Language of document : ECLI:EU:T:2019:578

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

11 ta’ Settembru 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2017 – Deċiżjoni li ma jiġix promoss ir-rikorrent għall-grad AD 7 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2017 – Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 9(3) tal-Anness IX tar-Regoli tal-Persunal – Użu ħażin ta’ poter – Sanzjoni dixxiplinari”

Fil-Kawża T‑545/18,

YL, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentat minn P. Yon u B. de Lapasse, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn L. Radu Bouyon u R. Striani, sussegwentement minn Radu Bouyon u B. Mongin, bħala aġenti,

konvenuta,

li tirrigwarda talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, l-ewwel nett, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ikkomunikata lill-persunal ta’ din l-istituzzjoni fit-13 ta’ Novembru 2017, li ma tippromwovix lir-rikorrent għall-grad AD 7 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2017, it-tieni nett, għall-promozzjoni tar-rikorrent fil-grad AD 7 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2017 u, it-tielet nett, għall-għoti ta’ kumpens għad-dannu li allegatament sostna r-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, K. Kowalik-Bańczyk (Relatur) u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, YL, ilu uffiċjal assenjat fid-direzzjoni ġenerali (DG) [kunfidenzjali] (1) tal-Kummissjoni Ewropea mis-16 ta’ Mejju 2010. Huwa ilu kklassifikat fil-grad AS 6 sa mill-1 ta’ Jannar 2012.

2        Mis-6 ta’ Jannar 2014 sal-15 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrent ibbenefika minn leave għal raġunijiet personali.

3        Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016 (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016”), l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrent sanzjoni ta’ tnaqqis fl-iskala minħabba li dan kien, l-ewwel, kiseb b’mod irregolari leave għall-mard fit-18 ta’ Ġunju 2013 li matulu kien ipparteċipa f’attività politika, it-tieni, ippubblika fuq is-sit internet personali tiegħu, fis-6 ta’ Frar 2014, artiklu “polemikuż” relatat mal-Unjoni Ewropea mingħajr ma informa minn qabel lill-Awtorità tal-Ħatra, it-tielet, għadda lil ġurnalisti kummenti ta’ natura li joħolqu riskju għar-reputazzjoni tal-Kummissjoni, ir-raba’, naqas, minkejja li kien fuq leave għal raġunijiet personali, li jinforma lill-Awtorità tal-Ħatra bl-elezzjoni tiegħu, fit-30 ta’ Marzu 2014, għal kariga pubblika u, il-ħames, eżerċita attività esterna, bejn il-25 ta’ Frar u l-15 ta’ April 2014, mingħajr ma talab minn qabel l-awtorizzazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra.

4        Ir-rikorrent ma kkontestax id-deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016.

5        Permezz ta’ ittra ta’ Novembru 2017, id-Direttur Ġenerali tad-DG [kunfidenzjali] informa lir-rikorrent li, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat konġunt tal-promozzjoni, dan kien ser jiġi promoss għall-grad AD 7 b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2017.

6        Fit-13 ta’ Novembru 2017, l-Awtorità tal-Ħatra ppubblikat il-lista tal-uffiċjali promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni tal-2017. Din il-lista ma kinitx tinkludi isem ir-rikorrent.

7        Fit-12 ta’ Frar 2018, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li ma tippromovihx. Huwa sostna b’mod partikolari li l-Awtorità tal-Ħatra ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016 għal dan il-għan.

8        L-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tar-rikorrent fit-8 ta’ Ġunju 2018 minħabba li l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ma jinkludix lista eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti previsti minn dan l-artikolu, b’mod li d-deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016 setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan l-eżami. Barra minn hekk, hija indikat li l-kunċett ta’ “imġiba fis-servizz” seta’ wkoll jikkostitwixxi wieħed minn dawn il-kriterji.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Diċembru 2018.

10      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni li ma jiġix promoss għall-grad AD 7 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2017;

–        tannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tiegħu;

–        tippromovih għall-grad AD 7 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2017;

–        tikkumpensah għad-dannu sostnut, evalwat għal EUR 100 000, li jirriżulta mid-deċiżjoni li ma jiġix promoss għall-grad AD 7 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2017;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż evalwati għal EUR 10 000.

11      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment ta’ membru tal-persunal u ċ-ċaħda tiegħu mill-awtorità kompetenti jifformaw parti integrali minn proċedura kumplessa, b’tali mod li r-rikors, għalkemm huwa formalment intiż kontra ċ-ċaħda tal-ilment tal-membru tal-persunal, għandu bħala effett li jadixxi lill-Qorti Ġenerali bl-att li jikkawża preġudizzju li kontra tiegħu tressaq l-ilment (sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8, u tal-25 ta’ Ottubru 2018, KF vs SATCEN, T‑286/15, EU:T:2018:718, punt 115).

13      Minn dan isegwi li l-kap ta’ talbiet intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiċħad l-ilment tar-rikorrent għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li dan tal-aħħar ma jiġix promoss għall-grad AD 7 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2017 (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

14      Għalkemm ir-rikorrent iqajjem, formalment, żewġ motivi separati, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur manifest tar-regola ta’ liġi u, it-tieni wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura, jaqbel li jiġi kkunsidrat li dawn il-motivi jifformaw, essenzjalment, motiv uniku bbażat fuq il-fatt li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016 fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merti previst mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal kellu l-effett li jissanzjonah għat-tieni darba għall-istess fatti. Ir-rikorrent isostni għalhekk li l-Awtorità tal-Ħatra, fl-istess waqt, kisret l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll l-Artikolu 9(3) tal-Anness IX tar-Regoli tal-Proċedura u l-prinċipju ta’ non bis in idem u wettqet użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura.

15      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

16      Skont l-Artikolu 9(3) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirriproduċi l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ non bis in idem, l-istess nuqqas jista’ jagħti lok biss għal sanzjoni dixxiplinari waħda.

17      Barra minn hekk, mill-Artikoli 44 u 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, bid-differenza tal-progress, li bih l-uffiċjali jaċċedu, fil-prinċipju, b’mod awtomatiku għall-iskala superjuri wara ċertu żmien, il-promozzjoni tingħata biss wara eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali eliġibbli għall-imsemmija promozzjoni.

18      Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 9(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sospensjoni tal-progress fl-iskala, l-istess bħal, a fortiori, it-tnaqqis fl-iskala, jikkostitwixxi sanzjoni. Madankollu, ir-rifjut ta’ promozzjoni, li, fil-fatt, ma huwiex imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jistax, fil-prinċipju, jitqabbel ma’ sanzjoni, peress li huwa bbażat fuq l-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali eliġibbli għall-promozzjoni inkwistjoni.

19      F’dan ir-rigward, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, “l-Awtorità tal-Ħatra għandha tikkunsidra partikolarment ir-rapporti dwar l-uffiċjali, l-użu tal-lingwi fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom, għajr il-lingwa li għaliha pproduċew evidenza ta’ għarfien sew, [...] u [...] il-livell tar-responsabbiltajiet eserċitat minnhom.”

20      Permezz tal-użu tal-espressjoni “partikolarment”, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża t-tliet kriterji prinċipali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod obbligatorju fl-eżami komparattiv tal-merti. Madankollu huwa ma jeskludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterji oħra li jistgħu wkoll jagħtu indikazzjoni tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi (sentenzi tat-28 ta’ Settembru 2011, AC vs Il-Kunsill, F‑9/10, EU:F:2011:160, punt 25, u tal-14 ta’ Novembru 2012, Bouillez vs Il-Kunsill, F‑75/11, EU:F:2012:152, punt 57).

21      Għalhekk, aġir ta’ nuqqas, li jikkonsisti f’nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li l-uffiċjal huwa obbligat iwettaq abbażi tar-Regoli tal-Proċedura, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex teskludi, jekk ikun il-każ, il-kandidatura tal-persuna kkonċernata mill-promozzjoni (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑-109/99, EU:T:2001:69, punt 220). Fil-fatt, huwa fl-interess tal-istituzzjoni li jkunu persuni li jkollhom kondotta professjonali perfetta li jiġu nnominati għal karigi ta’ responsabbiltà (sentenza tat-2 ta’ April 1998, Apostolidis vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑86/97, EU:T:1998:71, punt 58).

22      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, għalkemm, skont l-Artikolu 5(7) tad-deċiżjoni C(2013) 8968 finali tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kumitat konġunt ta’ promozzjoni għandu jissuġġetta għall-attenzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra l-lista tal-uffiċjali li hija tirrakkomanda li jiġu promossi, hija biss l-Awtorità tal-Ħatra li għandha r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni u tal-eżami komparattiv tal-merti previsti mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, HL vs Il-Kummissjoni, T‑668/16 P, mhux ippubblikat, EU:T:2017:802, punt 30).

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Awtorità tal-Ħatra, minn naħa, ma kinitx marbuta bir-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat konġunt ta’ promozzjoni u, min-naħa l-oħra, kienet fondata, sabiex tirrifjuta li tippromwovi lir-rikorrent, tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016 fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merti previst mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

24      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bl-argument tar-rikorrent li permezz tiegħu jakkuża lill-Awtorità tal-Ħatra li kkunsidrat, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu, li l-kunċett ta’ “imġiba fis-servizz” setgħet tinkludi d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2016 jew il-fatti ssanzjonati minn din id-deċiżjoni.

25      Fil-fatt, minn naħa, għalkemm dan l-argument jista’ jkun ibbażat fuq il-kunċett ta’ “imġiba fis-servizz” li jinsab fl-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett huwa relatat mal-kontenut tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali, li, kif tfakkar fil-punt 20 iktar 'il fuq, jikkostitwixxu biss wieħed mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti previst mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

26      Min-naħa l-oħra, minkejja ċ-ċirkustanza msemmija mir-rikorrent li l-fatti ssanzjonati mid-deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016 ma kinux, skont it-termini ta’ din tal-aħħar, “f’rabta mal-funzjonijiet tiegħu u tar-responsabbiltajiet [tiegħu] fi ħdan id-DĠ [kunfidenzjali]” jew, a fortiori, kienu seħħew matul il-leave għal raġunijiet personali tiegħu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn il-fatti kienu jikkonċernaw madankollu nuqqasijiet għal obbligi li huwa kellu minħabba l-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal u, għaldaqstant, kienu jikkostitwixxu indikazzjoni tal-merti tiegħu fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 iktar 'il fuq. Għalhekk, anki l-fatt li parti mill-imsemmija fatti seħħew matul il-leave għal raġunijiet personali tar-rikorrent ma jipprekludix, waħdu, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti previst mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

27      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma pproduċa ebda element li jista’ juri li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mhux abbażi tal-eżami komparattiv tal-merti previst mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda bil-għan li jiġi ssanzjonat għat-tieni darba għall-fatti li taw lok għad-deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2016.

28      Fil-fatt, f’dan ir-rigward, ir-rikorrent sempliċement isostni, minn naħa, li l-Awtorità tal-Ħatra rrifjutat li tippromovih mingħajr ma informat minn qabel lid-DĠ [kunfidenzjali] u, min-naħa l-oħra, li d-DĠ “Riżorsi Umani” japplika politika ta’ rifjut ta’ promozzjoni tal-uffiċjali li tkun ingħatatilhom sanzjoni, u dan minkejja rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-kumitat konġunt ta’ promozzjoni.

29      Madankollu, minn naħa, għandu jiġi rrilevat il-fatt li d-DG [kunfidenzjali] kien qiegħed jistenna li r-rikorrent kien ser jiġi promoss, b’mod li d-direttur ġenerali ta’ dan kien ħabbarlu, bi żball, li kien ser jiġi promoss fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2017, ma huwiex ta’ natura li juri li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bil-għan li jiġi ssanzjonat, u mhux bħala riżultat tal-eżami komparattiv tal-merti, skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

30      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-politika ta’ rifjut ta’ promozzjoni invokata mir-rikorrent, dan sempliċement jipproduċi abbozz ta’ minuti ta’ laqgħa bejn, b’mod partikolari, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet sindakali u d-direttur ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani” u nota mibgħuta minn uħud minn dawn l-organizzazzjonijiet sindakali lill-imsemmi direttur ġenerali. Issa, minn dawn id-dokumenti jirriżulta li organizzazzjonijiet sindakali jikkunsidraw li d-deċiżjoni li ma jiġux promossi uffiċjali li tkun ingħatatilhom sanzjoni “jista’ jwassal” sabiex dawn l-uffiċjali jiġu ssanzjonati darbtejn, b’mod li għandu jiġi nnegozzjat “qafas ġuridiku ċar” bejnhom u l-Kummissjoni. Madankollu, il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra rrifjutat li tippromwovi uffiċjali oħra li kienet ingħatatilhom sanzjoni qabel u li l-imsemmija organizzazzjonijiet sindakali jikkunsidraw, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, li d-dispożizzjonijiet relatati mal-eżami tal-merti ta’ dawn l-uffiċjali ma humiex biżżejjed ċari ma huwiex tali li juri, waħdu, li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bil-għan li tissanzjonahom, u mhux wara l-eżami komparattiv tal-merti previst mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

31      It-tielet nett, għalkemm ir-rikorrent isostni li ressaq “biżżejjed indizzji rilevanti u konkordanti” sabiex jiġi stabbilit li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-merti previst mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din l-affermazzjoni ma hija sostnuta b’ebda preċiżazzjoni li tippermetti li tiġi evalwata l-fondatezza tagħha.

32      Minn dan isegwi li la l-ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, la dak tal-Artikolu 9(3) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, la l-prinċipju ta’ non bis in idem, la l-użu ħażin ta’ poter, li l-użu ħażin ta’ proċedura huwa biss forma tiegħu (sentenza tat-2 ta’ April 1998, Apostolidis vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑86/97, EU:T:1998:71, punt 84), ma huma stabbiliti.

33      Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrent. Fil-fatt, ir-rikorrent isostni li l-fatt, għall-Awtorità tal-Ħatra, li jiġi ssanzjonat billi jiġi rrifjutat il-promozzjoni, minn naħa, jippermettilha li ma “tistabbilixxix terminu għall-imblokkar tal-karriera [tiegħu]” bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u, min-naħa l-oħra, ċaħħdu mid-dritt tiegħu għal rikors effettiv sa fejn ma setax jikkontesta “l-effett sħiħ li l-[Awtorità tal-Ħatra] kellha l-intenzjoni li tipproduċi” id-deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016.

34      Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argumenti msemmija fil-punt 33 iktar 'il fuq huma bbażati fuq premessa żbaljata, jiġifieri li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi sanzjoni, li, kif ġie rrilevat fil-punt 27 iktar 'il fuq, ma ġiex stabbilit f’dan il-każ.

35      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li għandha effett li twassal għall-imblokkar illimitat u arbitrarju tal-karriera tar-rikorrent bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, minn naħa, l-Awtorità tal-Ħatra ħadet inkunsiderazzjoni deċiżjoni ta’ sanzjoni mogħtija fit-23 ta’ Marzu 2016, jiġifieri matul is-sena immedjatament qabel dik tal-proċedura ta’ promozzjoni 2017. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprekludix li r-rikorrent jista’, jekk ikun il-każ, jibbenefika minn promozzjoni matul proċedura ta’ promozzjoni ulterjuri, li fil-fatt kien il-każ fuq kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2018.

36      Konsegwentement, il-motiv uniku għandu jiġi miċħud bħala infondat. Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda t-talbiet tar-rikorrent intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, li jiġu miċħuda t-talbiet tiegħu intiżi, minn naħa, għall-promozzjoni tiegħu fil-grad AD 7 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2017 u, min-naħa l-oħra, għall-għoti ta’ kumpens għad-dannu li allegatament sostna bħala riżultat tal-imsemmija deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

37      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      YL huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Settembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Informazzjoni kunfidenzjali redatta.