Language of document : ECLI:EU:C:2019:533

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/50/KE – Artikoli 6, 7, 13 u 23 – Anness III – Evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja – Kriterji li jippermettu li jiġi kkonstatat qbiż tal-valuri limitu tad-dijossidu tan-nitroġenu – Kejl bl-użu ta’ punti ta’ kampjunament fissi – Għażla ta’ siti xierqa – Interpretazzjoni tal-valuri mkejla mill-punti ta’ kampjunament – Obbligi tal-Istati Membri – Stħarriġ ġudizzjarju – Intensità tal-istħarriġ – Setgħa li tingħata ordni”

Fil-Kawża C‑723/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

Lies Craeynest,

Cristina Lopez Devaux,

Frédéric Mertens,

Stefan Vandermeulen,

Karin De Schepper,

ClientEarth VZW

vs

Brussels Hoofdstedelijk Gewest,

Brussels Instituut voor Milieubeheer,

fil-preżenza ta’:

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal L. Craeynest, C. Lopez Devaux, F. Mertens, S. Vandermeulen, K. De Schepper u ClientEarth VZW, minn T. Malfait u A. Croes, advocaten,

–        għall-Brussels Hoofdstedelijk Gewest u għall-Brussels Instituut voor Milieubeheer, minn G. Verhelst u B. Van Weerdt, advocaten, kif ukoll minn I.‑S. Brouhns, avocat,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u L. Dvořáková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u A. M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u K. Petersen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 4(3) TUE u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, u, min-naħa l-oħra, tal-Artikoli 6, 7, 13 u 23 kif ukoll tal-Anness III tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008 L 152, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Lies Craeynest, Cristina Lopez Devaux, Frédéric Mertens, Stefan Vandermeulen, Karin De Schepper kif ukoll ClientEarth VZW, minn naħa, u l-Brussels Hoofdstedelijk Gewest (ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale, il-Belġju) u l-Brussels Instituut voor Milieubeheer (l-Istitut ta’ Brussell għall-Ġestjoni tal-Ambjent, il-Belġju), min-naħa l-oħra, dwar l-obbligu li jitfassal pjan dwar il-kwalità tal-arja għaż-żona ta’ Brussell (il-Belġju) u li jiġu installati l-punti ta’ kampjunament li huma legalment meħtieġa sabiex issir sorveljanza tal-kwalità tal-arja.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont il-premessi 2, 5 sa 7 u 14 tad-Direttiva 2008/50:

“(2)      Sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu, huwa partikolarment importanti li l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu jiġu miġġielda f’ras il-għajn u li jiġu identifikati u implimentati l-miżuri l-aktar effettivi għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u Komunitarju. Għalhekk, għandhom jiġu evitati, impeduti jew imnaqqsa l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja u li jagħmlu l-ħsara u għandhom jiġu stabbiliti objettivi adegwati għall-kwalità ta’ l-arja ambjentali b’kont meħud ta’ l-istandards, il-linji gwida u l-programmi rilevanti ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

[…]

(5)      Għandu jiġi segwit approċċ komuni għall-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja ambjentali skond kriterji ta’ valutazzjoni komuni. Fil-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja ambjentali, għandu jittieħed kont tad-daqs tal-popolazzjonijiet u ta’ l-ekosistemi esposti għat-tniġġis ta’ l-arja. Huwa għalhekk kunsiljabbli li t-territorju ta’ kull Stat Membru jiġi kklassifikat f’żoni jew f’agglomerazzjonijiet li jirriflettu d-densità tal-popolazzjoni.

(6)      Fejn ikun possibbli, għandu jiġi applikat immudellar tad-diffużjoni tat-tniġġis sabiex data minn punt speċifiku tkun tista’ tiġi interpretata f’termini ta’ distribuzzjoni ġeografika ta’ konċentrazzjoni. Dan jista’ jservi bħala bażi biex titkejjel l-espożizzjoni kollettiva tal-popolazzjoni li tgħix fl-inħawi.

(7)      Sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni miġbura dwar it-tniġġis ta’ l-arja hija rappreżentattiva u paragunabbli biżżejjed fil-Komunità kollha, huwa importanti li jintużaw metodi tekniċi ta’ kejl standardizzati u kriterji komuni għall-għadd u l-post ta’ stazzjonijiet li jkejlu għall-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja ambjentali. Jistgħu jintużaw metodi tekniċi li m’humiex kejl sabiex tiġi valutata l-kwalità ta’ l-arja ambjentali u għalhekk huwa meħtieġ li jkunu definiti l-kriterji għall-użu u l-preċiżjoni meħtieġa ta’ tali metodi tekniċi.

[…]

(14)      Il-kejl fiss għandu jkun obbligatorju f’żoni u agglomerazzjonijiet fejn jinqabżu l-objettivi fit-tul għall-ożonu jew il-limiti ta’ valutazzjoni għal sustanzi li jniġġsu oħrajn. L-informazzjoni minn dak il-kejl fiss tista’ tiġi supplimentata b’metodi tekniċi ta’ mudellar u/jew b’kejl indikattiv sabiex tippermetti li d-data minn punt tkun tista’ tiġi interpretata f’termini ta’ distribuzzjoni ġeografika ta’ konċentrazzjonijiet. L-użu ta’ metodi tekniċi supplimentari ta’ valutazzjoni għandu jippermetti wkoll għat-tnaqqis ta’ l-għadd minimu meħtieġ ta’ punti fissi ta’ kampjunament.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/50 jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati lejn dan li ġej:

1.      id-definizzjoni u d-determinazzjoni ta’ objettivi fir-rigward tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent maħsuba sabiex jevitaw, jimpedixxu jew inaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu;

2.      il-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent fl-Istati Membri fuq il-bażi ta’ metodi u kriterji komuni;

3.      il-ksib ta’ informazzjoni dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent bħala għajnuna sabiex ikun miġġieled it-tniġġis ta’ l-arja u l-fastidju u sabiex ikunu ssorveljati x-xejriet għal perijodu fit-tul u t-titjib li jirriżulta minn miżuri nazzjonali u Komunitarji;

[…]”

5        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

3.      ‘livell’ tfisser il-konċentrazzjoni ta’ sustanza li tniġġes fl-arja ta’ l-ambjent jew id-depożizzjoni tagħha fuq l-uċuħ fi żmien partikolari;

4.      ‘valutazzjoni’ tfisser kwalunkwe metodu użat sabiex jitkejlu, jiġu kkalkolati, jitbassru jew jiġu stmati l-livelli;

5.      ‘valur ta’ limitu’ tfisser livell fiss fuq il-bażi tal-konoxxenza xjentifika, bil-għan li jkunu evitati, prevenuti jew jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent kollu, li għandu jintlaħaq f’perijodu partikolari u li ma għandux jinqabeż ladarba jintlaħaq;

[…]

17.      ‘agglomerazzjoni’ tfisser żona li tkun konurbazzjoni b’popolazzjoni li taqbeż il‑250 000 abitant, jew, meta l-popolazzjoni tkun ta’ 250 000 abitant jew inqas, b’densità ta’ popolazzjoni kull km2 li għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri;

[…]

20.      ‘indikatur ta’ l-espożizzjoni medja’ tfisser livell medju determinat abbażi tal-kejl f’ambjenti urbani madwar it-territorju kollu ta’ l-Istat Membru u li jirrifletti l-espożizzjoni tal-popolazzjoni. Huwa użat għall-kalkolu tal-mira nazzjonali għat-tnaqqis ta’ l-espożizzjoni u l-obbligu tal-konċentrazzjoni ta’ l-espożizzjoni;

[…]

23.      ‘postijiet bi sfond urban’ tfisser postijiet f’żoni urbani fejn il-livelli jirrappreżentaw l-espożizzjoni tal-popolazzjoni urbana ġenerali;

24.      ‘ossidi tan-nitroġenu’ tfisser it-total tal-volume mixing ratio (ppbv) tal-monossidu tan-nitroġenu (ossidu nitriku) u d-dijossidu tan-nitroġenu mogħtija bħala unitajiet ta’ konċentrazzjoni tal-massa tad-dijossidu tan-nitroġenu (μg/m3);

25.      ‘kejl fiss’ tfisser kejl meħud f’siti fissi, jew kontinwament jew bil-kampjunament każwali sabiex jiġu determinati l-livelli skond l-objettivi rilevanti tal-kwalità tad-data;

[…]”

6        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/50 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu żoni u agglomerazzjonijiet fit-territorju kollu tagħhom. Il-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja u l-ġestjoni tal-kwalità ta’ l-arja għandha ssir fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha.”

7        Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva:

“Il-limiti operattivi massimi u minimi ta’ valutazzjoni speċifikati fit-Taqsima A ta’ l-Anness II għandhom japplikaw għad-dijossidu tal-kubrit, għad-dijossidu tan-nitroġenu u għall-ossidi tan-nitroġenu, għall-materja partikulata (PM10 u PM2,5), għaċ-ċomb, għall-benżina u għall-monossidu tal-karbonju.

Kull żona u agglomerazzjoni għandha tiġi kklassifikata fir-rigward ta’ dawk il-limiti massimi ta’ valutazzjoni.”

8        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kriterji ta’ valutazzjoni”, jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent fir-rigward tas-sustanzi li jniġġsu msemmija fl-Artikolu 5 fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, skond il-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III.

2.      Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha fejn il-livell ta’ sustanzi li jniġġsu msemmija fil-paragrafu 1 jaqbeż l-ogħla limitu ta’ valutazzjoni stabbilit għal dawk is-sustanzi li jniġġsu, għandu jintuża kejl fiss sabiex tiġi valutata l-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent. Dak il-kejl fiss jista’ jiżdied b’metodi tekniċi ta’ mudellar u/jew kejl indikattiv sabiex tiġi provduta informazzjoni adegwata dwar id-distribuzzjoni fl-ispazju tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent.

3.      Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha fejn il-livell ta’ sustanzi li jniġġsu msemmija fil-paragrafu 1 ikun anqas mill-ogħla limitu ta’ valutazzjoni stabbilit għal dawk l-inkwinanti, tista’ tintuża kombinazzjoni ta’ kejl fiss u metodi tekniċi ta’ mudellar u/jew kejl indikattiv sabiex tiġi valutata l-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent.

4.      Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha fejn il-livell ta’ sustanzi li jniġġsu msemmija fil-paragrafu 1 ikun anqas mil-limitu baxx ta’ valutazzjoni stabbilit għal dawk is-sustanzi li jniġġsu, l-użu ta’ metodi tekniċi ta’ mudellar jew ta’ metodi tekniċi ta’ valutazzjoni ta’ l-objettiv jew it-tnejn huwa biżżejjed sabiex tiġi valutata l-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent.

[…]”

9        Skont l-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Punti ta’ kampjunament”:

“1.      Fejn jitpoġġew il-punti ta’ kampjunament għall-kejl tad-dijossidu tal-kubrit, id-dijossidu tan-nitroġenu u ossidi tan-nitroġenu, il-partikuli (PM10, PM2,5), iċ-ċomb, il-benżina u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent għandu jiġi determinat bl-użu tal-kriterji elenkati fl-Anness III.

2.      F’kull żona jew agglomerazzjoni fejn il-kejl fiss ikun is-sors waħdieni ta’ l-informazzjoni għall-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja, in-numru ta’ punti ta’ kampjunament għal kull sustanza li tniġġes rilevanti m’għandux ikun anqas min-numru minimu tal-punti ta’ kampjunament speċifikat fit-Taqsima A ta’ l-Anness V.

3.      Għal żoni u agglomerazzjonijiet li fihom l-informazzjoni minn punti fissi ta’ kampjunament għall-kejl tiġi supplimentata bl-informazzjoni mill-immudellar u/jew kejl indikati, l-għadd totali ta’ punti, ta’ kampjunament, speċifikati fit-Taqsima A ta’ l-Annessi V jista’ jitnaqqas sa 50 %, sakemm iseħħ dan li ġej:

(a)      il-metodi supplimentari jipprovdu informazzjoni suffiċjenti għall-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja fir-rigward tal-valuri ta’ limitu jew il-limiti ta’ allert, kif ukoll l-informazzjoni adegwata għall-pubbliku;

(b)      in-numru ta’ punti ta’ kampjunament li għandhom jiġu installati u r-riżoluzzjoni ġeografika ta’ metodi tekniċi oħrajn huma suffiċjenti għall-konċentrazzjoni tas-sustanza li tniġġes rilevanti li għandha tiġi stabbilita skond l-objettivi tal-kwalità tad-data speċifikati fit-Taqsima A ta’ l-Anness I u jippermettu r-riżultati ta’ valutazzjoni jilħqu l-kriterji speċifikati fit-Taqsima B ta’ l-Anness I.

Għandu jittieħed kont tar-riżultati tal-mudellar u/jew tal-kejl indikattiv għall-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja fir-rigward tal-valuri ta’ limitu.

4.      L-applikazzjoni fl-Istati Membri tal-kriterji ta’ l-għażla tal-punti ta’ kampjunament għanda tkun sorveljata mill-Kummissjoni sabiex titħaffef l-applikazzjoni armonizzata ta’ dawk il-kriterji ma’ l-Unjoni Ewropea kollha.”

10      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ allert għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI.

Fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-benżina, il-valuri ta’ limitu speċifikati fl-Anness XI ma jistgħux jinqabżu mid-dati speċifikati fih.

Il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi valutata skond l-Anness III.

[…]”

11      L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“[…]

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-indikatur ta’ l-espożizzjoni medja għas-sena 2015 li ġie stabbilit skond it-Taqsima A ta’ l-Anness XIV ma jaqbiżx l-obbligu tal-konċentrazzjoni ta’ l-espożizzjoni stipulat fit-Taqsima C ta’ dak l-Anness.

[…]

4.      Kull Stat Membru għandu, skond l-Anness III, jiżgura li t-tqassim u n-numru ta’ punti ta’ kampjunament li fuqhom ikun ibbażat l-indikatur ta’ l-espożizzjoni medja għall-PM2,5 jirrifletti l-espożizzjoni tal-popolazzjoni ġenerali b’mod adegwat. In-numru ta’ punti ta’ kampjunament m’għandux ikun anqas minn dak determinat mill-applikazzjoni tat-Taqsima B ta’ l-Anness V.”

12      L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jistabbilixxi:

“Fejn, fiż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet stipulati, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat, kif ukoll kwalunkwe marġni rilevanti tat-tolleranza f’kull każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal dawk iż-żoni u agglomerazzjonijiet sabiex jinkiseb il-valur ta’ limitu jew valur immirat relatati speċifikati fl-Annessi XI u XIV.

Fil-każ ta’ qabżiet ta’ dawk il-valuri ta’ limitu li għalihom id-data ta’ skadenza sabiex jintlaħqu diġà tkun skadiet il-pjan ta’ kwalità ta’ l-arja għandu jistabbilixxi miżuri adegwati, sabiex il-perijodu tal-qabża jkun jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. Il-pjan għall-kwalità ta’ l-arja jista’ jinkludi wkoll miżuri speċifiċi li jkollhom il-ħsieb li jipproteġu gruppi sensittivi fil-popolazzjoni, inklużi t-tfal.

Dawk il-pjanijiet għall-kwalità ta’ l-arja għandhom jinkorporaw ta’ l-anqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A ta’ l-Anness XV u jistgħu jinkludu miżuri skond l-Artikolu 24. Dawk il-pjanijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara l-aħħar ta’ dik is-sena fejn tkun ġiet osservata l-ewwel qabża.

[…]”

13      L-Anness III tad-Direttiva 2008/50 jirrigwarda l-“valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja ta’ l-ambjent u l-lok tal-punti ta’ kampjunament għall-kejl tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u ta’ l-ossidi tan-nitroġenu, ta’ materja partikulata (PM10 u PM2,5), taċ-ċomb, tal-benżina u tal-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent”. It-Taqsima A tiegħu, intitolata “Ġenerali”, tipprevedi, fil-punt 1 tagħha:

“Il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent għandha tiġi valutata f’żoni u agglomerazzjonijiet skond il-kriterji li ġejjin:

1.      Il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent għandha tiġi valutata fil-postijiet kollha ħlief dawk stabbiliti fil-paragrafu 2, skond il-kriterji stabbiliti mit-Taqsimiet B u Ċ għall-post ta’ punti ta’ kampjunament għall-kejl fiss. Il-prinċipji stabbiliti bit-Taqsimiet B u Ċ għandhom japplikaw ukoll sakemm dawn huma rilevanti fl-identifikazzjoni tal-postijiet speċifiċi li fihom il-konċentrazzjoni ta’ sustanzi li jniġġsu rilevanti huma stabbiliti fejn il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent hija valutata minn kejl indikattiv jew ta’ mudellar.”

14      It-Taqsima B tal-Anness III ta’ din id-direttiva, intitolata “Għażla tas-sit fuq skala makro tal-punti ta’ kampjunament”, jipprevedi fil-punt 1 tiegħu, intitolat “Il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”:

“(a)      Il-punti ta’ kampjunament maħsuba għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandhom jitpoġġew f’lok b’mod li tiġi provduta data dwar dan li ġej:

–        il-partijiet fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet fejn ikun hemm l-ogħla konċentrazzjonijiet li l-popolazzjoni hija mistennija li tkun esposta għalihom, direttament jew indirettament, għal perijodu li jkun sinifikanti fir-rigward tal-perijodu li fuqu tinħadem il-medja tal-valur(i) ta’ limitu(i);

–        il-livelli f’partijiet oħra fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li jkunu rappreżentattivi ta’ l-espożizzjoni tal-popolazzjoni ġenerali.

(b)      Il-punti ta’ kampjunament ġeneralment għandhom jitpoġġew b’mod li jiġi evitat il-kejl ta’ mikroambjenti żgħar ħafna fil-viċinat immedjat tal-punti, li jfisser li punt ta’ kampjunament għandu jitqiegħed b’tali mod li l-arja li tagħha jittieħdu l-kampjuni tirrappreżenta l-kwalità ta’ l-arja f’segment ta’ triq ta’ mhux anqas minn 100 m fit-tul f’siti bit-traffiku u ta’ l-anqas 250 m × 250 m f’siti industrijali, fejn ikun fattibbli.

(ċ)      Il-postijiet bi sfond urban għandhom jitpoġġew b’mod li l-livell ta’ tniġġis tagħhom ikun influwenzat mill-kontribut integrat tas-sorsi kollha fid-direzzjoni favur ir-riħ ta’ l-istazzjon. Il-livell ta’ tniġġis ma għandux ikun iddominat minn sors wieħed sakemm din is-sitwazzjoni ma tkunx tipika ta’ żona urbana akbar. Il-punti ta’ kampjunament għandhom, bħala regola ġenerali, ikunu rappreżentattivi għal bosta kilometri kwadri.

[…]

(f)      Il-punti ta’ kampjunament għandhom, kemm jista’ jkun, ikunu rappreżentattivi wkoll ta’ postijiet simili mhux fil-viċinat immedjat tagħhom.

[…]”

15      It-Taqsima Ċ tal-Anness III tad-Direttiva 2008/50 tipprevedi l-kriterji għall-għażla tas-sit fuq skala makro tal-punti ta’ kampjunament, bħad-distanza bejn is-sonda kampjunarja u l-art, il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tat-toroq u l-punti fejn jiltaqgħu t-toroq kif ukoll rekwiżiti tekniċi oħra.

16      It-Taqsima D tal-Anness III ta’ din id-direttiva, intitolata “Dokumentazzjoni u Reviżjoni ta’ l-għażla tas-siti”, tistabbilixxi:

“Il-proċeduri għall-għażla tas-sit għandhom ikunu ddokumentati b’mod sħiħ fl-istadju ta’ klassifikazzjoni b’mezzi bħalma huma ritratti compass-point taż-żona tal-madwar u mappa ddettaljata. Is-siti għandhom jiġu riveduti regolarment b’dokumentazzjoni ripetuta sabiex jiġi żgurat li l-kriterji ta’ l-għażla jibqgħu validi maż-żmien.”

17      L-Anness V tal-imsemmija direttiva jipprevedi l-“kriterji għad-determinazzjoni tan-numri minimi ta’ punti ta’ kampjunament għall-kejl fiss tal-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u ta’ l-ossidi tan-nitroġenu, ta’ materja partikulata (PM10, PM2,5), taċ-ċomb, tal-benżina u tal-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent”. It-Taqsima A ta’ dan l-anness tispeċifika, b’mod partikolari:

“Għall-ossidu tan-nitroġenu, materja partikulata, benżina u monossidu tal-karbonju: iridu jkunu inklużi ta’ l-anqas stazzjon wieħed għall-istudju ta’ l-isfond urban u stazzjon wieħed orjentat lejn it-traffiku, sakemm dan ma jżidx l-għadd ta’ punti ta’ kampjunament. Għal dawn is-sustanzi li jniġġsu, l-għadd totali ta’ stazzjonijiet għall-istudju ta’ l-isfond urban u l-għadd totali ta’ stazzjonijiet orjentati lejn it-traffiku fi Stat Membru taħt Taqsima A(1) ma għandux ivarja b’aktar minn fattur ta’ 2. Il-postijiet ta’ kampjunament b’qabżiet tal-valur ta’ limitu għall-PM10 f’dawn l-aħħar tliet snin għandhom jinżammu sakemm ma tkunx meħtieġa xi rilokazzjoni minħabba ċirkustanzi speċjali, b’mod partikulari l-iżvilupp fl-ispazju.”

18      L-Anness XI tal-istess direttiva huwa intitolat “Valuri ta’ limitu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”. It-Taqsima B tiegħu tiffissa l-valuri limitu għal kull sustanza li tniġġes skont il-konċentrazzjoni tagħha fl-arja fl-ambjent imkejla f’perijodi ta’ żmien differenti. Fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu, dan l-Anness jipprevedi, b’mod partikolari:

Perijodu li fuqu tinħadem il-medja

Valur ta’ limitu

Marġni ta’ tolleranza

Data sa meta jrid jintlaħaq il-valur ta’ limitu

Siegħa

200 μg/m3, li ma għandux jinqabeż aktar minn 18‑il darba kull sena kalendarja

[…] 0 % sa l‑1 ta’ Jannar 2010

L‑1 ta’ Jannar 2010

Sena kalendarja

40 μg/m3

[…] 0 % sa l‑1 ta’ Jannar 2010

L‑1 ta’ Jannar 2010


19      L-Anness XV tad-Direttiva 2008/50 jistabbilixxi l-“[i]nformazzjoni li għandha tkun inkluża fil-pjanijiet lokali, reġjonali jew nazzjonali dwar il-kwalità ta’ l-arja jew għal titjib fil-kwalità ta’ l-arja ta’ l-ambjent”. Fost l-“[i]nformazzjoni li għandha tingħata skond l-artikolu 23 (pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja)”, elenkata fit-Taqsima A ta’ dan l-anness, jissemmew il-“[l]okalizzazzjoni ta’ tniġġis żejjed”, li tinkludi informazzjoni dwar ir-reġjun, il-belt u l-“[i]stazzjon tal-kejl (mappa, koordinati ġeografiċi)”. Barra minn hekk, l-informazzjoni ġenerali li għandha tiġi pprovduta tinkludi “stima taż-żona inkwinata (km2) u tal-popolazzjoni esposta għat-tniġġis”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale jikkostitwixxi żona suġġetta għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja u għall-ġestjoni tal-kwalità tal-arja, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/50. Il-kwalità tal-arja hija ssorveljata permezz ta’ punti ta’ kampjunament. Skont in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), dawn tal-aħħar għandhom jitqiegħdu, konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-punt 1(a) tat-Taqsima B tal-Anness III tagħha, b’mod li jipprovdu, b’mod partikolari, data dwar “il-partijiet fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet fejn ikun hemm l-ogħla konċentrazzjonijiet” tas-sustanzi li jniġġsu msemmija f’din id-direttiva.

21      Fost ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hemm erba’ abitanti tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale li huma mħassba dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent tagħhom. Il-ħames rikorrenti fil-kawża prinċipali hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Ingliż, b’ċentru tal-attività fil-Belġju. L-għan ta’ din l-assoċjazzjoni huwa, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-ambjent.

22      Permezz tar-rikors tagħhom, li ġie ppreżentat fil‑21 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-qorti tar-rinviju sabiex tikkonstata li ma kienx hemm konformità mar-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale u sabiex tordna lil dan tal-aħħar jinstalla punti ta’ kampjunament f’postijiet xierqa, bħal triq speċifika jew punt speċifiku fejn jiltaqgħu t-toroq.

23      Il-qorti tar-rinviju tqis li r-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2008/50 dwar l-identifikazzjoni jew id-delimitazzjoni ta’ “partijiet fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet fejn ikun hemm l-ogħla konċentrazzjonijiet” tas-sustanzi li jniġġsu jagħtu marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet kompetenti. Konsegwentement, ma huwiex ċert jekk qorti tistax tivverifika li l-punti ta’ kampjunament tqiegħdu b’mod korrett u jekk tistax tordna, jekk ikun meħtieġ, lil dawn l-awtoritajiet sabiex jinstallaw tali punti f’postijiet li jiġu ddeterminati minnha stess.

24      Min-naħa tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li l-valur limitu previst mid-Direttiva 2008/50 mill‑1 ta’ Jannar 2010 għad-dijossidu tan-nitroġenu fil-fatt inqabeż fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale. Għal din ir-raġuni, pjan dwar il-kwalità tal-arja, kif previst fl-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, għandu jitfassal mill-awtoritajiet kompetenti.

25      Skont il-qorti tar-rinviju, jekk il-valuri limitu previsti mid-Direttiva 2008/50 jinqabżu, huma effettivament l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu, konformement mal-Artikolu 23(1) ta’ din tal-aħħar, pjan dwar il-kwalità tal-arja li jipprevedi miżuri xierqa ħalli l-perijodu ta’ qbiż ikun qasir kemm jista’ jkun. Kif jirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth (C‑404/13, EU:C:2014:2382), il-konformità ma’ dan l-obbligu tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u l-qorti adita bil-kawża tista’ tordna lill-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu pjan bħal dan.

26      Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jikkontestawx il-valuri mkejla fil-punti ta’ kampjunament differenti fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale. Għall-kuntrarju, huma jopponu l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, li minnu jirriżulta li l-konċentrazzjoni tad-dijossidu tan-nitroġenu fl-arja ma għandhiex taqbeż medja annwali ta’ 40 μg/m³ “fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha” ta’ Stat Membru.

27      Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li tiġi ddeterminata l-kwistjoni dwar jekk fil-fatt kienx hemm qbiż fir-reġjun ta’ Bruxelles-Capitale. Ċertament, il-valur ta’ 40 μg/m³ ta’ dijossidu tan-nitroġenu kien inqabeż f’diversi punti ta’ kampjunament. Madankollu, fl-imsemmi reġjun il-konċentrazzjoni ta’ dijossidu tan-nitroġenu tibqa’ taħt il-medja annwali ta’ 40 μg/m³ jekk tiġi ddeterminata biss abbażi tal-medja tal-valuri mkejla fil-punti ta’ kampjunament kollha li jinsabu f’dan ir-reġjun.

28      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 jirriżulta li l-valuri limitu ma jistgħu jinqabżu fl-ebda post ta’ żona, fis-sens tal-Artikolu 4 tagħha. Għall-kuntrarju, ir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale u l-Istitut ta’ Brussell għall-Ġestjoni tal-Ambjent iqisu li l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja għandha titwettaq globalment għal żona jew għal agglomerazzjoni.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], moqrija flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 [TFUE,] u l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva [2008/50], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta huwa allegat li Stat Membru ma installax il-punti ta’ kampjunament f’żona konformement mal-kriterji previsti fil-punt 1(a) tal-Parti B tal-Anness III tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina, fuq it-talba ta’ individwi direttament ikkonċernati mill-qbiż tal-valuri limitu previsti fl-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, jekk il-punti ta’ kampjunament ġewx installati konformement ma’ dawn il-kriterji u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jittieħdu fir-rigward tal-awtorità nazzjonali l-miżuri neċesssarji kollha, bħal ordni, sabiex il-punti ta’ kampjunament ikunu konformi ma’ dawn il-kriterji?

2)      Ikun hemm qbiż ta’ valur limitu fis-sens tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva [2008/50], meta r-riżultati tal-miżuri mwettqa f’punt ta’ kampjunament wieħed previst fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jippermettu li jiġi kkonstatat li valur limitu, stabbilit mill-Anness XI ta’ din id-direttiva għall-medja kkalkolata kull sena kalendarja, huwa maqbuż jew ikun hemm qbiż f’dan is-sens unikament meta dan jirriżulta mill-medja tar-riżultati tal-miżuri tal-punti ta’ kampjunament kollha ta’ żona partikolari fis-sens [tal-istess] direttiva?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(3) TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, u l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2008/50 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’talba mressqa għal dan l-iskop minn individwi li huma direttament ikkonċernati mill-qbiż tal-valuri limitu msemmija fl-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, għandha tivverifika jekk il-punti ta’ kampjunament f’żona partikolari ġewx installati f’konformità mal-kriterji previsti fil-punt 1(a) tat-Taqsima B tal-Anness III tal-imsemmija direttiva u, jekk dan ma jkunx il-każ, għandha tadotta, fil-konfront tal-awtorità nazzjonali kompetenti, il-miżuri kollha neċessarji, bħal ordni, sabiex il-punti ta’ kampjunament jiġu installati f’konformità ma’ dawn il-kriterji.

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma l-qrati tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth, C‑404/13, EU:C:2014:2382, punt 52).

32      Barra minn hekk, kif fakkret diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, ikun inkompatibbli man-natura vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jagħti lid-direttiva jekk jiġi eskluż, bħala prinċipju, li l-obbligu impost minn din tal-aħħar jista’ jiġi invokat mill-persuni kkonċernati. Din il-kunsiderazzjoni tapplika b’mod partikolari għal direttiva li l-għan tagħha huwa li tikkontrolla u tnaqqas it-tniġġis atmosferiku u li, għaldaqstant, tfittex li tipproteġi s-saħħa pubblika (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 37, u tad‑19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth, C‑404/13, EU:C:2014:2382, punt 55).

33      Kif essenzjalment irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2008/50 dwar il-kwalità tal-arja tal-ambjent jikkonkretizzaw l-obbligi tal-Unjoni relatati mal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa pubblika, li jirriżultaw, inter alia, mill-Artikolu 3(3) TUE u mill-Artikolu 191(1) u (2) TFUE, li minnhom joħroġ li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent taspira għal livell għoli ta’ protezzjoni, filwaqt li titqies id-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni, u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Túrkevei Tejtermelő Kft., C‑129/16, EU:C:2017:547).

34      B’mod partikolari fil-każijiet fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni, permezz ta’ direttiva, jobbliga lill-Istati Membri sabiex jadottaw aġir partikolari, l-effett utli ta’ att bħal dan tiddgħajjef jekk l-individwi ma jitħallewx jibbażaw irwieħhom fuqha quddiem il-qrati u jekk il-qrati nazzjonali ma jitħallewx jeħduha inkunsiderazzjoni bħala punt ta’ liġi tal-Unjoni sabiex jivverifikaw jekk, fil-limiti tal-għażla tiegħu fir-rigward tal-forma u tal-metodi għall-implimentazzjoni tad-direttiva, il-leġiżlatur nazzjonali jkunx qabeż il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni stabbilita mid-direttiva (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 56).

35      Id-Direttiva 2008/50 tipprevedi regoli ddettaljati dwar l-użu u l-postijiet għall-punti ta’ kampjunament għall-kejl tal-kwalità tal-arja fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet li l-Istati Membri jkunu ddeterminaw konformement mal-Artikolu 4 tagħha.

36      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/50 jipprevedi metodi tekniċi differenti li l-Istati Membri huma meħtieġa jużaw sabiex jevalwaw il-kwalità tal-arja fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet. Konformement mal-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu 6, fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet kollha fejn il-livell ta’ sustanzi li jniġġsu msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jaqbeż il-limitu superjuri ta’ evalwazzjoni stabbilit fit-Taqsima A tal-Anness II tagħha, l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja tal-ambjent għandha titwettaq b’kejl fiss, possibbilment issupplimentat b’tekniki ta’ mmudellar u ta’ kejl indikattiv. Taħt il-limitu superjuri ta’ evalwazzjoni, hija permessa kombinazzjoni ta’ kejl fiss, minn naħa, u tekniki ta’ mmudellar u ta’ kejl indikattiv, min-naħa l-oħra. Huwa biss meta l-livell ta’ tniġġis ma jilħaqx il-limitu inferjuri ta’ evalwazzjoni, stabbilit ukoll fit-Taqsima A tal-Anness II tad-Direttiva 2008/50, li l-kwalità tal-arja tista’ tiġi ssorveljata biss permezz tal-użu ta’ tekniki ta’ mmudellar jew ta’ stima oġġettiva.

37      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/50 jirrigwarda l-post u n-numru minimu tal-punti ta’ kampjunament. Konformement mal-paragrafu 1 tiegħu, il-post fejn jitpoġġew il-punti ta’ kampjunament għall-kejl tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u tal-ossidi tan-nitroġenu, tal-partikuli (PM10, PM2,5), taċ-ċomb, tal-benżina u tal-monossidu tal-karbonju fl-arja tal-ambjent għandu jiġi ddeterminat bl-użu tal-kriterji elenkati fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

38      It-Taqsima B ta’ dan l-anness tipprevedi l-kriterji għall-“għażla tas-sit fuq skala makro” tal-punti ta’ kampjunament. Mill-punt 1(a) tagħha jirriżulta li l-punti ta’ kampjunament maħsuba sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem għandhom jitqiegħdu b’tali mod li jipprovdu informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja, minn naħa, f’postijiet f’żoni u f’agglomerazzjonijiet fejn jiġu osservati l-ogħla konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu inkwistjoni, li għalihom aktarx li l-popolazzjoni tkun direttament jew indirettament esposta għal perijodu sinjifikattiv fir-rigward tal-perijodu meqjus għall-valuri limitu rilevanti u, min-naħa l-oħra, f’postijiet oħra ġewwa żoni jew agglomerazzjonijiet li jkunu rappreżentattivi tal-espożizzjoni tal-popolazzjoni ġenerali. Il-punt 1(f) tat-Taqsima B tal-imsemmi anness jispeċifika li l-punti ta’ kampjunament, sa fejn ikun possibbli, għandhom jirrappreżentaw ukoll siti simili li ma humiex fil-viċinat immedjat tagħhom.

39      Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-punt 1(a) u (f) tat-Taqsima B tal-Anness III tad-Direttiva 2008/50 jeżiġu li l-punti ta’ kampjunament jipprovdu data rappreżentattiva għall-postijiet ġewwa żona jew agglomerazzjoni kkaratterizzati minn ċertu livell ta’ tniġġis.

40      Mill-punt 1(b) tat-Taqsima B tal-Anness III ta’ din id-direttiva jirriżulta, minn naħa, li l-punti ta’ kampjunament għandhom ikunu mqiegħda b’tali mod li jiġi evitat il-kejl tal-konċentrazzjonijiet f’“mikroambjenti żgħar ħafna” fil-viċinat immedjat tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-arja meħuda bħala kampjun għandha, kemm jista’ jkun, tkun rappreżentattiva tal-kwalità tal-arja ta’ post ta’ ċertu daqs. Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-kejl jippermetti li tiġi riflessa l-kwalità tal-arja, għas-siti bit-traffiku, f’segment ta’ triq ta’ mill-inqas 100 m fit-tul u, għal siti industrijali, f’art ta’ mill-inqas 250 × 250 m.

41      Barra minn hekk, ir-regoli previsti fl-Anness V tad-Direttiva 2008/50, li jirreferi għalihom l-Artikolu 7(2) u (3) ta’ din id-direttiva, jagħmluha possibbli li jiġi ddeterminat in-numru minimu ta’ punti ta’ kampjunament f’żona jew f’agglomerazzjoni kif ukoll il-proporzjon bejn il-punti għall-kejl ta’ tniġġis fl-isfond u dawk maħsuba sabiex ikejlu t-tniġġis minħabba t-traffiku.

42      Uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/50 imsemmija fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza jipprevedu obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonati b’tali mod li jistgħu jiġu invokati minn individwi kontra l-Istat.

43      Dan huwa l-każ b’mod partikolari tal-obbligu li jiġu installati punti ta’ kampjunament b’tali mod li dawn jipprovdu informazzjoni dwar it-tniġġis tal-iktar postijiet imniġġsa, kif previst fl-ewwel inċiż tal-punt 1(a) tat-Taqsima B tal-Anness III tad-Direttiva 2008/50, jew tal-obbligu li jiġi installat għall-inqas in-numru minimu ta’ punti ta’ kampjunament stabbilit fl-Anness V ta’ din id-direttiva. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw l-osservanza ta’ dawn l-obbligi.

44      Huwa ċertament minnu li, skont is-sitwazzjoni lokali f’żona jew f’agglomerazzjoni, diversi siti jistgħu jissodisfaw il-kriterji previsti fil-punt 1(a) tat-Taqsima B tal-Anness III tad-Direttiva 2008/50. Konsegwentement, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jagħżlu, fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, il-post konkret fejn jitqiegħdu l-punti ta’ kampjunament.

45      Madankollu, l-eżistenza ta’ tali setgħa diskrezzjonali bl-ebda mod ma tfisser li d-deċiżjonijiet meħuda minn dawn l-awtoritajiet f’dan il-kuntest huma ħielsa minn kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju, b’mod partikolari sabiex jiġi vverifikat jekk ikunux qabżu l-limiti stabbiliti għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 59, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 46).

46      Barra minn hekk, minkejja n-nuqqas ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-modalitajiet sabiex jitressqu azzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali, u sabiex tiġi ddeterminata l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet nazzjonali adottati skont att tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitqies l-iskop ta’ dan l-att u għandu jiġi żgurat li l-effikaċja tiegħu ma tiġix ippreġudikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2002, HI, C‑92/00, EU:C:2002:379, punt 59, u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Croce Amica One Italia, C‑440/13, EU:C:2014:2435, punt 40).

47      Fir-rigward tad-Direttiva 2008/50, il-post fejn jitqiegħdu l-punti ta’ kampjunament huwa ċentrali għas-sistema ta’ evalwazzjoni u ta’ titjib tal-kwalità tal-arja prevista minn din id-direttiva, b’mod partikolari fejn il-livell ta’ tniġġis jaqbeż il-limitu superjuri ta’ evalwazzjoni msemmi fl-Artikoli 5 u 6 tagħha. Kif ġie rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, f’dan il-każ, konformement mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/50, il-punti ta’ kampjunament jikkostitwixxu l-istrument ewlieni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja.

48      Il-kejl miksub minn dawn il-punti jippermetti lill-Istati Membri jiżguraw, kif jeżiġi l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, li, fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu msemmija f’din id-direttiva ma jaqbżux il-valuri limitu stabbiliti fl-Anness XI tagħha. Jekk dawn il-valuri limitu jinqabżu wara t-terminu previst għall-applikazzjoni tagħhom, l-Istat Membru kkonċernat għandu jistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva, pjan dwar il-kwalità tal-arja li jissodisfa ċerti rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, punti 35 u 42, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth, C‑404/13, EU:C:2014:2382, punti 25 u 40).

49      Minn dan isegwi li l-għan innifsu tad-Direttiva 2008/50 ikun kompromess jekk il-punti ta’ kampjunament f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari ma jkunux ġew installati skont il-kriterji li din tipprevedi.

50      Dan ir-riskju jista’ jimmaterjalizza wkoll jekk, fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom mid-Direttiva 2008/50, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jfittxux li jiżguraw li din tkun effettiva. Għalhekk, b’mod partikolari fil-każ fejn il-kejl imwettaq f’diversi siti jkun, bħala prinċipju, jista’ jipprovdi informazzjoni dwar l-iktar postijiet imniġġsa, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-punt 1(a) tat-Taqsima B tal-Anness III ta’ din id-direttiva, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jagħżlu l-post fejn jitqiegħdu l-punti ta’ kampjunament b’tali mod li jimminimizzaw ir-riskju li ma jiġux irreġistrati l-każijiet meta jinqabżu l-valuri limitu.

51      F’dan il-kuntest, dawn l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq data xjentifika soda u, kif jirriżulta mit-Taqsima D tal-Anness III tad-Direttiva 2008/50, li jfasslu dokumentazzjoni komprensiva li turi r-raġunijiet għall-għażla tal-post tas-siti ta’ sorveljanza kollha. Din id-dokumentazzjoni għandha tiġi aġġornata b’mod regolari sabiex jiġi vverifikat li l-kriterji ta’ selezzjoni jibqgħu validi.

52      Konsegwentement, anki jekk l-għażla tal-post fejn jitqiegħdu l-punti ta’ kampjunament teħtieġ evalwazzjonijiet tekniċi u kumplessi, is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti hija limitata mill-iskop u mill-għanijiet segwiti mir-regoli rilevanti f’dan ir-rigward.

53      Barra minn hekk, meta l-individwu jkun intitolat li jitlob lil qorti tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha jkunux baqgħu fl-ambitu tal-marġni ta’ diskrezzjoni prevista mid-Direttiva 2008/50 matul l-għażla tal-post fejn jitqiegħdu l-punti ta’ kampjunament, il-qorti magħżula għal dan l-għan mid-dritt nazzjonali għandu jkollha wkoll il-kompetenza tieħu, fir-rigward tal-awtorità nazzjonali kkonċernata, kwalunkwe miżura neċessarja, bħal ordni, sabiex jiġi żgurat li dawn il-punti jiġu installati skont il-kriterji previsti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, punti 38 u 39, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth, C‑404/13, EU:C:2014:2382, punti 55, 56 u 58).

54      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru għandu jidentifika l-qrati kompetenti u għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet maħsuba sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-individwi li jirriżultaw minn att tad-dritt tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2008/50. Madankollu, il-modalitajiet previsti ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, East Sussex County Council, C‑71/14, EU:C:2015:656, punt 52, u tat‑22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln, C‑572/16, EU:C:2018:100, punt 42). Għal dak li jirrigwarda dan l-aħħar prinċipju, għandu jitfakkar li d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti imparzjali huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 31, u tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 59).

55      F’din il-kawża, ġie affermat matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u ma ġiex ikkontestat li, sabiex jivverifikaw il-post fejn jitqiegħdu l-punti ta’ kampjunament, il-qrati nazzjonali kompetenti għandhom, skont ir-regoli rilevanti tad-dritt Belġjan, setgħa li jagħtu ordni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tuża, fejn ikun il-każ, din is-setgħa skont il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 4(3) TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, u l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2008/50 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’talba mressqa għal dan l-iskop minn individwi li huma direttament ikkonċernati mill-qbiż tal-valuri limitu msemmija fl-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, għandha tivverifika jekk il-punti ta’ kampjunament f’żona partikolari ġewx installati f’konformità mal-kriterji previsti fil-punt 1(a) tat-Taqsima B tal-Anness III tal-imsemmija direttiva u, jekk dan ma jkunx il-każ, għandha tadotta, fil-konfront tal-awtorità nazzjonali kompetenti, il-miżuri kollha neċessarji, bħal, jekk tkun prevista mid-dritt nazzjonali, ordni, sabiex dawn il-punti ta’ kampjunament jiġu installati f’konformità ma’ dawn il-kriterji.

 Fuq it-tieni domanda

57      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi kkonstatat li nqabeż valur limitu stabbilit fl-Anness XI ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-medja kkalkolata għal sena kalendarja, huwa biżżejjed li livell ta’ tniġġis li jaqbeż dan il-valur ikun tkejjel f’punt ta’ kampjunament iżolat jew jekk il-medja ta’ kull kejl meħud fil-punti ta’ kampjunament kollha f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari għandhiex turi tali livell ta’ tniġġis.

58      Il-punt 48 ta’ din is-sentenza fakkar li huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw, konformement mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, li, fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tas-sustanzi li jniġġsu msemmija f’din id-direttiva ma jaqbżux il-valuri limitu stabbiliti fl-Anness XI tagħha. Jekk dawn il-valuri limitu jinqabżu wara t-terminu previst għall-applikazzjoni tagħhom, l-Istat Membru kkonċernat għandu jistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 23(1) tal-imsemmija direttiva, pjan dwar il-kwalità tal-arja.

59      Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 sa 75 tal-konklużjonijiet tagħha, il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 ma tippermettix li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. L-istess japplika għall-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva.

60      Meta l-interpretazzjoni litterali ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tippermettix li tiġi evalwata l-portata eżatta tagħha, ikun hemm lok li din tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark, C‑49/17, EU:C:2018:395, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Mill-Artikolu 6(1) u mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jevalwaw il-konformità mal-valuri limitu konformement mar-rekwiżiti u mal-kriterji previsiti fl-Anness III ta’ din id-direttiva. Kif jirriżulta mill-punt 1 tat-Taqsima A ta’ dan l-anness, it-Taqsimiet B u Ċ ta’ dan tal-aħħar jikkonċernaw il-post fejn jitqiegħdu l-punti ta’ kampjunament, iżda jipprovdu wkoll gwida għall-implimentazzjoni ta’ metodi oħra ta’ evalwazzjoni tal-kwalità tal-arja previsti mid-Direttiva 2008/50.

62      F’dan ir-rigward, il-punt 39 ta’ din is-sentenza jirrileva li d-dispożizzjonijiet tal-punt 1(a) u (f) tat-Taqsima B tal-Anness III tad-Direttiva 2008/50 jeżiġu li l-punti ta’ kampjunament jipprovdu data rappreżentattiva għall-postijiet ġewwa żona jew agglomerazzjoni kkaratterizzati minn ċertu livell ta’ tniġġis. Is-sistema li b’hekk tfasslet mil-leġiżlatur tal-Unjoni għandha l-għan li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti mhux biss li jkunu jafu l-livell ta’ tniġġis tal-arja fil-post irrappreżentat minn punt ta’ kampjunament, iżda wkoll li minn dan jiddeduċu l-livell ta’ tniġġis f’postijiet oħra simili. Kif jidher ċar mill-premessa 14 tad-Direttiva 2008/50, dan l-aħħar għan jinkiseb, b’mod partikolari, bl-għajnuna ta’ tekniki ta’ mmudellar.

63      Minn dan jirriżulta li d-determinazzjoni tal-medja tal-valuri mkejla fil-punti ta’ kampjunament kollha f’żona jew f’agglomerazzjoni ma tipprovdix indikazzjoni utli tal-espożizzjoni tal-popolazzjoni għal sustanzi li jniġġsu. B’mod partikolari, medja bħal din ma tippermettix li jiġi ddeterminat il-livell ta’ espożizzjoni tal-popolazzjoni ġenerali, peress li dan jiġi evalwat permezz ta’ punti ta’ kampjunament installati speċifikament għal dan l-għan, konformement mat-tieni inċiż tal-punt 1(a) tat-Taqsima B tal-Anness III tad-Direttiva 2008/50.

64      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/50, moqri flimkien mal-punti 20 u 23 tal-Artikolu 2 u mat-Taqsima A tal-Anness XIV ta’ din id-direttiva, jikkonferma din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, skont dan l-Artikolu 15, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu indikatur tal-espożizzjoni medja għall-PM2,5. Dan l-indikatur ma huwiex iddeterminat abbażi ta’ medja tal-livell ta’ tniġġis mill-punti ta’ kampjunament kollha f’żona jew f’agglomerazzjoni, iżda huwa bbażat fuq il-valuri miksuba biss mill-punti li jkejlu t-tniġġis tal-isfond urban, li, konformement mal-paragrafu 4 tal-imsemmi Artikolu 15, għandhom jirriflettu l-livell ta’ espożizzjoni tal-popolazzjoni ġenerali għall-PM2,5, konformement mal-Anness III tad-Direttiva 2008/50.

65      Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja għandhom jinkorporaw tal-inqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A tal-Anness XV ta’ din id-direttiva. Skont il-punt 1 tat-Taqsima A ta’ dan l-Anness XV, il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja għandhom jidentifikaw il-post fejn ikun tkejjel qbiż tal-valuri limitu, inkluż il-punt jew il-punti ta’ kampjunament ikkonċernati.

66      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2008/50 jirriżulta li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni, mill-Istati Membri, tal-osservanza tal-valuri limitu stabbiliti fl-Anness XI ta’ din id-direttiva, il-livell ta’ tniġġis imkejjel f’kull punt individwali ta’ kampjunament huwa deċiżiv.

67      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 hija kkonfermata mill-iskop ta’ din tal-aħħar. Kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha u mill-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva hija intiża sabiex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u tipprevedi, għal dan l-għan, miżuri sabiex l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu jiġu miġġielda fis-sors. Konformement ma’ dan l-għan, għandu jiġi ddeterminat it-tniġġis tal-arja attwali li l-popolazzjoni jew parti minnha tkun esposti għalih u għandu jiġi żgurat li jittieħdu miżuri xierqa sabiex jiġu miġġielda s-sorsi ta’ dan it-tniġġis. Konsegwentement, il-qbiż ta’ valur limitu f’punt ta’ kampjunament wieħed huwa biżżejjed sabiex jiskatta l-obbligu li jitfassal pjan dwar il-kwalità tal-arja skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi kkonstatat li nqabeż valur limitu stabbilit fl-Anness XI ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-medja kkalkolata għal sena kalendarja, huwa biżżejjed li livell ta’ tniġġis li jaqbeż dan il-valur ikun tkejjel f’punt ta’ kampjunament iżolat.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(3) TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, u l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’talba mressqa għal dan l-iskop minn individwi li huma direttament ikkonċernati mill-qbiż tal-valuri limitu msemmija fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, għandha tivverifika jekk il-punti ta’ kampjunament f’żona partikolari ġewx installati f’konformità mal-kriterji previsti fil-punt 1(a) tat-Taqsima B tal-Anness III ta’ din l-istess direttiva u, jekk dan ma jkunx il-każ, għandha tadotta, fil-konfront tal-awtorità nazzjonali kompetenti, il-miżuri kollha neċessarji, bħal, jekk tkun prevista mid-dritt nazzjonali, ordni, sabiex dawn il-punti ta’ kampjunament jiġu installati f’konformità ma’ dawn il-kriterji.

2)      L-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi kkonstatat li nqabeż valur limitu stabbilit fl-Anness XI ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-medja kkalkolata għal sena kalendarja, huwa biżżejjed li livell ta’ tniġġis li jaqbeż dan il-valur ikun tkejjel f’punt ta’ kampjunament iżolat.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.