Language of document : ECLI:EU:C:2019:168

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑28 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C723/17

Lies Craeynest et

vs

Brussels Hoofdstedelijk Gewest et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/50/KE – Kwalità tal-arja fl‑ambjent – Valuri limitu – Postijiet għall-punti ta’ kampjunament – Setgħa diskrezzjonali – Stħarriġ ġudizzjarju – Kriterji għad-determinazzjoni ta’ qbiż tal-valuri limitu”






I.      Introduzzjoni

1.        Huwa minnu li l-belt ta’ Brussell, flimkien mal-belt ta’ Pariġi, reċentement ħadmet favur il-kwalità tal-arja fl-ambjent billi kisbet sentenza tal-Qorti Ġenerali li ddikjarat l-invalidità tal-valuri limitu tal-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu ffissati mill-Kummissjoni Ewropea għat-testijiet il-ġodda f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali ta’ vetturi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief (2). Madankollu, fil-kawża ineżami, diversi residenti u assoċjazzjoni ambjentali waħda qegħdin iressqu kawża kontra r-Reġjun ta’ Bruxelles‑Capitale minħabba l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja.

2.        Il-kwistjoni ineżami tittratta l-kejl li permezz tiegħu għandu jiġi vverifikat jekk il-valuri limitu ambizzjużi għall-kwalità tal-arja fl-ambjent skont id-Direttiva 2008/50 (3) ġewx osservati jew jekk inqabżux. Jeħtieġ li jiġi ċċarat, minn naħa, sa fejn l-installazzjoni tal-punti ta’ kampjunament hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jekk mir-riżultati tad-diversi punti ta’ kampjunament jistax jinħadem valur medju biex tiġi evalwata l-konformità mal-valuri limitu. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, l-ewwel kwistjoni għandha importanza fundamentali ġuridika peress li din titlob kjarifika tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

3.        Il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/50 jistabbilixxi l-għan essenzjali tagħha:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati lejn dan li ġej:

1.      id-definizzjoni u d-determinazzjoni ta’ objettivi fir-rigward tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent maħsuba sabiex jevitaw, jimpedixxu jew inaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu;

2.      [...]”

4.        Il-punti 25 u 26 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/50 jiddefinixxu metodi speċifiċi ta’ kejl:

“25.      ‘kejl fiss’ tfisser kejl meħud f’siti fissi, jew kontinwament jew bil-kampjunament każwali sabiex jiġu determinati l-livelli skond l-objettivi rilevanti tal-kwalità tad-data;

26.      ‘kejl indikattiv’ tfisser kejl li jissodisfa objettivi tal-kwalità tad-data li jkunu inqas stretti minn dawk meħtieġa għall-kejl fiss”.

5.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/50 jippreċiża l-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-kwalità tal-arja:

“1.      L-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent fir-rigward tas-sustanzi li jniġġsu msemmija fl-Artikolu 5 fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, skond il-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III.

2.      Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha fejn il-livell ta’ sustanzi li jniġġsu msemmija fil-paragrafu 1 jaqbeż l-ogħla limitu ta’ valutazzjoni stabbilit għal dawk is-sustanzi li jniġġsu, għandu jintuża kejl fiss sabiex tiġi valutata l-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent. Dak il-kejl fiss jista’ jiżdied b’metodi tekniċi ta’ mudellar u/jew kejl indikattiv sabiex tiġi provduta informazzjoni adegwata dwar id-distribuzzjoni fl-ispazju tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent.

3.      Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha fejn il-livell ta’ sustanzi li jniġġsu msemmija fil-paragrafu 1 ikun anqas mill-ogħla limitu ta’ valutazzjoni stabbilit għal dawk l-inkwinanti, tista’ tintuża kombinazzjoni ta’ kejl fiss u metodi tekniċi ta’ mudellar u/jew kejl indikattiv sabiex tiġi valutata l-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent.

4.      Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha fejn il-livell ta’ sustanzi li jniġġsu msemmija fil-paragrafu 1 ikun anqas mil-limitu baxx ta’ valutazzjoni stabbilit għal dawk is-sustanzi li jniġġsu, l-użu ta’ metodi tekniċi ta’ mudellar jew ta’ metodi tekniċi ta’ valutazzjoni ta’ l-objettiv jew it-tnejn huwa biżżejjed sabiex tiġi valutata l-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent.

5.      [...]”

6.        Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/50, il-punti ta’ kampjunament għall-kejl tad-dijossidu tal-kubrit, id-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, il-partikoli (PM10 u PM2.5), iċ-ċomb, il-benżina u l-monossidu tal-karbonju fl-arja tal-ambjent għandhom jiġu ddeterminati bl-użu tal-kriterji elenkati fl-Anness III.

7.        In-numru tal-punti ta’ kampjunament għandu jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 7(2) u l-Anness V għad-Direttiva 2008/50, skont il-popolazzjoni tal-agglomerazzjoni rispettiva jew taż-żona rispettiva.

8.        L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 jimponi l-konformità mad-diversi valuri limitu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI.

Fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-benżina, il-valuri ta’ limitu speċifikati fl-Anness XI ma jistgħux jinqabżu mid-dati speċifikati fih.

Il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi valutata skond l-Anness III.

[...]”

9.        L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jipprevedi li fil-każ li jinqabżu l-valuri limitu f’żoni jew agglomerazzjonijiet speċifiċi għandhom jiġu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, sabiex tintlaħaq konformità mal-valuri.

10.      Il-punt 1 tal-Parti B tal-Anness III għad-Direttiva 2008/50 jirrigwarda l-post tal-kejl imwettaq għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem:

“(a)      Il-punti ta’ kampjunament maħsuba għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandhom jitpoġġew f’lok b’mod li tiġi provduta data dwar dan li ġej:

–        il-partijiet fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet fejn ikun hemm l-ogħla konċentrazzjonijiet li l-popolazzjoni hija mistennija li tkun esposta għalihom, direttament jew indirettament, għal perijodu li jkun sinifikanti fir-rigward tal-perijodu li fuqu tinħadem il-medja tal-valur(i) ta’ limitu(i);

–        il-livelli f’partijiet oħra fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li jkunu rappreżentattivi ta’ l-espożizzjoni tal-popolazzjoni ġenerali.

(b)      Il-punti ta’ kampjunament ġeneralment għandhom jitpoġġew b’mod li jiġi evitat il-kejl ta’ mikroambjenti żgħar ħafna fil-viċinat immedjat tal-punti, li jfisser li punt ta’ kampjunament għandu jitqiegħed b’tali mod li l-arja li tagħha jittieħdu l-kampjuni tirrappreżenta l-kwalità ta’ l-arja f’segment ta’ triq ta’ mhux anqas minn 100 m fit-tul f’siti bit-traffiku u ta’ l-anqas 250 m × 250 m f’siti industrijali, fejn ikun fattibbli.

(ċ)      [...]

(f)      Il-punti ta’ kampjunament għandhom, kemm jista’ jkun, ikunu rappreżentattivi wkoll ta’ postijiet simili mhux fil-viċinat immedjat tagħhom”.

11.      Mill-proċess jirriżulta li r-Reġjun ta’ Bruxelles‑Capitale ttraspona korrettement id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2008/50.

III. Il-fatti u d-domandi preliminari

12.      Lies Craeynest, Cristina Lopez Devaux, Frédéric Mertens, is-Sinjura Goeyens u Karin De Schepper kollha jgħixu jew kienu jgħixu fir-Reġjun ta’ Bruxelles‑Capitale. Madankollu, is-Sinjura Goeyens sadanittant laħqet mietet u l-proċedura tagħha tkompliet minn Stefan Vandermeulen. ClientEarth hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru stabbilita skont id-dritt Ingliż, b’ċentru tal-attività fil-Belġju. Din għandha l-għan, inter alia, li tippromwovi l-protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ sensibilizzazzjoni u teħid ta’ azzjonijiet legali.

13.      Quddiem in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju) infetħet il-kawża bejn dawn il-partijiet, minn naħa, u r-Reġjun ta’ Bruxelles‑Capitale u l-Istitut ta’ Brussell għall-Ġestjoni tal-Ambjent, min-naħa l-oħra, dwar jekk għat-territorju ta’ Brussell tfassalx pjan suffiċjenti għall-kwalità tal-arja. Din il-qorti f’din il-proċedura għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2008/50, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta huwa allegat li Stat Membru ma installax il-punti ta’ kampjunament f’żona konformement mal-kriterji previsti fil-punt 1(a) tal-Parti B tal-Anness III tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina, fuq it-talba ta’ individwi direttament ikkonċernati mill-qbiż tal-valuri limitu previsti fl-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, jekk il-punti ta’ kampjunament ġewx installati konformement ma’ dawn il-kriterji u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jittieħdu fir-rigward tal-awtorità nazzjonali l-miżuri neċessarji kollha, bħal ordni, sabiex il-punti ta’ kampjunament ikunu konformi ma’ dawn il-kriterji?

2)      Ikun hemm qbiż ta’ valur limitu fis-sens tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, meta r-riżultati tal-miżuri mwettqa f’punt ta’ kampjunament wieħed previst fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jippermettu li jiġi kkonstatat li valur limitu, stabbilit mill-Anness XI ta’ din id-direttiva għall-medja kkalkolata kull sena kalendarja, huwa maqbuż jew ikun hemm qbiż f’dan is-sens unikament meta dan jirriżulta mill-medja tar-riżultati tal-miżuri tal-punti ta’ kampjunament kollha ta’ żona partikolari fis-sens ta’ din id-direttiva?”

14.      L. Craeynest et, ir-Reġjun ta’ Brussell, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Ċeka kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet, ħlief ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fl‑10 ta’ Jannar 2019.

IV.    Analiżi

15.      Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari qiegħed jiġi mistoqsi, fl-ewwel lok, sa fejn il-qrati nazzjonali jistgħu jistħarrġu l-għażla tal-post tal-punti ta’ kampjunament u, fit-tieni lok, jekk mir-riżultati li jinkisbu mid-diversi punti ta’ kampjunament jistax jittieħed valur medju biex tiġi evalwata l-konformità mal-valuri limitu.

A.      Fuq il-post tal-punti ta’ kampjunament

16.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari qiegħed jiġi mistoqsi jekk il-qrati nazzjonali jistgħux jivverifikaw il-post tal-punti ta’ kampjunament għall-finijiet ta’ stħarriġ tal-konformità mal-valuri limitu tad-Direttiva 2008/50 u liema miżuri dawn jistgħu jew għandhom jadottaw f’każ li l-kriterji stabbiliti fid-direttiva għad-determinazzjoni tal-post ma jkunux ġew osservati.

17.      Din id-domanda tista’ tiġi interpretata fis-sens li permezz tagħha qiegħed jiġi mistoqsi jekk il-qrati nazzjonali, fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhomx ġurisdizzjoni speċifika, b’mod partikolari l-ġurisdizzjoni li jagħtu ordnijiet lill-awtoritajiet. Din id-domanda tidher ukoll b’mod iktar espliċitu f’rinviju ieħor għal deċiżjoni preliminari pendenti li ġej mill-Ġermanja, fejn qiegħed jiġi mistoqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-qrati nazzjonali jistgħux jiġu obbligati li jimponu detenzjoni fuq uffiċjali pubbliċi sabiex dawn jeżegwixxu l-obbligu tagħhom li jaġġornaw pjan dwar il-kwalità tal-arja fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50 (4).

18.      Għal din id-domanda għandha tingħata risposta li d-dritt tal-Unjoni, fil-prinċipju, ma stabbilixxiex quddiem il-qrati nazzjonali, sabiex jitħares id-dritt tal-Unjoni, rimedji ġudizzjarji flimkien ma’ dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali (5). Kien ikun mod ieħor biss kieku kien jirriżulta mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni li ma teżisti l-ebda azzjoni ġudizzjarja li tippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet invokati taħt id-dritt tal-Unjoni (6).

19.      Fil-kawża ineżami, dan l-aspett tad-domanda ma għandux madankollu jiġi analizzat fil-fond, sa fejn huwa evidenti li l-qorti nazzjonali għandha l-ġurisdizzjoni li tagħti ordnijiet. Pjuttost jeħtieġ li jiġi ċċarat liema parametru ta’ stħarriġ għandu jiġi applikat mill-qorti nazzjonali fir-rigward tal-post tal-punti ta’ kampjunament.

20.      L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-post tal-punti ta’ kampjunament, fil-fatt, teħtieġ, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u kif ser jiġi deskritt iktar ’il quddiem b’mod iktar iddettaljat, l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali inkonnessjoni ma’ evalwazzjoni kumplessa ta’ kwistjonijiet xjentifiċi, kif ukoll ta’ bbilanċjar.

21.      F’dan ir-rigward, jista’ wkoll jiġi ddubitat jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex suffiċjentement preċiżi sabiex jiġu applikati direttament (7). Madankollu, anki f’każ li applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva tkun eskluża, jeżisti d-dritt li jiġi vverifikat minn qorti jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha jibqgħux fil-limiti tal-marġni diskrezzjonali ddefinit mid-direttiva (8).

22.      Kif ġie deskritt korrettement mill-Kummissjoni, finalment, il-kawża ineżami ma tittrattax madankollu l-applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni, peress li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/50 ġew ittrasposti fl-ordinament ġuridiku nazzjonali. Madankollu, anki fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali fil-kawża prinċipali huwa neċessarju li jiġu ddeterminati l-limiti tad-diskrezzjonalità tal-awtoritajiet kompetenti. U, għal dan il-għan, għandu jiġi ppreċiżat l-istħarriġ ġudizzjarju minimu impost mid-dritt tal-Unjoni fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

23.      B’konsegwenza, iktar ’il quddiem ser neżamina qabel kollox id-dispożizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni tal-postijiet tal-punti ta’ kampjunament u sussegwentement il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju mitlub mid-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

24.      Madankollu, preliminarjament għandu jiġi ċċarat mill-bidu li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/50 dwar l-istħarriġ tal-applikazzjoni tad-direttiva min-naħa tal-Kummissjoni ma jistgħux inaqqsu r-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali. Dawn id-dispożizzjonijiet huma biss konkretizzazzjoni tal-kompiti ġenerali mogħtija mit-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE lill-Kummissjoni, b’mod partikolari dak li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-intier tiegħu.

1.      Id-dispożizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni tal-postijiet

25.      Il-qorti nazzjonali għandha dubju dwar, b’mod partikolari, jekk ir-regoli għall-identifikazzjoni tal-postijiet tal-punti ta’ kampjunament fihomx obbligi inkundizzjonati, li l-osservazzjoni tagħhom tista’ sempliċement tiġi mistħarrġa mill-qrati fuq talba ta’ individwi. Ma jidhirx li hemm dispożizzjonijiet iktar iddettaljati dwar il-modalitajiet ta’ identifikazzjoni jew ta’ delimitazzjoni tal-“partijiet [...] fejn ikun hemm l-ogħla konċentrazzjonijiet”.

26.      Din tagħmel riferiment f’dan ir-rigward għall-Artikolu 7(1) u għall-ewwel inċiż tal-punt 1(a) tal-Parti B tal-Anness III għad-Direttiva 2008/50. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-punti ta’ kampjunament għandhom jitpoġġew b’tali mod li tiġi pprovduta data dwar il-partijiet fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet fejn ikun hemm l-ogħla konċentrazzjonijiet li l-popolazzjoni hija mistennija li tkun esposta għalihom, direttament jew indirettament, għal perijodu li jkun sinjifikattiv fir-rigward tal-perijodu li fuqu tinħadem il-medja tal-valur(i) ta’ limitu(i).

27.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(1), u l-punt 1(b) tal-Parti B tal-Anness III għad-Direttiva 2008/50, il-punti ta’ kampjunament ġeneralment għandhom jitpoġġew b’mod li jiġi evitat il-kejl ta’ mikroambjenti żgħar ħafna fil-viċinat immedjat tal-punti. Dan jimplika, b’mod konkret, li l-arja li jittieħdu kampjuni tagħha tirrappreżenta, sa fejn huwa possibbli, il-kwalità tal-arja f’segment ta’ triq ta’ mhux inqas minn 100 m fit-tul f’siti bit-traffiku u ta’ mill-inqas 250 m × 250 m f’siti industrijali.

28.      Id-dimensjonijiet ta’ żoni possibbli fejn ikun hemm l-ogħla konċentrazzjonijiet huma għalhekk speċifikati. Huwa minnu li dawn ma jistgħux jiġu identifikati biss bl-istrumenti tad-dritt, iżda biss billi jiġu applikati l-metodi xjentifiċi rilevanti; dan ma jeskludix, madankollu, stħarriġ ġudizzjarju.

29.      Id-Direttiva 2008/50 ma tispeċifikax effettivament b’mod espliċitu l-metodi xjentifiċi sabiex jiġu identifikati ż-żoni fejn ikun hemm l-ogħla konċentrazzjonijiet; madankollu, skont il-kuntest ġuridiku tad-direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrikorru, għal dan l-għan, għal kejl, mudelli u informazzjoni oħra.

30.      Dan huwa rifless b’mod partikolari fid-dispożizzjoni li fuq il-bażi tagħha jiġu ddeterminati l-metodi ta’ stħarriġ tal-konformità mal-valuri limitu għall-kwalità tal-arja fl-ambjent. Skont l-Artikolu 5 u l-Parti B tal-Anness II għad-Direttiva 2008/50, it-tniġġis ta’ agglomerazzjonijiet u żoni għandu jiġi ddeterminat skont il-bażi tal-valuri mkejla fuq ħames snin jew mill-inqas fuq il-bażi ta’ taħlita ta’ informazzjoni miġbura minn inventarji dwar l-emissjonijiet u mill-immudellar b’kampanji ta’ kejl fuq żmien qasir fil-perijodu tas-sena u fis-siti rappreżentattivi tal-ogħla livelli ta’ tniġġis.

31.      Mill-bażi tal-valuri miġbura b’dan il-mod jista’ jiġi vverifikat jekk inqabiżx l-iktar limitu baxx jew l-ogħla limitu ta’ evalwazzjoni. Taħt l-iktar limitu baxx, jiġifieri fejn qbiż tal-valuri limitu huwa estremament improbabbli, huwa biżżejjed, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/50, li tiġi mistħarrġa l-konformità tal-valuri limitu permezz ta’ tekniki ta’ mmudellar jew tekniki ta’ stima oġġettiva jew permezz tat-tnejn. Bejn iż-żewġ limiti, fejn il-possibbiltà li l-valuri limitu jinqabżu hija kbira, tista’ tiġi applikata, skont l-Artikolu 6(3), kombinazzjoni ta’ kejl fiss (l-Artikolu 2(25)) u tekniki ta’ mmudellar u/jew kejl indikattiv (l-Artikolu 2(26)). Fil-każ ta’ qbiż tal-ogħla limitu, fejn, għalhekk, il-qbiż tal-valuri limitu huwa iktar probabbli, għandu jitwettaq, skont l-Artikolu 6(2), sabiex tiġi evalwata l-kwalità tal-arja, kejl fiss. Tekniki ta’ mmudellar u/jew kejl indikattiv jistgħu jintegraw dan il-kejl sabiex tinkiseb informazzjoni adegwata dwar id-distribuzzjoni fl-ispazju tal-kwalità tal-arja fl-ambjent.

32.      Dawn il-metodi possibbli bl-għan li jiddeterminaw il-kwalità tal-arja, jiġifieri, b’mod partikolari, kejl u tekniki ta’ mmudellar, diġà għandhom jiġu applikati fil-post tal-punti fissi ta’ kampjunament.

33.      Fil-każ li – bħal fil-kawża prinċipali – ikun hemm kontroversja dwar il-postijiet tal-punti ta’ kampjunament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom għalhekk jagħtu l-informazzjoni adegwata dwar id-distribuzzjoni ġeografika tal-kwalità tal-arja fl-ambjent, li fuq il-bażi tagħha dawn iddeterminaw rispettivament il-postijiet u l-mod li bih kisbu din l-informazzjoni.

2.      L-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju

34.      Madankollu, b’dan il-mod ma huwiex stabbilit, għalissa, b’liema mod il-qrati nazzjonali għandhom jistħarrġu l-osservanza tar-regoli dwar il-postijiet tal-punti ta’ kampjunament.

35.      Huwa evidenti li l-awtoritajiet kompetenti jiksru dawn ir-regoli meta, b’għarfien sħiħ tal-fatti, ma jinstallawx il-punti ta’ kampjunament fejn ikun hemm l-ogħla konċentrazzjonijiet jew meta l-postijiet ikunu nieqsa minn kwalunkwe ġustifikazzjoni xjentifika. Il-qrati nazzjonali għandhom ikunu kapaċi jivverifikaw tali ksur.

36.      Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet li għadhom kif saru, jirriżulta li ż-żoni fejn ikun hemm l-ogħla konċentrazzjonijiet għandhom jiġu identifikati, mill-inqas bħala regola, permezz ta’ kombinazzjoni ta’ kejl, tekniki ta’ mmudellar u informazzjoni oħra. Madankollu, f’dan il-kuntest, jeżisti marġni wiesa’ għan-nuqqas ta’ qbil, pereżempju fir-rigward tal-post, tal-mument u tal-frekwenza tal-kejl u fuq kollox fir-rigward tat-tekniki ta’ mmudellar użati.

37.      B’konsegwenza, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju mitluba mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-marġni diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni tal-kriterji dwar id-determinazzjoni tal-postijiet ta’ kampjunament. Il-qorti nazzjonali tistaqsi, fil-fatt, sa fejn id-Direttiva 2008/50 tippermetti li l-prinċipju (nazzjonali) tat-tqassim tas-setgħat jillimita l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tal-istħarriġ tal-azzjoni amministrattiva fl-installazzjoni tal-punti ta’ kampjunament.

a)      Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri

38.      Din il-kwistjoni għandha tiġi riżolta fid-dawl tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Fl-assenza ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw il-modalitajiet tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/50, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola dawn il-modalitajiet skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (9).

39.      Wieħed jista’ jipotizza li l-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali, jagħtu lill-qrati tagħhom ġurisdizzjoni estremament wiesgħa fir-rigward tal-istħarriġ, li eventwalment tippermettilhom, saħansitra, li jissostitwixxu lill-awtoritajiet amministrattivi u li jimmodifikaw jew jissostitwixxu d-deċiżjonijiet ta’ dawn tal-aħħar. Sa fejn tali deċiżjonijiet ġudizzjarji jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti mid-dritt tal-Unjoni fuq id-deċiżjoni amministrattiva u huma bbażati b’mod partikolari fuq bażi xjentifika suffiċjenti, iżda li fl-istess ħin josservaw ukoll id-dispożizzjonijiet proċedurali, ma hemm xejn li jista’ jiġi eċċepit (10).

40.      Id-domanda preliminari ma hijiex ibbażata, madankollu, fuq tali sitwazzjoni ta’ dritt, iżda għandha l-għan li tidentifika l-kompetenzi minimi indispensabbli tal-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju. Peress li l-imsemmija domanda ma fiha l-ebda element li jistabbilixxi fis-sens li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jista’ jiġi ppreġudikat, l-importanza għandha tingħata biss lill-prinċipju ta’ effettività, jiġifieri x’portata għandu jkollu l-istħarriġ ġudizzjarju sabiex ir-rikors għad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni ma jsirx eċċessivament diffiċli.

b)      L-istħarriġ ta’ evalwazzjonijiet xjentifikament kumplessi

41.      Fir-rigward tal-istħarriġ effettiv tal-postijiet ta’ punt ta’ kampjunament, jeħtieġ li jiġi nnotat li d-dispożizzjonijiet deskritti jeħtieġu evalwazzjoni xjentifika kumplessa. Qabel kollox, jeħtieġ li jiġu ddeterminati l-metodi li permezz tagħhom ser tinkiseb l-informazzjoni adegwata li fuqha ser tiġi bbażata l-għażla tal-postijiet tal-punti ta’ kampjunament, u sussegwentement, din l-informazzjoni għandha tiġi evalwata sabiex jiġi ddeterminat tali post.

42.      L-istandards minimi li għandhom jiġu ssodisfatti mill-istħarriġ ta’ tali deċiżjoni min-naħa tal-qrati nazzjonali jistgħu jiġu dedotti mill-parametri tal-istħarriġ applikati mill-qrati tal-Unjoni meta jevalwaw miżuri analogi tal-istituzzjonijiet. Id-dritt tal-Unjoni, fil-fatt, ma jeżiġix li l-Istati Membri jistabbilixxu proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet nazzjonali dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li tinvolvi eżami iktar wiesa’ minn dak imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet analogi (11).

43.      Il-parametri li jirriżultaw minn dan huma kkaratterizzati mill-fatt li, fil-każ ta’ evalwazzjonijiet xjentifiċi jew tekniċi kumplessi, kif ukoll fil-każ ta’ bbilanċjar, teżisti, bħala regola, setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tista’ tiġi mistħarrġa biss b’mod limitat. Madankollu, din is-setgħa diskrezzjonali hija, f’każijiet speċifiċi, limitata, u għandha għalhekk tiġi suġġetta għal stħarriġ b’intensità ogħla, speċjalment fil-każ ta’ ndħil partikolarment gravi fid-drittijiet fundamentali.

44.      Il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta jiġu mitluba jwettqu evalwazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi kumplessi jirreferi, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-fatti għad-determinazzjoni tan-natura u tal-portata tal-miżuri, iżda wkoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni ta’ fatti li jikkostitwixxu l-bażi tal-azzjoni tagħhom (12).

45.      L-istħarriġ sostanzjali min-naħa tal-qorti tal-Unjoni huwa limitat għalhekk biex jevalwa jekk l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa jaqbiżx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, effettivament, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti ta’ natura xjentifika u teknika minflok dik tal-istituzzjonijiet li lilhom biss il-leġiżlatur ikkonferixxa dan il-kompitu (13).

46.      Madankollu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjoni kompetenti għandha l-obbligu li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (14), tosserva r-regoli proċedurali (15) u, b’mod partikolari, timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti li jippermetti lill-qrati tal-Unjoni jivverifikaw jekk jeżistux l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali (16).

47.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni tista’ tiġi limitata skont ċerti elementi, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, meta jkun hemm indħil fid-drittijiet fundamentali. Fost dawn l-elementi hemm, inter alia, il-qasam ikkonċernat, in-natura tad-dritt inkwistjoni ggarantit mill-Karta, in-natura u l-gravità tal-indħil kif ukoll l-għan tiegħu (17). F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2006/24 (18), fid-dawl tar-rwol importanti li għandha l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali fir-rigward tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-portata tal-gravità tal-indħil f’dan id-dritt li huwa marbut ma’ konservazzjoni wiesgħa inġustifikata ta’ data ta’ konnessjoni, hija suġġetta għal stħarriġ strett (19) u l-Qorti tal-Ġustizzja finalment iddikjaratha bħala invalida.

48.      B’mod iktar ġenerali, id-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ma jistgħux jitilfu l-effett utli tagħhom, u b’mod partikolari, ma jistax jitnaqqsilhom is-sinjifikat tagħhom, jiġifieri titneħħielhom is-sustanza tagħhom (20).

49.      Dawn il-kriterji jikkostitwixxu l-istandard minimu meħtieġ ta’ stħarriġ ġudizzjarju għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li kull proċedura nazzjonali ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali, għandha tippermetti lill-qorti adita tapplika effettivament, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni, il-prinċipji u r-regoli tad-dritt tal-Unjoni rilevanti (21).

50.      Inqis din l-aħħar kundizzjoni bħala tfakkira tal-fatt li l-qrati nazzjonali għandhom jagħmlu distinzjoni b’mod preċiż skont jekk kwistjoni speċifika tidħolx fil-kuntest ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa u teħtieġx biss stħarriġ ġudizzjarju limitat, jew jekk hemmx involuti kwistjonijiet oħra, li jeħtieġu stħarriġ ġudizzjarju iktar strett, b’mod partikolari tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali jew ta’ eċċezzjonijiet proċedurali.

c)      Applikazzjoni għall-kwistjoni ineżami

51.      Biex jiġu applikati dawn il-kriterji għall-għażla tal-postijiet tal-punti ta’ kampjunament għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja, jeħtieġ li wieħed jibda mill-evalwazzjoni kumplessa li għandhom jipproċedu għaliha l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar il-postijiet tal-punti ta’ kampjunament. Dawn għandhom jagħżlu l-metodi xjentifiċi intiżi biex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa, jipproċedu f’dan ir-rigward għal ibbilanċjar li għandu bħala suġġett l-oneru meħtieġ marbut mal-attività ta’ investigazzjoni u sussegwentement jevalwaw ir-riżultati miksuba.

52.      Għal dan it-tip ta’ evalwazzjoni, id-dritt tal-Unjoni għandu jagħtihom, bħala regola, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u jimponilhom stħarriġ ġudizzjarju limitat.

53.      Madankollu, jeħtieġ li tiġi enfasizzata l-importanza kunsiderevoli tad-dispożizzjonijiet dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent kif ġie ssottolineat mill-Kummissjoni. Id-Direttiva 2008/50 hija bbażata fuq il-preżunzjoni li l-qbiż tal-valuri limitu jwassal għal numru għoli ta’ każijiet ta’ mwiet prematuri (22). Id-dispożizzjonijiet dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent jikkonkretizzaw għalhekk l-obbligi ta’ protezzjoni tal-Unjoni li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għall-ħajja skont l-Artikolu 2(1) tal-Karta, kif ukoll mil-livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent impost skont l-Artikolu 3(3) TUE, l-Artikolu 37 tal-Karta u l-Artikolu 191(2) TFUE. Miżuri li jistgħu jippreġudikaw l-applikazzjoni effikaċi tad-Direttiva 2008/50 huma għalhekk ċertament komparabbli, fid-dawl tal-importanza tagħhom, mal-indħil gravi fid-drittijiet fundamentali, li minħabba fih il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat id-dispożizzjonijiet dwar il-konservazzjoni tad-data ta’ konnessjoni għal stħarriġ strett.

54.      F’każ li l-punti ta’ kampjunament ma jiġux installati fiż-żoni li fihom effettivament ikun hemm l-ogħla konċentrazzjonijiet, l-effikaċja tad-Direttiva 2008/50 tista’ tiġi ppreġudikata b’mod sinjifikattiv. Il-valuri limitu iktar ambizzjużi, fil-fatt, jibqgħu ineffettivi meta l-konformità magħhom tiġi mistħarrġa fil-punt żbaljat. F’dan il-każ, ikun possibbli li qbiż tal-valuri limitu ma jkunx rintraċċabbli u li l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-arja għalhekk ma jiġux adottati.

55.      Dan ir-riskju u l-għan stabbilit b’mod partikolari mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/50, li jikkonsisti fil-provvista ta’ kwalità tal-arja adegwata fl-ambjent għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tar-residenti, jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti meta jipproċedu għall-evalwazzjoni kumplessa li fuqha ser tkun ibbażata l-għażla tal-postijiet tal-punti ta’ kampjunament (23). F’każ ta’ dubju, dawn għandhom jagħżlu strateġija li tnaqqas ir-riskju li jkun hemm qbiż tal-valuri limitu.

56.      B’konsegwenza, anki l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jimmira lejn l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali: huwa minnu li l-qrati jistgħu jillimitaw ruħhom għall-verifika ta’ żbalji manifesti, f’każ li dawn jistgħu jirriżultaw f’applikazzjoni eċċessivament stretta tad-Direttiva 2008/50; madankollu, dubji dwar il-kisba tal-għanijiet tal-protezzjoni tad-direttiva għandhom jiġu eżaminati b’mod iktar profond.

57.      Liema konsegwenzi jistgħu jiġu dedotti fir-rigward tal-kriterju ta’ stħarriġ li għandu jiġi applikat?

58.      Fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, matul evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat (24), iffissat kriterju strett ta’ evalwazzjoni. Din l-evalwazzjoni għandu jkun fiha konstatazzjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet li kienu previsti fis-sit protett ikkonċernat (25). Għall-kuntrarju, ma huwiex possibbli li jiġi ammess il-pjan jew il-proġett skont l-Artikolu 6(3) u tittieħed inkunsiderazzjoni, l-iktar l-iktar, awtorizzazzjoni bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir skont l-Artikolu 6(4).

59.      Dan l-istandard għandu l-istess effett ta’ preżunzjoni, li skontha l-pjanijiet jew il-proġetti jippreġudikaw siti protetti u, għalhekk, ma għandhomx, fil-prinċipju, jiġu mwettqa. Din il-preżunzjoni tista’ tiġi rrifjutata biss jekk jiġi eliminat kwalunkwe dubju xjentifiku raġonevoli.

60.      Madankollu, tali standard ma jistax jiġi applikat għall-istħarriġ ta’ għażla tal-postijiet tal-punti ta’ kampjunament minħabba l-fatt li x’aktarx il-metodi kollha li jeżistu għall-għażla tal-postijiet huma esposti għal dubji xjentifiċi raġonevoli. L-awtoritajiet kompetenti għandhom madankollu japplikaw xi metodu, peress li inkella – għall-kuntrarju tar-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2008/50 – l-ebda punt ta’ kampjunament, b’mod ġenerali, ma jkun jista’ jiġi installat. Fi kliem ieħor: fl-għażla tal-postijiet tal-punti ta’ kampjunament ma teżisti l-ebda preżunzjoni li skontha post speċifiku jkun partikolarment idoneu.

61.      L-awtoritajiet kompetenti jistgħu madankollu japplikaw, fil-prinċipju, l-“aħjar” metodu disponibbli. Dan għandu jkun il-metodu li jwassal għall-inqas numru ta’ dubji xjentifiċi raġonevoli. L-identifikazzjoni ta’ dan il-metodu madankollu ma hijiex sempliċi fil-kuntest xjentifiku, peress li d-dubji differenti għandhom jiġu pponderati sabiex jiġi stabbilit liema minn dawn għandhom natura sekondarja.

62.      Barra minn hekk, jeħtieġ li wieħed jitlaq mill-kundizzjoni li l-metodi għall-identifikazzjoni taż-żoni li fihom ikun hemm l-ogħla konċentrazzjonijiet jistgħu jiġu mtejba permezz ta’ sforz ikbar fir-rigward tal-investigazzjoni. Huwa probabbli li, b’mod partikolari, numru ogħla ta’ kejl, jiġifieri proroga tal-perijodu tal-kejl, iżda wkoll numru ogħla ta’ kejl indikattiv f’postijiet differenti, iwassal għal riżultati iktar preċiżi. Sforzi kbar huma madankollu marbuta, bħala regola, ma’ spejjeż ikbar u jistgħu jikkawżaw dewmien. Id-deċiżjoni dwar l-intensità tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni permessi teħtieġ għalhekk ibbilanċjar; dan huwa dedott anki mill-fatt li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/50, għandha tinkiseb informazzjoni adegwata.

63.      Fir-rigward taż-żewġ aspetti, jiġifieri l-ibbilanċjar tad-dubji xjentifiċi raġonevoli u l-evalwazzjoni tal-intensità tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni li hija ġġustifikata sabiex dawn jiġu eliminati, il-qrati nazzjonali, fir-rigward tal-importanza tad-dispożizzjonijiet dwar il-kwalità tal-arja għall-ħajja u s-saħħa tal-persuni, ma jistgħux jillimitaw ruħhom għall-identifikazzjoni ta’ żbalji manifesti.

64.      Pjuttost, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonvinċu lill-qrati, b’mod partikolari, fuq il-bażi ta’ argumenti fondati. Dawn għandu jkollhom, b’mod sostanzjali, natura xjentifika, iżda jistgħu jestendu ruħhom ukoll, fil-kuntest ta’ bbilanċjar, għal aspetti ekonomiċi. Il-kontroparti hija libera li topponi għal tali argumenti b’argumenti li huma xjentifikament fondati. Wieħed jista’ wkoll jipotizza, għal raġunijiet ovvji, li l-qorti tista’ tuża s-servizzi ta’ periti indipendenti sabiex isostnuha fl-evalwazzjoni ta’ tali tilwima ta’ natura xjentifika.

65.      F’każ li l-awtoritajiet ma jkunux kapaċi jikkonvinċu lill-qrati, dawn għandhom mill-inqas jipproċedu għal investigazzjonijiet supplimentari, pereżempju billi jwettqu kejl ulterjuri jew japplikaw mudelli oħra li jikkonċernaw l-iżvilupp tal-kwalità tal-arja.

66.      F’każ li l-qrati nazzjonali jkollhom setgħat li jagħtu ordnijiet, dawn jistgħu jordnaw tali investigazzjonijiet ġodda. Meta, min-naħa l-oħra, il-qrati jistgħu biss jannullaw id-deċiżjonijiet amministrattivi, għandu għalhekk ikun hemm obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jiddeduċu l-konsegwenzi neċessarji minn dan l-annullament u mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni.

3.      Risposta għall-ewwel domanda

67.      L-ewwel domanda għandha għalhekk tingħata risposta fis-sens li l-qrati nazzjonali għandhom jivverifikaw, fuq talba tal-partijiet ikkonċernati, jekk il-punti ta’ kampjunament ġewx installati f’konformità mal-kriterji msemmija fil-punt 1(a) tal-Parti B tal-Anness III għad-Direttiva 2008/50 u, f’każ li dan ma seħħx, dawn il-qrati, fil-portata tal-ġurisdizzjoni tagħhom fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali, għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex il-punti ta’ kampjunament jiġu installati f’konformità ma’ dawn il-kriterji. Minn tali deċiżjoni ġudizzjarja jista’ jirriżulta l-obbligu li jiġu installati punti ta’ kampjunament f’postijiet speċifiċi meta, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, ikun hemm ċertezza li fihom għandhom jiġu installati punti ta’ kampjunament. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu obbligati li jwettqu investigazzjonijiet bl-għan li jidentifikaw il-postijiet korretti.

B.      Fuq l-evalwazzjoni tal-konformità mal-valuri limitu

68.      It-tieni domanda għandha l-għan li tiċċara jekk ikunx hemm qbiż ta’ valur limitu fis-sens tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 meta r-riżultati tal-kejl imwettaq f’punt ta’ kampjunament wieħed previst fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jippermettu li jiġi kkonstatat li valur limitu, stabbilit mill-Anness XI ta’ din id-direttiva għall-medja kkalkolata kull sena kalendarja, huwa maqbuż jew ikunx hemm qbiż f’dan is-sens unikament meta dan jirriżulta mill-medja tar-riżultati tal-kejl tal-punti ta’ kampjunament kollha ta’ żona partikolari fis-sens ta’ din id-direttiva.

1.      Fuq id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/850/UE

69.      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/850/UE tagħha (26) relatata mad-Direttiva 2008/50; din id-deċiżjoni fil-fatt, tipprevedi, fl-Artikolu 10, li l-informazzjoni dwar il-kejl ta’ kull punt ta’ kampjunament għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni. Fil-fehma tagħha, jekk il-konformità mal-valuri limitu tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni ġenerali, dan ma jkunx neċessarju.

70.      Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tiffissa, b’deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, il-modalitajiet tal-evalwazzjoni tal-konformità mal-valuri limitu. Mill-Artikolu 290(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 291(2) TFUE jirriżulta, fil-fatt, li l-Kummissjoni, meta teżerċita setgħa ta’ implimentazzjoni, la tista’ temenda u lanqas tikkompleta l-att leġiżlattiv (27). U anki meta d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, għall-kuntrarju tad-denominazzjoni tagħha, kellha titqies bħala att iddelegat skont l-Artikolu 290 TFUE, din, madankollu, għandha tagħmel parti minn qafas regolatorju kif iddefinit mid-Direttiva 2008/50 (28).

71.      Għalhekk, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/50 hija deċiżiva.

2.      Fuq it-test tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50

72.      It-test tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 ma jipprovdix risposta obbligatorja għad-domanda.

73.      Skont il-verżjoni bil-Ġermaniż tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “überall in ihren Gebieten und Ballungsräumen” (kullimkien fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet tagħhom), il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, tal-PM10, taċ-ċomb u tal-monossidu tal-karbonju fl-arja tal-ambjent ma jaqbżux il-valuri limitu stabbiliti fl-Anness XI. Din il-formulazzjoni tista’ tinftiehem fis-sens li dawn il-valuri limitu għandhom jiġu osservati f’kull post, jiġifieri li ma jistgħu jinqabżu fl-ebda post. B’konsegwenza, il-qbiż f’punt ta’ kampjunament ikun diġà jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Il-verżjoni bl-Ingliż tuża l-formulazzjoni “throughout their zones and agglomerations” u għalhekk għandha kontenut analogu.

74.      Għall-kuntrarju, il-verżjonijiet bil-Franċiż (“dans l’ensemble de leurs zones et agglomérations”), bl-Olandiż (“in de gehele zones en agglomeraties”) u bl-Ispanjol (“en todas sus zonas y aglomeraciones”) jistgħu jiġu interpretati fis-sens li dawn jagħmlu riferiment għat-totalità taż-żoni u tal-agglomerazzjonijiet. Dan ma jfissirx neċessarjament li l-konformità mal-valuri limitu għandha tkun f’kull post, u lanqas, madankollu, ma hija eskluża.

75.      Barra minn hekk, it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 ma tagħmel l-ebda riferiment għal post speċifiku. Skont din id-dispożizzjoni fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-benżina, il-valuri limitu ffissati fl-Anness XI ma jistgħux jinqabżu mid-dati speċifikati fih. Din id-dispożizzjoni hija għalhekk miftuħa għaż-żewġ interpretazzjonijiet.

76.      Għalhekk, peress li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 ma għandhiex neċessarjament l-istess tifsira fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti u t-tieni sentenza tippermetti interpretazzjonijiet differenti, jeħtieġ li jiġu eżaminati b’mod iktar profond, b’mod partikolari, il-kuntest leġiżlattiv u l-għan tad-dispożizzjoni.

3.      Fuq il-kuntest leġiżlattiv tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50

77.      L-Anness III għandu importanza partikolari għall-interpretazzjoni tal-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50; fil-fatt skont it-tielet sentenza tal-istess artikolu, il-konformità mar-rekwiżiti msemmija fl-ewwel żewġ sentenzi hija evalwata skont dan l-anness. Il-modalitajiet ta’ kejl iffissati fl-Anness III, madankollu jmorru kontra evalwazzjoni ġenerali ta’ żoni u agglomerazzjonijiet.

78.      B’mod partikolari, skont il-punt 1 tal-Parti A tal-Anness III għad-Direttiva 2008/50, il-kwalità tal-arja fl-ambjent għandha tiġi evalwata fil-postijiet kollha (29), ħlief għal ċerti postijiet, fejn skont il-punt 2 din ma għandhiex għalfejn tiġi evalwata. Il-postijiet esklużi għandhom qisien kompletament iżgħar, bħal pereżempju l-postijiet li għalihom il-pubbliku ma għandux aċċess u li fihom ma hemmx abitazzjonijiet fissi, l-istabbilimenti jew l-impjanti industrijali li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll il-korsiji u l-istrippi tan-nofs tat-toroq, ħlief jekk il-persuni li jimxu normalment għandhom aċċess għall-istrippi tan-nofs. Skont din id-dispożizzjoni, ma għandux għalhekk ikun hemm proċediment għal evalwazzjoni ġenerali, iżda għal evalwazzjoni lokali.

79.      Madankollu għandu jiġi rrikonoxxut li, anki f’dan il-każ, il-verżjonijiet lingwistiċi ma humiex koerenti. Fil-fatt, fil-verżjoni bl-Olandiż, il-kwalità tal-arja fl-ambjent għandha tiġi evalwata kullimkien (“overal”); din il-formulazzjoni tkun kemxejn iktar miftuħa għal evalwazzjoni ġenerali meta mqabbla, pereżempju, ma’ dik bil-Ġermaniż. Madankollu, anki f’din il-verżjoni, huma esklużi postijiet speċifiċi mill-evalwazzjoni, li ma jkunx jagħmel sens fil-każ ta’ evalwazzjoni ġenerali.

80.      Kalkolu tal-medja tal-valuri mkejla tal-postijiet differenti għandu, madankollu, jiġi rrifjutat, speċjalment sa fejn l-Artikolu 7(1) u l-punt 1(a) tal-Parti B tal-Anness III għad-Direttiva 2008/50 jipprevedu żewġ tipi ta’ punti fissi ta’ kampjunament. Fl-ewwel inċiż tal-punt 1(a) tal-Parti B tal-Anness III, hemm dawk li fihom tinkiseb data dwar “il-partijiet [...] fejn ikun hemm l-ogħla konċentrazzjonijiet” u, fit-tieni inċiż, hemm dawk li fihom tinkiseb data dwar il-konċentrazzjonijiet f’partijiet oħra li jkunu rappreżentattivi tal-espożizzjoni tal-popolazzjoni ġenerali.

81.      Komunikazzjoni tad-data dwar il-kejl tal-postijiet differenti tista’ tkun xierqa sabiex tiġi speċifikata b’mod ġenerali l-espożizzjoni tal-popolazzjoni. Madankollu, għalfejn għandu jinkiseb valur medju minn data dwar l-ogħla konċentrazzjonijiet u minn data dwar it-tniġġis ġenerali? Il-valuri medji għandhom jirrappreżentaw, minħabba n-natura tagħhom, is-sitwazzjoni ġenerali; madankollu dan diġà jista’ jinkiseb permezz tal-aħħar data msemmija.

82.      Barra minn hekk, b’mod partikolari mir-regola dwar il-kwalità tad-data msemmija fir-raba’ inċiż tal-Parti B tal-Anness I għad-Direttiva 2008/50, jirriżulta li l-kwalità tal-arja fl-ambjent għandha tiġi evalwata fuq livell lokali u mhux fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ġenerali. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni għandu jiġi deskritt il-kobor ta’ kwalunkwe żona jew, jekk ikun il-każ, it-tul tat-triq fiż-żona jew fl-agglomerazzjoni fejn il-konċentrazzjonijiet ta’ tniġġis jaqbżu valur limitu. Fir-rigward ta’ dan l-aspett lanqas ma jidher li hemm xi differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi.

83.      Għalhekk, il-kuntest leġiżlattiv tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 jistabbilixxi b’mod ċar fis-sens li l-konformità mal-valuri limitu għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tar-riżultati mkejla tal-punti fissi ta’ kampjunament, mingħajr ma jiġi maħdum valur medju tal-punti kollha ta’ kampjunament.

4.      Fuq l-għanijiet tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50

84.      Il-konklużjonijiet meħuda mill-kuntest leġiżlattiv huma kkonfermati mill-għan tal-valuri limitu inkwistjoni. Skont l-Artikolu 1(1), kif ukoll it-titoli tal-Artikolu 13 u tal-Anness XI għad-Direttiva 2008/50, dawn għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem.

85.      Madankollu, wieħed għandu jkun konxju tal-ħsara għas-saħħa f’kull post fejn il-valuri limitu jkunu ġew maqbuża. F’dawn il-postijiet għandhom jiġu adottati l-miżuri idonei sabiex jipprevjenu l-ħsara. Il-kwistjoni dwar jekk qbiż jikkonċernax, bħala medja, iż-żona jew l-agglomerazzjoni kollha għandha biss, meta mqabbla ma’ perikolu simili, importanza limitata. Dan il-kunċett huwa espress perfettament miċ-ċajta dwar l-espert tal-istatistika li jegħreq f’lag għalkemm dan tal-aħħar, bħala medja, huwa fond ftit ċentimetri biss.

5.      Ir-risposta għat-tieni domanda

86.      Konformement mal-Artikolu 13(1) u mal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva, għalhekk, valur limitu skont l-Anness XI għad-Direttiva 2008/50 jinqabeż meta r-riżultati tal-kejl ta’ punt ta’ kampjunament wieħed skont l-Artikolu 7 tal-istess direttiva jkunu ikbar minn dan il-valur.

V.      Konklużjoni

87.      Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Il-qrati nazzjonali għandhom jivverifikaw, fuq talba tal-partijiet ikkonċernati, jekk il-punti ta’ kampjunament ġewx installati f’konformità mal-kriterji msemmija fil-punt 1(a) tal-Parti B tal-Anness III għad‑Direttiva 2008/50 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, u, f’każ li dan ma seħħx, dawn il-qrati, fil-portata tal‑ġurisdizzjoni tagħhom fil‑konfront tal-awtoritajiet nazzjonali, għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex il-punti ta’ kampjunament jiġu installati f’konformità ma’ dawn il-kriterji. Minn tali deċiżjoni ġudizzjarja jista’ jirriżulta l-obbligu li jiġu installati punti ta’ kampjunament f’postijiet speċifiċi meta, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, ikun hemm ċertezza li fihom għandhom jiġu installati punti ta’ kampjunament. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu obbligati li jwettqu investigazzjonijiet bl-għan li jidentifikaw il-postijiet korretti.

2)      Konformement mal-Artikolu 13(1) u mal-Artikolu 23(1) tad-direttiva, għalhekk, valur limitu skont l-Anness XI għad-Direttiva 2008/50 jinqabeż meta r-riżultati tal-kejl ta’ punt ta’ kampjunament wieħed skont l-Artikolu 7 tal-istess direttiva jkunu ikbar minn dan il-valur.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ville de Paris et vs Il‑Kummissjoni (T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16, EU:T:2018:927).


3      Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1) fil-verżjoni tad-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1480 tat‑28 ta’ Awwissu 2015 (ĠU 2015, L 226, p. 4, rettifika fil-ĠU 2019, L 72, p. 141).


4      Digriet tal-Bayrischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva ta’ Bayern, il-Ġermanja) tad‑9 ta’ Novembru 2018, Deutsche Umwelthilfe (22 C 18.1718, ECLI:DE:BAYVGH:2018:1109.22C18.1718.00), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bin-numru tal-Kawża C‑752/18.


5      Sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 40), u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 51).


6      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 41).


7      Ara, dwar l-applikazzjoni diretta tad-direttivi, is-sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punt 6); tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punt 25); u tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Klohn (C‑167/17, EU:C:2018:833, punt 28).


8      Sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 56); tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 66); tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 46); tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punti 100 sa 103); tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 25); kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 44).


9      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe‑Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5); tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting (C‑93/12, EU:C:2013:432, punti 35 u 36); u tat‑22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln (C‑572/16, EU:C:2018:100, punt 42).


10      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2008, Arcor (C‑55/06, EU:C:2008:244, punti 164 sa 169).


11      Sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 1999, Upjohn (C‑120/97, EU:C:1999:14, punt 35); tad‑9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica (C‑211/03, C‑299/03 u minn C‑316/03 sa C‑318/03, EU:C:2005:370, punt 76); kif ukoll, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punti 60 u 61); u tal‑4 ta’ April 2017, Fahimian (C‑544/15, EU:C:2017:255, punt 46).


12      Sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (C‑326/05 P, EU:C:2007:443, punt 75); tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Europe) (C‑425/08, EU:C:2009:635, punti 47 u 62); tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional u Serviços (C‑77/09, EU:C:2010:803, punt 55); tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et (C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 49); u tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 53).


13      Sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Europe) (C‑425/08, EU:C:2009:635, punt 47); tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine (C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60); tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 75); u tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France vs Il‑Kunsill (C‑223/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:442, punt 38).


14      Sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14); tat‑18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (C‑326/05 P, EU:C:2007:443, punti 76 u 77); u tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Europe) (C‑425/08, EU:C:2009:635, punt 62).


15      Sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs In‘t Veld (C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 63).


16      Sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14), u tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 69).


17      Sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 47).


18      Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54).


19      Sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 48). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 78).


20      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punti 46 u 48).


21      Sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 1999, Upjohn (C‑120/97, EU:C:1999:14, punt 36); tad‑9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica (C‑211/03, C‑299/03 u minn C‑316/03 sa C‑318/03, EU:C:2005:370, punt 77); u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, East Sussex County Council (C‑71/14, EU:C:2015:656, punt 58).


22      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2016:862, punti 2 u 3) kif ukoll il-proposta tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ Settembru 2005 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (KUMM(2005) 447 finali, p. 2).


23      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2016:862, punt 96).


24      Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).


25      Sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 44); tal‑21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 50); kif ukoll tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (il-foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 114).


26      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2011 li tistabbilixxi regoli għad-Direttivi 2004/107/KE u 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni u r-rappurtar dwar il-kwalità tal-arja ambjentali (ĠU 2011, L 335, p. 86, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 36).


27      Sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punti 44 u 45), u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et (C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 46).


28      Sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 38); tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑88/14, EU:C:2015:499, punt 29); u tas‑17 ta’ Marzu 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (C‑286/14, EU:C:2016:183, punt 30).


29      Bil-Franċiż: “dans tous les emplacements”, bl-Ingliż: “at all locations”.