Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fil-21 ta’ Marzu 2023 – HJ, IK, LM vs Twenty First Capital SAS

(Kawża C-174/23, Twenty First Capital)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: HJ, IK, LM.

Konvenut: Twenty First Capital SAS.

Domandi preliminari

a)    L-Artikoli 13 u 61(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 1 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-maniġers li kienu jeżerċitaw attivitajiet koperti mid-Direttiva qabel it-22 ta’ Lulju 2013 huma obbligati li josservaw l-obbligi relatati mal-linji politiċi u mal-prattiki ta’ remunerazzjoni:

i)    wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva,

ii)    fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali;

iii)    b’effett mill-iskadenza tat-terminu ta’ sena, li skada fil-21 ta’ Lulju 2014, previst fl-Artikolu 61(1), jew

iv)    b’effett mill-ksib tal-awtorizzazzjoni bħala maniġer abbażi tagħha?

b)    Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk ir-remunerazzjoni mħallsa mill-maniġer tal-fondi ta’ investiment alternattivi lill-impjegat jew lil direttur ta’ kumpannija ġietx miftiehma qabel jew wara:

i)    l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva;

ii)    fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali;

iii)    l-iskadenza, fil-21 ta’ Lulju 2014, tat-terminu previst fl-Artikolu 61(1) tad-Direttiva;

iv)    id-data tal-ksib tal-awtorizzazzjoni tiegħu mill-maniġer tal-fondi ta’ investiment alternattivi?

Jekk mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li, wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali, il-maniġer tal-fondi ta’ investiment alternattivi huwa, għal ċertu perijodu, obbligat biss li jagħmel l-aħjar sforzi sabiex josserva l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta minn din id-direttiva, l-imsemmi maniġer ikun qiegħed josserva dan l-obbligu jekk, matul dan it-terminu, jimpjega impjegat jew jaħtar direttur ta’ kumpannija b’kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni li ma josservawx ir-rekwiżiti tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 13 tad-Direttiva?

____________

1 ĠU 2011, L 174, p. 1.