Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Mejju 2008 - Liga para a Protecção da natureza vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-186/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Liga para a Protecção da natureza (Liżbona, il-Portugall) (rappreżentant: P. Vinagre e Silva, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-28 ta' Frar 2008 [imsemmija fl-ittra tat-3 ta' April 2008 mibgħuta mill-Kummissjoni lil-Liga para a Protecção da natureza (iktar 'il quddiem l-LPN)], li permezz tagħha l-Kummissjoni għalqet il-każ dwar l-ilment Nru 2003/4523, dwar il-bini tad-diga ta' Baixo Sabor, inkwantu din id-deċiżjoni tippreżumi, b'mod żbaljat, li kienu ġew osservati l-formalitajiet proċedurali essenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-lanjanti (LPN) sabiex tipparteċipa fil-proċedura prekontenzjuża dwar il-proġett tad-"Diga ta' Baixo Sabor", mibdija permezz ta' l-ilment Nru 2003/4523 mibgħut lill-Kummissjoni Ewropea;

tannulla wkoll id-deċiżjoni li permezz tagħha s-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni rrifjuta taċitament l-applikazzjoni konfermatorja ppreżentata mil-LPN fid-19 ta' Frar 2008 skond l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/20011;

tordna l-ħlas favur l-LPN ta' kumpens simboliku bħala konsegwenza tad-delużjoni ta' l-aspettativi leġittimi tagħha li l-Kummissjoni kienet se taġixxi b'mod ġust u li kienet se tosserva r-regoli proċedurali;

titlob lill-Kummissjoni, skond l-Artikoli 64 et seq tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tippreżenta lill-Qorti tal-Prim'Istanza l-allegata deċiżjoni ta' l-għeluq tal-każ tat-28 ta' Frar 2008, li la ġiet innotifikata lir-rikorrenti u lanqas ippubblikata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni ta' l-għeluq tal-każ dwar l-ilment

Id-deċiżjoni ta' l-għeluq tal-każ dwar l-ilment hija invalida peress li hi bbażata fuq ksur manifest tad-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet preliminari, li l-Kummissjoni stess tat lil-LPN.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għal kwalunkwe dokument fil-fajl li kien jippermetti l-eżerċizzju tad-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, u dan mingħajr ma ġew ippreċiżati ir-"regoli interni" (li tagħhom hija tafferma l-eżistenza) abbażi ta' liema hija kienet tat dan id-dritt.

Hemm ukoll ksur ta' prinċipji fundamentali, bħal dawk ta' bona fide, ta' lealtà, ta' trasparenza, u ta' amministrazzjoni tajba, inkwantu ma jistax ikun li l-osservazzjonijiet ġew analizzati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali ta' l-għeluq tal-każ dwar l-ilment (fil-fatt, inqas minn 24 siegħa għaddew bejn x'ħin intbagħtu l-osservazzjonijiet preliminari - 40 paġna bil-Portugiż, b'fatti u argumenti ġooda - u d-deċiżjoni ta' l-għeluq tal-każ dwar l-ilment).

Id-deċiżjoni ta' rifjut impliċitu

Fid-dawl tar-Regolamenti Nru 1367/20062 u Nru 1049/2001, li jikkonfermaw mingħajr ekwivoku d-dritt ta' aċċess għar-"regoli interni" li fuqhom hu bbażat l-għoti tad-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet preliminari, is-silenzju - l-ewwelnett tal-Kummissjoni, imbagħad tas-Segretarjat Ġenerali fl-istadju ta' l-applikazzjoni konfermatorja - huwa inspjegabbli u jikser kjarament id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti u informazzjoni previst minn dawn ir-regolamenti.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).

2 - Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (JO L 264, p. 13).