Language of document : ECLI:EU:T:2021:846

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

1 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Servizzi ta’ speċifikazzjoni, ta’ żvilupp, ta’ manutenzjoni u ta’ assistenza tal-pjattaformi informatiċi għad-DĠ ‘Tassazzjoni u Unjoni Doganali’ – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent u għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor – Obbligu ta’ motivazzjoni – Offerta anormalment baxxa”

Fil-Kawża T‑546/20,

Sopra Steria Benelux, stabbilita f’Ixelles (Il-Belġju),

Unisys Belgium, stabbilita fi Machelen (Il-Belġju),

irrappreżentati minn L. Masson u G. Tilman, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. André u M. Ilkova, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Lulju 2020 li tirrigwarda, minn naħa, iċ-ċaħda tal-offerta komuni ppreżentata minn Sopra Steria Benelux u Unisys Belgium għal-lott A fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti bir-referenza TAXUD/2019/OP/0006 u intiża għal servizzi fid-dawl tal-ispeċifikazzjoni, tal-iżvilupp, tal-manutenzjoni u tal-assistenza tat-tielet livell tal-pjattaformi informatiċi tad-Direttorat Ġenerali “Tassazzjoni u Unjoni Doganali” u, min-naħa l-oħra, l-għoti tal-kuntratt lill-konsorzju l-ieħor parteċipanti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Spielmann, President, U. Öberg u R. Mastroianni (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑5 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis‑6 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat fis-Suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019/S 236–577462) avviż ta’ kuntratt pubbliku dwar sejħa għal offerti bir-referenza TAXUD/2019/OP/0006 u intiż għal servizzi għall-ispeċifikazzjoni, l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-assistenza tat-tielet livell tal-pjattaformi informatiċi tad-Direttorat Ġenerali “Tassazzjoni u Unjoni Doganali” tal-Kummissjoni. L-imsemmi kuntratt kien magħmul minn żewġ lottijiet, jiġifieri l-lott A, “Servizzi ta’ evoluzzjoni għall-pjattaforma CCN/CSI”, u l-lott B, “Servizzi ta’ evoluzzjoni għall-pjattaformi SPEED 2 (ng), CDCO/TAPSOAP u SSV”, u kellu bħala kriterju għall-għoti l-aħjar relazzjoni kwalità-prezz, filwaqt li l-kwalità teknika u l-prezz kienu jirrappreżentaw 70 % u 30 %, rispettivament, fl-evalwazzjoni tal-offerti. Għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ lottijiet, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi kuntratt qafas għal perijodu ta’ 36 xahar, li jista’ jiġġedded tliet darbiet għal perijodi suċċessivi ta’ 12-il xahar, mal-offerent li joffri l-aħjar relazzjoni kwalità-prezz, bil-kundizzjoni li jissodisfa ċerti kriterji minimi li jikkonċernaw l-eliġibbiltà, in-nuqqas ta’ esklużjoni, il-kapaċità u l-konformità tal-offerta.

2        Fis‑27 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti, Sopra Steria Benelux (iktar ’il quddiem “Sopra”) u Unisys Belgium ippreżentaw offerta komuni fil-kuntest ta’ konsorzju mmexxi minn Sopra. L-unika offerta oħra ppreżentata għal-lott A fit-termini mogħtija kienet dik tal-konsorzju ARHS-IBM, iffurmat minn ARHS Developments SA u International Business Machines of Belgium SA.

3        Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti biċ-ċaħda tal-offerta tagħhom għal-lott A, minħabba li din ma kinitx dik l-iktar vantaġġuża ekonomikament, kif ukoll bl-għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjoni kkontestata”). Hija annettiet estratt mir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerta tagħhom li jindika l-marki li kienu ġew attribwiti lilha, flimkien ma’ spjegazzjonijiet, u informathom li l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, il-valur tal-kuntratt kif ukoll l-isem tal-offerent rebbieħ setgħu jintbagħtulhom fuq talba bil-miktub. Ir-rikorrenti bagħtu tali talba fl-istess jum.

4         Mill-imsemmi estratt mir-rapport ta’ evalwazzjoni jirriżulta li l-offerta tar-rikorrenti rċeviet marka totali ta’ 90.81 punt, maqsuma kif ġej:

Offerent

Prezz

Punteġġ kwalitattiv

Punteġġ finanzjarju

Punteġġ totali

Konsorzju Sopra u Unisys Belgium

EUR 21 699 281.86

70

20.81

90.81


5        Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-kuntratt kien ingħata lill-konsorzju ARHS-IBM u bagħtitilhom estratt mir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerta tiegħu li jindika l-marki li kienu ġew attribwiti lilha, flimkien ma’ spjegazzjonijiet.

6        Minn dan l-estratt mir-rapport ta’ evalwazzjoni jirriżulta li l-offerta tal-offerent rebbieħ irċeviet marka totali ta’ 98.53 punt, maqsuma kif ġej:

Offerent

Prezz

Punteġġ kwalitattiv

Punteġġ finanzjarju

Punteġġ totali

Konsorzju

ARHS-IBM

EUR 15 054 925.60

68.53

30.00

98.53


7        Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti kkontestaw ir-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u, fir-rigward tal-prezz indikat fl-offerta magħżula, huma esprimew dubji dwar il-fatt li prezz ħafna inqas minn dak li kienu offrew, li huma kienu jqisu raġonevoli u konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, seta’ jkun vijabbli mingħajr riskju ta’ “dumping soċjali”. Għalhekk, huma talbu lill-awtorità kontraenti, b’mod partikolari, tikkonferma li hija kienet ivverifikat li l-offerta tal-offerent rebbieħ ma kienet tippreżenta ebda riskju f’dan is-sens.

8        Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni wieġbet, b’mod partikolari, li analiżi ddettaljata fuq il-livell finanzjarju tal-offerta magħżula kienet irrilevat li hija kienet konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-pajjiżi li minnhom il-kontraenti u s-subappaltaturi tagħhom kienu ser jipprovdu s-servizzi mitluba.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

10      Fl‑4 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

11      Fil‑21 ta’ Diċembru 2020, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 83(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li skambju ta’ noti ieħor ma kienx meħtieġ.

12      Fil‑15 ta’ Jannar 2021, ingħalqet il-fażi bil-miktub tal-proċedura.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti talbu li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali.

14      Fil‑15 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrenti pproduċew prova ġdida skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

15      Fit‑2 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fuq din l-offerta.

16      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑5 ta’ Ottubru 2021.

17      Ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

19      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23 tal-Anness I tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”) u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

20      Permezz tat-tieni motiv, li għandu jiġi eżaminat qabel kollox, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-awtorità kontraenti ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-differenza sinjifikattiva bejn il-prezz tal-offerta tagħhom u dak tal-offerta tal-offerent rebbieħ, li kellha titqies li hija indizju ta’ natura li jqajjem suspett fir-rigward tan-natura anormalment baxxa tal-offerta ta’ dan tal-aħħar, u li hija ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti dwar ir-raġunijiet li wassluha sabiex tikkunsidra li l-offerta magħżula ma kinitx anormalment baxxa.

21      B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata, ikkompletata bl-estratti tar-rapport ta’ evalwazzjoni, hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk l-offerta magħżula għal-lott A tal-kuntratt inkwistjoni kinitx ta’ natura eċċessivament baxxa.

22      Skont ir-rikorrenti, l-ittra tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Lulju 2020 ma kienet tinkludi l-ebda ġustifikazzjoni dwar l-għażliet magħmula mill-awtorità kontraenti. L-ittra tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Lulju 2020 lanqas ma kienet tinkludi, fil-fehma tagħhom, spjegazzjonijiet jew raġunijiet għall-għażliet magħmula fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratt. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ittra tal‑20 ta’ Lulju 2020, wara t-talba espliċita tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tindika fiha li evalwazzjoni fil-fond fuq il-livell finanzjarju tal-offerta magħżula kienet uriet li din kienet konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-pajjiżi li minnhom il-partijiet kontraenti u s-subappaltaturi tagħhom kienu ser jipprovdu s-servizzi tagħhom. Issa, tali dikjarazzjoni turi li l-Kummissjoni kellha dubji prima facie dwar in-normalità tal-prezz tal-offerta ppreżentata mill-konsorzju ARHS-IBM, fatt li jmur kontra n-natura lakonika tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li taċċetta din l-offerta.

23      Ir-rikorrenti jikkritikaw għalhekk lill-Kummissjoni li ma spjegatx ir-raġunament li wassalha sabiex tikkunsidra l-prezz tal-offerta magħżula bħala normali u li, l-ewwel, ma esponietx ir-raġunament li abbażi tiegħu hija kienet ikkonkludiet li, abbażi tal-karatteristiċi tagħha, prinċipalment finanzjarji, din l-offerta kienet tosserva b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi li fihom is-servizzi kellhom jiġu pprovduti, fil-qasam tar-remunerazzjoni tal-persunal, ta’ kontribuzzjoni għall-iskema ta’ sigurtà soċjali u tal-osservanza tar-regoli tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, u, it-tieni, ma indikatx jekk hija kinitx ivverifikat li l-prezz propost kienx jinkludi l-ispejjeż li jirriżultaw mill-aspetti tekniċi tal-offerta magħżula.

24      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod korrett l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-konsegwenzi potenzjali ta’ offerta anormalment baxxa, imsemmija b’mod espliċitu mir-rikorrenti fl-ittra tagħhom tal‑10 ta’ Lulju 2020, jiġifieri riskju ta’ dumping soċjali u riskju għall-kontinwità tal-provvista tas-servizzi.

25      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

26      Fil-fehma tagħha, ir-regoli speċifiċi li jikkonċernaw l-obbligu ta’ motivazzjoni fil-preżenza ta’ offerti anormalment baxxi japplikaw biss jekk ikun hemm dubji dwar in-normalità tal-prezz ta’ offerta, li ma kienx il-każ hawnhekk, b’tali mod li huwa biss l-obbligu ġenerali ta’ motivazzjoni li huwa applikabbli.

27      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li pprovdiet lir-rikorrenti, permezz tal-ittra tagħha tat‑3 ta’ Lulju 2020, l-informazzjoni mitluba. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ma jinkludi ebda riferiment għan-natura anormalment baxxa tal-offerta magħżula, peress li ebda indizju f’dan is-sens ma ġie rrilevat fil-kuntest tal-eżami tagħha.

28      Il-Kummissjoni tfakkar li, permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Lulju 2020, hija wieġbet għall-mistoqsijiet tar-rikorrenti relatati, b’mod partikolari, mar-riskju ta’ dumping soċjali, billi ppreċiżat li kull offerta kienet is-suġġett ta’ analiżi ddettaljata ħafna u li kien deher prima facie li l-offerti kienu jaqblu mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-pajjiżi li minnhom kienu ser jiġu pprovduti.

29      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-fatt li hija ppreċiżat li kienet twettqet “analiżi fil-fond” bl-ebda mod ma kien jindika li hija kellha dubji prima facie dwar in-normalità tal-prezz propost mill-konsorzju ARHS-IBM. Kull offerta hija, fil-fatt, is-suġġett ta’ evalwazzjoni fil-fond u l-awtorità kontraenti hija obbligata tivverifika prima facie l-indizji li jistgħu juru li offerta ma hijiex kompatibbli mal-kundizzjonijiet tas-suq. Huwa f’din il-perspettiva li l-motivazzjoni li tinsab fl-ittra tal‑20 ta’ Lulju 2020 għandha tinqara.

30      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija osservat l-obbligu ġenerali tagħha ta’ motivazzjoni, peress li l-obbligi speċifiċi invokati mir-rikorrenti huma applikabbli biss fil-każ fejn ikun jeżisti dubju dwar in-normalità tal-prezz ta’ offerta, li ma kienx il-każ hawnhekk.

31      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan il-motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-eventwali natura anormalment baxxa tal-offerta magħżula, kif jirriżulta kemm mir-rikors kif ukoll mis-sottomissjonijiet orali tagħhom.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tieħu d-deċiżjoni li tagħti kuntratt wara sejħa għal offerti. L-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat, għaldaqstant, għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni kif ukoll għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Minn ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li tagħti motivazzjoni b’mod suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tagħha. Huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14; tal‑10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑465/04, mhux ippubblikata, EU:T:2008:324, punt 54, u tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punt 36).

34      Skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali, l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jimplika, skont ġurisprudenza stabbilita sew, li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-awtur ta’ att għandu juri b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li huwa bbażat fuqu l-imsemmi att, minn naħa, b’tali mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex isostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, b’tali mod li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2003, Strabag Benelux vs Il-Kunsill, T‑183/00, EU:T:2003:36, punt 55; tal‑24 ta’ April 2013, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑32/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:213, punt 37, u tas‑16 ta’ Mejju 2019, Transtec vs Il-Kummissjoni, T‑228/18, EU:T:2019:336, punt 91).

35      Għalhekk, l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha ma jikkostitwixxix biss, b’mod ġenerali, l-espressjoni tat-trasparenza tal-azzjoni tal-amministrazzjoni, iżda għandu jippermetti wkoll lill-individwu jiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk huwiex utli għalih li jressaq kawża quddiem qorti. Għaldaqstant teżisti rabta stretta bejn, minn naħa, l-obbligu ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fi kliem ieħor, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkontribwixxi għall-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2012, Sviluppo Globale vs Il-Kummissjoni, T‑183/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:534, punt 40, u tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Minn dan isegwi li l-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ġiex osservat għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata skont l-informazzjoni li r-rikorrenti kellhom, l-iktar tard, fil-mument tal-preżentata tar-rikors. Għalhekk, il-motivazzjoni ma tistax tiġi spjegata għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti u huma biss iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni minnha ta’ elementi pprovduti fil-mori tal-kawża (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat ukoll skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Ir-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni li jinsabu fir-Regolament Finanzjarju u fl-Anness I tiegħu jispeċifikaw l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-awtorità kontraenti. B’mod partikolari, l-Artikolu 170 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 31 tal-Anness I tal-imsemmi regolament jipprevedu fil-konfront tal-offerenti esklużi, motivazzjoni f’żewġ stadji.

39      Qabelxejn, l-awtorità kontraenti tinforma, lill-offerenti esklużi kollha, dwar iċ-ċaħda tal-offerta tagħhom ġiet miċħuda u r-raġunijiet għal din iċ-ċaħda. Sussegwentement, skont l-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju tal-punt 31.2 tal-Anness I tal-imsemmi regolament, jekk offerent eskluż li ma jkunx jaqa’ taħt il-kriterji ta’ esklużjoni u li jkun jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni jagħmel it-talba bil-miktub, l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika, kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata minn meta tirċievi din it-talba, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, il-prezz imħallas jew il-valur tal-kuntratt, kif ukoll l-isem tal-offerent rebbieħ.

40      Dan l-iżvelar tar-raġunijiet f’żewġ stadji huwa konformi mal-iskop tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li, kif ġie ppreċiżat fil-punti 34 u 35 iktar ’il fuq, huwa, minn naħa, sabiex jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Peress li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jiddependi, kif tfakkar fil-punt 37 iktar ’il fuq, fuq il-kuntest fattwali u ġuridiku li fih ġie adottat, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll f’dan il-każ il-qafas leġiżlattiv li jirregola l-offerti anormalment baxxi.

42      F’dan il-kuntest, il-punt 23.1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi li, “[j]ekk, għal kuntratt partikolari, il-prezz jew il-kostijiet proposti f’offerta jidhru li huma baxxi wisq, l-awtorità kontraenti għandha titlob bil-miktub dettalji tal-elementi kostitwenti tal-prezz jew il-kostijiet li hija tqis rilevanti u għandha tagħti lill-offerent l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu”.

43      Skont il-punt 23.2 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju, l-awtorità kontraenti “għandha tiċħad l-offerta biss fejn l-evidenza pprovduta ma tagħtix ġustifikazzjoni sodisfaċenti tal-livell baxx tal-prezz jew tal-kostijiet proposti”. Barra minn hekk, hija “għandha tiċħad l-offerta, fejn ġie stabbilit li l-offerta hija baxxa wisq minħabba li ma tikkonformax mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol”.

44      Il-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa” ma huwiex iddefinit mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju. Madankollu ġie deċiż li n-natura anormalment baxxa ta’ offerta għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-kontenut tagħha u fir-rigward tal-provvista inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      L-obbligu, ta’ awtorità kontraenti, li tivverifika s-serjetà ta’ offerta jirriżulta mill-eżistenza minn qabel ta’ dubji dwar l-affidabbiltà tagħha, sa fejn l-Artikolu 23.1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju għandu bħala għan prinċipali li jippermetti lil offerent li ma jiġix eskluż mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti mingħajr ma jkun ingħata l-possibbiltà li jiġġustifika l-kontenut tal-offerta tiegħu li tkun tidher anormalment baxxa. Għalhekk huwa biss fejn ikunu jeżistu tali dubji li l-kumitat ta’ evalwazzjoni għandu jitlob preċiżazzjonijiet li huwa jqis xieraq dwar il-kontenut tal-offerta, qabel, jekk ikun il-każ, ma jiċħadha, skont il-punt 23.2 tal-imsemmi anness. Għall-kuntrarju, fil-każ fejn offerta ma tkunx tidher anormalment baxxa skont l-imsemmi punt 23.1, dan ma jkunx japplika (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2005, TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, T‑148/04, EU:T:2005:274, punti 49 u 50; tal‑5 ta’ Novembru 2014, Computer Resources International (Luxembourg) vs Il-Kummissjoni, T‑422/11, EU:T:2014:927, punt 57, u tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 85).

46      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali dubji jistgħu, b’mod partikolari, jeżistu meta ma jkunx jidher biċ-ċert, minn naħa, li offerta tkun tosserva l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih ser jiġu pprovduti s-servizzi, fil-qasam ta’ remunerazzjoni tal-persunal, ta’ kontribuzzjoni għall-iskema ta’ sigurtà soċjali u ta’ osservanza tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq ix-xogħol kif ukoll ta’ bejgħ b’telf, u, min-naħa l-oħra, li l-prezz propost jinkludi l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-aspetti tekniċi tal-offerta (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-evalwazzjoni, mill-awtorità kontraenti, tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi għandha ssir f’żewġ partijiet.

48      L-ewwel nett, l-awtorità kontraenti tevalwa jekk il-prezz jew l-ispejjeż proposti fl-offerta “jidhru” anormalment baxxi. L-użu tal-verb “jidhru” fil-punt 23.1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju jimplika li l-awtorità kontraenti għandha twettaq evalwazzjoni prima facie tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta, u mhux li twettaq ex officio analiżi ddettaljata tal-kontenut ta’ kull offerta sabiex tistabbilixxi li hija ma tikkostitwixxix offerta anormalment baxxa. Għalhekk, f’din l-ewwel fażi, l-awtorità kontraenti għandha tiddetermina biss jekk l-offerti ppreżentati jinkludux indizji ta’ natura li jqajjmu s-suspett li jistgħu jkunu anormalment baxxi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-prezz propost f’offerta magħmula jkun kunsiderevolment inqas minn dak tal-offerti l-oħra magħmula jew mill-prezz normali tas-suq. Jekk l-offerti ppreżentati ma jkunux jinkludu tali indizju u għalhekk ma jkunux jidhru anormalment baxxi, l-awtorità kontraenti tista’ tkompli bl-evalwazzjoni tagħhom u bil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 88).

49      Sussegwentement, jekk ikunu jeżistu indizji ta’ natura li jqajmu s-suspett li offerta tista’ tkun anormalment baxxa, l-awtorità kontraenti għandha, għall-kuntrarju, tivverifika l-kontenut ta’ din l-offerta sabiex tiżgura ruħha li din ma hijiex anormalment baxxa. Meta ssir din il-verifika, hija għandha l-obbligu li tagħti lill-offerent inkwistjoni l-possibbiltà li jindika r-raġunijiet għalfejn huwa jqis li l-offerta tiegħu ma hijiex anormalment baxxa. Hija għandha mbagħad tevalwa l-ispjegazzjonijiet ipprovduti u tiddetermina jekk l-offerta inkwistjoni hijiex ta’ natura anormalment baxxa, f’liema każ hija tkun obbligata tiċħadha (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 89).

50      Il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità kontraenti fir-rigward tal-offerent eskluż meta, matul il-fażi ta’ evalwazzjoni tal-offerti, kellha dubju dwar in-natura anormalment baxxa ta’ offerta ppreżentata u kkunsidrat, wara li semgħet lill-offerent inkwistjoni u wettqet analiżi iktar fil-fond, li din l-offerta ma kinitx anormalment baxxa. B’mod partikolari, ġie deċiż li, sabiex tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti tal-fatt li, wara analiżi fil-fond, l-offerta magħżula ma kinitx anormalment baxxa, l-awtorità kontraenti kellha tindika r-raġunament li abbażi tiegħu, minn naħa, hija kienet ikkonkludiet li, minħabba l-karatteristiċi, prinċipalment finanzjarji tagħha, din l-offerta kienet tosserva b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih kellhom jiġu pprovduti fih is-servizzi, fil-qasam ta’ remunerazzjoni tal-persunal, ta’ kontribuzzjoni għall-iskema ta’ sigurtà soċjali u ta’ osservanza tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq ix-xogħol, u, min-naħa l-oħra, li hija kienet ivverifikat li l-prezz propost kien jinkludi l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-aspetti tekniċi tal-imsemmija offerta (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità kontraenti meta tikkunsidra li l-offerta magħżula ma tkunx tidher anormalment baxxa, mir-regoli li jirregolaw l-offerti anormalment baxxi mfakkra fil-punti 42 sa 45 iktar ’il fuq, u b’mod partikolari, mill-fatt li l-awtorità kontraenti twettaq, qabel kollox, biss evalwazzjoni prima facie tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta, jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha għandu portata limitata. Fil-fatt, li l-awtorità kontraenti tiġi obbligata tindika b’mod iddettaljat ir-raġunijiet għalfejn offerta ma tkunx tidhrilha anormalment baxxa twassal sabiex ma tiġix ikkunsidrata d-distinzjoni bejn iż-żewġ stadji tal-analiżi prevista fil-punt 23 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 92).

52      B’mod partikolari, meta awtorità kontraenti tagħżel offerta, hija ma għandhiex l-obbligu li tindika espliċitament, b’risposta għal kull talba ta’ motivazzjoni li ssirilha skont l-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju, ir-raġunijiet għalfejn l-offerta li tkun għażlet ma tkunx dehritilha anormalment baxxa. Fil-fatt, jekk l-imsemmija offerta tintgħażel mill-awtorità kontraenti, minn dan isegwi, impliċitament iżda neċessarjament, li hija tkun ikkunsidrat li ma jeżistux indizji li din kienet anormalment baxxa. Tali motivi, għall-kuntrarju, għandhom jiġu kkomunikati lill-offerent eskluż li jkun għamel talba espressa għalihom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 93).

53      Fil-fatt, li awtorità kontraenti jkollha tiġġustifika, fuq it-talba tal-offerent eskluż, il-fatt li l-offerta magħżula ma hijiex anormalment baxxa jippermetti l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju u tal-punt 31.2 tal-Anness I ta’ dan l-istess regolament, peress li motivazzjoni tinforma lill-offerent eskluż dwar aspett importanti tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2013, European Dynamics Belgium et vs EMA, T‑638/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:530, punt 66, u tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punt 51).

54      Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex biżżejjed għall-awtorità kontraenti li tillimita ruħha tifformula s-sempliċi konstatazzjoni li l-offerta magħżula fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ma hijiex anormalment baxxa, u lanqas li tosserva sempliċement li hija qieset li l-imsemmija offerta ma kinitx anormalment baxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ittri tagħha tat‑2 u tat‑3 ta’ Lulju 2020 (ara l-punti 3 u 5 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni sempliċement, l-ewwel nett, konformement mal-Artikolu 170 tar-Regolament Finanzjarju u mal-punt 31 tal-Anness I ta’ dan l-istess regolament, informat lir-rikorrenti li l-offerta tagħhom kienet ġiet miċħuda, filwaqt li bagħtet estratt mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni dwar l-offerta tagħhom, u, sussegwentement, wara talba bil-miktub tar-rikorrenti, ikkomunikatilhom l-isem tal-offerent rebbieħ kif ukoll estratt ieħor mill-imsemmi rapport li minnu kellhom jirriżultaw il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula. Minn dan l-aħħar estratt jirriżulta li d-dettalji tal-offerta magħżula kkomunikati lir-rikorrenti, minbarra l-prezz tagħha, il-punteġġ finanzjarju tagħha u r-relazzjoni bejn il-kwalità/prezz kif espress permezz tal-punteġġ finali tagħha, kienu jikkonċernaw biss aspetti tekniċi ta’ din l-offerta. B’mod partikolari, f’dan l-istadju, id-dettalji kkomunikati bl-ebda mod ma kienu jirrigwardaw l-eżami tal-prezz tal-offerta magħżula fid-dawl tal-eventwali natura anormalment baxxa tiegħu.

56      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Lulju 2020, (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni tikkonferma, b’mod partikolari, li hija kienet ivverifikat li, fir-rigward tal-prezz tagħha, l-offerta magħżula ma kinitx tinvolvi riskju ta’ “dumping soċjali”, u invokaw il-prezz realistiku u kompetittiv tal-offerta tagħhom fir-rigward tal-kundizzjonijiet tas-suq, l-esperjenza tagħhom bħala partijiet kontraenti tal-Kummissjoni u r-riskji fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt b’offerta fejn il-prezz ikun kunsiderevolment inqas minn dak tal-offerta rispettiva tagħhom.

57      Huwa minnu li r-rikorrenti ma invokawx espliċitament il-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa”. Xorta jibqa’ l-fatt li, kif sostnew fir-rikors, mingħajr ma ġew kontradetti fuq dan il-punt mill-Kummissjoni fir-risposta u lanqas bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, huma indikaw b’mod ċar il-konsegwenzi potenzjali inerenti għall-preżentazzjoni ta’ offerta anormalment baxxa, jiġifieri riskju ta’ dumping soċjali, sa fejn tali offerta tista’ ma tosservax il-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi li fihom is-servizzi ser jiġu pprovduti fil-qasam tar-remunerazzjoni tal-persunal, ta’ kontribuzzjoni għall-iskema ta’ sigurtà soċjali kif ukoll ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol, u riskju għall-kontinwità tal-provvista tas-servizzi.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni sempliċement wieġbet, fl-ittra tagħha tal‑20 ta’ Lulju 2020, li analiżi ddettaljata fuq il-livell finanzjarju tal-offerta tal-offerent magħżul kienet uriet li din kienet konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-pajjiżi li minnhom il-partijiet kontraenti u s-subappaltaturi tagħhom kienu ser jipprovdu s-servizzi mitluba.

59      Issa, mill-ittra tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Lulju 2020 jirriżulta li l-offerta komuni ppreżentata għal-lott A mill-konsorzju fformat mir-rikorrenti ma ntgħażlitx, peress li ma kinitx ġiet ikkunsidrata bħala l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Miż-żewġ estratti tar-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti (ara l-punti 4 sa 6 iktar ’il fuq) jirriżulta li kien hemm inqas minn 7.72 punt bejn l-punteġġi totali miksuba mill-offerta tagħhom u dik tal-offerta magħżula. Minn dan jirriżulta wkoll li din id-differenza kienet tiddependi kompletament mid-differenza sinjifikattiva, jiġifieri EUR 6 644 356.26, bejn il-prezz propost mir-rikorrenti u dak propost mill-offerent rebbieħ, li stabbilixxa differenza ta’ 9.19 punti fil-punteġġ finanzjarju għad-detriment tal-offerta tar-rikorrenti, filwaqt li, għall-punteġġ kwalitattiv, l-offerta tagħhom kienet kisbet 1.47 punti iktar mill-offerta magħżula.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li l-konsorzju fformat mir-rikorrenti u mill-offerent magħżul kienu l-uniċi li ppreżentaw offerta għal-lott A u li għalhekk kien hemm biss bażi waħda ta’ paragun, jiġifieri l-prezz tal-offerta tar-rikorrenti, li tippermetti li jiġi stabbilit jekk kienx jeżisti indizju li l-prezz tal-offerta magħżula setax jitqies li kien anormalment baxx, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement tirrileva li l-offerta magħżula kienet konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-pajjiżi li minnhom kienu ser jiġu pprovduti s-servizzi inkwistjoni mis-subappaltaturi tagħhom. Fil-fatt, peress li l-kriterju tal-prezz kien determinanti fil-klassifika tal-offerti u peress li l-prezz tal-offerta magħżula kien l-uniku vantaġġ relattiv li kkaratterizzaha, il-Kummissjoni kellha, sabiex twieġeb b’mod adegwat għall-mistoqsija tar-rikorrenti, tipprovdi tal-inqas l-informazzjoni relatata mal-perċentwali li jikkorrispondi għas-sehem tas-suq li kien ser jiġi pprovdut b’subappalt kif ukoll għall-pajjiżi li minnhom is-servizzi inkwistjoni kienu ser jiġu pprovduti, kif għamlet fir-risposta u waqt is-seduta, li kien jippermetti lir-rikorrenti jifhmu aħjar ir-raġunijiet għad-distakk eżistenti bejn il-prezzijiet taż-żewġ offerti. Tali informazzjoni kienet tippermetti wkoll lir-rikorrenti li jkollhom biżżejjed elementi sabiex ikunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-offerta magħżula ma kinitx tidher anormalment baxxa u, għaldaqstant, li eventwalment jikkontestaw l-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni.

61      Peress li fl-ittra tagħha tal‑20 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tiġġustifika permezz ta’ sempliċi dikjarazzjoni li l-prezz tal-offerta magħżula ma kienx ta’ natura anormalment baxxa, il-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija kellha fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

62      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata, l-ewwel, mill-argument tal-Kummissjoni li hemm regoli speċifiċi dwar il-portata tal-motivazzjoni fir-rigward tal-eżistenza eventwali ta’ offerti anormalment baxxi, li japplikaw esklużivament fil-każ ta’ dubju dwar in-normalità tal-prezz tal-offerta magħżula, li ma kienx il-każ hawnhekk.

63      Dan l-argument jirriżulta minn qari żbaljat tal-punt 49 tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, Trasys International u Axianseu – Digital Solutions vs AESA (T‑741/17, EU:T:2019:572), li għaliha tirreferi l-Kummissjoni li fiha huwa ppreċiżat li, meta jkun hemm indizju ta’ natura li jqajjem suspett fir-rigward tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi, l-awtorità kontraenti hija obbligata tagħti lill-offerent eskluż, li jagħmel it-talba espressa f’dan is-sens, ir-raġunijiet li jippermettu li jinftiehem għalfejn l-offerta li hija għażlet ma kinitx dehritilha bħala anormalment baxxa.

64      Dan il-punt tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, Trasys International u Axianseu – Digital Solutions vs EASA (T‑741/17, EU:T:2019:572), jikkostitwixxi applikazzjoni, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, tat-tagħlim mogħti mill-Qorti Ġenerali fil-punt 93 tas-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (T‑392/15, EU:T:2017:462), li għaliha tagħmel riferiment espliċitu, tagħlim li jispeċifika li r-raġunijiet li wasslu lill-awtorità kontraenti sabiex ma tikkunsidrax offerta bħala anormalment baxxa għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-offerent eskluż li jagħmel talba espressa f’dan is-sens (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2017, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑74/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:55, punt 49).

65      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-preċiżazzjoni allegatament magħmula mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punt 49 tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, Trasys International u Axianseu – Digital Solutions vs EASA (T-741/17, EU:T:2019:572), għandha tinqara fil-kuntest speċifiku tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, fejn l-eżistenza ta’ dubji dwar il-prezzijiet proposti minn diversi offerenti kienet ġiet stabbilita (ara, b’mod partikolari, il-punt 47 tal-imsemmija sentenza), u ma tistax tikkontesta l-prinċipju li r-raġunijiet li wasslu lill-awtorità kontraenti sabiex ma tikkunsidrax l-offerta magħżula bħala anormalment baxxa, li jagħmlu parti mill-evalwazzjoni tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi relattivi tagħha, għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-offerent eskluż li jagħmel talba espressa f’dan is-sens (ara l-punti 52 u 53 iktar ’il fuq).

66      Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet inklużi fil-punti 56 u 57 iktar ’il fuq, huwa stabbilit li r-rikorrenti għamlu talba f’dan is-sens.

67      It-tieni, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-Regolament Finanzjarju ma jipprevedi ebda obbligu għall-awtorità kontraenti li tindika lill-offerent eskluż li jagħmel talba f’dan is-sens ir-raġunijiet għalfejn hija ma kkunsidratx l-offerta magħżula bħala anormalment baxxa, iktar u iktar meta, skont il-punt 23.1 tal-Anness I tal-imsemmi regolament, issir analiżi f’dan ir-rigward biss fil-każ fejn offerta tkun tidher anormalment baxxa.

68      Madankollu, ma jistax jiġi aċċettat li awtorità kontraenti, billi sempliċement tinvoka din id-dispożizzjoni, tevita l-obbligu, previst fl-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju, li tikkomunika lill-offerent eskluż li jagħmel talba bil-miktub il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula, li minnu jagħmlu inkontestabbilment parti r-raġunijiet għalfejn din l-offerta ma dehritx anormalment baxxa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha li tikkonstata li hija ma kinitx ikkunsidrat li l-offerta magħżula kienet tidher anormalment baxxa, mingħajr ma tippreċiża lir-rikorrenti, li kienu għamlu t-talba espressa f’dan is-sens, ir-raġunijiet li wassluha għal din il-konklużjoni, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq.

69      Il-Kummissjoni ċertament tat, fil-mori tal-kawża, ċerti spjegazzjonijiet, li essenzjalment jipprovdu li parti kbira mis-servizzi previsti fl-offerta magħżula huma subappaltati, il-maġġoranza tagħhom fil-Greċja u fir-Rumanija, b’tali mod li d-differenzi fis-salarji marbuta mal-postijiet ta’ provvista tas-servizzi jispjegaw id-differenza fil-prezz, sostanzjali, bejn l-offerti ppreżentati. Madankollu, indipendentement minn kull kunsiderazzjoni dwar il-fondatezza tagħhom, dawn l-ispjegazzjonijiet ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 iktar ’il fuq jirriżulta li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-informazzjoni rċevuta mir-rikorrenti qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, peress li l-motivazzjoni ma tistax, bħala prinċipju, tiġi spjegata għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti.

70      Issa, fid-dawl tal-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal‑20 ta’ Lulju 2020 kif ukoll tal-informazzjoni li tinsab fl-ittri preċedenti tagħha u fl-estratti mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li ġew annessi magħha, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti setgħu kellhom għarfien tal-informazzjoni kollha dwar il-kontenut tal-offerta tal-konsorzju ARHS-IBM li ppermettiet lill-Kummissjoni tikkunsidra li din l-offerta ma kinitx tidher anormalment baxxa.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dan il-motiv, ibbażat, essenzjalment fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet li wasslu lill-awtorità kontraenti tikkunsidra li l-offerta tal-offerent rebbieħ ma kinitx tidher anormalment baxxa, għandu jintlaqa’ u għandha tiġi annullata, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat l-ewwel motiv tar-rikors, dwar il-legalità interna tagħha, li abbażi tiegħu, essenzjalment, l-awtorità kontraenti kkunsidrat b’mod żbaljat li l-imsemmija offerta ma kinitx anormalment baxxa (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2012, Sviluppo Globale vs Il-Kummissjoni (T‑183/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:534, punt 46, u tal‑10 ta’ Settembru 2019, Trasys International u Axianseu – Digital Solutions vs EASA, T‑741/17, EU:T:2019:572, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata), u lanqas li tiddeċiedi dwar il-produzzjoni ta’ prova tar-rikorrenti u l-ammissibbiltà tagħha, ikkontestata mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat2 ta’ Lulju 2020 li tirrigwarda, minn naħa, iċ-ċaħda tal-offerta komuni ppreżentata minn Sopra Steria Benelux u Unisys Belgium għal-lott A fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti bir-referenza TAXUD/2019/OP/0006 u intiża għal servizzi fid-dawl tal-ispeċifikazzjoni, tal-iżvilupp, tal-manutenzjoni u tal-assistenza tat-tielet livell tal-pjattaformi informatiċi tad-Direttorat Ġenerali “Tassazzjoni u Unjoni Doganali” u, min-naħa l-oħra, l-għoti tal-kuntratt lill-konsorzju l-ieħor parteċipanti hija annullata f’dak li jirrigwarda l-lott A.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha, kif ukoll għal dawk sostnuti minn Sopra Steria Benelux u Unisys Belgium.

Spielmann

Öberg

Mastroianni

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Diċembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.