Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad - Blagoevgrad (il-Bulgarija) fis-16 ta’ Frar 2021 – MV - 98 vs Nachalnik na otdel “Operativni deynosti” – grad Sofia v glavna direktsia “Fiskalen kontrol” pri Tsentralno upravlenie na Natsionalna agentsia za prihodite

(Kawża C-97/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad - Blagoevgrad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: MV - 98

Konvenut: Nachalnik na otdel “Operativni deynosti” – grad Sofia v glavna direktsia “Fiskalen kontrol” pri Tsentralno upravlenie na Natsionalna agentsia za prihodite

Domandi preliminari

1)    L-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 u l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li jistgħu jiġu akkumulati proċedura amministrattiva għall-applikazzjoni ta’ miżura amministrattiva ta’ infurzar u proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fil-konfront tal-istess persuna minħabba li naqset milli tirreġistra u żżomm rekord ta’ bejgħ ta’ beni bil-ħruġ ta’ dokument li jservi ta’ prova tal-bejgħ?

1.1)    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li jistgħu jiġu akkumulati proċedura amministrattiva għall-applikazzjoni ta’ miżura amministrattiva ta’ infurzar u proċedura amministrattiva ta’ natura kriminali għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fil-konfront tal-istess persuna minħabba li naqset milli tirreġistra u żżomm rekord ta’ bejgħ ta’ beni bil-ħruġ ta’ dokument li jservi ta’ prova tal-bejgħ, f’sitwazzjoni fejn din il-leġiżlazzjoni fl-istess ħin ma tipprevedix, għall-awtoritajiet kompetenti sabiex imexxu ż-żewġ proċeduri u għall-qrati, obbligu li jiżguraw applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura severa tal-miżuri kollha akkumulati flimkien meta mqabbla mal-gravità tal-ksur konkret?

2)    Jekk l-applikabbiltà tal-Artikoli 50 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma tkunx ikkonfermata f’dan il-każ, l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 186(1) taż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, iktar ’il quddiem iż-“ZDDS”) li jipprevedi, flimkien mal-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja taħt l-Artikolu 185(2) taż-ZDDS, l-applikazzjoni ta’ miżura amministrattiva ta’ infurzar li tikkonsisti fl-“issiġillar ta’ proprjetà” għal perijodu massimu ta’ 30 jum fir-rigward tal-istess persuna minħabba li naqset milli tirreġistra u żżomm rekord ta’ bejgħ ta’ beni bil-ħruġ ta’ dokument li jservi ta’ prova tal-bejgħ?

3)    L-Artikolu 47(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza miżuri, introdotti mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jiggarantixxi l-interess previst fl-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, bħalma huma l-eżekuzzjoni provviżorja tal-miżura amministrattiva ta’ infurzar li tikkonsisti fl-“issiġillar ta’ proprjetà” għal perijodu massimu ta’ 30 jum sabiex jiġi protett interess pubbliku preżunt, f’sitwazzjoni fejn il-protezzjoni ġudizzjarja kontra l-eżekuzzjoni provviżorja hija limitata għall-evalwazzjoni ta’ interess privat oppost paragunabbli?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.