Language of document : ECLI:EU:C:2021:311

Kawża C896/19

Repubblika

vs

Il-Prim Ministru

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili – Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ April 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 2 TUE – Valuri tal-Unjoni Ewropea – Stat tad-dritt – Artikolu 49 TUE – Adeżjoni mal-Unjoni – Assenza ta’ rigress fil-livell ta’ protezzjoni tal-valuri tal-Unjoni – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 19 TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Indipendenza tal-membri tal-ġudikatura ta’ Stat Membru – Proċedura ta’ ħatra – Setgħa tal-Prim Ministru – Involviment ta’ kumitat dwar il-ħatriet tal-ġudikatura”

1.        Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Domandi magħmula fid-dawl tal-istħarriġ, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni – Stħarriġ irriżervat lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Assenza

(Artikoli 258, 259 u 267 TFUE)

(ara l-punti 29 u 31)

2.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Domandi li jikkonċernaw atti tad-dritt tal-Unjoni, fejn l-applikabbiltà tal-imsemmija atti għall-kawża prinċipali hija kkontestata – Inklużjoni – Kundizzjoni – Kontestazzjoni marbuta b’mod li ma tistax tiġi sseparata mar-risposti li għandhom jingħataw lid-domandi preliminari

(Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punt 33)

3.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Applikazzjoni fil-kuntest ta’ rikors dwar il-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 36 sa 39, 46 u d-dispożittiv 1)

4.        Drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal rimedju effettiv – Invokabbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 51(1)).

(ara l-punti 41, 42 u 44)

5.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati – Portata

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

(ara l-punti 50 sa 57)

6.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Valuri u għanijiet tal-Unjoni – Valuri – Osservanza tal-Istat tad-dritt – Portata – Adeżjoni mal-Unjoni – Assenza ta’ rigress fil-protezzjoni tal-valuri tal-Unjoni

(Artikolu 2, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u Artikolu 49 TUE)

(ara l-punti 60 sa 64)

7.        Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati – Kostituzzjoni nazzjonali li tagħti lill-Prim Ministru setgħa deċiżiva fil-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura – Involviment ta’ korp indipendenti responsabbli sabiex jevalwa l-kandidati u sabiex jagħti parir – Ammissibbiltà

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE)

(ara l-punti 66, 69 sa 73, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ Stat Membru li jagħtu lill-Prim Ministru setgħa deċiżiva fil-ħatra tal-membri tal-ġudikatura, filwaqt li jipprevedu l-involviment ta’ korp indipendenti responsabbli sabiex jevalwa l-kandidati u sabiex jagħti parir ma jmorrux kontra d-dritt tal-Unjoni

Repubblika hija assoċjazzjoni li l-għan tagħha huwa li tippromwovi l-protezzjoni tal-ġustizzja u tal-Istat tad-dritt f’Malta. Wara l-ħatra ta’ membri tal-ġudikatura ġodda, li saret f’April 2019, Repubblika ressqet actio popolaris quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili – Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali (Malta) bil-għan, b’mod partikolari, li tikkontesta l-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura Maltin, kif irregolata mill-Kostituzzjoni (1). Id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali kkonċernati, li sa riforma fl-2016 kienu baqgħu l-istess sa mill-adozzjoni tagħhom fl-1964, jagħtu lill-Prim Ministru (Malta) is-setgħa li jippreżenta lill-President tar-Repubblika kandidat sabiex jinħatar bħala membru tal-ġudikatura. Fil-prattika, il-Prim Ministru b’hekk għandu setgħa deċiżiva fil-ħatra tal-membri tal-ġudikatura Maltin, li, skont Repubblika, tqajjem dubji dwar l-indipendenza ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura. Madankollu, il-kandidati għandhom jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, li huma wkoll previsti fil-Kostituzzjoni, u, minn wara r-riforma tal-2016, twaqqaf Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura li huwa responsabbli sabiex jevalwa l-kandidati u jagħti parir lill-Prim Ministru.

F’dan il-kuntest, il-qorti li quddiemha tressqet il-kawża ddeċidiet li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità tas-sistema Maltija tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar preċiż, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni filwaqt li l-Artikolu 47 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv għal kull individwu li jinvoka, f’qasam partikolari, dritt li huwa jgawdi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, tiddeċiedi li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix dispożizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali bħalma huma d-dispożizzjonijiet tad-dritt Malti dwar il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ma jidhrux li jistgħu jwasslu għal assenza ta’ dehra ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tal-membri tal-ġudikatura li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-individwi f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel, tiddeċiedi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż li japplika f’din il-kawża sa fejn l-azzjoni mressqa hija intiża li tiġi kkontestata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra ta’ membri tal-ġudikatura li huma mistennija jagħtu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom huwa allegat li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura. Fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li, għalkemm bħala tali ma huwiex applikabbli (2) sa fejn Repubblika ma hijiex qiegħda tinvoka dritt suġġettiv li hija tgawdi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, dan l-artikolu għandu xorta waħda jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lil Prim Ministru setgħa deċiżiva fil-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura, filwaqt li jipprevedu l-involviment, f’dan il-proċess, ta’ korp indipendenti responsabbli, b’mod partikolari, sabiex jevalwa l-kandidati għal pożizzjoni ta’ membru tal-ġudikatura u sabiex jagħti parir lil dan il-Prim Ministru.

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-ewwel nett, b’mod ġenerali, li, fost ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li għandhom jissodisfaw il-qrati nazzjonali li jistgħu jagħtu deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura hija ta’ importanza fundamentali, b’mod partikolari għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u dan għal diversi raġunijiet. Fil-fatt, din l-indipendenza hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, previst fl-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jinbeda biss minn istanza indipendenti. Barra minn hekk, l-indipendenza tagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal smigħ xieraq previst fl-Artikolu 47 tal-Karta.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar il-ġurisprudenza reċenti tagħha (3), li fiha għamlet preċiżazzjonijiet dwar il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-membri tal-ġudikatura meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni. Dawn il-garanziji jeħtieġu, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ regoli li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà tal-membri tal-ġudikatura fil-konfront ta’ elementi esterni, b’mod partikolari ta’ influwenzi diretti jew indiretti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv, u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li, skont l-Artikolu 49 TUE, l-Unjoni tiġbor fi ħdanha Stati li b’mod liberu u volontarju aderixxew għall-valuri komuni previsti fl-Artikolu 2 TUE, bħalma huwa l-valur tal-Istat tad-dritt, li josservaw dawn il-valuri u li jimpenjaw ruħhom li jippromwovu l-istess valuri. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu, b’mod partikolari fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, b’mod li jimplika rigress fil-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, valur li huwa espress b’mod konkret, b’mod partikolari, permezz tal-Artikolu 19 TUE. F’dan id-dawl, l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jadottaw regoli li jwasslu sabiex tiġi ppreġudikata l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura.

B’dawn il-preċiżazzjonijiet magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, minn naħa, li t-twaqqif fl‑2016 tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura jsaħħaħ, għall-kuntrarju, il-garanzija ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura Maltin meta mqabbla mas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta mid-dispożizzjonijiet kostituzzjonali fis-seħħ meta Malta aderixxiet mal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li, bħala prinċipju, l-involviment ta’ tali korp jista’ jkun ta’ natura li jikkontribwixxi sabiex tiżdied l-oġġettività tal-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura, billi jipprovdi qafas għall-marġni ta’ manuvra li għandu l-Prim Ministru f’dan il-qasam, bil-kundizzjoni iżda li min-naħa tiegħu dan il-korp ikun suffiċjentement indipendenti. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-eżistenza ta’ sensiela ta’ regoli li jidhru li huma ta’ natura li jiggarantixxu din l-indipendenza.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li, għalkemm il-Prim Ministru għandu setgħa konkreta fil-ħatra tal-membri tal-ġudikatura, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huwa suġġett għall-kundizzjonijiet dwar l-esperjenza professjonali, previsti fil-Kostituzzjoni, li għandhom jiġu ssodisfatti mill-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-Prim Ministru jista’ jiddeċiedi li jippreżenta għal ħatra lill-President tar-Repubblika kandidat li ma jkunx ġie propost mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, f’tali każ il-Prim Ministru huwa meħtieġ jikkomunika r-raġunijiet tiegħu, b’mod partikolari lill-poter leġiżlattiv. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm il-Prim Ministru jeżerċita din is-setgħa b’mod eċċezzjonali biss u josserva b’mod strett u effettiv tali obbligu ta’ motivazzjoni, is-setgħa tiegħu ma hijiex ta’ natura li toħloq dubji leġittimi fir-rigward tal-indipendenza tal-kandidati magħżula.


1      Artikoli 96, 96A u 100 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.


2      Konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta.


3      Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-membri tal-ġudikatura fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153).