Language of document : ECLI:EU:T:2005:373

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla Estiża)

25 ta' Ottubru 2005 (*(1))

"Trademark Komunitarja – Trademark verbali Cloppenburg – Raġuni assoluta għal rifjut ta' reġistrazzjoni – Karattru deskrittiv – Oriġini ġeografika – Artikolu 7 (1) (ċ) tar-Regolament (KE) Nru. 40/94"

Fil-kawża T-379/03

Peek & Cloppenburg KG, stabbilita f'Düsseldorf (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn U. Hildebrandt, wara minn P. Lange, P. Wilbert u A. Auler, wara minn Lange, Wilbert, Auler u J. Steinberg, avukati,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn D. Schennen u G. Schneider, wara minn A. von Mühlendahl, D. Schennen u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-27 ta' Awwissu 2003 (R 105/2002-4), dwar it-talba għal reġistrazzjoni tas-sinjal verbali Cloppenburg bħala trademark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla Estiża),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij, N. J. Forwood, I. Pelikánová u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-20 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-24 ta' Ottubru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trademark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Cloppenburg.

3       L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni saret għal "servizzi ta' bejgħ bl-imnut", li jaqgħu fil-klassi 35 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

4       Permezz tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Diċembru 2001, l-eżaminatriċi ta' l-UASI rrifjutat it-talba għal reġistrazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 7 (1) (ċ) tar-Regolament Nru. 40/94.

5       Fil-25 ta' Jannar 2002, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi skond l-Artikoli 57 sa 59 tar-Regolament Nru. 40/94.

6       Permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta' Awwissu 2003 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata", ir-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad ir-rikors imressaq mir-rikorrenti. Fis-sustanza, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-kelma "Cloppenburg" tirreferi għal belt Ġermaniża li tinsab fis-Sassonja ta' Isfel, u li l-Landkreis ta' Cloppenburg, żona li ħadet isimha minn din il-belt, kellha, fl-2002, popolazzjoni ta' iktar minn 152,000 abitant. Il-Bord ta' l-Appell irrileva li, bil-Ġermaniż, is-suffiss "burg" jinftiehem bħala indikazzjoni ta' post, li l-ibliet u r-reġjuni importanti fi Cloppenburg jissemmew b'mod regolari fir-rapporti u fil-previżjonijiet tat-temp imxandra fit-territorju Ġermaniż kollu u li indikazzjonijiet simili jidhru fuq it-tabelli fit-toroq arterjali b'tali mod li wieħed ikun jista' jaqrahom waqt li jkun qiegħed isuq jew jismagħhom waqt programmi ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku. Il-Bord żied jgħid li l-isem "Cloppenburg" jirreferi għall-post tal-fornitur tas-servizzi u, għaldaqstant, il-post fejn kienu disinjati u minn fejn ingħataw is-servizzi ta' bejgħ bl-imnut. Minn dan, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li l-konsumatur finali Ġermaniż jipperċepixxi l-kelma "Cloppenburg" bħala indikazzjoni ta' l-oriġini ġeografika.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

7       Permezz tar-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-17 ta' Novembru 2003, ir-rikorrenti ressqet il-preżenti rikors.

8       Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-UASI sabiex iħallas l-ispejjeż.

9       Fl-20 ta' Frar 2004, l-UASI ppreżenta dokument intitulat "Rapport ta' Tweġiba". F'dan id-dokument, taħt it-titolu "Talbiet", l-UASI ssottometta:

"L-UASI hija inklinata li ssostni t-talba tar-rikorrenti dwar l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, din il-pożizzjoni twassal […] għar-rikonoxximent tat-talba tar-rikorrent u teħles lill-[Qorti tal-Prim'Istanza] mill-bżonn li tagħti sentenza. Minħabba din is-sitwazzjoni, il-konvenut jitlob lill-[Qorti tal-Prim'Istanza] biex tagħti sentenza fuq ir-rkors abbażi ta' l-argumenti dwar fatti u dritt imressqa mill-partijiet.

Fil-mument preżenti, il-konvenut jirrinunzja milli jagħmel talba finali."

10     Abbażi tar-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

11     Wara li semgħet lill-partijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza bagħtet lura l-kawża lit-Tieni Awla Estiża.

12     Fis-seduta, l-UASI kkonferma li mhux ser jagħmel talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżda jirrimetti ruħu għall-ġudizzju għaqli tal-Qorti.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

13     Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq, prinċipalment, raġuni waħda, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 7 (1) (ċ) tar-Regolament Nru. 40/94.

14     Ir-rikorrenti targumenta, fl-ewwel lok, li l-kelma "Cloppenburg" hija kunjom komuni fil-Ġermanja. Tant hu hekk li fuq id-direttorju tat-telefon hemm imniżżel iktar minn 16,000 abbonat b'dak il-kunjom. Issa, skond ir-rikorrenti, il-kunjomijiet fihom innifishom għandhom karattru distintiv. F'dan il-kuntest, hija osservat li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 2003, OHMI vs Wrigley (C-191/01 P, Ġabra p. I-12447) mhix rilevanti għall-każ preżenti. Skond din is-sentenza, ir-reġistrazzjoni ta' sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata jekk, mill-anqas f'wieħed mis-sinifikati potenzjali tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti konċernati. Skond ir-rikorrent, jekk fil-kummerċ is-sinifikat prinċipali ma jkunx indikazzjoni ta' l-oriġini ġeografika, ir-reġistrazzjoni għandha ssir bi dritt.

15     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li bil-Ġermaniż, l-indikazzjonijiet ġeografiċi normalment isiru permezz ta' kliem jew ta' suffiss bħal per eżempju "aus Cloppenburg" jew "Cloppenburger …" (minn Cloppenburg).

16     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti targumenta li l-UASI la ressaq provi biex juri li, fil-fatt, il-pubbliku rilevanti assoċja l-isem "Cloppenburg" ma' servizzi ta' bejgħ bl-imnut u lanqas li assoċjazzjoni bħal din hija raġonevolment possibbli fil-futur.

17     Fis-seduta, ir-rikorrenti żiedet tgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ibbażata fuq motivi korretti billi l-Bord ta' l-Appell sempliċement rrifjuta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti mingħajr ma ssostitwihom b' argumenti minn tiegħu.

18     L-UASI tikkunsidra li r-rikors huwa ammissibbli minħabba r-raġunijiet segwenti. Fl-ewwel lok, il-Bord ta' l-Appell ma ressaqx provi biex juri li l-belt ta' Cloppenburg hija magħrufa fost il-pubbliku rilevanti. Fit-tieni lok, ma hemm xejn li jindika li Cloppenburg – il-belt jew il-Landkreis – hija magħrufa bħala post fejn jiġu mmanufatturati xi prodotti partikolari. Fit-tielet lok, il-Bord ta' l-Appell ma stabbiliex li Cloppenburg hija magħrufa, barra mir-reġjun, bħala post fejn jingħataw servizzi. Għaldaqstant, it-trademark Cloppenburg mhix ħa tinftiehem mill-konsumatur ikkonċernat, li f'dan il-każ huwa l-konsumatur medju Ġermaniż, bħala trademark komposta esklużivament minn sinjali jew minn indikazzjonijiet li fil-kummerċ jistgħu jservu biex jispeċifikaw l-oriġini ġeografika ta' fejn jingħata s-servizz speċifikat jew inkella tal-prodotti mibjugħa fil-kuntest ta' bejgħ bl-imnut.

19     L-UASI jżid jgħid li, skond is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Ġunju 2004, GE Betz vs UASI – Atofina Chemicals (BIOMATE) (T-107/02, għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra), l-UASI mhux marbut li jikkonkludi favur iċ-ċaħda tar-rikors iżda jista' jirrimetti ruħu għall-ġudizzju għaqli tal-Qorti tal-Prim'Istanza wara li jkun ressaq l-argumenti kollha li jidhrulu xierqa. Madankollu, skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Ottubru 2004, Vedial vs UASI (C-106/03 P, Ġabra p. I-9573), li kkonfermat fl-appell is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Vedial vs UASI – France Distribution (HUBERT) (T-110/01, Ġabra p. II-5275), l-UASI ma jista' fl-ebda sitwazzjoni jibdel il-kwistjonijiet tal-kawża. Skond l-UASI, l-istess prinċipji japplikaw għal proċeduri dwar raġunijiet assoluti għal rifjut ta' reġistrazzjoni.

20     Barra minn hekk, l-UASI jissottometti li, skond l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru. 40/94, kwistjoni li tkun rinvijata lill-Bord ta' l-Appell ma tibqax fil-kompetenza ta' l-eżaminatur li, min-naħa tiegħu, ikun marbut mill-istruzzjonijiet tal-President ta' l-UASI. Skond l-Artikolu 131 (2) ta' l-istess Regolament, fil-verżjoni li tapplika għal din il-kawża, il-Bordijiet ta' l-Appell igawdu minn indipendenza li ma tippermettix lill-UASI tirtira d-deċiżjoni kkontestata jew jibdilha f'deċiżjoni favur ir-rikorrenti.

21     Waqt is-seduta, ir-rikorrenti adottat il-pożizzjoni meħuda mill-UASI dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet preċedenti billi indikat li hi wkoll tippreferi konklużjoni favur l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet ta' l-UASI

22     F'dak li għandu x'jaqsam mal-pożizzjoni proċedurali ta' l-UASI, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li, fir-rigward ta' proċedura marbuta ma' deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell mogħtija fi proċedura ta' oppożizzjoni, l-UASI la għandu s-setgħa meħtieġa biex iressaq rikors kontra deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell u lanqas ma għandu jkun marbut li jiddefendi b'mod sistematiku d-deċiżjonijiet ta' Bord ta' l-Appell li jkunu kkontestati jew li jikkonkludi dejjem favur iċ-ċaħda tar-rikorsi kollha mressqa kontra deċiżjoni ta' Bord ta' l-Appell (sentenza BIOMATE, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34). Ma hemm xejn li jżomm lill-UASI milli jaqbel ma' konklużjoni tar-rikorrenti jew milli jikkuntenta ruħu billi jirrimetti l-kawża tiegħu għall-ġudizzju għaref tal-Qorti tal-Prim'Istanza waqt li jressaq dawk l-argumenti li jidhrulu xierqa biex jispjega l-pożizzjoni tiegħu lill-Qorti tal-Prim'Istanza (sentenza BIOMATE, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36). Mill-banda l-oħra, l-UASI ma jistax iressaq talbiet favur l-annullament jew favur il-bdil tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell abbażi ta' punt li ma kienx imqajjem fir-rikors jew jippreżenta raġunijiet li ma kienux imqajma fir-rikors (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Ottubru 2004, Vedial vs UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34).

23     Barra minn hekk, fl-Artikolu 133 (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-UASI huwa indikat bħala l-konvenut quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Din l-indikazzjoni ma tibdilx il-konsegwenzi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru. 40/94 għal dak li jikkonċerna l-Bordijiet ta' l-Appell. L-iktar li din l-indikazzjoni tippermetti hu li f'każ ta' annullament jew bdil tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispejjeż tal-kawża jiġu deċiżi indipendentament mill-pożizzjoni meħuda mill-UASI quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (sentenza BIOMATE, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

24     Ir-Raba' Titolu tar-Regoli tal-Proċedura jiddefinixxi r-rwol ta' l-UASI bħala konvenut b'manjiera uniformi u mingħajr ma jiddistingwi bejn il-proċeduri li, quddiem il-Bord ta' l-Appell, jinvolvu partijiet oħra minbarra r-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (iktar 'il quddiem "proċeduri inter partes" u dawk li jinvolvu biss lir-rikorrenti u lill-UASI (iktar 'il quddiem "proċeduri ex parte". Barra minn hekk, it-test ta' l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru. 40/94, ma jagħmel l-ebda distinzjoni abbażi ta' jekk il-proċedura li waslet għad-deċiżjoni kkontestata kinitx proċedura inter partes jew proċedura ex parte. Dan ifisser li l-ġurisprudenza imsemmija iktar 'il fuq, ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest ta' proċeduri inter partes, hija applikabbli wkoll fil-kuntest ta' proċeduri ex parte.

25     F'din il-kawża, peress li l-UASI rrifjuta, b'mod espliċitu, li jasal għal konklużjoni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun annullata u minħabba li rrassenja ruħu għall-ġudizzju għaref tal-Qorti tal-Prim'Istanza, għandu jiġi kkonstatat li l-UASI ressaq biss argumenti li jostnu r-raġuni tar-rikorrenti li hija bbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 7 (1) (c) tar-Regolament Nru. 40/94. Dan ifisser li l-UASI esprima kjarament ir-rieda tiegħu li jsostni t-talbiet u r-raġuni mressqa mir-rikorrenti.

26     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet ta' l-UASI għandhom ikunu fformulati mill-ġdid u għandu jiġi kkunsidrat li, fis-sustanza, l-UASI kkonkluda li t-talbiet tar-rikorrenti għandhom jintlaqgħu.

27     Mill-punti 22 sa 24, iktar 'il fuq, jirriżulta li t-talbiet li permezz tagħhom il-UASI qabel mat-talbiet tar-rikorrenti favur l-annullament għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli safejn huma u l-argumenti mressqa in sostenn tagħhom ma jmorrux oltre t-talbiet u r-raġunijiet imressqa mir-rikorrenti.

28     Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-fatt li hemm konkordanza bejn it-talbiet u l-argumenti tal-partijiet jistax jeżenta, f'dan il-każ, lill-Qorti tal-Prim'Istanza milli tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors, kif ta x'jifhem il-UASI, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li hemm qbil bejn l-argumenti tal-partijiet dwar il-mertu tal-kawża, ir-rikors ma tilifx l-iskop tiegħu. Fil-fatt, minkejja l-qbil bejn il-partijiet, id-deċiżjoni kkontestata la kienet immodifikata u lanqas irtirata, peress li l-UASI la għandu s-setgħa biex jimmodifika jew jirtira d-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma jista' jagħti struzzjonijiet f'dan is-sens lill-Bordijiet ta' l-Appell, li l-indipendenza tagħhom hija mħarsa mill-Artikolu 131(2) tar-Regolament Nru. 40/94, fil-verżjoni applikabbli sad-9 ta' Marzu 2004, li sar, fil-verżjoni attwali, l-Artikolu 131(4). Dan ifisser li r-rikorrenti baqgħalha interess li tikseb l-annullament ta' din id-deċiżjoni.

29     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-konkordanza bejn it-talbiet u l-argumenti tal-partijiet ma jeżentawx lill-Qorti tal-Prim'Istanza milli teżamina l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tar-raġunijiet ifformulati fir-rikors li ressaq din il-kawża.

 Fuq il-mertu

30     Skond l-Artikolu 7 (1) (ċ) tar-Regolament Nru. 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati "trademarks li jikkonsistu esklussivament f'sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta' produzzjoni tal-prodotti jew ta' meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi".

31     Barra minn hekk, l-Artikolu 7 (2), ta' l-istess Regolament, jgħid li "l-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trademark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f'parti tal-Komunità".

32     L-għan wara l-Artikolu 7 (1) (ċ) tar-Regolament Nru. 40/94 huwa wieħed ta' interess ġenerali, li jitlob li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi ta' kategoriji ta' prodotti u servizzi u li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jkunu jistgħu jintużaw bla tfixkil minn kulħadd. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tħallix li, minħabba li jiġu rreġistrati bħala trademark, sinjali jew indikazzjonijiet bħal dawn ikunu riżervati għal kumpannija waħda (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 25).

33     Partikolarment fir-rigward ta' sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jindikaw l-oriġini ġeografika ta' kategoriji ta' prodotti u li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trademark, b'mod partikolari l-ismijiet ġeografiċi, hemm interess ġenerali li jinżammu disponibbli speċjalment minħabba l-kapaċità tagħhom li mhux biss jirrivelaw il-kwalità u karatteristiċi oħra tal-kategoriji ta' prodotti u servizzi konċernati, iżda wkoll li jinfluwenzaw b'diversi modi l-għażliet tal-konsumaturi, per eżempju, permezz ta' l-assoċjazzjoni tal-prodotti jew servizzi ma' post li jista' jnissel sentimenti pożittivi (ara, b'analoġija, is-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26).

34     Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mhux permess ir-reġistrazzjoni, min-naħa waħda, ta' ismijiet ġeografiċi bħala trademarks jekk dawn jirreferu għal postijiet speċifiċi li diġà għandhom reputazzjoni jew diġà huma magħrufa għall-kategorija ta' prodotti jew servizzi konċernata u li, għalhekk, fl-għajnejn tal-persuni rilevanti joħolqu konnessjoni ma' dak il-post u, min-naħa l-oħra, ta' ismijiet ġeografiċi li x'aktarx jintużaw mill-kumpanniji li għandhom ukoll jinżammu disponibbli għal dawn il-kumpanniji bħala indikazzjoni ta' l-oriġini ġeografika tal-kategorija ta' prodotti jew servizzi konċernata (ara, b'analoġija, is-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar 'il fuq, punti 29 u 30).

35     F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-leġiżlatur Komunitarju rriżerva, permezz ta' deroga fl-Artikolu 7 (1) (ċ) tar-Regolament Nru. 40/94, il-possibbiltà li jiġu rreġistrati bħala trademark kollettiva dawk is-sinjali li jistgħu jservu bħala indikazzjoni ta' l-oriġini ġeografika, skond l-Artikolu 64 (2) ta' l-imsemmi Regolament u, fil-każ ta' ċerti prodotti, jekk dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa, bħala indikazzjonijiet ġeografiċi jew denominazzjonijiet ta' l-oriġini protetti taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru. 2081/92 tal-Kunsill, ta' l-14 ta' Lulju 1992, dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta' l-ikel (ĠU L 208, p.1).

36     Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, bħala prinċipju, l-Artikolu 7 (1) (ċ) tar-Regolament Nru. 40/94, ma jipprekludix ir-reġistrazzjoni ta' ismijiet ġeografiċi li m'humiex magħrufa fost il-persuni rilevanti jew, ta' l-anqas, mhux magħrufa bħala isem ta' post ġeografiku jew inkella ta' ismijiet ġeografiċi li fir-rigward tagħhom mhux probabbli, minħabba l-karatteristiċi tal-post imsemmi, li l-persuni rilevanti jkunu jistgħu jimmaġinaw li l-kategorija ta' prodotti u servizzi konċernata għandha l-oriġini tagħha f'dan il-post li kienet iddisinjata fih (ara, b'analoġija, is-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33).

37     Minn dan isegwi li l-apprezzament tal-karattru deskrittiv ta' sinjal ma jistax isir la abbażi tar-relazzjoni mal-prodotti jew mas-servizzi konċernati u lanqas permezz ta' kif jifhimha l-pubbliku rilevanti (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2003, Nordmilch vs UASI (OLDENBURGER), T-295/01, Ġabra p. II-4365, punti 27 sa 34).

38     Fir-rigward ta' din il-kunsiderazzjoni, l-UASI hu marbut li jistabbilixxi li isem ġeografiku huwa magħruf mill-persuni rilevanti bħala isem ta' post. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li l-isem konċernat attwalment jirrappreżenta, fl-għajnejn tal-persuni rilevanti, rabta mal-kategorija ta' prodotti jew ta' servizzi konċernati jew li huwa raġonevoli li wieħed jimmaġina li isem bħal dan jista, f'għajnejn il-pubbliku, jirreferi għall-oriġini ġeografika ta' l-imsemmija kategorija ta' prodotti jew servizzi. Fil-kuntest ta' dan l-eżami, jaqbel li tittieħed in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-konoxxenza, ftit jew wisq wiesa' li l-persuni rilevanti għandhom ta' l-isem ġeografiku, kif ukoll il-karatteristiċi tal-post imsemmi u tal-kategorija ta' prodotti jew servizzi konċernata (ara, b'analoġija, is-sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27 u punt 1 tad-dispożittiv).

39     F'din il-kawża, l-eżami tal-Qorti tal-Prim'Istanza għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk, għall-pubbliku rilevanti fil-Ġermanja, is-sinjal mitlub huwiex magħmul biss minn indikazzjoni li fil-kummerċ tista' sservi bħala indikazzjoni ta' l-oriġini ġeografika tas-servizzi indikati. F'dan ir-rigward, huwa kostanti li "Cloppenburg" huwa l-isem ta' belt li tinsab fis-Sassonja ta' Isfel u li għandha madwar 30,000 abitant.

40     Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestatx li l-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-konsumatur medju ta' "servizzi ta' bejgħ bl-imnut" huwa kkostitwit mill-konsumatur medju Ġermaniż.

41     Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-karattur deskrittiv tas-sinjal Cloppenburg, għandu jkun ikkonstatat, l-ewwel nett, li r-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata li juru li konsumatur medju fil-Ġermanja jagħraf dan is-sinjal bħala post ġeografiku, mhumiex kollha konvinċenti.

42     Fl-ewwel lok, il-fatt li ħafna drabi kelma li tispiċċa b'"burg" tirreferi għal post ġeografiku, fih innifsu, mhux biżżejjed biex ikun stabbilit li l-konsumatur, meta jara l-kelma "Cloppenburg" jiġih f'moħħu l-isem ta' belt speċifika. Fil-fatt, dan is-suffiss jintuża wkoll għall-kunjomijiet u għal kliem immaġinarji.

43     Fit-tieni lok, it-teżi tal-Bord ta' l-Appell li l-ibliet u r-reġjuni ta' daqs simili għal dak ta' Cloppenburg jissemmew b'mod regolari fir-rapporti u fil-previżjonijiet tat-temp fit-territorju kollu Ġermaniż, mhux konvinċenti. Fir-realtà, il-previżjonijiet tat-temp imxandra fit-territorju kollu Ġermaniż normalment jużaw bħala punti ta' referenza l-ibliet il-kbar bħal Amburgu, Ħanover, Dusseldorf, Kolonja, Berlin, Frankfurt-fuq-il-Main, Stuttgart jew Munich, kif ukoll il-muntanji jew l-ixmajjar il-kbar. Belt ta' importanza relattivament żgħira bħal ma hija Cloppenburg tissemma biss b'mod eċċezzjonali.

44     Fit-tielet lok, il-fatt li l-belt ta' Cloppenburg tista' tkun indikata fuq it-tabelli fit-toroq arterjali jew fuq rotot federali u l-fatt li tista' tissemma' fi programmi ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku, ma jbiddilx il-fatt li dawn l-indikazzjonijiet huma mmirati lejn pubbliku lokali. Barra minn hekk, id-direzzjonijiet indikati fuq it-tabelli fit-toroq arterjali fit-territorju federali kollu huma limitati għall-ibliet il-kbar li s-sitwazzjoni tagħhom hija magħrufa, bħal per eżempju dawk imsemmija fil-punt preċedenti. Referenza għall-isem tal-belt ta' Cloppenburg issir biss fiż-żona tal-madwar fejn tkun indirizzata lil pubbliku li jkun irid imur f'dak ir-reġjun jew f'dik il-belt. L-istess kunsiderazzjoni tapplika għall-informazzjoni dwar it-traffiku. Dawn jinstemgħu b'attenzjoni biss mill-pubbliku interessat fis-sitwazzjoni tat-traffiku f'dak ir-reġjun.

45     Fl-aħħar nett, il-Bord ta' l-Appell ma rrileva l-ebda attrazzjoni jew attività ekonomika li għaliha hija magħrufa l-belt ta' Cloppenburg fost il-konsumaturi fit-territorju kollu tal-Ġermanja.

46     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' ma tagħtix soluzzjoni għall-kwistjoni ta' jekk il-pubbliku rilevanti jafx il-belt ta' Cloppenburg bħala post ġeografiku. Fi kwalunkwe każ, minħabba d-daqs ta' ftit importanza ta' din il-belt, għandu jiġi kkunsidrat li, jekk għas-saħħa ta' l-argument, il-konsumatur Ġermaniż jaf b'din il-belt, dan l-għarfien għandu jkun ikkwalifikat bħala wieħed baxx, jew l-iktar l-iktar, bħala wieħed ta' livell medju.

47     Hemm lok li jiġi rrilevat, fit-tieni lok, li l-Bord ta' l-Appell ma ressaqx provi biżżejjed biex juri, kif mitlub mil-liġi, li f'għajnejn il-pubbliku rilevanti, teżisti rabta bejn il-belt jew ir-reġjun ta' Cloppenburg u l-kategorija ta' servizzi konċernati, jew li huwa raġonevolment probabbli li l-kelma "Cloppenburg" tista', f'għajnejn dan il-pubbliku, tirreferi għall-oriġini ġeografika tal-kategorija ta' servizzi konċernati.

48     Id-deċiżjoni kkontestata tgħid biss li huwa biżżejjed biex ikun applikat l-Artikolu 7 (1) (ċ) tar-Regolament Nru. 40/94, li l-konsumatur jista' jaħseb li l-kelma "Cloppenburg" tirreferi għall-post fejn huma ddisenjati jew mogħtija servizzi ta' bejgħ bl-imnut mingħajr ma indikat safejn kienet sodisfatta din il-kundizzjoni f'dan il-każ. Fis-sustanza, il-Bord ta' l-Appell sempliċement ikkunsidrat li għall-pubbliku Ġermaniż, il-kelma "Cloppenburg" tirreferi għal isem ta' belt fis-Sassonja ta' Isfel.

49     Issa, anki jekk il-pubbliku rilevanti jaf il-belt ta' Cloppenburg, dan ma jfissirx awtomatikament li s-sinjal jista' jservi fil-kummerċ bħala indikazzjoni ta' l-oriġini ġeografika. Biex ikun eżaminat jekk, f'dan il-każ, kienux sodisfatti l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut ta' reġistrazzjoni, hemm bżonn li jkunu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha bħal ma huma n-natura tal-prodotti jew servizzi msemmija, ir-reputazzjoni ftit jew wisq kbira, b'mod partikolari fis-settur ekonomiku konċernat, tal-post ġeografiku konċernat u l-għarfien ftit jew wisq wiesa' li l-pubbliku rilevanti għandu ta' dan il-post, l-użanzi tal-qasam ta' attività konċernata u l-kwistjoni ta' safejn l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi konċernati aktarx titqies bħala rilevanti, f'għajnejn il-persuni rilevanti, għall-apprezzament tal-kwalità jew ta' karatteristiċi oħra tal-prodotti jew servizzi kkonċernati.

50     F'din il-kawża, il-belt ta' Cloppenburg tgawdi fost il-pubbliku rilevanti għarfien baxx jew, l-iktar l-iktar, għarfien medju. Apparti li hija belt żgħira, il-Bord ta' l-Appell ma rrileva l-ebda kategorija ta' prodotti jew servizzi li fir-rigward tagħhom din il-belt għandha reputazzjoni bħala post ta' produzzjoni jew ta' għoti ta' servizzi. Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell ma stabbiliex li hija l-prassi fil-kummerċ li tkun indikata l-oriġini ġeografika fil-każ ta' servizzi ta' bejgħ bl-imnut. Barra minn hekk, l-oriġini ġeografika ta' servizzi bħal dawn mhijiex, normalment, meqjusa bħal rilevanti fl-apprezzament tal-kwalità jew tal-karatteristiċi ta' dawn is-servizzi.

51     F'dawn iċ-ċirkustanzi, fl-għajnejn tal-pubbliku rilevanti, il-belt ta' Cloppenburg ma għandha l-ebda rabta attwali mal-kategorija ta' servizzi konċernata, u mhux raġonevolment probabbli li tista, fil-futur, tindika l-oriġini ġeografika ta' dawn is-servizzi.

52     Dan ifisser li l-Bord ta' l-Appell, fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 (1) (ċ) tar-Regolament Nru. 40/94, wettaq żball fid-dritt. Għaldaqstant, hemm lok li tintlaqa' r-raġuni bbażata fuq il-ksur ta' din id-dispożizzjoni mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tippronunzja ruħha fuq l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti jew inkella fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni.

 Dwar l-ispejjeż

53     Skond l-Artikolu 87 (2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Minħabba li, safejn id-deċiżjoni kkontestata ġiet annullata, l-UASI tilef il-kawża, hemm lok li jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż, skond it-talbiet tar-rikorrenti, minkejja l-formulazzjoni mill-ġdid tat-talbiet ta' l-UASI magħmula fil-punt 26, iktar 'il fuq.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) tas-27 ta' Awwissu 2003 (R 105/2002-4) hija annullata.

2)      L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) huwa kkundannat iħallas l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Forwood

Pelikánová

 

       Papasavvas

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ottubru 2005.

Reġistratur

 

      il-President

E. Coulon

 

      J. Pirrung


1 Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.