jingħata mhux aktar tard minn tletin jum minn meta jkun intalab jew f’termini oħra hekk kif il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja jista’, bi qbil mal-Kumitat, b’ordni fil-Gazzetta jistabbilixxi.

(7)      Il-proċeduri tal-Kumitat ikunu kunfidenzjali u jinżammu fil-magħluq u l-ebda membru jew segretarju tal-Kumitat ma għandu jintalab jixhed quddiem xi qorti jew korp ieħor fir-rigward ta’ xi dokument riċevut jew xi ħaġa diskussa jew trasmessa lil jew mill-Kumitat.

(8)      ll-Kumitat jirregola l-proċedura tiegħu stess u jkollu d-dmir li, bi qbil mal-Ministru responsabbli għall-ġustizzja, jippubblika l-kriterji li fuqhom isiru l-evalwazzjonijiet.”

6        L-Artikolu 97 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“(1)      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, imħallef tal-Qrati Superjuri għandu jivvaka l-kariga tiegħu meta jagħlaq l-età ta’ ħamsa u sittin sena.

(2)      Imħallef tal-Qrati Superjuri ma għandux jitneħħa mill-kariga tiegħu ħlief mill-President wara indirizz mill-Kamra tad-Deputati li jkollu favur tiegħu l-vot ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-membri tagħha u li jitlob għal dik it-tneħħija minħabba inkapaċità ippruvata li jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu (kemm jekk għal mard korporali jew mentali jew għal xi raġuni oħra) jew imġieba ħażina ippruvata.

(3)       ll-Parlament jista’ b’liġi jirregola l-proċedura għall-preżentata ta’ indirizz u għall-investigazzjoni u prova dwar l-inkapaċità jew imġieba ħażina ta’ mħallef tal-Qrati Superjuri skont id-dispożizzjonijiet tal-aħħar subartikolu qabel dan.”

7        L-Artikolu 100 tal-Kostituzzjoni jipprevedi:

“(1) Il-maġistrati tal-qrati inferjuri għandhom jiġu maħtura mill-President li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru.

(2)      Ħadd ma jkun kwalifikat biex ikun maħtur għal jew biex jaġixxi fil-kariga ta’ maġistrat tal-qrati inferjuri kemm-il darba ma jkunx eżerċita bħala avukat f’Malta għal perijodu ta’, jew perijodi li jammontaw b’kollox għal, mhux anqas minn seba’ snin.

(3)      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (4) ta’ dan l-artikolu, maġistrat tal-qrati inferjuri għandu jivvaka l-kariga tiegħu meta jagħlaq l-età ta’ ħamsa u sittin sena.

(4)      Id-dispożizzjonijiet tas-subartikoli (2) u (3) tal-artikolu 97 ta’ din il-Kostituzzjoni għandhom jgħoddu għall-maġistrati tal-qrati inferjuri.

(5)      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (6), qabel mal-Prim Ministru jagħti l-parir tiegħu skont is-subartikolu (1) dwar il-ħatra ta’ maġistrat tal-Qrati Inferjuri għandha tkun saret l-evalwazzjoni mill-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura mwaqqaf bl-artikolu 96A ta’ din il-Kostituzzjoni kif previst fil-paragrafi (c), (d) jew (e) tas-subartikolu (6) tal-imsemmi artikolu 96A.

(6)      Minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (5), il-Prim Ministru jkollu s-setgħa li jagħżel illi ma jsegwix ir-riżultat tal-evalwazzjoni msemmija fis-subartikolu (5):

Iżda meta wara li l-Prim Ministru jkun uża s-setgħa mogħtija lilu b’dan is-subartikolu l-Prim Ministru jew il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja għandhom:

(a)      jippubblikaw fi żmien ħamest ijiem dikjarazzjoni fil-Gazzetta li tkun tħabbar id-deċiżjoni li tintuża dik is-setgħa u li tkun tagħti r-raġunijiet li wasslu għaliha: u

(b)      jagħmlu stqarrija fil-Kamra tad-Deputati dwar dik id-deċiżjoni li fiha jispjegaw ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata sa mhux aktar tard mit-tieni seduta tal-Kamra li ssir wara li jkun ingħata l-parir lill-President skont is-subartikolu (1).”

8        L-Artikolu 101B(1) tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“Għandu jkun hemm Kumitat għall-Imħallfin u l-Maġistrati [...) li għandu jkun sottokumitat tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u li għandu jkun kompost minn tliet membri tal-ġudikatura illi ma jkunux membri tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u li għandhom jiġu eletti minn fost l-imħallfin u l-maġistrati skont regolamenti maħruġa mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja b’dan iżda li f’każ ta’ dixxiplina ta’ maġistrat, tnejn mit-tliet membri għandhom ikunu maġistrati filwaqt illi f’każ ta’ dixxiplina ta’ mħallef, tnejn mit-tliet membri għandhom ikunu mħallfin.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Fil-25 ta’ April 2019, Repubblika ressqet, konformement mal-Artikolu 116 tal-Kostituzzjoni, azzjoni, ikklassifikata bħala actio popularis, quddiem il-qorti tar-rinviju li biha qed titlob li jiġi ddikjarat li, minħabba s-sistema eżistenti ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura, kif irregolata bl-Artikoli 96, 96A u 100 tal-Kostituzzjoni, ir-Repubblika ta’ Malta qiegħda tikser l-obbligi tagħha taħt, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta. Hija titlob ukoll li l-ħatriet kollha tal-membri tal-ġudikatura fil-kuntest tas-sistema eżistenti u li jsiru matul il-proċedura mibdija permezz ta’ din l-actio popularis jiġu ddikjarati nulli u mingħajr effett u li ma jinħatrux membri oħra tal-ġudikatura jekk mhux konformement mar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-Opinjoni Nru 940/2018 tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni ta’ Venezia”), tas-17 ta’ Diċembru 2018, dwar id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali, is-separazzjoni tal-poteri u l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-korpi għall-infurzar tal-liġi f’Malta (CDL-AD (2018) 028), kif ukoll mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta.

10      Insostenn tat-talba tagħha, Repubblika ssostni li s-setgħa diskrezzjonali tal-Prim Ministru sabiex jaħtar il-membri tal-ġudikatura, kif tirriżulta mill-Artikoli 96, 96A u 100 tal-Kostituzzjoni, tqajjem dubji dwar l-indipendenza ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li ċertu numru ta’ membri tal-ġudikatura maħtura mis-sena 2013 lil hawn kienu attivi ħafna fil-Partit Laburista li jinsab fil-Gvern, jew inħatru b’tali mod li jagħti lok għal suspett ta’ ndħil mill-poter politiku fil-poter ġudizzjarju.

11      Repubblika tippreċiża wkoll li hija qiegħda tikkontesta speċifikament il-ħatriet kollha li saru fil-25 ta’ April 2019 u li jikkonċernaw tliet maġistrati tal-qrati inferjuri li nħatru bħala mħallfin tal-qrati superjuri u tliet maġistrati ġodda tal-qrati inferjuri (iktar ’il quddiem il-“ħatriet tal-25 ta’ April 2019”), kif ukoll kull ħatra oħra li tista’ ssir sussegwentement. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li dawn il-ħatriet saru bi ksur tal-Opinjoni Nru 940/2018 tal-Kummissjoni ta’ Venezia, tas-17 ta’ Diċembru 2018.

12      Il-Prim Ministru jqis, għall-kuntrarju, li l-ħatriet tal-25 ta’ April 2019 huma konformi mal-Kostituzzjoni u mad-dritt tal-Unjoni. Skont il-Prim Ministru, ma hemm l-ebda differenza bejn dawn il-ħatriet u kull ħatra oħra ta’ membri tal-ġudikatura li saret wara l-adozzjoni tal-Kostituzzjoni fis-sena 1964, bl-eċċezzjoni tal-fatt li, b’differenza mill-ħatriet li saru qabel is-sena 2016, l-adegwatezza tal-kandidati ppreżentati matul is-sena 2019 għall-funzjonijiet inkwistjoni ġiet eżaminata mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura mwaqqaf bl-Artikolu 96A tal-Kostituzzjoni. Għalhekk, l-argumenti ppreżentati minn Repubblika jikkonċernaw, fil-verità, il-ħatriet kollha tal-membri tal-ġudikatura li saru sal-lum il-ġurnata.

13      Skont il-Prim Ministru, il-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni hija konformi mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

14      Il-qorti tar-rinviju tqis li, f’dan il-każ, l-aspett li jistħoqqlu li jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-perspettiva tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, jirrigwarda s-setgħa diskrezzjonali li l-Artikoli 96, 96A u 100 tal-Kostituzzjoni jagħtu lill-Prim Ministru fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, tqum il-kwistjoni ta’ jekk l-emenda kostituzzjonali mwettqa matul is-sena 2016 wasslitx għal titjib fil-proċedura inkwistjoni.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili – Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali (Malta) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.      Jekk it-tieni [subparagrafu) tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-[Karta) moqrija waħedhom jew flimkien jistgħux jitqiesu applikabbli fil-konfront tal-validità legali tal-Artikoli 96, 96A u 100 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta?

2.      F’każ jekk it-tweġiba għall-ewwel mistoqsija hi fl-affermattiv, jekk is-setgħa tal-Prim Ministru fil-proċess tal-ħatra ta’ membri tal-ġudikatura f’Malta, għandhiex titqies li hija konformi mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, u dan meqjus ukoll fid-dawl tal-Artikolu 96A tal-Kostituzzjoni li daħal fis-seħħ fl-2016?

3.      Jekk jinstab li s-setgħa tal-Prim Ministru ma hijiex konformi, jekk dan il-fatt għandux jiġi kkunsidrat mill-ħatriet li għadhom iridu jsiru mil-lum il-quddiem jew inkella għandux jolqot ukoll ħatriet li saru qabel?”

 It-talba għal proċedura mħaffa u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili – Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ineżami jiġi suġġett għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17      Insostenn tat-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju sostniet, essenzjalment, li d-domandi li huma s-suġġett ta’ din il-kawża huma ta’ interess nazzjonali, peress li r-risposta għal dawn id-domandi tista’ taffettwa ċ-ċertezza legali marbuta mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji diġà mogħtija mid-diversi qrati Maltin, inkluż mill-membri tal-ġudikatura maħtura f’April 2019, kif ukoll il-bażi u l-kontinwità tas-sistema ġudizzjarja Maltija. Ma’ dan jiżdied il-fatt li, fil-futur qrib, diversi membri tal-ġudikatura ser jilħqu l-età tal-irtirar u li, matul din il-proċedura, fin-nuqqas ta’ sostituzzjoni ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura b’oħrajn, il-pressjoni li tirriżulta minn din is-sitwazzjoni fuq l-attività tal-membri tal-ġudikatura li ser ikunu għadhom fil-kariga tista’ tkun ta’ preġudizzju għad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli.

18      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

19      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jindirizza sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 48).

20      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-proċedura mħaffa tista’ ma tiġix applikata meta l-applikazzjoni ta’ tali proċedura tkun diffiċli minħabba n-natura sensittiva u kumplessa tal-problemi legali mqajma minn kawża, b’mod partikolari meta ma jkunx jidher xieraq li titqassar il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 49).

21      F’dan il-każ, fid-19 ta’ Diċembru 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jiċħad it-talba tal-qorti tar-rinviju msemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza.

22      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju stess qieset li l-kawża prinċipali ma kinitx tant urġenti li tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji. Sussegwentement, l-importanza tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża fuq is-sistema ġudizzjarja Maltija ma hijiex, bħala tali, raġuni li tistabbilixxi l-urġenza neċessarja sabiex tiġġustifika trattament bi proċedura mħaffa. Fl-aħħar nett, din il-kawża tqajjem kwistjonijiet sensittivi u kumplessi li jiġġustifikaw li ma jkunx hemm deroga mir-regoli proċedurali ordinarji applikabbli fil-qasam tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

23      Fl-istess jum, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda wkoll li jissuġġetta din il-kawża għal trattament prijoritarju skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

24      Waqt is-seduta li nżammet fis-27 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet informata bil-fatt li f’Lulju 2020 kienu saru xi emendi fil-Kostituzzjoni b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sistema ta’ ħatriet ġudizzjarji magħmula fl-Opinjoni Nru 940/2018 tal-Kummissjoni ta’ Venezia, tas-17 ta’ Diċembru 2018, u li dawn l-emendi kienu s-suġġett tal-Opinjoni Nru 993/2020 ta’ din il-Kummissjoni, tat-8 ta’ Ottubru 2020, dwar l-għaxar liġijiet u abbozzi ta’ liġijiet li jittrasponu l-proposti leġiżlattivi magħmula fl-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezia tas-17 ta’ Diċembru 2018 (CDL-AD (2020) 019).

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

25      Il-Gvern Pollakk iqis li d-domandi preliminari huma inammissibbli għal żewġ raġunijiet.

26      Dan il-gvern josserva, fl-ewwel lok, li l-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi preliminari tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, skont ir-risposti mogħtija lil dawn id-domandi, hija tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Malti inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni. Issa, il-ġurisdizzjoni sabiex tiġi evalwata, taħt l-Artikoli 258 TFUE u 259 TFUE, il-konformità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni hija esklużivament tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-esklużjoni tal-qrati nazzjonali, u huma biss il-Kummissjoni Ewropea jew Stat Membru li jistgħu jressqu proċedura taħt dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax, mingħajr ma tikser il-proċedura prevista fl-Artikoli 258 TFUE u 259 TFUE, tagħti deċiżjoni dwar il-konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni billi tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar mogħtija fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja stess ma tqisx li għandha ġurisdizzjoni sabiex twettaq tali stħarriġ ta’ konformità taħt din il-proċedura tal-aħħar. L-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ineżami ma tistax, għaldaqstant, titqies li hija neċessarja sabiex tinsab soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta fid-dawl tad-dubji li hija għandha, fil-kuntest ta’ actio popularis mressqa quddiemha abbażi tad-dritt nazzjonali, dwar il-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura.

28      Issa, il-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi preċiżament proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni distinta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa biss li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni fuq il-bażi tal-fatti li jkunu ġew indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 27, u tat-30 ta’ Mejju 2018, Dell’Acqua, C‑370/16, EU:C:2018:344, punt 31).

29      F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni fir-rigward tal-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont jekk din tal-aħħar tkunx adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari, bħalma huwa l-każ hawnhekk, jew b’rikors għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, filwaqt li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk il-miżura jew il-prassi nazzjonali kkontestati mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru differenti minn dak ikkonċernat jkunux, b’mod ġenerali u mingħajr ma jkun meħtieġ li jkun hemm kawża dwarhom quddiem il-qrati nazzjonali, kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari hija, għall-kuntrarju, li tassisti lill-qorti tar-rinviju fis-soluzzjoni tat-tilwima konkreta li tkun pendenti quddiemha (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 47).

30      Għandu jitfakkar ukoll li, għalkemm ma huwiex il-kompitu tagħha li, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għall-kuntrarju, ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni u li jkunu jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju tevalwa tali konformità għall-finijiet tas-sentenza fil-kawża li jkollha quddiemha (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq tali evalwazzjoni, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni mogħtija b’dan il-mod mill-Qorti tal-Ġustizzja.

31      Minn dan isegwi li l-oġġezzjoni tal-Gvern Pollakk imsemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, fis-sens li risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-kawża ineżami fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE ser tmur kontra l-Artikoli 258 TFUE u 259 TFUE, għandha tiġi miċħuda.

32      Fit-tieni lok, il-Gvern Pollakk josserva li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu rimedji effettivi fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, ma jibdilx is-sustanza tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi u lanqas ma jibdel il-portata tal-kompetenzi tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, skont dan il-gvern, din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-premessa li, fl-assenza ta’ kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja, huma l-Istati Membri li għandhom jidentifikaw il-qrati kompetenti u li għandhom jipprevedu regoli proċedurali adegwati maħsuba sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għaldaqstant, ebda regola speċifika li tirregola l-ħatra tal-membri tal-ġudikatura jew l-organizzazzjoni tal-qrati nazzjonali ma tista’ tinstilet mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan l-artikolu, skont il-Gvern Pollakk, ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. Huwa jsostni li, fil-fatt, Repubblika ressqet actio popularis, iżda ma qiegħda tinvoka ebda dritt suġġettiv li hija tgawdi taħt id-dritt tal-Unjoni. B’hekk, f’dan il-każ, ma hemmx “implimentazzjoni” tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

33      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-oġġezzjonijiet imressqa b’dan il-mod mill-Gvern Pollakk jikkonċernaw essenzjalment il-portata stess tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 19 TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Tali argumenti, li jikkonċernaw għalhekk il-mertu tad-domandi magħmula, ma jistgħux iwasslu b’hekk, min-natura tagħhom stess, għall-inammissibbiltà ta’ dawn id-domandi (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 80).

34      Għaldaqstant, id-domandi preliminari huma ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

35      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jistgħu jiġu applikati f’kawża li fiha qorti nazzjonali jkollha quddiemha azzjoni prevista fid-dritt nazzjonali li tkun intiża li l-qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-imsemmija qorti.

36      Fir-rigward, minn naħa, tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-“oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu għalhekk jiżgura, b’mod partikolari, li l-istanzi li, bħala “qrati” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji ta’ dan l-Istat Membru fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u li, għalhekk, jistgħu jagħtu deċiżjoni, f’din il-kwalità, dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-membri tal-ġudikatura Maltin jistgħu jkunu meħtieġa jagħtu deċiżjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li jagħmlu parti, bħala “qrati” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, mis-sistema Maltija ta’ rimedji fl-“oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li dawn il-qrati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-punti 9 sa 11 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha quddiemha azzjoni, prevista fid-dritt nazzjonali, li permezz tagħha Repubblika qiegħda tikkontesta l-konformità ta’ dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ ħatra ta’ membri tal-ġudikatura Maltin, b’mod partikolari, mar-rekwiżiti ta’ indipendenza tas-sistema ġudizzjarja tal-Istati Membri stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni. Issa, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż li japplika fil-kuntest ta’ azzjoni li b’hekk ikollha bħala l-għan li tikkontesta l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li fir-rigward tagħhom jiġi allegat li jkunu ta’ natura li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 11 sa 13 u 46 sa 52).

40      Fir-rigward, minn naħa, tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni, li tikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tistabbilixxi, favur kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu ġew miksura, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 59, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      B’hekk, ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt, f’każ partikolari, jeħtieġ, kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li l-persuna li tibbaża ruħha fuqu tkun qiegħda tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal rimedju kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 55, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 88).

42      Issa, mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, Repubblika qiegħda tinvoka dritt li hija tgawdi bis-saħħa ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, f’din it-tilwima, qiegħda tiddaħħal inkwistjoni l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali li jirregolaw il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura.

43      Huwa minnu li Repubblika qiegħda tikkontesta wkoll il-legalità tal-ħatriet tal-25 ta’ April 2019 kif ukoll ta’ kull ħatra eventwali ulterjuri oħra li ma tkunx konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni Nru 940/2018 tal-Kummissjoni ta’ Venezia, tas-17 ta’ Diċembru 2018, kif ukoll mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta. Madankollu, il-kontestazzjoni ta’ Repubblika f’dan ir-rigward hija bbażata biss fuq l-allegat nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet kostituzzjonali li fuq il-bażi tagħhom kienu ġew deċiżi dawn il-ħatriet, mingħajr ma Repubblika qiegħda tinvoka xi ksur, li joħroġ minn dan il-ħatriet, ta’ dritt li hija kienet tgawdi bis-saħħa ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Artikolu 47 tagħha ma huwiex, bħala tali, applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

45      B’dan premess, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex tiġi żgurata, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 54, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi applikat f’kawża li fiha qorti nazzjonali tiġi adita b’azzjoni prevista fid-dritt nazzjonali u intiża li din il-qorti tagħti deċiżjoni dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-imsemmija qorti. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

47      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lill-Prim Ministru tal-Istat Membru kkonċernat setgħa deċiżiva fil-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura, filwaqt li jipprevedu l-involviment, f’dan il-proċess, ta’ korp responsabbli, b’mod partikolari, sabiex jevalwa l-kandidati għal pożizzjoni ta’ membru tal-ġudikatura u sabiex jagħti parir lil dan il-Prim Ministru.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, fir-rigward tar-regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra ta’ membri tal-ġudikatura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll il-punt 79).

49      L-Artikolu 19 TUE jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja r-responsabbiltà li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-individwi jgawdu taħt dan id-dritt (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 108).

50      F’dan id-dawl, u kif jipprevedi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li tiżgura stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u għandhom jiżguraw ukoll li l-qrati li jagħmlu parti minn din is-sistema u li jistgħu jagħtu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 109 u 112 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan il-kuntest, l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura tal-Istati Membri għandha importanza fundamentali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni taħt diversi aspetti (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 45). B’hekk, din l-indipendenza hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja msawra mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, sa fejn dan il-mekkaniżmu jista’ jinbeda biss minn istanza li tkun responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tkun qed tissodisfa, b’mod partikolari, dan il-kriterju ta’ indipendenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li hija inerenti għall-missjoni ta’ ġudikant, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal smigħ xieraq previst fl-Artikolu 47 tal-Karta, li għandu importanza kardinali bħala garanzija tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-individwi jgawdu bis-saħħa tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il-Kunsill u HG vs Il-Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punti 70 u 71, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      B’hekk, filwaqt li l-Artikolu 47 tal-Karta jikkontribwixxi għar-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kull individwu li jinvoka, f’kawża partikolari, dritt li huwa jgawdi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż, min-naħa tiegħu, li jiżgura li s-sistema ta’ rimedji stabbilita minn kull Stat Membru tiggarantixxi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

53      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni jitolbu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-tul tal-kariga kif ukoll il-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tneħħija tal-membri tagħha, liema regoli jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemha (sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 53; tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 66, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha b’mod partikolari tiġi ggarantita fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 124, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 118).

55      F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-membri tal-ġudikatura jkunu protetti kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda għandhom jippermettu wkoll li jiġu esklużi l-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jorjentaw id-deċiżjonijiet tal-membri tal-ġudikatura kkonċernati (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 112, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 119).

56      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet li fihom jittieħdu d-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tispeċifika li s-sempliċi fatt li l-membri tal-ġudikatura kkonċernati jinħatru mill-President tar-Repubblika ta’ Stat Membru ma huwiex ta’ natura li joħloq dipendenza min-naħa ta’ dawn tal-aħħar fil-konfront tiegħu u lanqas ma huwa ta’ natura li joħloq dubji dwar l-imparzjalità tagħhom jekk, ladarba maħtura, il-membri tal-ġudikatura kkonċernati ma jkunu suġġetti għal ebda pressjoni u ma jirċevux istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-kariga tagħhom (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 133, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 122).

57      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li jibqa’ meħtieġ li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li japplikaw għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet ta’ ħatra jkunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ l-individwi, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-membri tal-ġudikatura kkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom, ladarba dawn il-membri tal-ġudikatura jkunu nħatru, u li huwa importanti, b’mod partikolari, għal dan il-għan, li l-imsemmija kundizzjonijiet u modalitajiet jitfasslu b’mod li jissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 134 u 135, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 123).

58      F’dan il-każ, id-dubji tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jikkonċernaw, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lill-Prim Ministru tal-Istat Membru kkonċernat setgħa deċiżiva fil-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura, filwaqt li jipprevedu l-involviment, f’dan il-proċess, ta’ korp responsabbli, b’mod partikolari, sabiex jevalwa l-kandidati għal pożizzjoni ta’ membru tal-ġudikatura u sabiex jagħti parir lil dan il-Prim Ministru.

59      F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura baqgħu l-istess mill-adozzjoni tagħhom matul is-sena 1964 sar-riforma tal-Kostituzzjoni li saret fl-2016, li waqqfet il-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura previst fl-Artikolu 96A tal-Kostituzzjoni. Qabel din ir-riforma, is-setgħa tal-Prim Ministru kienet limitata biss mir-rekwiżit li l-kandidati għall-pożizzjoni ta’ membru tal-ġudikatura jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-Kostituzzjoni sabiex ikunu jistgħu jokkupaw din il-kariga.

60      Kien għalhekk fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni fis-seħħ qabel l-imsemmija riforma li r-Repubblika ta’ Malta aderixxiet mal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 49 TUE.

61      Issa, l-Artikolu 49 TUE, li jipprevedi l-possibbiltà għal kull Stat Ewropew li jitlob li jsir Membru tal-Unjoni, jispeċifika li l-Unjoni tiġbor fi ħdanha Stati li b’mod liberu u volontarju aderixxew għall-valuri komuni attwalment previsti fl-Artikolu 2 TUE, li josservaw dawn il-valuri u li jimpenjaw ruħhom li jippromwovu l-istess valuri.

62      B’mod partikolari, mill-Artikolu 2 TUE jirriżulta li l-Unjoni hija bbażata fuq valuri, bħalma huwa l-Istat tad-dritt, li huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà kkaratterizzata, fost oħrajn, mill-ġustizzja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, il-qrati tagħhom hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li l-Istati Membri jikkondividu serje ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif speċifikat f’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 168, u s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 30).

63      Minn dan isegwi li l-osservanza minn Stat Membru tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE tikkostitwixxi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu b’mod li jimplika rigress fil-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, valur li huwa espress b’mod konkret, b’mod partikolari, permezz tal-Artikolu 19 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 108).

64      L-Istati Membri huma għalhekk meħtieġa jiżguraw li jevitaw kull rigress, fir-rigward ta’ dan il-valur, fil-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, billi jastjenu milli jadottaw regoli li jwasslu sabiex tiġi ppreġudikata l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 40).

65      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja li jkunu ta’ natura li jirrappreżentaw rigress, fl-Istat Membru kkonċernat, fir-rigward tal-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, b’mod partikolari fir-rigward tal-garanziji tal-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153).

66      Għall-kuntrarju, l-involviment, fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura, ta’ korp bħalma huwa l-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura mwaqqaf, fl-okkażjoni tar-riforma tal-Kostituzzjoni tal-2016, bl-Artikolu 96A tal-Kostituzzjoni jista’, bħala prinċipju, ikun ta’ natura li jikkontribwixxi sabiex tiżdied l-oġġettività ta’ dan il-proċess, billi jipprovdi qafas għall-marġni ta’ manuvra li għandu l-Prim Ministru fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilu f’dan il-qasam. Huwa meħtieġ ukoll li tali korp ikun, min-naħa tiegħu, suffiċjentement indipendenti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv u mill-awtorità li lilha jkun meħtieġ jippreżenta parir dwar l-evalwazzjoni tal-kandidati għal pożizzjoni ta’ membru tal-ġudikatura (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 137 u 138, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 124 u 125).

67      F’dan il-każ, serje ta’ regoli msemmija mill-qorti tar-rinviju jidhru li huma ta’ natura li jiggarantixxu l-indipendenza tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv. Dan huwa l-każ fir-rigward tar-regoli, li jinsabu fl-Artikolu 96A(1) sa (3) tal-Kostituzzjoni dwar il-kompożizzjoni ta’ dan il-kumitat kif ukoll dwar il-projbizzjoni li persuni politiċi jpoġġu f’dan il-kumitat, fir-rigward tal-obbligu impost fuq il-membri tal-imsemmi kumitat mill-Artikolu 96A(4) tal-Kostituzzjoni li jaġixxu b’awtonomija sħiħa u mingħajr ma jkunu suġġetti għad-direzzjoni jew għall-kontroll ta’ xi persuna jew awtorità oħra, kif ukoll fir-rigward tal-obbligu għal dan l-istess kumitat li jippubblika, bi qbil mal-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja, il-kriterji li fuqhom jibbaża l-evalwazzjonijiet tiegħu, kif fil-fatt għamel, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu.

68      Barra minn hekk, fil-kawża ineżami, il-qorti tar-rinviju ma qajmitx dubji dwar il-kundizzjonijiet li fihom kienu nħatru l-membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura mwaqqaf bl-Artikolu 96A tal-Kostituzzjoni jew dwar il-mod kif dan l-istess kumitat effettivament jaqdi r-rwol tiegħu.

69      B’hekk, jidher li t-twaqqif tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura permezz tal-Artikolu 96A tal-Kostituzzjoni jsaħħaħ il-garanzija ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura.

70      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, kif tenfasizza b’mod partikolari l-Kummissjoni, għalkemm il-Prim Ministru għandu, konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, setgħa konkreta fil-ħatra tal-membri tal-ġudikatura, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huwa suġġett għall-kundizzjonijiet dwar l-esperjenza professjonali li għandhom jiġu ssodisfatti mill-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura, li jinsabu previsti fl-Artikolu 96(2) u fl-Artikolu 100(2) tal-Kostituzzjoni.

71      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-Prim Ministru jista’ jiddeċiedi li jippreżenta lill-President tar-Repubblika l-ħatra ta’ kandidat li ma jkunx ġie propost mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura mwaqqaf bl-Artikolu 96A tal-Kostituzzjoni, f’tali każ il-Prim Ministru huwa madankollu meħtieġ, konformement mal-Artikolu 96(4) u mal-Artikolu 100(6) tal-Kostituzzjoni, jikkomunika r-raġunijiet tiegħu lill-Kamra tad-Deputati kif ukoll, ħlief fir-rigward tal-ħatra tal-Prim Imħallef, lill-pubbliku, permezz ta’ dikjarazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta. Issa, sakemm il-Prim Ministru jeżerċita din is-setgħa b’mod kompletament eċċezzjonali biss u josserva b’mod strett u effettiv tali obbligu ta’ motivazzjoni, din is-setgħa ma hijiex ta’ natura li toħloq dubji leġittimi fir-rigward tal-indipendenza tal-kandidati magħżula.

72      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ma jidhirx li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali dwar il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura huma, bħala tali, ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà tal-membri tal-ġudikatura maħtura fil-konfront ta’ elementi esterni, b’mod partikolari fil-konfront ta’ influwenzi diretti jew indiretti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv, u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom u li għalhekk jistgħu jwasslu għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura, li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-individwi f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

73      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lill-Prim Ministru tal-Istat Membru kkonċernat setgħa deċiżiva fil-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura, filwaqt li jipprevedu l-involviment, f’dan il-proċess, ta’ korp indipendenti responsabbli, b’mod partikolari, sabiex jevalwa l-kandidati għal pożizzjoni ta’ membru tal-ġudikatura u sabiex jagħti parir lil dan il-Prim Ministru.

 Fuq it-tielet domanda 

74      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.  

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi applikat f’kawża li fiha qorti nazzjonali tiġi adita b’azzjoni prevista fid-dritt nazzjonali u intiża li din il-qorti tagħti deċiżjoni dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-imsemmija qorti. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni.


2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lill-Prim Ministru tal-Istat Membru kkonċernat setgħa deċiżiva fil-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura, filwaqt li jipprevedu l-involviment, f’dan il-proċess, ta’ korp indipendenti responsabbli, b’mod partikolari, sabiex jevalwa l-kandidati għal pożizzjoni ta’ membru tal-ġudikatura u sabiex jagħti parir lil dan il-Prim Ministru.

Lenaerts

Silva de Lapuerta

Arabadjiev

Prechal

Vilaras

Ilešič

Piçarra

Toader

Safjan

Rodin

Biltgen

Jürimäe

Lycourgos

Xuereb

 Rossi

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-20 ta’ April 2021.

A. Calot Escabor

 

K. Lenaerts

Ir-Reġistratur

 

Il-President


*      Lingwa tal-kawża: il-Malti.