Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2016 minn Balázs-Árpád Izsák u Attila Dabis mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-10 ta’ Mejju 2016 fil-Kawża T-529/13, Balázs-Árpád Izsák u Attila Dabis vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-420/16 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Appellanti: Balázs Árpád Izsák u Attila Dabis (rappreżentant: D. Sobor, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, l-Ungerija, ir-Repubblika Ellenika, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2016 fil-Kawża T-529/13 u, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

prinċipalment, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 4975 finali, tal-25 ta’ Lulju 2013, li tirrifjuta li tirreġistra l-proposta kontenzjuża, li l-annullament tagħha kien intalab mill-appellanti fir-rikors promotur, u tiddeċiedi definittivament il-kawża.

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-istat tal-kawża ma jippermettix li din tiġi deċiża definittivament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom l-appellanti jinvokaw l-aggravji li ġejjin:

1.    L-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, speċjalment fid-dawl tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ informazzjoni fir-rigward tal-oneru tal-prova, sa fejn, fl-opinjoni tal-appellanti, qabel ma tat is-sentenza l-Qorti Ġenerali ma informatx lill-partijiet fil-kawża li hija kienet tqis li ċ-ċirkustanza li l-implementazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni, kemm fl-Unjoni kif ukoll fl-Istati Membri, kienet thedded il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni b’minoranza nazzjonali, u li l-karatteristiċi etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi speċifiċi ta’ reġjuni b’minoranza nazzjonali jistgħu jitqiesu bħala żvantaġġ demografiku gravi u permanenti, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE tikkostitwixxi fatt li għandu jiġi pprovat matul il-kawża.

2.    It-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(4) TUE u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini 1 Ewropea, sa fejn, fl-opinjoni tal-appellanti, l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea li hija s-suġġett tal-kawża kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(4) TUE, peress li l-organizzaturi kienu ppreżentawha fir-rigward ta’ kwistjoni fejn iqisu li huwa meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implementazzjoni tat-Trattati, u l-Kummissjoni Ewropea kellha l-kompetenza sabiex tippreżenta l-proposta korrispondenti. Barra minn hekk, l-appellanti jiddikjaraw li l-Kummissjoni tista’ tiċħad ir-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini minħabba nuqqas ta’ kompetenza biss jekk dan in-nuqqas ta’ kompetenza jkun manifest.

3.    It-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(c) TFUE u tal-Artikolu 174 TFUE, sa fejn it-tielet paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE jipprevedi bħala eżempju ċ-ċirkustanzi li jippresupponu żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u permanenti li abbażi tagħhom il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni għandha tagħti “attenzjoni partikolari” lil reġjun.

4.    Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7 TFUE, tal-Artikolu 167 TFUE, tal-Artikolu 3(3) TUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta u tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, sa fejn l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea li hija s-suġġett tal-kawża tiffavorixxi l-koerenza bejn il-politika u l-azzjonijiet tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 7 TFUE billi tinkoraġġixxi t-teħid inkunsiderazzjoni tad-diversità kulturali u ż-żamma tagħha fil-kuntest tal-politika ta’ koezjoni.

____________

1 Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1).