Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Marzu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs l-Irlanda

(Kawża C-172/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes u E. Sanfrutos Cano, aġenti)

Konvenut: L-Irlanda

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tikkonstata li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 13(2) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi 1 peress li naqset milli tistabbilixxi u timplimenta pjanijiet ta’ azzjoni għad-direzzjonijiet prijoritarji kollha identifikati u li tikkomunikahom lill-Kummissjoni mingħajr dewmien;

tikkundanna lil l-Irlanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 13(2) u (5) tar-Regolament 1143/2014, l-Irlanda kellha tliet snin mill-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi, timplimenta u tikkomunika lill-Kummissjoni pjanijiet ta’ azzjoni li jindirizzaw id-direzzjonijiet prijoritarji tal-introduzzjoni u t-tixrid mhux intenzjonali ta’ speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament 1143/2014. Il-Kummissjoni kienet adottat il-lista tal-Unjoni indikata fl-Artikolu 13 tar-Regolament 1143/2104 fit-13 ta’ Lulju 2016 u għaldaqstant it-terminu ta’ tliet snin skada fit-13 ta’ Lulju 2019.

L-Irlanda identifikat tliet direzzjonijiet prijoritarji (is-sajd, l-isport nawtiku u t-trasport tal-materjal tal-ħabitat) skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament.

Madankollu, l-Irlanda stabbilixxiet u kkomunikat lill-Kummissjoni pjanijiet ta’ azzjoni biss għal żewġ direzzjonijiet prijoritarji, mit-tlieta identifikati.

____________

1 ĠU 2014, L 317, p. 35.