Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad - Veliko Tarnovo (il-Bulgarija) fil-21 ta’ Marzu 2023 – Obshtina Svishtov vs Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014-2020

(Kawża C-175/23, Obshtina Svishtov)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad - Veliko Tarnovo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Obshtina Svishtov

Konvenut: Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014-2020

Domandi preliminari

Fid-dawl ta’ interpretazzjoni loġika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tal-[punt 36] tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 143(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 1 , hija kompatibbli [mad-dritt tal-Unjoni] leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 70(2) taż-Zakon za upravlenie na sredstvata ot evropeyskite fondove pri spodeleno upravlenie (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Fondi Ewropej taħt Ġestjoni Kondiviża, iktar ’il quddiem iż-“ZUSEFSU”) u tal-Artikolu 2(1) u (2) tan-Naredba za posochvane na nerednosti, predstavlyavashti osnovania za izvarshvane na finansovi korektsii, i protsentnite pokazateli za opredelyane razmera na finansovite korektsii po reda na Zakona za upravlenie na sredstvata ot Evropeyskite strukturni i investitsionni fondove (id-Digriet li Jindika l-Irregolaritajiet li Jiġġustifikaw l-Applikazzjoni ta’ Korrezzjonijiet Finanzjarji u l-Perċentwali għall-Finijiet tad-Determinazzjoni tal-Ammont tal-Korrezzjonijiet Finanzjarji taħt il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej), liema leġiżlazzjoni tippreżumi dejjem l-eżistenza ta’ irregolarità fil-każ ta’ ksur tar-regoli, elenkati f’lista adottata permezz ta’ liġi, dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi?

Leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-forma tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 70(2) taż-ZUSEFSU kkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2(1) u (2) tad-Digriet li Jindika l-Irregolaritajiet li Jiġġustifikaw l-Applikazzjoni ta’ Korrezzjonijiet Finanzjarji u l-Perċentwali għall-Finijiet tad-Determinazzjoni tal-Ammont tal-Korrezzjonijiet Finanzjarji taħt il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif espress [fit-tielet] sentenza tal-Artikolu 143(2) tar-Regolament Nru 1303/2013, fid-dawl tar-rekwiżit li jiġi individwalizzat kull ksur konkret u speċifiku ta’ regola applikabbli fil-qasam tal-kuntratt pubbliċi?

____________

1     ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6, u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155.