Language of document : ECLI:EU:C:2009:257

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

23 ta’ April 2009 (*)

“Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni speċjali – Artikolu 5(1)(a) u t‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) – Kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi” – Konċessjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali”

Fil‑Kawża C‑533/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikoli 68 u 234 KE, imressqa mill‑Oberster Gerichtshof (l‑Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Novembru 2007, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fid‑29 ta’ Novembru 2007, fil‑kawża

Falco Privatstiftung,

Thomas Rabitsch

vs

Gisela Weller‑Lindhorst,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal‑Awla, T. von Danwitz, E. Juhász, G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑20 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Falco Privatstiftung u T. Rabitsch, minn M. Walter, Rechtsanwalt,

–        għal G. Weller‑Lindhorst, minn T. Wallentin, Rechtsanwalt,

–        għall‑Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper u M. Lumma, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall‑Gvern tar‑Renju Unit, minn C. Gibbs, bħala aġent,

–        għall‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud‑Joët u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas‑27 ta’ Jannar 2009,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(1)(a) u tat‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it‑talba ġiet ippreżentata fil‑kuntest ta’ kawża bejn Falco Privatstiftung, fondazzjoni stabbilita fi Vjenna (l‑Awstrija), flimkien ma’ T. Rabitsch, residenti fi Vjenna (l‑Awstrija) u G. Weller‑Lindhorst, residenti fi Munich (il‑Ġermanja), dwar, minn naħa, l‑eżekuzzjoni ta’ kuntratt li permezz tiegħu r‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali awtorizzaw lill‑konvenuta fil‑kawża prinċipali tikkummerċjalizza reġistrazzjonijiet vidjo ta’ kunċert, fl‑Awstrija, fil‑Ġermanja u fl‑Isvezja, u, min‑naħa l‑oħra, il‑kummerċjalizzazzjoni, mingħajr ebda bażi kuntrattwali, ta’ reġistrazzjonijiet awdjo tal‑imsemmi kunċert.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Il‑Konvenzjoni ta’ Brussell

3        Skont l‑Artikolu 5(1) tal‑Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil‑Konvenzjoni tas‑26 ta’ Mejju 1989 dwar l‑adeżjoni tar‑Renju ta’ Spanja u tar‑Repubblika Portuġiża (ĠU L 285, p. 1, iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni ta’ Brussell”):

“Il‑konvenut domiċiljat fit‑territorju ta’ Stat kontraenti jista’ jiġi mħarrek fi Stat kontraenti ieħor:

1)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil‑qrati tal‑post tat‑twettiq tal‑obbligu li huwa l-bażi tat-talba f’dak il‑każ; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Ir‑Regolament Nru 44/2001

4        IL‑premessa 2 tar‑Regolament Nru 44/2001 tipprovdi:

“Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il‑ġurisdizzjoni u r‑rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l‑operat tajjeb tas‑suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r‑regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex iħaffu l‑formalitajiet bl‑iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l‑eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir‑Regolament huma essenzjali.”

5        Skont il‑premessa 11 tar‑Regolament Nru 44/2001:

“Ir‑regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il‑prinċipju li l‑ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id‑domiċilju tal‑konvenut u l‑ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il‑lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is‑suġġett tal‑materja tal‑litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal‑partijiet tkun teħtieġ fattur [ta’ rabta] differenti […]”

6        IL‑premessa 12 tar‑Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“B’żieda mad‑domiċilju tal‑konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill‑qrib bejn il‑qorti u l‑azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal‑ġustizzja.”

7        Il‑premessa 19 tar‑Regolament Nru 44/2001 tipprovdi:

“Għandha tiġi żgurata l‑kontinwità bejn il‑Konvenzjoni ta’ Brussel u [...] ir‑Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il‑għan disposizzjonijiet transitorji. L‑istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall‑interpretazzjoni tal‑Konvenzjoni ta’ Brussel mill‑Qorti tal‑Ġustizzja […]”

8        Ir‑regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir‑Regolament Nru 44/2001 jinsabu fil‑Kapitolu II tiegħu, li huwa kompost mill‑Artikoli 2 sa 31.

9        L‑Artikolu 2(1) tar‑Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis‑Sezzjoni 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” tal‑imsemmi kapitolu II, jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir‑Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, ind[i]pendentament min‑nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil‑qrati ta’ dak l‑Istat Membru.”

10      L‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 44/2001, li jinsab fl‑istess sezzjoni, jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil‑qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis‑saħħa tar‑regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il‑Kapitolu.”

11      Skont l‑Artikolu 5 tar‑Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis‑Sezzjoni 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal‑Kapitolu II ta’ dan ir‑regolament:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxija:

1)      a)     f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil‑qrati tal‑post tat‑twettiq ta’ l‑obbligi f’dak il‑każ;

b)      għall‑iskopijiet ta’ din id‑disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il‑post tat‑twettiq ta’ l‑obbligi f’dak il‑każ għandu jkun:

–        fil‑każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il‑post fl‑Istat Membru fejn, skond il‑kuntratt, l‑oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–        fil‑każ ta’ provista ta’ servizzi, il‑post fl‑Istat Membru fejn, skond il‑kuntratt, ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi;

ċ)      jekk sub‑paragrafu (b) ma japplikax, japplika s‑sub‑paragrafu (a);

[...]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil‑qrati tal‑post fejn l‑effett tal‑ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12      Mid‑deċiżjoni tar‑rinviju jirriżulta li r‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali qed jitolbu l‑ħlas ta’ royalties abbażi tal‑ammont, parzjalment magħruf, tal‑bejgħ ta’ reġistrazzjonijiet vidjo ta’ kunċert. Huma jitolbu wkoll li l‑konvenuta fil‑kawża prinċipali tiġi kkundannata tagħti stima tal‑ammont totali tal‑bejgħ ta’ reġistrazzjonijiet vidjo u awdjo u tħallas ir‑royalties addizzjonali li jirriżultaw minnha. Insostenn tat‑talbiet tagħhom, ir‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali jinvokaw, fir‑rigward tal‑bejgħ tar‑reġistrazzjonijiet vidjo, il‑kundizzjonijiet tal‑kuntratt li jorbothom mal‑parti kontraenti tagħhom, u fir‑rigward tal‑bejgħ tar‑reġistrazzjonijiet awdjo, ksur tad‑drittijiet tal‑awtur minħabba nuqqas ta’ bażi kuntrattwali f’dan ir‑rigward.

13      Fl‑ewwel istanza, il‑Handelsgericht Wien, wara li tressqet kawża quddiemha mir‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali, iddeċidiet li kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq dawn it‑talbiet, skont l‑Artikolu 5(3) tar‑Regolament Nru 44/2001. Hija qieset li fid‑dawl tar‑rabta stretta bejn id‑drittijiet invokati, il‑ġurisdizzjoni tagħha kienet tkopri wkoll ir‑royalties relatati mar‑reġistrazzjonijiet vidjo dovuti skont il‑kuntratt inkwistjoni, liema fatt ġie kkontestat mill‑konvenuta fil‑kawża prinċipali.

14      Fl‑appell, l‑Oberlandesgericht Wien qieset li l‑Artikolu 5(3) tar‑Regolament Nru 44/2001 ma kienx japplika għad‑drittijiet ta’ natura kuntrattwali, u lanqas it‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tal‑istess regolament, peress li l‑kuntratt inkwistjoni ma kienx kuntratt għal provvista ta’ servizzi fis‑sens ta’ din id‑dispożizzjoni.

15      Wara li tressaq quddiemha appell fuq punt ta’ liġi (“reviżjoni”) fir‑rigward biss tat‑talbiet relatati mat‑tixrid ta’ reġistrazzjonijiet vidjo, l‑Oberster Gerichtshof osservat li l‑kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi” mhuwiex iddefinit fil‑kuntest tar‑Regolament Nru 44/2001. B’riferiment għall‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑qasam tal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal ċerti direttivi fil‑qasam tat‑taxxa fuq il‑valur miżjud (iktar ’il quddiem il‑“VAT”) li jippreferu definizzjoni wiesgħa tal‑kunċett ta’ servizzi, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk kuntratt, li permezz tiegħu l‑proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill‑parti kontraenti l‑jedd li tisfrutta dan id‑dritt bi ħlas, għandux jiġi kklassifikat bħala kuntratt relatat mal‑“provvista ta’ servizzi”, fis‑sens tat‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament Nru 44/2001. Jekk dan ikun il‑każ, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi fejn huwa l‑post fejn jiġi pprovdut is‑servizz u jekk il‑qorti li għandha ġurisdizzjoni tistax ukoll tiddeċiedi fuq ir‑royalties relatati mal‑isfruttament tad‑drittijiet tal‑awtur inkwistjoni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

16      Fil‑każ fejn il‑ġurisdizzjoni tal‑qrati ma tkunx ibbażata fuq it‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament Nru 44/2001, il‑qorti tar‑rinviju tqis li, bis‑saħħa tal‑Artikolu 5(1)(ċ) tal‑imsemmi regolament, għandha tiġi applikata r‑regola stabbilita fl‑Artikolu 5(1)(a). Issa, skont il‑qorti tar‑rinviju, fil‑kuntest tal‑Artikolu 5(1)(a) tar‑Regolament Nru 44/2001, il‑post tat‑twettiq tal‑obbligu kkontestat huwa determinanti, skont is‑sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1976, De Bloos (14/76, Ġabra p. 1497), u għandu jiġi stabbilit skont id‑dritt applikabbli fil‑kuntratt inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, skont is‑sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1976, Industrie Tessili Italiana Como (12/76, Ġabra p. 1473).

17      Fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet kollha, l‑Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiema u li tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari segwenti:

“1)      Il‑kuntratt li bis‑saħħa tiegħu l‑proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill‑parti kontraenti l‑jedd li tisfrutta dan id‑dritt (kuntratt ta’ liċenzja) huwa kuntratt li għandu bħala suġġett il‑‘provvista ta’ servizzi’ fis‑sens tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament [Nru 44/2001]?

2)      Jekk ir‑risposta għall‑ewwel domanda tkun fil‑pożittiv:

a)      Is‑servizz huwa pprovdut f’kull post fi Stat Membru fejn l‑użu tad‑dritt huwa permess abbażi tal‑kuntratt u fejn fil‑fatt jiġi użat?

b)      Jew inkella dan is‑servizz huwa pprovdut fil‑post tad‑domiċilju jew, fil‑post fejn huwa stabbilit min jikkonċedi l‑liċenzja?

ċ)      Jekk ir‑risposta għat‑tieni domanda, punt (a) jew għat‑tieni domanda, punt (b) tkun fil‑pożittiv, il‑li għandha ġurisdizzjoni għandha wkoll is‑setgħa li tiddeċiedi dwar ir‑royalties dovuti abbażi tal‑użu tad‑dritt fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

3)      Jekk ir‑risposta għall‑ewwel domanda, jew għat‑tieni domanda, punt (a) kif ukoll għat‑tieni domanda, punt (b) tkun fin‑negattiv, il‑ġurisdizzjoni fir‑rigward tal‑ħlas tar‑royalties fuq liċenzja taħt l‑Artikolu 5(1)(a) u (ċ) tar‑Regolament [Nru 44/2001] għandha tibqa’ tiġi stabbilita skont il‑prinċipji stabbiliti mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fir‑rigward tal‑Artikolu 5(1) tal‑[Konvenzjoni ta’ Brussell]?”

 Fuq id‑domandi preliminari

 Fuq l‑ewwel domanda

18      Permezz tal‑ewwel domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk kuntratt, li permezz tiegħu l‑proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill‑parti kontraenti l‑jedd li tuża dan id‑dritt inkambju għall‑ħlas ta’ remunerazzjoni, huwiex kuntratt għal provvista ta’ servizzi, fis‑sens tat‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament Nru 44/2001.

19      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l‑kliem tat‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament Nru 44/2001 ma jippermettix, waħdu, li tingħata risposta għad‑domanda li saret, peress li din id‑dispożizzjoni ma tiddefinixxix il‑kunċett ta’ kuntratt għal provvista ta’ servizzi.

20      Konsegwentement, it‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fid‑dawl tal‑oriġini, tal‑għanijiet u tal‑iskema tal‑imsemmi regolament (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage, C‑103/05, Ġabra p. I‑6827, punt 29, tal‑14 ta’ Diċembru 2006, ASML, C‑283/05, Ġabra p. I‑12041, punti 16 u 22, kif ukoll tat‑3 ta’ Mejju 2007, Color Drack, C‑386/05, Ġabra p. I‑3699, punt 18).

21      F’dan ir‑rigward, mill‑premessi 2 u 11 tar‑Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan ir‑regolament għandu l‑iskop li jgħaqqad ir‑regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li għandhom livell għoli ta’ prevedibbiltà.

22      Għaldaqstant, ir‑Regolament Nru 44/2001 għandu għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit‑tisħiħ tal‑protezzjoni legali tal‑persuni stabbiliti fil‑Komunità Ewropea, billi jippermetti kemm li r‑rikorrent jidentifika faċilment il‑qorti li fiha jista’ jibda proċedura legali kif ukoll li l‑konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik il‑qorti li fiha huwa jista’ jiġi mfittex (ara s‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Reisch Montage, punti 24 u 25, kif ukoll Color Drack, punt 20).

23      Għal dan il‑għan, ir‑regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir‑Regolament Nru 44/2001 huma artikolati madwar il‑ġurisdizzjoni bbażata fuq il‑prinċipju tal‑post tad‑domiċilju tal‑konvenut, stabbilit fl‑Artikolu 2 tiegħu u msaħħaħ bir‑regoli dwar ġurisdizzjoni speċjali (ara s‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Reisch Montage, punt 22, u Color Drack, punt 21).

24      Għaldaqstant, ir‑regola ta’ ġurisdizzjoni tal‑post tad‑domiċilju tal‑konvenut hija msaħħa, fl‑Artikolu 5(1) tar‑Regolament Nru 44/2001, b’regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil‑qasam kuntrattwali. Din l‑aħħar regola, li tissodisfa l‑għan ta’ viċinanza, hija motivata mill‑eżistenza ta’ fattur ta’ rabta stretta bejn il‑kuntratt u l‑qorti li tintalab tieħu konjizzjoni tiegħu.

25      Skont l‑imsemmija regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, il‑konvenut jista’ wkoll jiġi mfittex quddiem il‑qorti tal‑post tat‑twettiq tal‑obbligu li huwa l-bażi tat-talba, peress li dik il‑qorti hija preżunta li għandha fattur ta’ rabta stretta mal‑kuntratt.

26      Sabiex isaħħaħ l‑għan essenzjali ta’ ċertezza legali li jirregola r‑regoli ta’ ġurisdizzjoni li jistabbilixxi, ir‑Regolament Nru 44/2001 jiddefinixxi dan il‑kriterju ta’ rabta għall‑kuntratti dwar provvista ta’ servizzi b’mod awtonomu.

27      Fil‑fatt, bis‑saħħa tat‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament Nru 44/2001, il‑post tat‑twettiq tal‑obbligu li huwa l-bażi tat-talba huwa l‑post fi Stat Membru fejn, bis‑saħħa tal‑kuntratt, is‑servizzi ġew jew kellhom jiġu pprovduti.

28      Huwa fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk kuntratt, li permezz tiegħu proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill‑parti kontraenti l‑jedd li tuża dan id‑dritt inkambju għal ħlas ta’ remunerazzjoni, huwiex kuntratt għal provvista ta’ servizzi, fis‑sens tat‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament Nru 44/2001.

29      F’dan ir‑rigward, kif isostnu l‑Gvernijiet tal‑Ġermanja, tal‑Italja u tar‑Renju Unit fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub li ppreżentaw lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑kunċett ta’ servizzi jimplika, minn tal‑inqas, li l‑parti li tipprovdihom twettaq attività partikolari inkambju għal remunerazzjoni.

30      Issa, il‑kuntratt li permezz tiegħu proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill‑parti kontraenti l‑jedd li tuża dan id‑dritt inkambju għal ħlas ta’ remunerazzjoni ma jimplikax tali attività.

31      Fil‑fatt, permezz ta’ tali kuntratt, il‑proprjetarju tad‑dritt mogħti jobbliga ruħu biss, fir‑rigward tal‑parti kontraenti, li ma jikkontestax l‑isfruttament ta’ dan id‑dritt ta’ dan tal‑aħħar. Kif enfasizzat l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 58 tal‑konklużjonijiet tagħha, il‑proprjetarju tad‑dritt tal‑proprjetà intellettwali ma jwettaq l‑ebda servizz meta jikkonċedi l‑użu ta’ dan id‑dritt u jorbot lilu nnifsu biss li jħalli lill‑parti kontraenti tgawdi liberament mid‑dritt imsemmi.

32      F’dan ir‑rigward, mhuwiex rilevanti l‑fatt jekk il‑parti kontraenti tkunx jew le marbuta li tisfrutta d‑dritt ta’ proprjetà intellettwali mogħti.

33      Din l‑evalwazzjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni minn argumenti bbażati fuq l‑interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ “servizzi” fis‑sens tal‑Artikolu 50 KE jew tal‑atti sekondarji tad‑dritt Komunitarju differenti mir‑Regolament Nru 44/2001 jew mill‑istruttura u l‑iskema tal‑Artikolu 5(1) ta’ dan ir‑regolament.

34      Fl‑ewwel lok, ebda element ibbażat fuq l‑istruttura jew l‑iskema tar‑Regolament Nru 44/2001 ma jeżiġi interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi” li jinsab fit‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tal‑imsemmi regolament, fid‑dawl tas‑soluzzjonijiet mogħtija mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑qasam tal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l‑Artikolu 50 KE.

35      Għalkemm dan il‑qasam jagħti lok, skont il‑każ, għal interpretazzjonijiet wiesgħa tal‑kunċett ta’ servizzi, dan l‑approċċ huwa madankollu motivat mix‑xewqa li l‑ikbar numru ta’ attivitajiet ekonomiċi li ma jaqgħux taħt il‑moviment liberu tal‑merkanzija, tal‑kapital jew tal‑persuni ma jiġux esklużi mill‑applikazzjoni tat‑Trattat KE.

36      Issa, fis‑sistema tar‑Regolament Nru 44/2001, il‑fatt li kuntratt, li permezz tiegħu l‑proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill‑parti kontraenti l‑jedd li tuża dan id‑dritt inkambju għal ħlas ta’ remunerazzjoni, ma jaqax taħt kuntratti għal provvista ta’ servizzi, fis‑sens tat‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir‑regolament, ma jipprekludix li dan il‑kuntratt ikun suġġett għall‑imsemmi regolament, b’mod partikolari għar‑regoli l‑oħra tiegħu dwar ġurisdizzjoni.

37      Is‑sistema u l‑iskema tar‑regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir‑Regolament Nru 44/2001 jirrikjedu, min‑naħa l‑oħra, li r‑regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali jiġu interpretati restrittivament, fosthom dawk, fil‑qasam kuntrattwali, li jinsabu fl‑Artikolu 5(1) tal‑imsemmi regolament, li jidderogaw mill‑prinċipju ġenerali ta’ ġurisdizzjoni tal‑qrati tad‑domiċilju tal‑konvenut.

38      Fit‑tieni lok, għal raġunijiet simili, lanqas ma għandha ssir interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi”, li jinsab fit‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament Nru 44/2001, fid‑dawl tad‑definizzjoni tal‑kunċett ta’ “servizzi”, ibbażata fuq id‑direttivi Komunitarji fil‑qasam tal‑VAT.

39      Kif osservat l‑Avukat Ġenerali fil‑punti 71 u 72 tal‑konklużjonijiet tagħha, id‑definizzjoni ta’ dan l‑aħħar kunċett ipprovduta mid‑direttivi fil‑qasam tal‑VAT, hija definizzjoni negattiva li, fiha nnifisha, hija neċessarjament wiesgħa, peress li fiha, il‑kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi” huwa ddefinit bħala kull operazzjoni li ma tikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti. Għalhekk, dawn id‑direttivi jikkunsidraw biss, bħala operazzjonijiet taxxabbli fit‑territorju tal‑Komunità, lil żewġ kategoriji ta’ attivitajiet ekonomiċi, jiġifieri l‑kunsinna ta’ oġġetti u l‑provvista ta’ servizzi.

40      Issa, fil‑kuntest tal‑Artikolu 5(1) tar‑Regolament Nru 44/2001, meta ma jkunx kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija, il‑ġurisdizzjoni ma tiġix stabbilita biss abbażi tar‑regoli li japplikaw fir‑rigward ta’ kuntratti għal provvista ta’ servizzi. Fil‑fatt, l‑Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir‑regolament huwa applikabbli għall‑kuntratti li la huma kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija u lanqas kuntratti għal provvista ta’ servizzi, skont l‑Artikolu 5(1)(ċ) tal‑imsemmi regolament.

41      Fl‑aħħar nett, u fit‑tielet lok, l‑evalwazzjoni, li tgħid li kuntratt li permezz tiegħu l‑proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill‑parti kontraenti l‑jedd li tuża dan id‑dritt inkambju għal ħlas ta’ remunerazzjoni, mhuwiex kuntratt għal provvista ta’ servizzi, fis‑sens tat‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament Nru 44/2001, lanqas ma tista’ titqiegħed indiskussjoni min‑neċessità, invokata mill‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, li l‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmi Artikolu 5(1)(b) jiġi delimitat b’mod wiesa’ meta mqabbel mal‑Artikolu 5(1)(a).

42      Fil‑fatt, għandu jitfakkar li, mill‑iskema tal‑Artikolu 5(1) tar‑Regolament Nru 44/2001, jirriżulta li l‑leġiżlatur Komunitarju adotta regoli ta’ ġurisdizzjoni distinti kemm, minn naħa, fir‑rigward tal‑kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija kif ukoll fir‑rigward ta’ kuntratti għal provvista ta’ servizzi, u min‑naħa l‑oħra, fir‑rigward ta’ kull tip ieħor ta’ kuntratt li mhuwiex suġġett għad‑dispożizzjonijiet speċifiċi fl‑imsemmi regolament.

43      Issa, it‑tkabbir tal‑kamp ta’ applikazzjoni tat‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament Nru 44/2001, imur kontra r‑rieda tal‑leġiżlatur Komunitarju f’dan ir‑rigward u jippreġudika l‑effett utli tal‑imsemmi Artikolu 5(1)(ċ) u 5(1)(a).

44      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet li ntqalu, ir‑risposta li għandha tingħata għall‑ewwel domanda hija li t‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis‑sens li kuntratt, li permezz tiegħu l‑proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill‑parti kontraenti l‑jedd li tuża dan id‑dritt inkambju għal ħlas ta’ remunerazzjoni, mhuwiex kuntratt għal provvista ta’ servizzi fis‑sens ta’ din id‑dispożizzjoni.

 Fuq it‑tieni domanda

45      Fid‑dawl tar‑risposta li ngħatat għall‑ewwel domanda, m’hemmx lok għalfejn tingħata risposta għat‑tieni domanda.

 Fuq it‑tielet domanda

46      Permezz tat‑tielet domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk, sabiex tiġi stabbilita, skont l‑Artikolu 5(1)(a) tar‑Regolament Nru 44/2001, il‑qorti li għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar talba għal ħlas tar‑remunerazzjoni dovuta abbażi ta’ kuntratt li permezz tiegħu l‑proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill‑parti kontraenti l‑jedd li tuża dan id‑dritt, għandux jibqa’ jsir riferiment għall‑prinċipji stabbiliti mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar l‑Artikolu 5(1) tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell.

47      B’mod partikolari, il‑qorti tar‑rinviju tixtieq tkun taf jekk l‑Artikolu 5(1)(a) tar‑Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis‑sens li, minn naħa, il‑kunċett ta’ “obblig[u]”, imsemmi f’dan l‑artikolu, jirreferi għall‑obbligu li jirriżulta mill‑kuntratt u li n0nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu tiġi invokata sabiex tiġġustifika l‑proċedura legali, u min‑naħa l‑oħra, il‑post tat‑twettiq tal‑obbligu huwa stabbilit skont il‑liġi li tirregola l‑imsemmi obbligu skont ir‑regoli ta’ kunflitt tal‑liġi tal‑qorti li quddiemha tressqet il‑kawża, hekk kif diġà ddeċidiet il‑Qorti tal‑Ġustizzja fir‑rigward tal‑Artikolu 5(1) tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell (ara, rispettivament, fir‑rigward tal‑kunċett ta’ “obblig[u]” msemmi fl‑Artikolu 5(1) tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell, is‑sentenzi De Bloos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13; tal‑15 ta’ Jannar 1987, Shenavai, 266/85, Ġabra p. 239, punt 9; tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Custom Made Commercial, C‑288/92, Ġabra p. I‑2913, punt 23; tal‑5 ta’ Ottubru 1999, Leathertex, C‑420/97, Ġabra p. I‑6747, punt 31, u tad‑19 ta’ Frar 2002, Besix, C‑256/00, Ġabra p. I‑1699, punt 44, kif ukoll, f’dak li jirrigwarda l‑post tat‑twettiq tal‑obbligu fis‑sens tal‑Artikolu 5(1) tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell, is‑sentenzi Industrie Tessili Italiana Como, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13; Custom Made Commercial, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26; tat‑28 ta’ Settembru 1999, GIE Groupe Concorde et, C‑440/97, Ġabra p. I‑6307, punt 32; Leathertex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, kif ukoll Besix, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 36).

48      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li l‑kliem tal‑Artikolu 5(1)(a) tar‑Regolament Nru 44/2001 huwa identiku għal dak tal‑ewwel sentenza tal‑Artikolu 5(1) tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell.

49      Fir‑rigward ta’ dan il‑punt, ir‑Regolament Nru 44/2001 huwa fil‑biċċa l‑kbira mfassal fuq il‑Konvenzjoni ta’ Brussell, li permezz tagħha l‑leġiżlatur Komunitarju kellu l‑intenzjoni jiżgura kontinwità reali, hekk kif jirriżulta mill‑premessa 19 tal‑imsemmi regolament.

50      Fil‑fatt, huwa minnu li r‑Regolament Nru 44/2001 huwa intiż li jaġġorna l‑Konvenzjoni ta’ Brussell, iżda wkoll li jippreżerva l‑istruttura u l‑prinċipji fundamentali tagħha u li jiżgura l‑kontinwità tagħhom.

51      Issa, fin‑nuqqas ta’ xi raġuni li timponi interpretazzjoni differenti, ir‑rekwiżit ta’ koerenza jimplika li l‑Artikolu 5(1)(a) tar‑Regolament Nru 44/2001 għandu portata identika għal dik tad‑dispożizzjoni korrispondenti tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell, b’mod li tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell u tar‑Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C‑167/00, Ġabra. p. I‑8111, punt 49).

52      Għaldaqstant, hekk kif osserva l‑Gvern Taljan fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tiegħu, id‑dispożizzjonijiet tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell li ġew inklużi mingħajr ebda emenda fir‑Regolament Nru 44/2001 għandhom jibqgħu jiġu interpretati bl‑istess mod fil‑kuntest tal‑imsemmi regolament u dan iktar u iktar minħabba li dan ir‑regolament issostitwixxa l‑Konvenzjoni ta’ Brussell fir‑relazzjonijiet bejn l‑Istati Membri (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi Henkel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, u tat‑8 ta’ Mejju 2003, Gantner Electronic, C‑111/01, Ġabra p. I‑4207, punt 28).

53      Kif sostna l‑Gvern tar‑Renju Unit fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tiegħu, din il‑kontinwità fl‑interpretazzjoni hija barra minn hekk konformi mar‑rekwiżiti ta’ ċertezza legali li jeħtieġu li l‑ġurisprudenza tradizzjonali tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, li l‑leġiżlatur Komunitarju ma kellux l‑intenzjoni jemenda, ma tiġix ikkontestata.

54      F’dan ir‑rigward, u kif enfasizzat l‑Avukat Ġenerali fil‑punti 94 u 95 tal‑konklużjonijiet tagħha, kemm mix‑xogħol preparatorju tar‑Regolament Nru 44/2001 kif ukoll mill‑istruttura tal‑Artikolu 5(1) tiegħu jirriżulta li huwa biss fir‑rigward tal‑kuntratti għal bejgħ ta’ merkanzija u dawk għal provvista ta’ servizzi li l‑leġiżlatur Komunitarju xtaq, minn naħa, li ma jorbotx iktar lilu nnifsu mal‑obbligu inkwistjoni, iżda li jżomm l‑obbligu karatteristiku ta’ dawn il‑kuntratti, u min‑naħa l‑oħra, li jistabbilixxi b’mod awtonomu l‑post ta’ twettiq tal‑obbligu bħala l‑kriterju ta’rabta mal‑qorti li għandha ġurisdizzjoni fil‑qasam kuntrattwali.

55      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, fil‑kuntest tar‑Regolament Nru 44/2001, il‑leġiżlatur Komunitarju kellu l‑intenzjoni li jippreżerva, fir‑rigward tal‑kuntratti kollha minbarra dawk li jikkonċernaw il‑bejgħ tal‑merkanzija u l‑provvista ta’ servizzi, il‑prinċipji stabbiliti mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑kuntest tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni u li jiġi stabbilit il‑post tat‑twettiq tal‑obbligu.

56      Għaldaqstant, l‑Artikolu 5(1)(a) tar‑Regolament Nru 44/2001 għandu jkollu portata identika għal dik tal‑Artikolu 5(1)(a) tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell.

57      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet li ntqalu, ir‑risposta li għandha tingħata għat‑tielet domanda hija li, sabiex tiġi stabbilita, skont l‑Artikolu 5(1)(a) tar‑Regolament Nru 44/2001, il‑qorti li għandha ġursdizzjoni tiddeċiedi dwar talba ta’ ħlas ta’ remunerazzjoni dovuta abbażi ta’ kuntratt li permezz tiegħu l‑proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill‑parti kontraenti l‑jedd li tuża dan id‑dritt, għandu jibqa’ jsir riferiment għall‑prinċipji stabbiliti mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar l‑Artikolu 5(1) tal‑Konvenzjoni ta’ Brussell.

 Fuq l‑ispejjeż

58      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, minbarra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It‑tieni inċiż tal‑Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis‑sens li kuntratt, li permezz tiegħu l‑proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill‑parti kontraenti l‑jedd li tuża dan id‑dritt inkambju għal ħlas ta’ remunerazzjoni, mhuwiex kuntratt għal provvista ta’ servizzi fis‑sens ta’ din id‑dispożizzjoni.

2)      Sabiex tiġi stabbilita, skont l‑Artikolu 5(1)(a) tar‑Regolament Nru 44/2001, il‑qorti li għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar talba ta’ ħlas ta’ remunerazzjoni dovuta abbażi ta’ kuntratt li permezz tiegħu l‑proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill‑parti kontraenti l‑jedd li tuża dan id‑dritt, għandu jibqa’ jsir riferiment għall‑prinċipji stabbiliti mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar l‑Artikolu 5(1) tal‑Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata bil‑Konvenzjoni, tas‑26 ta’ Mejju 1989, dwar l‑adeżjoni tar‑Renju ta’ Spanja u tar‑Repubblika Portugiża.

Firem


** Lingwa tal‑kawża: il‑Ġermaniż.