Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Specializat Mureş (ir-Rumanija) fil-21 ta’ Marzu 2023 – UG vs SC Raiffeisen Bank SA

(Kawża C-176/23, Raiffeisen Bank)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Specializat Mureş

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UG

Konvenut: SC Raiffeisen Bank SA

Domandi preliminari

1)    Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 , traspost fid-dritt nazzjonali permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tal-Legea nr. 193, republicată, privind clauzele abuzive în contractele încheiate între profesioniști și consumatori (il-Liġi Nru 193/2000, ippubblikata mill-ġdid, dwar Klawżoli Inġusti f’Kuntratti Konklużi minn Bejjiegħa jew Fornituri ma’ Konsumaturi), fid-dawl, b’mod partikolari, tat-tnax u tat-tlettax-il premessa tal-preambolu ta’ din id-direttiva, iżda bit-teħid inkunsiderazzjoni wkoll tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 80 u tal-Artikolu 81 tal-Ordonanța de urgență a Guvernului (OUG) nr. 50/2010 privind contractele de credit pentru consumatori (id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 50/2010 dwar Kuntratti ta’ Kreditu għall-Konsumaturi) (iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 50/2010”), huwa meħtieġ li dawn id-dispożizzjoniji jiġu interpretati fis-sens li ma jeskludux il-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jeżaminaw ukoll suspetti dwar in-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali stipulati fid-dokumenti addizzjonali għall-kuntratti ta’ kreditu konklużi minn bejjiegħa jew fornituri ma’ konsumaturi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar att, jiġifieri bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 95 tal-OUG Nru 50/2010, kemm jekk ġew aċċettati espressament mill-konsumatur bil-mod previst mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(1) tal-OUG Nru 50/2010, u kemm jekk kienu meqjusa bħala aċċettati taċitament “ope legis”, bil-mod previst mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(3) tal-OUG Nru 50/2010?

2)    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk tkunx kuntrarja [għad-dritt tal-Unjoni], taħt il-premessi ddikjarati u fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali li tgħid li l-aċċettazzjoni espressa tad-dokument addizzjonali imfassal fil-mod previst mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(1) u bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 95 tal-OUG Nru 50/2010, awtomatikament iwassal għall-konklużjoni li ġie nnegozjat u, konsegwentement, il-klawżoli stipulati fih huma esklużi minn eżami minħabba f’suspett possibbli tan-natura inġusta tagħhom?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.