Language of document : ECLI:EU:C:2018:1041

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fid‑19 ta’ Diċembru 2018 (1)

Kawża C681/17

slewo//schlafen leben wohnen GmbH

vs

Sascha Ledowski

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il‑Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 6(1)(k) u Artikolu 16(e) – Kuntratti konklużi mill-bogħod – Dritt ta’ rtirar – Eċċezzjonijiet – Oġġetti ssiġillati li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene – Inklużjoni possibbli ta’ saqqu li l-protezzjoni tiegħu tneħħiet wara l-kunsinna – Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex oġġett jitqies bħala li ġie ssiġillat – Portata tal-obbligu li l-konsumatur jiġi informat dwar it-telf tad-dritt ta’ rtirar tiegħu”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(k) u tal-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83/UE (2), li jikkonċernaw il-limitazzjoni tad-dritt ta’ rtirar li jibbenefika minnu konsumatur bħala prinċipju meta jikkonkludi kuntratt mill-bogħod.

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar tiegħu minn konsumatur li akkwista saqqu minn sit internet u li ried jibgħat dan l-oġġett lura wara li neħħa r-rita ta’ protezzjoni li dan kien miksi biha fil-mument tal-kunsinna tiegħu.

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna tistabbilixxi jekk l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar prevista f’din id-dispożizzjoni, dwar “oġġetti siġillati li mhumiex adatti biex jiġu rritornati minħabba raġunijiet iġjeniċi jew marbutin mal-protezzjoni tas-saħħa”, tinkludi oġġetti li – bħas-saqqijiet – jistgħu jiġu f’kuntatt dirett mal-ġisem tal-bniedem meta dawn jintużaw, iżda li madankollu jistgħu jitreġġgħu lura fi stat tajjeb għall-kummerċjalizzazzjoni b’miżuri ta’ tindif xierqa. Inqis li għandha tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda.

4.        Bis-suppożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda magħmula, hija jkollha, sussegwentement, tiddetermina f’liema kundizzjonijiet l-imballaġġ ta’ dan it-tip ta’ oġġetti jista’ jitqies bħala siġill li l-ksur tiegħu jwassal għat-telf tad-dritt ta’ rtirar, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 16(e).

5.        Barra minn hekk, hija jkollha għalhekk tiddeċiedi dwar il-modalitajiet tal-informazzjoni li l-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur dwar iċ-ċirkustanzi li fihom dan tal-aħħar jitlef id-dritt ta’ rtirar, fir-rigward tal-Artikolu 6(1)(k) ta’ din id-direttiva.

II.    Il-kuntest ġuridiku

6.        Il-premessi 34, 37, 47 u 49 tad-Direttiva 2011/83 jistabbilixxu:

“(34)      Il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur informazzjoni ċara u komprensibbli qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod […].

[…]

(37)      Minħabba li fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, il-konsumatur ma jistax jara l-oġġetti qabel ma jikkonkludi l-kuntratt huwa għandu jkollu d-dritt ta’ reċess [d-dritt ta’ rtirar]. Għall-istess raġuni, il-konsumatur għandu jitħalla jipprova u jispezzjona l-oġġetti li jkun xtara sal-punt meħtieġ biex jistabbilixxi n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim tal-oġġetti. […]

[…]

(47)      Uħud mill-konsumaturi jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ reċess wara li jkunu użaw il-oġġetti sa tali punt li jmur lil hinn minn dak meħtieġ biex jistabbilixxu n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim tal-oġġetti. F’dan il-każ il-konsumatur ma għandux jitlef id-dritt ta’ reċess, iżda għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe valur imnaqqas tal-oġġetti. Sabiex jistabbilixxi n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim tal-oġġetti, il-konsumatur għandu biss joperah jew jispezzjonhom fl-istess mod kif ikun permess f’post fen [fejn] isir bejħ bl-imnut. Pereżempju, il-konsumatur għandu biss jipprova artiklu ta’ lbies u mhuwiex permess li jilbsu fit-tul. B’konsegwenza, waqt il-perjodu ta’ reċess il-konsumatur għandu jopera u jispezzjona l-oġġetti b’attenzjoni xierqa. L-obbligi tal-konsumatur fil-każ ta’ reċess ma għandhomx jiskoraġġixxu lill-konsumatur milli jeżerċita d-dritt ta’ reċess tiegħu.

[…]

(49)      Għandhom jeżistu ċerti eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess, kemm għall-kuntratt mill-bogħof [mill-bogħod] kif ukoll għal dawk lil hinn mill-post tan-negozju. Id-dritt ta’ reċess aktarx ma jkunx xieraq fid-dawl, pereżempju, tan-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi. […]”

7.        L-Artikolu 6(1)(k) ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”, jipprevedi li, “[q]abel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod […], il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur […] b’mod ċar u komprensibbli” sensiela ta’ informazzjoni, u b’mod partikolari “fejn dritt ta’ reċess [dritt ta’ rtirar] mhuwiex previst skont l-Artikolu 16, l-informazzjoni li l-konsumatur mhuwiex se jibbenefika minn dritt ta’ reċess jew, jekk ikun il-każ, iċ-ċirkostanzi li fihom il-konsumatur jitlef id-dritt ta’ reċess”.

8.        L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Dritt ta’ reċess [Dritt ta’ rtirar]”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[ħ]lief fejn japplikaw l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16, il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ 14‑il jum biex jirreċedi minn kuntratt mill-bogħod […] mingħajr ma jagħti raġuni, u mingħajr ma jġarrab spejjeż differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14”.

9.        Bis-saħħa tal-Artikolu 16(e) tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess [mid-dritt ta’ rtirar]”, “[l]-Istati Membri ma għandhomx jipprevedu d-dritt ta’ reċess [d-dritt ta’ rtirar] stabbilit fl-Artikolu 9 sa 15 għall-kuntratti mill-bogħod […] fir-rigward [tal]-forniment ta’ oġġetti siġillati li mhumiex adatti biex jiġu rritornati minħabba raġunijiet iġjeniċi jew marbutin mal-protezzjoni tas-saħħa u nfetħu wara l-kunsinna”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, slewo//schlafen leben wohnen GmbH (iktar ’il quddiem “slewo”) hija impriża tal-bejgħ online li tikkummerċjalizza b’mod partikolari saqqijiet.

11.      Fil‑25 ta’ Novembru 2014, Sascha Ledowski ordna saqqu, għal skopijiet privati, mis-sit internet ta’ slewo. Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ riprodotti fuq il-fattura li rċieva kien fihom “informazzjoni għall-konsumaturi dwar l-irtirar”, ifformulati kif ġej: “L-ispejjeż tar-ritorn tal-oġġett jitħallsu minna. […] Id-dritt ta’ rtirar jintilef qabel iż-żmien fil-każijiet li ġejjin: f’każ ta’ kuntratti li jirrigwardaw il-forniment ta’ oġġetti ssiġillati li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene, jekk l-oġġetti jitneħħielhom is-siġill wara l-kunsinna”. Mal-kunsinna, is-saqqu kien miksi b’rita ta’ protezzjoni, li S. Ledowski neħħa wara l-kunsinna.

12.      Permezz ta’ posta elettronika tad‑9 ta’ Diċembru 2014, S. Ledowski informa lil slewo li huwa kien jixtieq jirritorna s-saqqu kkonċernat u talabha torganizza t-trasport tiegħu. Wara li t-talba tiegħu ma ntlaqgħetx, huwa sostna l-ispejjeż relatati ma’ dan it-trasport.

13.      S. Ledowski ressaq kawża sabiex slewo tirrimborsah il-prezz tax-xiri u l-ispejjeż tat-trasport, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 1 190.11, miżjuda bl-interessi, kif ukoll l-ispejjeż extraġudizzjarji tal-avukat.

14.      It-talbiet tiegħu f’din il-kawża ntlaqgħu permezz ta’ sentenza mogħtija fis‑26 ta’ Novembru 2015 mill-Amtsgericht Mainz (il-Qorti Distrettwali ta’ Mainz, il-Ġermanja). Din is-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell, fl‑10 ta’ Awwissu 2016, mil-Landgericht Mainz (il-Qorti Reġjonali ta’ Mainz) (3), minħabba li saqqu ma kienx jikkostitwixxi oġġett ta’ natura iġjenika (4) u li għalhekk il-konsumatur kellu dritt ta’ rtirar anki wara li neħħa r-rita ta’ protezzjoni.

15.      Adita b’rikors minn slewo, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) qieset li l-eżitu tal-kawża prinċipali kien jiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 6(1)(k) u fl-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Novembru 2017, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Diċembru 2017, din il-qorti għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħmlu parti mill-oġġetti li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene previsti fl-imsemmija dispożizzjoni, oġġetti (bħal saqqijiet) li jistgħu jiġu f’kuntatt dirett mal-ġisem tal-bniedem meta dawn jintużaw għall-iskop li għalih huma intiżi, iżda li l-kummerċjant jista’ jrendi mill-ġdid fi stat tajjeb għall-kummerċjalizzazzjoni b’miżuri (ta’ tindif) xierqa?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

a)      Liema kundizzjonijiet ta’ ippakkjar ta’ oġġett għandhom ikunu ssodisfatti sabiex dan l-oġġett ikun jista’ jitqies li kien issiġillat fis-sens tal-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83? u

b)      L-informazzjoni li l-kummerċjant għandu jipprovdi skont l-Artikolu 6(1)(k) tad-Direttiva 2011/83 qabel ma l-kuntratt jorbot lill-konsumatur, għandha tattira l-attenzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-fatt li huwa jitlef id-dritt ta’ rtirar tiegħu jekk huwa jneħħi l-issiġillar tal-oġġett, b’riferiment konkret għall-oġġett mixtri (f’dan il-każ, saqqu) u għall-fatt li dan huwa ssiġillat?”

16.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn slewo, minn S. Ledowski, mill-Gvern Belġjan u mill-Gvern Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma saritx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV.    Analiżi

17.      Qabel kollox, ninnota li t-tieni domanda preliminari, maqsuma f’żewġ partijiet, isir biss fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari. Peress li fl-opinjoni tiegħi din għandha tingħata risposta fin-negattiv, fil-fehma tiegħi, ma huwiex ser jkun hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-tieni domanda. Madankollu, għall-finijiet ta’ eżawrjenza u b’kunsiderazzjoni tal-karattru mingħajr preċedent tal-problemi mqajma minn din tal-aħħar, ser nippreżenta wkoll osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett.

A.      Fuq il-kunċett ta’ oġġetti “li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene” fis-sens tal-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 (l-ewwel domanda)

18.      Qabel ma nibda l-analiżi fiha nnifisha tal-ewwel domanda preliminari, inqis xieraq li nenfasizza ċerti aspetti essenzjali li jikkonċernaw din it-talba għal deċiżjoni preliminari kollha.

19.      Fl-ewwel lok, ninnota li din id-domanda tirrigwarda suġġett speċifiku ħafna, kemm fil-livell legali kif ukoll fil-livell prattiku, tal-protezzjoni tal-konsumaturi, jiġifieri dak tal-kuntratti mill-bogħod, li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċjali fid-Direttiva 2011/83 (5), minkejja li dawn il-kuntratti huma suġġetti wkoll għar-regoli ta’ portata ġenerali li jinsabu fiha.

20.      B’mod partikolari, huwa previst, fl-Artikolu 9 tagħha li fil-kuntratti ta’ dan it-tip, il-konsumaturi għandhom bħala prinċipju dritt ta’ rtirar (6), li jinkludi d-dritt għal rimbors sħiħ ħlief fil-każ ta’ użu abbużiv tal-oġġett, dritt li huwa ġġustifikat mid-diffikultajiet partikolari li jaffaċċja kull xerrej meta jikkonkludi bejgħ mill-bogħod. Fil-fatt, bħalma jindikaw il-premessi 37 u 47 ta’ din id-direttiva, huwa impossibbli għall-konsumaturi sabiex jaraw u jittestjaw l-oġġett li jinteressahom qabel ma jkunu ordnawh u rċevewh, raġuni għaliex jingħataw terminu sabiex jirriflettu u possibbilment jirtiraw id-deċiżjoni wara spezzjoni tal-oġġett ikkunsinnat, minkejja li l-kummerċjanti wkoll huma protetti minn użu abbużiv possibbli ta’ dan id-dritt (7). Konformement ma’ dawn il-premessi, il-konsumaturi għalhekk għandhom il-possibbiltà li jipprovaw u jispezzjonaw l-oġġetti li jkunu xtraw, iżda biss sa fejn meħtieġ sabiex jiġu stabbiliti n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim tajjeb ta’ dan l-oġġett (8).

21.      Madankollu, l-eċċezzjonijiet ippreċiżati sew fid-dritt ta’ rtirar huma stabbiliti fl-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, fejn il-punt (e) jeskludi l-provvista ta’ “oġġetti siġillati” li “mhumiex adatti biex jiġu rritornati minħabba raġunijiet iġjeniċi jew marbutin mal-protezzjoni tas-saħħa” (9), meta dawn ikunu “nfetħu [mill-konsumatur] wara l-kunsinna”. Jiena nindika, minn dan l-istadju, li jidhirli inkontestabbli l-fatt li dawn il-kunċetti huma distinti iżda madankollu marbuta mill-qrib u li dawn jikkostitwixxu kundizzjonijiet kumulattivi għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 6(1)(k) tal-istess direttiva jimponi fuq il-kummerċjant l-obbligu li jipprovdi informazzjoni lill-konsumatur, qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt mill-bogħod, b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-eċċezzjoni tad-dritt ta’ rtirar prevista fl-Artikolu 16(e) tagħha.

22.      Fit-tieni lok, biħsiebni nfakkar ċerti prinċipji ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li japplikaw fir-rigward tad-domandi kollha magħmula hawnhekk mill-qorti tar-rinviju.

23.      Minn naħa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma jirreferux għad-dritt tal-Istati Membri, bħalma huwa l-każ tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża ineżami, ma għandux jitqies biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (10).

24.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li, konformement mal-Artikolu 169 TFUE, għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jiksbu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, bħad-dispożizzjonijiet inkwistjoni hawnhekk (11), għandha tingħata prijorità lil interpretazzjoni li tippermetti kemm jista’ jkun (12) li ma jiġix kompromess il-ksib ta’ dan l-għan (13) u li tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ inferjorità li konsumatur huwa meqjus li jinsab fiha fil-konfront tal-kummerċjant (14).

25.      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom natura derogatorja, u b’mod partikolari dawk li jillimitaw id-drittijiet mogħtija għall-finijiet ta’ protezzjoni, ma jistgħux jagħtu lok għal interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet espressament previsti fl-istrument ikkonċernat (15), mingħajr madankollu ma din l-interpretazzjoni stretta tkun tista’ timmina l-effett utli tal-limitazzjoni hekk stabbilita u tippreġudika l-iskop tagħha (16). Bħall-qorti tar-rinviju, inqis li hemm lok li tingħata tali interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83 imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari ineżami, peress li dawn jikkostitwixxu eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tgħid li l-konsumaturi għandhom bħala prinċipju jibbenefikaw minn dritt ta’ rtirar meta jikkonkludu kuntratti mill-bogħod. Ninnota li dan l-approċċ huwa miżmum ukoll fid-Dokument ta’ Gwida relatat mal-imsemmija direttiva li ġie ppubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja tal-Kummissjoni (17).

26.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandha tiġi mifhuma t-talba għal deċiżjoni preliminari ineżami.

27.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ oġġetti “li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene” li jinsab fl-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li taħt din id-dispożizzjoni jaqgħu oġġetti, bħal saqqijiet, li jistgħu jiġu f’kuntatt dirett mal-ġisem tal-bniedem meta dawn jintużaw għall-iskop li għalih huma intiżi, iżda li l-kummerċjant jista’ madankollu jrendi mill-ġdid fi stat tajjeb għall-kummerċjalizzazzjoni b’miżuri ta’ tindif xierqa.

28.      Jidher li hemm żewġ argumenti kunfliġġenti f’dan ir-rigward. Skont l-ewwel wieħed, li jaqblu miegħu slewo u l-Gvern Belġjan, il-konsumatur ma għandux jibbenefika minn dritt ta’ rtirar fiċ-ċirkustanzi intiżi minn din id-domanda. Għall-kuntrarju, skont it-tieni argument, li jagħżlu l-qorti tar-rinviju, S. Ledowski, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, il-konsumatur ma għandux jitlef il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu f’tali xenarju. Jiena naqbel ma’ din l-aħħar analiżi, għar-raġunijiet segwenti.

29.      Qabel kollox, minkejja li ġew espressi dubji dwar dan is-suġġett fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi qabelxejn għandha tiġi miċħuda l-kontroversja dwar jekk is-saqqijiet humiex fil-verità oġġetti “li jistgħu jiġu f’kuntatt dirett mal-ġisem tal-bniedem meta dawn jintużaw għall-iskop li għalih huma intiżi”, bħalma huwa affermat fid-domanda magħmula. Tali klassifikazzjoni ma hijiex miftuħa għad-diskussjoni fir-rigward tal-prova ta’ artiklu ta’ lbies, tip ta’ oġġetti li jissemma, pereżempju, fil-premessa 47 ta’ din id-direttiva. Għalkemm huwa veru li, f’kundizzjonijiet normali tal-użu, saqqu jkun ġeneralment miksi b’mill-inqas liżar, madankollu ma jistax jiġi eskluż li konsumatur jipproċedi għal prova qasira tas-saqqu, wara li jkun ħarġu mill-imballaġġ li ġie kkunsinnat fih, billi mtedd fuqu mingħajr ma jgħattieh. Barra minn hekk, peress li l-qorti tar-rinviju titlaq minn din is-suppożizzjoni, fil-fehma tiegħi ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tqajjimha f’dubju, peress li din hija evalwazzjoni tat-tip fattwali (18).

30.      Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tad-domanda preliminari jirriżulta li, lil hinn mill-każ partikolari tas-saqqijiet, peress li dan huwa s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar jekk il-konsumatur għandux jiġi mċaħħad mid-dritt ta’ rtirar tiegħu fl-ipoteżi fejn oġġett li jista’ jidħol f’kuntatt dirett mal-ġisem (19) tneħħielu s-siġill wara l-kunsinna tiegħu, u għalhekk huwa preżunt li ntuża b’dan il-mod, inkluż meta l-bejjiegħ ta’ dan l-oġġett jista’ jieħu miżuri ta’ tindif xierqa bl-għan li jippermetti bejgħ mill-ġdid li ma jkunx ta’ perikolu għas-saħħa jew għall-iġjene (20).

31.      Il-qorti tar-rinviju tinvoka l-pożizzjoni meħuda, fis-sens ta’ risposta fl-affermattiv, minn parti mid-duttrina Ġermaniża (21) u tinnota li l-kliem “li ma jistgħux jiġu rritornati” jistgħu jindikaw possibbilment li l-element determinanti huwa l-istat fih innifsu tal-oġġett wara li jitneħħielu s-siġill mill-konsumatur, u mhux jekk il-kummerċjant jistax sussegwentement, bis-saħħa ta’ miżuri ta’ tindif, ireġġa’ lura l-oġġett għal stat li jkun jista’ jbigħu mill-ġdid fih. F’dan l-istess sens, il-Gvern Belġjan jafferma li l-possibbiltà jew le ta’ tindif tal-oġġetti intiżi fl-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 tikkostitwixxi kriterju li ma jinsabx f’din id-dispożizzjoni u li din għandha tiġi interpretata b’mod strett peress li fiha eċċezzjoni.

32.      Madankollu, inqis li, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet preċiżi fit-test tad-Direttiva 2011/83 jew fix-xogħol preparatorju relatat (22), din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett iżda konformi mal-għan stabbilit mil-leġiżlatur (23), li huwa li tipproteġi, f’livell għoli, lill-konsumatur li kkonkluda kuntratt mill-bogħod billi tippermettilu bħala prinċipju li jipprova l-oġġett li jkun xtara mingħajr ma rah u li jirritornah meta ma jkunx issodisfatt wara din il-prova. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata prijorità lill-interpretazzjoni li tiffavorixxi limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ rtirar, jiġifieri dik li skontha konsumatur għandu jkun jista’ jirritorna oġġett li jista’ jerġa’ jitqiegħed għall-bejgħ bis-saħħa ta’ tindif li ma jiġġenerax diffikultajiet eċċessivi għall-kummerċjant (24), u mhux l-interpretazzjoni bil-kontra, li tillimita l-possibbiltajiet ta’ rtirar tal-konsumatur.

33.      Għaldaqstant, jiena naqbel mal-opinjoni tal-qorti tar-rinviju li skontha d-dritt ta’ rtirar għandu jiġi eskluż bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu 16(e) biss jekk, wara li jitneħħielu s-siġill, l-oġġett definittivament ma jkunx għadu fi stat tajjeb għall-kummerċjalizzazzjoni, minħabba raġunijiet ġenwini ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene, peress li jkun impossibbli, minħabba n-natura stess tal-oġġett ikkonċernat, li l-kummerċjant jieħu miżuri li jippermettu li dan jerġa’ jitqiegħed għall-bejgħ mingħajr ma madankollu jkun ta’ perikolu għal wieħed jew l-ieħor minn dawn ir-rekwiżiti (25).

34.      Fir-rigward tal-każ inkwistjoni, din il-qorti tqis, b’għaqal fil-fehma tiegħi, li saqqu rritornat mill-konsumatur wara li jkun tneħħielu s-siġill, u għalhekk potenzjalment użat, ma jidher bl-ebda mod nieqes definittivament mill-kapaċità tiegħu li jkun is-suġġett ta’ kummerċ, bħalma juru l-użu tas-sodod fil-lukandi magħmul minn klijenti suċċessivi, l-eżistenza ta’ suq għas-saqqijiet użati kif ukoll il-possibbiltà ta’ tindif ta’ saqqijiet użati. Jidhirli li f’dan ir-rigward, saqqu huwa simili għal artiklu ta’ lbies, fejn ir-ritorn lill-kummerċjant ġie previst b’mod espliċitu mil-leġiżlatur (26), anki wara prova possibbli li timplika kuntatt dirett mal-ġisem, peress li huwa possibbli li jiġi preżunt li tali oġġett ikun jista’ jinħasel bl-għan li jerġa’ jitqiegħed għall-bejgħ mingħajr ma madankollu jiġu kompromessi s-saħħa jew l-iġjene.

35.      Nippreċiża li, fl-ipoteżi fejn oġġett kien is-suġġett ta’ użu eċċessiv, bi kwalunkwe mod, mal-prova tiegħu mill-konsumatur, il-possibbiltà li dan tal-aħħar jinżamm responsabbli, li hija invokata fil-premessa 47 u prevista fl-Artikolu 14(2) tal-istess direttiva, tippermetti r-rimedju għall-“valur imnaqqas” tal-oġġett ikkonċernat (27). Din id-dispożizzjoni tal-aħħar, sa fejn tawtorizza lill-konsumatur sabiex jirtira d-deċiżjoni u jirritorna oġġett anki meta jkun iddeterjorah – b’responsabbiltà tiegħu li jikkumpensa lill-kummerċjant jekk ikun il-każ –, issaħħaħ fil-fehma tiegħi l-argument li jgħid li l-imsemmi Artikolu 16(e) jipprevedi biss ix-xenarju fejn huwa strettament impossibbli li oġġett jerġa’ jitqiegħed għall-bejgħ mingħajr ma joħloq riskju reali ta’ perikolu għas-saħħa jew għall-iġjene.

36.      Inżid li l-interpretazzjoni teleoloġika u sistemika li nirrakkomanda li tiġi adottata ma tistax tippreġudika l-effett utli tal-eċċezzjoni stabbilita fl-imsemmi Artikolu 16(e) (28), peress li l-oġġetti li jitneħħielhom is-siġill li prova normali tagħhom mill-konsumatur tista’ toħloq perikolu irrimedjabbli għas-saħħa jew għall-iġjene jibqgħu esklużi minn bejgħ mill-ġdid, konformement mal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni.

37.      L-analiżi preċedenti, fil-fehma tiegħi, ma tistax tingħeleb mill-fatt li, bħalma ġie nnotat mill-qorti tar-rinviju, fid-Dokument ta’ Gwida msemmi iktar ’il fuq (29), is-saqqijiet huma ċċitati fost l-eżempji ta’ oġġetti li jista’ jkun li ma jkunux jistgħu jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene (30), fis-sens tal-imsemmi Artikolu 16(e), u għalhekk li jiġu esklużi mid-dritt ta’ rtirar jekk jitneħħielhom is-siġill wara l-kunsinna tagħhom. Fil-fatt, ninnota li dan ir-riferiment ma huwa akkumpanjat mill-ebda element ta’ motivazzjoni li jippermetti l-issostanzjar ta’ tali approċċ. Fuq kollox, għalkemm dan id-dokument jista’ jitfa’ dawl utli fuq il-kontenut tal-imsemmija direttiva, madankollu huwa nieqes minn valur vinkolanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha, bħalma jindika b’mod espliċitu fil-preambolu (31). Finalment, nosserva li l-Kummissjoni barra minn hekk għażlet hija stess l-argument kuntrarju fil-kuntest tal-kawża ineżami.

38.      Konsegwentement, inqis li l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “oġġetti ssiġillati li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, l-oġġetti – bħal saqqijiet – li jistgħu jiġu f’kuntatt dirett mal-ġisem tal-bniedem meta dawn jintużaw għall-iskop li għalih huma intiżi, iżda li l-kummerċjant jista’ jrendi mill-ġdid fi stat tajjeb għall-kummerċjalizzazzjoni, b’miżuri xierqa, b’mod partikolari ta’ tindif.

B.      Fuq il-kunċett ta’ oġġetti “ssiġillati” fis-sens tal-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 (il-punt (a) tat-tieni domanda)

39.      Peress li t-tieni domanda preliminari, b’mod partikolari l-ewwel parti tagħha, issir biss fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, li dan ma għandux ikun il-każ fil-fehma tiegħi, l-osservazzjonijiet tiegħi dwar l-imsemmija parti huma biss sussidjarji.

40.      Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, liema karatteristiċi għandu jkollu imballaġġ sabiex jitqies bħala li jikkostitwixxi “siġill” fis-sens tal-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83, fil-każ fejn l-oġġett ikkonċernat ikun jaqa’ taħt il-kategorija ta’ oġġetti “li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene”, li huma s-suġġett tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar prevista f’din id-dispożizzjoni (32). Fi tmiem ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha, din il-qorti tistaqsi, b’mod iktar partikolari, jekk l-oġġetti ta’ dan it-tip għandhomx jiġu imballati b’tali mod li “mhux biss [ikun] impossibbli li siġill jerġa’ jitqiegħed wara li jkun tneħħa, iżda […] barra minn hekk [joħroġ] b’mod ċar miċ-ċirkustanzi konkreti (pereżempju, mit-tqegħid tal-kelma ‘ssiġillat’) li dan ma jkunx sempliċi imballaġġ għall-finijiet tat-trasport, iżda li l-oġġett ġie ssiġillat minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene”.

41.      Fil-fehma tiegħi, id-domanda magħmula u l-motivazzjoni relatata jqajmu żewġ problemi differenti, bħalma jirriflettu l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (33). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-proprjetajiet fiżiċi meħtieġa ta’ imballaġġ sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “siġill” fis-sens tal-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 u, min-naħa l-oħra, dwar in-neċessità possibbli li fuq dan l-imballaġġ ikun jidher sinjal distintiv li jattira l-attenzjoni tal-konsumatur dwar il-fatt li jinsab fil-preżenza ta’ tali siġill.

42.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-proprjetajiet fiżiċi tal-imballaġġi li jistgħu jaqgħu taħt din il-klassifikazzjoni, nikkonstata li l-kunċett ta’ “siġill” li jinsab fl-Artikolu 16(e) tal-imsemmija direttiva ma huwiex iddefinit fiha (34). Lanqas ix-xogħol preparatorju, fil-fehma tiegħi, ma jagħti tagħlim li jikkonċerna x’għandu jinftiehem b’dan il-kunċett (35).

43.      Id-Dokument ta’ Gwida msemmi iktar ’il fuq isemmi prodott issiġillat għal “raġunijiet ġenwini għall-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene […] li jista’ jikkonsisti fi tgeżwir protettiv jew kisi b’rita” (36). Il-bidu ta’ din il-formulazzjoni jeskludi, ġustament fil-fehma tiegħi, li l-kummerċjanti jistgħu japplikaw liberament eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ rtirar, billi jqiegħdu siġilli li ma jkunux iġġustifikati min-natura tal-oġġett fir-rigward tal-imsemmija raġunijiet (37), filwaqt li jitfakkar li d-derogi minn dan id-dritt, li bħala prinċipju l-konsumaturi jibbenefikaw minnu, għandhom jibqgħu assolutament eċċezzjonali (38). Min-naħa l-oħra, dan id-dokument ma jagħtix tweġiba dwar liema huma l-kwalitajiet materjali li għandu jkollhom l-imballaġġ jew ir-rita ta’ protezzjoni msemmija hawnhekk, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti inerenti għall-imsemmi Artikolu 16(e).

44.      F’dan ir-rigward, inqis, bħalma jipproponu essenzjalment slewo (39), il-Gvern Belġjan (40) u l-Kummissjoni, li hemm lok li jiġi osservat b’mod strett l-iskop li huma maħsuba li jissodisfaw “is-siġilli” fis-sens tal-imsemmi punt (e). L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa, fil-fehma tiegħi, li jiġu esklużi mid-dritt ta’ rtirar l-oġġetti kollha li għandhom jiġu ssiġillati għal finijiet reali ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene, u b’hekk li jiġi mxekkel il-fatt li l-konsumatur jirritorna tali oġġetti lill-kummerċjant, peress li dawn, ladarba jinħarġu mill-imballaġġ ta’ protezzjoni tagħhom, iġarrbu telf irrimedjabbli fil-valur f’termini ta’ garanzija ta’ iġjene u saħansitra ta’ saħħa, b’tali mod li ma jkunux jistgħu jiġu kkummerċjalizzati mill-ġdid (41).

45.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi huwa neċessarju, sabiex kisi ta’ protezzjoni jkun jista’ jitqies bħala “ssiġillat” fis-sens tad-dispożizzjoni, li dan jippermetti li jiggarantixxi b’mod affidabbli l-indafa tal-prodott li fih. Dan il-kriterju jippreżumi li dan l-imballaġġ ikun reżistenti biżżejjed sabiex jippreżerva din u li ma jkunx jista’ jinfetaħ mingħajr ma jsir dannu għaliha b’mod viżibbli, b’tali mod li jkun jidher b’ċertezza li l-oġġett ikkonċernat seta’ ġie pprovat mix-xerrej. Bħala eżempju, rita tal-plastik jew tapp tal-metall li jkunu mwaħħla, u b’hekk impossibbli sabiex jerġgħu jitqiegħdu fl-istat inizjali tagħhom wara ftuħ volontarju, jistgħu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti.

46.      Min-naħa l-oħra, jidhirli eċċessiv li jkun meħtieġ, bħalma jidhirli li huwa ssuġġerit mill-Gvern Taljan, li sabiex imballaġġ ikun jista’ jaqa’ taħt din il-klassifikazzjoni, għandu jkun jista’ jiggarantixxi “l-ħelsien tal-prodott mill-bakterji, bħalma huwa l-każ għat-tagħmir sterilizzat” (42). Fil-fatt, huwa minnu li l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 jirreferi għal “raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa”, iżda dan isemmi wkoll raġunijiet sempliċi “ta’ iġjene”, li ma jiġġustifikawx, fl-opinjoni tiegħi, investiment ekonomiku tal-kummerċjanti għal livell daqstant għoli minn dak li jkun iġġenerat mill-obbligu li jitqiegħdu f’tali imballaġġ, ħielsa mill-bakterji jew saħansitra sterili, l-oġġetti kollha li jistgħu jkunu kkonċernati minn din id-dispożizzjoni.

47.      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ mmarkar speċifiku possibbli, kif previst mill-qorti tar-rinviju, li għandu jidher fuq l-imballaġġi li jistgħu jikkostitwixxu “siġilli” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 16(e) (43), naqbel mal-perspettiva ta’ slewo u tal-Kummissjoni li skontha ma hemm xejn li jindika li tali kriterju viżiv għandu jkun issodisfatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, flimkien mal-proprjetajiet fiżiċi deskritti iktar ’il fuq li fil-fehma tiegħi għandu jkollhom dawn l-imballaġġi.

48.      Fil-fatt, la mill-formulazzjoni ta’ dan il-punt (e), la mid-dispożizzjonijiet ta’ madwaru u lanqas mix-xogħol preparatorju (44), ma jirriżulta li l-awturi tad-Direttiva 2011/83 kellhom l-għan li jimponu fuq il-kummerċjant obbligu ta’ informazzjoni postkuntrattwali ta’ din in-natura dwar id-dritt ta’ rtirar (45). Kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kien qies neċessarju li l-konsumatur jiġi informat mal-kunsinna bis-saħħa tal-indikazzjonijiet li jinsabu fuq l-imballaġġ tal-prodott mibjugħ, bla dubju ma kienx jonqos milli jagħmel dan, bħalma dan ġie previst fi strumenti oħra relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi (46).

49.      Għaldaqstant, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni dwar il-punt (a) tat-tieni domanda preliminari, fil-fehma tiegħi r-risposta li għandha tingħata għandha tkun li jikkostitwixxu oġġetti “ssiġillati”, fis-sens tal-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83, l-oġġetti mqiegħda f’imballaġġ fejn kull ftuħ ikun irriversibbli b’tali mod li jkun jidher b’ċertezza li l-oġġett ikkonċernat seta’ ġie pprovat mix-xerrej, mingħajr madankollu ma dan l-imballaġġ ikun neċessarjament jinkludi indikazzjoni speċifika li tindika b’mod espliċitu li dan ikun siġill li l-ksur tiegħu ser jaffettwa d-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur. Fl-opinjoni tiegħi, din l-informazzjoni espliċita, min-naħa l-oħra, ikollha tingħata fil-kuntest tal-informazzjoni prekuntrattwali prevista fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, li ser insemmi issa.

C.      Fuq l-obbligu li l-konsumatur jiġi informat dwar iċ-ċirkustanzi tat-telf tad-dritt ta’ rtirar tiegħu fir-rigward tal-Artikolu 6(1)(k) tad-Direttiva 2011/83 (il-punt (b) tat-tieni domanda)

50.      Filwaqt li nfakkar li t-tieni domanda preliminari, inkluża t-tieni parti tagħha, issir biss fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, li dan ma huwiex dak li nirrakkomanda jiena, qiegħed nagħmel osservazzjonijiet dwar l-imsemmija parti b’mod sussidjarju biss.

51.      Din id-domanda titlaq mill-premessa li tgħid li l-oġġett imqiegħed għall-bejgħ mill-bogħod huwa effettivament issiġillat u eskluż minn ritorn lill-kummerċjant minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u ta’ iġjene fis-sens tal-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83, u b’hekk ma huwiex is-suġġett ta’ dritt ta’ rtirar li l-konsumatur bħala prinċipju huwa benefiċjarju tiegħu.

52.      Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’tali sitwazzjoni, il-kummerċjant għandux, skont l-Artikolu 6(1)(k) ta’ din id-direttiva, jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-bejgħ, b’mod konkret dwar il-fatt li huwa ser jitlef id-dritt ta’ rtirar tiegħu jekk ineħħi s-siġill tal-oġġett, b’riferiment speċifiku għall-oġġett mixtri u l-fatt li dan huwa ssiġillat, jew jekk jistax jinformah biss b’mod astratt, billi jillimita ruħu li jiċċita l-formulazzjoni tal-imsemmija direttiva fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ (47).

53.      Insostenn ta’ dan l-aħħar approċċ, slewo tinvoka li, fl-istat attwali tiegħu, it-test tal-imsemmi Artikolu 6 jimponi biss li l-konsumatur jiġi informat “qabel” ma ssir l-ordni, b’tali mod li kummerċjant jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2011/83 billi jipprovdi informazzjoni prekuntrattwali ġenerali dwar id-dritt ta’ rtirar, li magħha jiżdiedu r-raġunijiet possibbli ta’ eċċezzjoni kif stabbiliti mil-leġiżlatur. Hija żżid li l-fatt li jingħataw dettalji konkreti dwar dan id-dritt flimkien ma’ kull prodott mibjugħ online, ma jkunx konformi mal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur (48) u li jkun biżżejjed li tiġi pprovduta informazzjoni speċifika wara l-konklużjoni tal-kuntratt. S. Ledowski ma jiħux pożizzjoni dwar dan is-suġġett, billi jinvoka r-risposta fin-negattiv tiegħu għall-ewwel domanda preliminari. Il-Gvernijiet tal-Belġju u tal-Italja kif ukoll il-Kummissjoni, sussidjarjament, jipproponu interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(k) tal-imsemmija direttiva fis-sens li l-kummerċjant huwa marbut javża lill-konsumatur b’mod espliċitu dwar il-fatt li huwa ser jitlef id-dritt ta’ rtirar tiegħu jekk l-oġġett ikkonċernat jitneħħielu s-siġill. Jiena naqbel mal-perspettiva ta’ dawn tal-aħħar, għar-raġunijiet li ġejjin.

54.      Qabel kollox, nenfasizza li t-test tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/83 fih ċertu numru ta’ indikazzjonijiet espliċiti dwar l-obbligu ta’ informazzjoni li dan jimponi fuq il-kummerċjant li jkollu l-għan li jikkonkludi kuntratti mill-bogħod ma’ konsumatur (49).

55.      Fir-rigward tal-mument li fih għandha tingħata l-informazzjoni kollha intiża f’dan l-Artikolu 6 (50), mill-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu jirriżulta li din għandha tkun eżawrjenti “[q]abel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt” (51), tant li l-informazzjoni supplimentari li tista’ tingħata fi stadju ulterjuri, b’mod partikolari mal-kunsinna tal-oġġett (52), ma jkollhiex effett dirett fuq jekk il-kummerċjant issodisfax dan l-obbligu jew le. Barra minn hekk, fir-rigward tal-“mod” (53) kif għandha tingħata din l-informazzjoni, l-istess paragrafu jimponi li din tkun “ċar[a] u komprensibbli”, u b’hekk mingħajr l-ebda ekwivoku, b’tali mod, fil-fehma tiegħi, li konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat (54), ikun jista’ jieħu d-deċiżjoni li jieħu impenn b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti (55).

56.      Barra minn hekk, fir-rigward tas-suġġett tal-informazzjoni minn qabel inkwistjoni b’mod iktar partikolari fil-każ ineżami, il-punt (k) tal-imsemmi paragrafu 1, li jikkonċerna s-sitwazzjonijiet fejn “dritt ta’ reċess [dritt ta’ rtirar] mhuwiex previst [(56)] skont l-Artikolu 16 [(57)]” tal-imsemmija direttiva, jeħtieġ b’mod espliċitu li l-konsumatur jirċievi “l-informazzjoni li [huwa] mhuwiex se jibbenefika minn dritt ta’ reċess [dritt ta’ rtirar] jew, jekk ikun il-każ, iċ-ċirkostanzi li fihom [huwa] jitlef id-dritt ta’ reċess” (58). Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax liema huwa l-kontenut tal-informazzjoni li l-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur, f’tali xenarju, sabiex din tkun tista’ titqies bħala ċara biżżejjed (59).

57.      Madankollu, b’kunsiderazzjoni tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha l-Artikolu 6(1)(k) tad-Direttiva 2011/83, inqis li dan għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kummerċjant li jillimita ruħu li jirriproduċi t-test tal-Artikolu 16(e) tal-imsemmija direttiva fil-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu, bħalma kien il-każ fil-każ ineżami (60), ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni. Kummerċjant li għandu l-għan li jipproċedi għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-kategorija intiża b’mod speċjali fl-imsemmi Artikolu 16(e), għandu jkun marbut fil-fehma tiegħi, bħalma tipprevedi l-qorti tar-rinviju, li javża immedjatament lill-konsumatur b’mod espliċitu u konkret dwar il-fatt li huwa ser jitlef id-dritt ta’ rtirar li huwa intitolat għalih jekk iwettaq atti preċiżi li jkollhom l-effett li jtellfuh dan id-dritt, jiġifieri jekk ineħħi s-siġill tal-oġġett ikkonċernat, billi jindika b’mod konkret dan l-oġġett iddeterminat u jsemmi b’mod preċiż li dan huwa ssiġillat (61).

58.      Din l-interpretazzjoni, fil-fehma tiegħi, hija l-unika waħda ta’ natura, minn naħa, li tiżgura l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur li huwa intiż mid-Direttiva 2011/83 u fejn l-imsemmi Artikolu 6(1)(k) jikkostitwixxi wieħed mill-vetturi; min-naħa l-oħra, li tiggarantixxi l-effett sħiħ utli tal-informazzjoni li huwa meħtieġ minn din id-dispożizzjoni (62) kif ukoll, barra minn hekk, li tevita li l-kummerċjanti jinħelsu wisq faċilment mill-obbligi inerenti tagħhom għad-dritt ta’ rtirar, li huwa l-prinċipju skont din id-direttiva u li għandu jibqa’ tali.

59.      F’dan ir-rigward, ninnota li, f’kuntest simili, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni, li tinkludi l-obbligu għall-kummerċjant sabiex jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni kollha neċessarja għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu – u b’mod partikolari d-dritt tiegħu ta’ rtirar –, tippreżumi li l-konsumatur, bħala l-parti l-inqas b’saħħitha, ikollu għarfien tad-drittijiet tiegħu billi jiġi informat bihom bil-miktub (63). Inżid li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-obbligu li l-konsumaturi jiġu informati kellu rwol ewlieni fl-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni adottata f’dan is-suġġett (64), bħala garanzija essenzjali ta’ eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ xoljiment mogħti lill-konsumaturi, u għalhekk, tal-effett utli tal-protezzjoni tagħhom mixtieqa mil-leġiżlatur (65). Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet ifformulati dwar id-Direttivi 85/577 u 97/7 fil-fehma tiegħi huma rilevanti wkoll fil-kawża ineżami, billi huwa magħruf li d-Direttiva 2011/83 ħassret u ssostitwixxiet dawn id-direttivi (66).

60.      Konsegwentement, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-punt (b) tat-tieni domanda preliminari, fil-fehma tiegħi jkollha tinterpreta l-Artikolu 6(1)(k) tad-Direttiva 2011/83 fis-sens li, meta oġġett ikun issiġillat fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 16(e) ta’ din id-direttiva, il-kummerċjant għandu l-obbligu li jinforma b’mod espliċitu lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ mill-bogħod, bil-fatt li huwa ser jitlef id-dritt ta’ rtirar tiegħu jekk ineħħi s-siġill tal-oġġett ikkunsinnat, billi jindika b’mod konkret dan tal-aħħar u jsemmi b’mod preċiż li dan huwa ssiġillat.

V.      Konklużjoni

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) bil-mod li jmiss:

L-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “oġġetti ssiġillati li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, l-oġġetti – bħal saqqijiet – li jistgħu jiġu f’kuntatt dirett mal-ġisem tal-bniedem meta dawn jintużaw għall-iskop li għalih huma intiżi, iżda li l-kummerċjant jista’ jrendi mill-ġdid fi stat tajjeb għall-kummerċjalizzazzjoni, b’miżuri xierqa, b’mod partikolari ta’ tindif.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64). Nippreċiża li d-Direttiva 85/577 tal‑20 ta’ Diċembru 1985 kienet tirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumatur fil-każ ta’ kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262), filwaqt li d-Direttiva 97/7 tal‑20 ta’ Mejju 1997 kienet tirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319).


3      Sentenza aċċessibbli fl-indirizz elettroniku segwenti: https://beck-online.beck.de/Dokument?vpath=bibdata%2Fents%2Fbeckrs%2F2016%2Fcont%2Fbeckrs.2016.127864.htm (ara, b’mod speċjali, il-punti 21 et seq.).


4      Fis-sens tal-punt 3 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 312g(2) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), li l-formulazzjoni tiegħu hija ekwivalenti għal dik tal-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83.


5      Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirkbu parzjalment lil dawk applikabbli għall-kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 6 et seq. ta’ din id-direttiva).


6      Dritt ta’ rtirar li jiġi eżerċitat fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 15 ta’ din id-direttiva.


7      Is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Messner (C‑489/07, EU:C:2009:502, punti 20 u 25), li tirrigwarda d-Direttiva 97/7 issostitwita bid-Direttiva 2011/83, enfasizzat li r-regoli relatati mad-dritt ta’ rtirar huma “meqjus[a] bħala li jikkumpensa[w] l-iżvantaġġ tal-konsumatur meta jikkonkludi kuntratt mill-bogħod billi jagħt[u]h perijodu ta’ riflessjoni adegwat li matulu jkun jista’ jeżamina u jipprova l-oġġett akkwistat”, madankollu mingħajr ma jagħtuh “drittijiet li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan ikun jista’ jeżerċita b’mod utli [dan id]-dritt”.


8      Ara l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2011/83 kif ukoll il-premessa 47 tagħha, li tippreċiża l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-konsumaturi matul dan l-eżami, billi jingħata l-eżempju ta’ artikli ta’ lbies, li għandhom jiġi pprovati biss, u mhux jintlibsu fit-tul.


9      Ara wkoll il-premessa 49 ta’ din id-direttiva, li skontha “[i]d-dritt ta’ reċess [id-dritt ta’ rtirar] aktarx ma jkunx xieraq fid-dawl, pereżempju, tan-natura tal-oġġetti”.


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin (C‑485/17, EU:C:2018:642, punt 27), kif ukoll tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Günter Hartmann Tabakvertrieb (C‑425/17, EU:C:2018:830, punt 18).


11      Dan l-għan jirriżulta kemm mill-premessi 3, 4 u 65 kif ukoll mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/83.


12      Filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-mod kif jiġu interpretati d-diversi strumenti tad-dritt tal-Unjoni li jilħqu dan l-għan jista’ jvarja skont il-modalitajiet differenti li jipprevedu rispettivament għall-ilħuq tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bankia, C‑109/17, EU:C:2018:735, punti 36 et seq.).


13      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Starman (C‑332/17, EU:C:2018:721, punti 26 sa 30), kif ukoll tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Tänzer & Trasper (C‑462/17, EU:C:2018:866, punti 28 u 29).


14      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 54), kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kamenova (C‑105/17, EU:C:2018:808, punt 34), li tfakkar li “[l]-konsumatur […] jitqies bħala inqas informat, ekonomikament iktar dgħajjef u legalment b’inqas esperjenza mill-parti kontraenti tiegħu”.


15      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 27), kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 54).


16      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2012, González Alonso (C‑166/11, EU:C:2012:119, punti 26 u 27), kif ukoll tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724, punti 73 u 74).


17      Ara t-Taqsima 6.8, p. 57 u 58, ta’ dan id-dokument, bid-data tax-xahar ta’ Ġunju 2014 u aċċessibbli fl-indirizz elettroniku li jmiss: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/crd_guidance_mt.pdf.


18      Fuq it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qorti tar-rinviju u l-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-kuntest fattwali ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll il-ġustifikazzjonijiet tiegħu, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1997, Phytheron International (C‑352/95, EU:C:1997:170, punti 12 u 14), kif ukoll tat‑13 ta’ Frar 2014, Maks Pen (C‑18/13, EU:C:2014:69, punt 30).


19      Għal raġunijiet ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali, invokati wkoll minn slewo kontra approċċ ta’ każ b’każ, jidhirli effettivament mixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi interpretazzjoni li ma tkunx limitata għad-dettalji tal-każ ineżami, jiġifieri għall-kategorija speċifika tas-saqqijiet, iżda li tinkludi s-sitwazzjonijiet simili li huma intiżi mill-qorti tar-rinviju.


20      Għalkemm is-sinjifikat tal-kliem “protezzjoni tas-saħħa” u “raġunijiet iġjeniċi” fis-sens tal-Artikolu 16(e) fid-Direttiva 2011/83 ma huwiex fil-qalba tad-domanda preliminari ineżami, nippreċiża madankollu li l-kliem fil-fehma tiegħi jirreferi għal realtajiet differenti u li interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tkun adegwata għall-ewwel waħda minn dawn ir-raġunijiet ta’ esklużjoni tad-dritt ta’ rtirar tkun xierqa a fortiori għat-tieni waħda, peress li perikolu tas-saħħa huwa evidentement iktar gravi minn dannu għall-iġjene.


21      F’dan is-sens, il-qorti tar-rinviju tiċċita, b’mod partikolari, Wendehorst, C., “Article 312 g”, Münchener Kommentar zum Bürgerlichen Gesetzbuch, taħt it-tmexxija ta’ F. J. Säcker et, Vol. 2, is-seba’ edizzjoni, Beck, Munich, 2016, punti 24 et seq. F’sens kuntrarju, ara, b’mod partikolari, Schirmbacher, M., u Schmidt, S., “Verbraucherrecht 2014 – Handlungsbedarf für den E-Commerce”, Computer und Recht, 2014, p. 112, kif ukoll Lorenz, S., “BGB – Article 312 g”, Beck-online.Grosskommentar, Beck, Munich, 2018, punti 26 et seq.


22      Ara, b’mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni, tat‑8 ta’ Ottubru 2008, li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2011/83 [COM(2008) 614 final, b’mod speċjali, p. 31, l-Artikolu 19(1) dwar l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ rtirar fil-qasam tal-kuntratti mill-bogħod, li ma kienx jipprevedi l-eċċezzjoni inkwistjoni]; l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar din il-proposta (ĠU 2009, C 317, p. 59, b’mod speċjali l-punt 5.5.4, fejn hija invokata l-possibbiltà ta’ tali eċċezzjoni), kif ukoll ir-rapport tal-Parlament Ewropew, tat‑22 ta’ Frar 2011, dwar din il-proposta [A7‑0038‑2011, b’mod speċjali, p. 74, fejn tinsab l-emenda 130 li wasslet għall-introduzzjoni tad-dispożizzjoni li saret il-punt (e) tal-Artikolu 16 attwali, mingħajr spjegazzjoni]. Skont Rott, P., “More coherence? A higher level of consumer protection? A review of the new Consumer Rights Directive 2011/83/EU”, Revue européenne de droit de la consommation, 2012, Nru 3, p. 381, din l-eċċezzjoni twieġeb għall-mistoqsijiet magħmula mill-industrija kożmetika.


23      Skont ir-regoli ta’ interpretazzjoni mfakkra fil-punti 23 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Fil-fatt, bħalma tindika l-premessa 4 tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83 dwar il-kuntratti mill-bogħod huma intiżi “għall-promozzjoni ta’ suq intern realment tal-konsumatur li jsib l-aħjar bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-impriżi” (enfasi miżjuda minni).


25      Din il-qorti tippreċiża, ġustament fil-fehma tiegħi, li “[g]ħalhekk, dan jista’ japplika, pereżempju, meta kull użu ġdid tal-oġġett minn terzi jkun, skont l-użijiet kummerċjali, fi kwalunkwe każ eskluż minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa (prodotti farmaċewtiċi miftuħa) jew ta’ iġjene (xkupilji tas-snien, lipstik, prodotti erotiċi) u li l-miżuri tal-kummerċjant, bħal tindif jew diżinfezzjoni, ma jippermettux li dan jitreġġa’ lura fi stat tajjeb għal bejgħ mill-ġdid, anki jekk ikun prodott użat, oġġett irritornat, jew simili”.


26      Dwar il-kumpens tal-kummerċjant f’tali kuntest, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Messner (C‑489/07, EU:C:2009:502, punt 29), dwar id-Direttiva 97/7 issostitwita bid-Direttiva 2011/83, kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2017, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main (C‑568/15, EU:C:2017:154, punti 24 u 26).


27      Skont l-imsemmi Artikolu 14(2) “[i]l-konsumatur għandu jkun responsabbli biss għal kwalunkwe valur imnaqqas tal-oġġetti li jirriżulta mill-manipulazzjoni tal-oġġetti minbarra dik meħtieġa biex tistabbilixxi n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim tal-oġġetti”.


28      Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Dokument iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet (Taqsima 6.8.2, p. 58).


30      L-imsemmi dokument jiċċita wkoll “[p]rodotti kożmetiċi bħal lipsticks”, bil-preċiżjoni li jmiss: “[g]ħall-prodotti kożmetiċi oħra li ma jistgħux jitqiesu bħala ssiġillati għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene, il-kummerċjant jista’ jagħti lill-konsumatur mod ieħor biex jittestjahom fil-ħanut, pereżempju, bl-inklużjoni ta’ tester bla ħlas mal-prodott. B’dan il-mod, il-konsumaturi ma jkollhomx bżonn jiftħu l-imballaġġ tal-prodott biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jistabbilixxu n-natura u l-karatteristiċi tal-prodott”.


31      Kif ġej: “Dan id-dokument mhuwiex legalment vinkolanti u jipprovdi biss gwida. L-interpretazzjoni awtorevoli tal-liġi tal-UE tibqa’ l-kompitu uniku tal-Qorti tal-Ġustizzja (QtĠ-UE). Dan id-dokument mhuwiex interpretazzjoni formali tal-liġi tal-UE […]. Din il-gwida qed tiġi ppubblikata taħt ir-responsabbiltà unika tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja [tal-Kummissjoni]”.


32      Filwaqt li tinvoka li “l-għan tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma huwiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ kontenzjuż” u filwaqt li tiċċita b’mod partikolari s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, EU:C:1981:302, punt 18), il-Kummissjoni tirrakkomanda li din id-domanda tiġi rriformulata. Madankollu, ir-riformulazzjoni pproposta, fil-fehma tiegħi, ma hijiex neċessarja peress li ma jidhirlix li r-risposta għad-domanda kif magħmula mill-qorti nazzjonali tkun inutli biex tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela, C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 20).


33      Nippreċiża li għalkemm slewo tiżviluppa argument b’rabta ma’ dawn iż-żewġ problemi, il-Gvern Belġjan u l-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni jinsistu iktar fuq l-ewwel waħda. Min-naħa tiegħu, S. Ledowski ma jippreżentax osservazzjonijiet dwar it-tieni domanda preliminari, minħabba li l-ewwel domanda teħtieġ risposta fin-negattiv.


34      Bħalma tinvoka slewo, inqis li s-sens li għandu jingħata lil dan il-kunċett ma huwiex neċessarjament l-istess bħal dak li japplika għall-kliem identiku użat, f’kuntest differenti, fil-punt (i) tal-imsemmi Artikolu 16, li jipprevedi “[l]-forniment ta’ reġistrazzjonijiet tal-awdjo jew tal-vidjo siġillati jew ta’ software tal‑kompjuter miftuħa wara l-kunsinna”. F’dan il-każ, skont id-Dokument ta’ Gwida intiż fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-konsumatur ma għandux il-possibbiltà li “jittestja” l-kontenut diġitali li jinsab fuq trasportaturi tad-data tanġibbli ssiġillati (CDs, DVDs, eċċ.) matul il-perijodu tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar tiegħu (Taqsima 12.2, p. 74). Fil-fehma tiegħi, il-projbizzjoni li l-oġġett jiġi rritornat wara li jkun tneħħielu s-siġill huwa għalhekk marbut ma’ raġunijiet (bħall-possibbiltà ta’ użu uniku jew li jsiru kopji tal-kontenut) minbarra dik intiża għall-kompromess tal-integrità tal-oġġett innifsu (raġunijiet ta’ saħħa jew ta’ iġjene), li tiġġustifika l-eċċezzjoni intiża fil-punt (e) ta’ dan l-istess artikolu.


35      B’mod partikolari, ma hemm l-ebda spjegazzjoni relatata mas-sens tal-kelma “ssiġillati” fis-siltiet tal-proposta tal-Kummissjoni u tar-rapport tal-Parlament intiżi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36      Ara t-Taqsima 6.8.2, p. 62, tad-dokument imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.


37      Għalhekk, Karstoft, S., Forbrugeraftaleloven med kommentarer, Jurist- og Økonomforbundets Forlag, Copenhague, 2018, p. 461, tqis li jkun iktar iġġustifikat li jiġu ssiġillati, minħabba raġunijiet ta’ saħħa jew ta’ iġjene, oġġetti ta’ natura intima, bħal pereżempju ħwejjeġ ta’ taħt jew malji tal-għawm, milli saqqijiet.


38      Ara wkoll il-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Skont slewo, għandha ssir distinzjoni bejn l-“imballaġġ żejjed” li għandu l-funzjoni li jevita li oġġett iġarrab dannu matul il-ħżin tiegħu jew it-trasport tiegħu, bħall-kartun li fih krema għall-wiċċ, u “l-imballaġġ għal skop iġjeniku”, bħar-rita li titneħħa tal-metall jew tal-plastik li normalment tinsab taħt l-għatu tal-bott tal-krema. Fil-każ speċifiku tas-saqqijiet protetti kemm minn kartuna kif ukoll minn rita tal-plastik imwaħħla, dan l-aħħar element, li jiggarantixxi l-iġjene tal-prodott, jikkostitwixxi “siġill” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 16(e).


40      Il-Gvern Belġjan iqis li “t-terminu ‘ssiġillar’ għandu jiġi mifhum fis-sens li jimplika miżura partikolari ta’ imballaġġ meħuda mill-kummerċjant sabiex jimballa l-oġġett b’mod li ħadd ma jkun jista’ jiftħu mingħajr ma dan jiġi nnotat u li l-ftuħ tal-oġġett issiġillat jimplika li l-bejjiegħ li lilu l-oġġett jiġi rritornat għandu jerġa’ jieħu l-istess miżura partikolari sabiex jissiġilla l-oġġett mill-ġdid”.


41      F’dan is-sens, ara Hoeren, T., u Föhlisch, C., “Ausgewählte Praxisprobleme des Gesetzes zur Umsetzung der Verbraucherrechterichtlinie”, Computer und Recht, 2014, p. 245.


42      Il-Gvern Taljan iqis li tali klassifikazzjoni ma tkunx akkwistata għas-saqqijiet, għall-motivi li dawn ikunu ppakkjati, bl-għan tal-bejgħ tagħhom, f’imballaġġ maħsub biss sabiex jipproteġihom minn ħmieġ jew degradazzjonijiet matul it-trasport, u mhux biex jiggarantixxi l-ħelsien mill-bakterji, li lanqas ma huwa żgurat matul il-produzzjoni tagħhom, bid-differenza tal-oġġetti li għandhom jinbiegħu sterilizzati, bħat-tagħmir mediku.


43      L-immarkar li jista’ jikkonsisti fi stampar jew tikketta speċjali li jkunu jinsabu fuq l-imballaġġ bl-għan li jinnotifikaw lill-konsumatur li l-oġġett ġie ssiġillat minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene u li huwa ser jitlef id-dritt ta’ rtirar tiegħu jekk jikser dan is-siġill.


44      Ara, b’mod partikolari, id-dokumenti msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Nippreċiża li obbligu ġenerali li l-konsumatur jiġi informat wara l-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, għall-finijiet ta’ konferma tal-ftehim, madankollu huwa previst fl-Artikolu 8(7) ta’ din id-direttiva, sa fejn jikkonċerna l-informazzjoni kollha intiża fl-Artikolu 6(1) tagħha biss jekk il-kummerċjant naqas milli jipprovdiha lill-konsumatur fuq mezz li jservi għal żmien twil qabel il-konklużjoni tal-kuntratt tagħhom. Din l-aħħar dispożizzjoni hija s-suġġett tal-punt (b) tat-tieni domanda preliminari (ara l-punti 50 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet).


46      Bħad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75).


47      Il-qorti tar-rinviju tqis li ċitazzjoni sempliċi jista’ jkun diffiċli sabiex tiġi mifhuma minn persuna mhux ġurista, u dan jiffavorixxi l-argument li skontu l-kummerċjant ikun debitament ħieles mill-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni biss jekk huwa, qabel ma l-kuntratt jorbot lill-konsumatur, ġibed l-attenzjoni tiegħu b’mod espliċitu dwar il-fatt li d-dritt ta’ rtirar tiegħu jintilef jekk l-oġġett jitneħħielu s-siġill, b’riferiment konkret għall-oġġett tal-kuntratt (fil-każ ineżami, saqqu), kif ukoll il-fatt li l-oġġett huwa ssiġillat u l-mod li dan huwa ssiġillat bih.


48      Slewo targumenta li għalhekk il-konsumatur ikun mgħarraq minn turrun informazzjoni inutli u li, meta jixtri diversi prodotti, ikollu jivverifika għal kull wieħed minnhom jekk ikunx jista’ jitlef id-dritt ta’ rtirar tiegħu, b’mod partikolari bit-twettiq ta’ atti bħal tneħħija ta’ siġill.


49      B’kunsiderazzjoni tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, nippreċiża li l-premessa 12 u l-Artikolu 6(8) tad-Direttiva 2011/83 jistabbilixxu li l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fiha jikkompletaw, filwaqt li jagħtuhom preċedenza jekk ikun il-każ, l-obbligi ta’ informazzjoni previsti mid-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), li ma tipprovdix, fil-fehma tiegħi, indikazzjonijiet utli sabiex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari.


50      Jiġifieri dawk elenkati fil-punti (a) sa (t) tal-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 6.


51      In-natura eżawrjenti tal-informazzjoni li għandha tingħata tirriżulta espressament mill-premessa 34 tal-imsemmija direttiva kif ifformulata, b’mod partikolari, fil-verżjoni Franċiża tagħha (“informations claires et exhaustives”). Nippreċiża li tintuża kelma differenti fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, b’mod partikolari, fil-verżjoni Ingliża (“clear and comprehensible information”) u f’dik Ġermaniża (“in klarer und verständlicher Weise informieren”). Madankollu, dawn it-termini differenti (enfasi miżjuda minni) jenfasizzaw, fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li l-konsumatur għandu jiġi informat kompletament qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.


52      Bħall-informazzjoni li tirriżulta mill-imballaġġ tal-prodott, li hija prevista fil-punt (a) tat-tieni domanda preliminari.


53      Rekwiżit hawn marbut iktar mal-kontenut tal-informazzjoni milli mal-mod kif tingħata, li huwa distint mir-rekwiżiti relatati mal-kundizzjonijiet formali stricto sensu li għandu josserva l-kuntratt mill-bogħod skont id-Direttiva 2011/83, li huma stabbiliti fl-Artikolu 8 tagħha. F’dan l-aħħar rigward, ara b’mod partikolari, dwar id-Direttiva 97/7 issostitwita bid-Direttiva 2011/83, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2012, Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419, punti 42 sa 51).


54      Konformement mal-kriterju ta’ evalwazzjoni normalment użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relatata mal-protezzjoni tal-konsumaturi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association, C‑44/17, EU:C:2018:415, punti 47 u 52, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia, C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 51).


55      Bħalma jindika l-Gvern Taljan, huwa importanti “li l-konsumatur ikun jista’ jifhem sew il-portata tal-offerta kummerċjali u l-limitazzjonijiet tad-drittijiet tiegħu sa mill-ewwel kuntatt mall-bejjiegħ, fejn l-offerta għandha tissodisfa regoli ddeterminati minn ċarezza u preċiżjoni, u b’hekk tinkludi l-elementi essenzjali kollha sabiex il-konsumatur medju jkun jista’ jiddetermina korrettament il-portata u l-kundizzjonijiet tagħha”.


56      B’kuntrast mal-punt (h) ta’ dan il-paragrafu 1, li jikkonċerna s-sitwazzjonijiet fejn “jeżisti dritt ta’ reċess [dritt ta’ rtirar]” u jimponi f’dan ir-rigward li “[l]-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ tali dritt” jinġiebu għall-attenzjoni tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, ara t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-kawża pendenti Walbusch Walter Busch (C‑430/17).


57      Nosserva li, permezz ta’ din il-formulazzjoni ġenerali, l-Artikolu 6(1)(k) tad-Direttiva 2011/83 jiġbor il-każijiet kollha ta’ eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar imsemmija fl-Artikolu 16 tagħha, u mhux biss il-każ previst fil-punt (e) ta’ dan tal-aħħar, li huwa l-uniku suġġett tad-domandi preċedenti magħmula fil-kawża ineżami.


58      Dan l-aħħar xenarju biss jidhirli li huwa kopert mid-domanda preliminari ineżami.


59      Ix-xogħol preparatorju ta’ dan it-test ma jipprovdix, fil-fehma tiegħi, ċarezza utli f’dan ir-rigward (ara, b’mod partikolari, ir-rapport tal-Parlament imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u b’mod iktar speċjali, l-emenda relatata mal-Artikolu 9(1)(e)a, p. 58 u 59, kif ukoll in-nota spjegattiva, p. 119 u 120).


60      Ara ċ-ċitazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali inkwistjoni li jinsabu fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


61      Skont id-Dokument ta’ Gwida msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, “[p]ereżempju, għall-ikel fil-bottijiet li huwa ssiġillat skont it-tifsira tal-Artikolu 16(e) [tad-Direttiva 2011/83], il-kummerċjant għandu [skont l-Artikolu 6(1)(k) tagħha] jinforma lill-konsumatur li, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u ta’ iġjene, il-konsumatur jitlef id-dritt ta’ rtirar jekk il-bottijiet huma miftuħa” (ara t-Taqsima 6.2, p. 47).


62      Fil-prattika, huwa possibbli li konsumatur jiddeċiedi li ma jordnax oġġett wara li jkun sar jaf li l-prova tiegħu, ladarba kkunsinnat, u r-ritorn possibbli tiegħu jkunu limitati minħabba l-fatt li dan l-oġġett huwa ssiġillat.


63      Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Heininger (C‑481/99, EU:C:2001:684, punt 45), tal‑10 ta’ April 2008, Hamilton (C‑412/06, EU:C:2008:215, punt 33), u tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Martín Martín (C‑227/08, EU:C:2009:792, punt 26), li kienu jirrigwardaw id-Direttiva 85/577, kif ukoll is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2012, Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419, punti 34 et seq.), li kienet tirrigwarda d-Direttiva 97/7.


64      Fuq in-natura essenzjali ta’ dan id-dritt għall-informazzjoni tal-konsumatur, irrikonoxxut minn kmieni ħafna mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ara Aubert de Vincelles, C., “Protection des intérêts économiques des consommateurs – Droit des contrats”, JurisClasseur Europe, Faxxikolu 2010, punt 19.


65      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Martín Martín (C‑227/08, EU:C:2009:792, punt 27), li tirrigwarda l-obbligu li l-konsumaturi jiġu informati impost fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/577.


66      Fis-sens ta’ traspożizzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2011/83 tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda d-Direttivi 85/577 u 97/7, ara, rispettivament, is-sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin (C‑485/17, EU:C:2018:642, punti 35 et seq.), kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2017, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main (C‑568/15, EU:C:2017:154, punt 26).