Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fid-19 ta’ Ottubru 2022 – Airbnb Ireland UC vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

(Kawża C-662/22)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Ammisnistrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Airbnb Ireland UC

Konvenut: Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

Domandi preliminari

1)    Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online 1 jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, sabiex tippromwovi l-ekwità u t-trasparenza għall-utenti kummerċjali ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ linji gwida, il-promozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti, timponi fuq fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, li jinvolvi t-trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l-organizzazzjoni tagħhom u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza?

2)    Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika 1 tobbliga lill-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni miżuri li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, li jinvolvi t-trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l-organizzazzjoni tagħhom u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, id-direttiva tippermetti lil individwu jopponi l-applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ miżuri mhux ikkomunikati lill-Kummissjoni?

3)    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern 1 jipprekludi l-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet li, sabiex jippromwovu l-ekwità u t-trasparenza għall-utenti kummerċjali ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ linji gwida, il-promozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti, jimponu fuq operaturi stabbiliti f’pajjiż Ewropew ieħor oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja, bħar-reġistrazzjoni f’reġistru, li jinvolvi t-trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l-organizzazzjoni tagħhom u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza?

4.    Il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE u fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern 1 jipprekludu l-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet li, sabiex jippromwovu l-ekwità u t-trasparenza għall-utenti kummerċjali ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online, b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ linji gwida, il-promozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti, jimponu fuq operaturi stabbiliti f’pajjiż Ewropew ieħor oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja, bħar-reġistrazzjoni f’reġistru, li jinvolvi t-trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l-organizzazzjoni tagħhom u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza?

5.    L-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31/KE jobbliga lill-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni miżuri li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, li jinvolvi t-trażmissjoni ta’ informazzjoni importanti dwar l-organizzazzjoni tagħhom u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, id-direttiva tippermetti lil individwu jopponi l-applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ miżuri mhux ikkomunikati lill-Kummissjoni?

____________

1     ĠU 2019, L 186, p. 57.

1     ĠU 2015, L 241, p. 1.

1     ĠU 2000, L 178, p. 1.

1     ĠU 2006, L 376, p. 36.