Language of document : ECLI:EU:T:2024:362

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

5 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Deċiżjonijiet meħuda mill-BĊE dwar Banca Carige – Artikoli 4 u 16 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li tagħti drittijiet lill-individwi – Aspettattivi leġittimi – Kunflitt ta’ interess – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Dritt għall-proprjetà – Eċċezzjoni ta’ illegalità”

Fil-Kawża T‑134/21,

Malacalza Investimenti Srl, stabbilita f’Genoa (l‑Italja),

Vittorio Malacalza, residenti f’Genoa,

irrappreżentati minn L. Boggio, S. Carbone u A. D’Angelo, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn R. Bax u A. Pizzolla, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, P. Messina u A. Steiblytė, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn O. Porchia, Presidenta, M. Jaeger, L. Madise, P. Nihoul (Relatur) u S. Verschuur, Imħallfin,

Reġistratur: P. Nuñez Ruiz, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑26 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE, ir-rikorrenti, Malacalza Investimenti Srl u Vittorio Malacalza, qegħdin jitolbu l-kumpens għad-dannu li huma allegatament ġarrbu minħabba l-aġir illegali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fl-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali ta’ Banca Carige (iktar ’il quddiem il-“Bank”) bejn l‑2014 u l‑2019.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Il-Bank huwa istituzzjoni ta’ kreditu ta’ daqs kbir stabbilita fl-Italja, ikkwotata fil-Borża u suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE sa mill‑2014 skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).

3        Ir-rikorrenti huma azzjonisti tal-Bank. Mal-preżentata ta’ dan ir-rikors, Malacalza Investimenti kellha 15 288 774 sehem ordinarju, li jirrappreżentaw madwar 2.016 % tal-kapital tal-Bank, u V. Malacalza kellu 121 017‑il sehem ordinarju, li jirrappreżentaw madwar 0.011 % tal-kapital tal-Bank.

4        V. Malacalza kien ukoll membru u viċi president tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank mill‑31 ta’ Marzu 2016 sat‑3 ta’ Awwissu 2018.

5        Fit‑23 ta’ April 2015, sabiex jiġi indirizzat id-defiċit ta’ kapital tiegħu li kien ġie kkonstatat permezz tal-evalwazzjoni kompleta mwettqa mill-BĊE fl‑2014, l-assemblea straordinarja tal-azzjonisti tal-Bank approvat żieda fil-kapital ta’ EUR 850 miljun.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2016, il-BĊE adotta miżura ta’ intervent bikri li kienet tikkonsisti f’li il-Bank jintalab jippreżenta, qabel it‑28 ta’ Frar 2017, pjan strateġiku u pjan operattiv għat-tnaqqis ta’ ħruġ ta’ self li ma jrendix, b’indikazzjoni ċara tal-miżuri li għandhom jittieħdu u tal-iskeda li għandha tiġi osservata sabiex jintlaħaq dan l-għan (iktar ’il quddiem il-“miżura ta’ intervent bikri”).

7        Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-miżura ta’ intervent bikri, f’Settembru 2017, il-Bord tad-Diretturi tal-Bank approva pjan ta’ rikapitalizzazzjoni li kien jinkludi, b’mod partikolari, żieda fil-kapital ta’ EUR 560 miljun li kellha tiġi implimentata qabel tmiem is-sena 2017.

8        Wara l-approvazzjoni tal-prospett mill-Commissione nazionale per la societé e la borsa (il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kumpanniji u għall-Borża, l-Italja), iż-żieda fil-kapital finalment intlaħqet fil‑21 ta’ Diċembru 2017, għal ammont ta’ EUR 544 miljun.

9        Fit‑28 ta’ Diċembru 2017, il-BĊE nnotifika lill-Bank bid-deċiżjoni tiegħu li tistabbilixxi r-rekwiżiti prudenzjali għall‑2018.

10      Sussegwentement, il-Bank ipprova, mingħajr suċċess, iżid il-fondi proprji sabiex josserva r-rekwiżiti applikabbli. Għalhekk, tentattiv ta’ ħruġ ta’ strumenti ta’ fondi proprji falla tliet darbiet fl‑2018 (f’Marzu, f’Mejju u f’Ġunju), minħabba l-interess baxx tal-investituri.

11      Dawn il-fallimenti enfasizzaw, fi ħdan il-Bord tad-Diretturi tal-Bank, tensjonijiet dwar kif għandu jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji u kif għandu jiġi implimentat il-pjan ta’ rikapitalizzazzjoni tal‑2017 imsemmi fil-punt 7 iktar ’il fuq. Dan in-nuqqas ta’ qbil wassal għal ċertu numru ta’ riżenji, fosthom dik ta’ V. Malacalza, li rrendew neċessarja l-ħatra ta’ Bord tad-Diretturi ġdid. Huwa għalhekk li l-azzjonisti tal-Bank, fil-laqgħa ġenerali straordinarja tal‑20 ta’ Settembru 2018, ħatru diretturi ġodda u ħatru lis-Sur Modiano għall-pożizzjoni ta’ President u lis-Sur Innocenzi għal dik ta’ direttur maniġerjali.

12      Fid-dawl tal-fatt li l-Bank ma rnexxilux iqiegħed l-istrumenti tiegħu ta’ fondi proprji fis-suq, permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-fondi proprji”), il-BĊE rrifjuta li japprova l-pjan ta’ konservazzjoni ta’ fondi proprji li kien tfassal mill-Bank u talbu jippreżenta u japprova mill-Bord tad-Diretturi tiegħu, sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Novembru 2018, pjan ġdid intiż sabiex jistabbilixxi mill-ġdid u jiggarantixxi fit-tul l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ kapital sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2018.

13      Sabiex jissodisfa din it-talba, il-Bord tad-Diretturi tal-Bank adotta, fit‑12 ta’ Novembru 2018, pjan ta’ tisħiħ tal-fondi proprji li kien jikkonsisti f’żewġ stadji, jiġifieri, qabel kollox, il-ħruġ ta’ bonds subordinati tal-kategorija 2 u, sussegwentement, żieda fil-kapital suġġetta għall-approvazzjoni tal-azzjonisti.

14      L-ewwel stadju twettaq b’sottoskrizzjoni ta’ bonds fl-ammont ta’ EUR 318.2 miljun mill-Fondo interbancario di tutela dei depositi (il-Fond ta’ Intervent Volontarju tal-Fond Interbankarju għall-Protezzjoni tad-Depożiti, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“FITD”) u ta’ EUR 1.8 miljun mill-Banco di Desio e della Brianza.

15      Fil-kuntest tat-tieni stadju, ġiet imsejħa laqgħa ġenerali straordinarja, fit‑22 ta’ Diċembru 2018, sabiex tiġi approvata żieda fil-kapital permezz tal-iskambju ta’ bonds subordinati għal ishma ġodda, bl-għan li jissaħħu l-fondi proprji tal-kategorija 1.

16      Madankollu, din il-proposta tal-aħħar ma ġietx aċċettata wara l-oppożizzjoni murija, matul l-imsemmija laqgħa, minn azzjonisti li għandhom 70 % tal-kapital. Qabel ma ddeċidew, l-azzjonisti inkwistjoni xtaqu li jiġu kkomunikati lilhom, minn naħa, il-pjan tan-negozju u, min-naħa l-oħra, il-bilanċ relatat mal-attivitajiet imwettqa fl‑2018 mill-Bank.

17      Wara dawn l-avvenimenti:

–        fit‑23 ta’ Diċembru 2018, il-Bank indika permezz ta’ stqarrija għall-istampa li, wara ċ-ċaħda tal-proposta magħmula mill-Bord tad-Diretturi tiegħu, il-Viċi Presidenta u membru ieħor ta’ dan il-bord kienu rriżenjaw b’effett immedjat;

–        fit‑2 ta’ Jannar 2019, fi stqarrija għall-istampa oħra, il-Bank ħabbar ir-riżenja, b’effett minn dik id-data, ta’ ħames membri oħra tal-Bord tad-Diretturi, inkluż il-President, is-Sur Modiano, u d-direttur maniġerjali, is-Sur Innocenzi;

–        dawn ir-riżenji wasslu għar-revoka ta’ dan il-Bord tad-Diretturi b’applikazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 18(12) tal-Istatuti tal-Bank u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 2386 tal-Kodiċi Ċivili Taljan.

18      Konformement mal-Istatuti tal-Bank, l-erba’ membri tal-Bord tad-Diretturi li ma rriżenjawx baqgħu fil-kariga sabiex jiżguraw l-amministrazzjoni kurrenti.

19      Fl‑1 ta’ Jannar 2019, il-BĊE ddeċieda li jqiegħed lill-Bank taħt amministrazzjoni temporanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja”) skont id-dispożizzjonijiet tad-decreto legislativo n. 385 – Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 385 li Jimplimenta Test Uniku tal-Liġijiet fil-Qasam Bankjarju u ta’ Kreditu) tal‑1 ta’ Settembru 1993 (GURI Nru 230 tat‑30 ta’ Settembru 1993, u Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 92, iktar ’il quddiem it-“Test Uniku dwar il-Banek”), li jittrasponi l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), bl-effetti li ġejjin:

–        xoljiment tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank u sostituzzjoni tal-membri preċedenti bi tliet diretturi temporanji, fosthom b’mod partikolari s-Sur Modiano u s-Sur Innocenzi;

–        xoljiment tal-Kumitat ta’ Superviżjoni tal-Bank u sostituzzjoni tal-membri preċedenti bi tliet persuni oħra;

–        għoti lill-korpi l-ġodda ta’ missjoni li tikkonsisti fit-teħid tal-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-Bank jikkonforma ruħu mill-ġdid mar-rekwiżiti ta’ kapital fit-tul.

20      Fit‑2 ta’ Jannar 2019, l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja tħabbret permezz ta’ stqarrija għall-istampa u n-negozjar tat-titoli maħruġa jew iggarantiti mill-Bank ġie sospiż mill-Kummissjoni Nazzjonali Taljana għall-Kumpanniji u għall-Borża matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni jew sal-istabbiliment mill-ġdid, b’mod partikolari wara inizjattivi ġodda tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali, ta’ qafas sħiħ ta’ informazzjoni dwar it-titoli maħruġa jew iggarantiti mill-bank.

21      Wara evalwazzjoni mill-ġdid tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom kienet ittieħdet id-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, din il-miżura ġiet estiża tliet darbiet, fid‑29 ta’ Marzu, fit‑30 ta’ Settembru u fl‑20 ta’ Diċembru 2019, sabiex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni tal-Bank u sabiex ikun jista’ jiġi ffinalizzat it-tisħiħ tal-fondi proprji.

22      Fid‑9 ta’ Awwissu 2019, il-Bank, Cassa Centrale Banca – Credito Cooperativo Italiano, il-FITD u l-fond ta’ intervent volontarju tal-FITD iffirmaw ftehim qafas li jiddefinixxi l-karatteristiċi ta’ pjan ta’ negozju li kien jipprevedi, b’mod partikolari, żieda fil-kapital ta’ EUR 700 miljun u l-ħruġ ta’ bonds subordinati ġodda tal-kategorija 2.

23      Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Settembru 2019, il-BĊE qies, abbażi tal-Artikolu 56 tat-Test Uniku dwar il-Banek, li ż-żieda tal-kapital prevista ma kinitx kuntrarja għal ġestjoni soda u prudenti tal-Bank.

24      Għalhekk, fl‑20 ta’ Settembru 2019, ġiet imsejħa laqgħa ġenerali straordinarja tal-azzjonisti tal-Bank sabiex tiġi approvata ż-żieda tal-kapital ta’ EUR 700 miljun. Iż-żieda fil-kapital proposta ġiet approvata mil-laqgħa tal-azzjonisti. Malacalza Investimenti ma pparteċipatx fil-laqgħa.

25      Fil‑31 ta’ Jannar 2020, wara l-implimentazzjoni taż-żieda fil-kapital, waqt il-laqgħa ġenerali ordinarja tal-azzjonisti tal-Bank, ġew eletti Bord tad-Diretturi ġdid u Bord Superviżorju ġdid. Wara dawn l-elezzjonijiet, id-diretturi temporanji u l-Kumitat ta’ Superviżjoni ttrasferixxew, fl-istess data, l-amministrazzjoni tal-Bank lill-korpi eletti ġodda, u b’hekk temmew l-amministrazzjoni temporanja ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu, li b’kollox damet madwar tlettax-il xahar.

 Ittalbiet talpartijiet

26      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-BĊE jħallas, bħala kumpens għad-dannu:

–        lil Malacalza Investimenti, is-somma ta’ EUR 870 525 670, jew kwalunkwe ammont ieħor ogħla jew inqas meqjus xieraq, li għandu jiġi ddeterminat jekk ikun hemm bżonn skont l-ekwità;

–        lil V. Malacalza, is-somma ta’ EUR 9 546 022 jew kwalunkwe ammont ieħor ogħla jew inqas meqjus xieraq, li għandu jiġi ddeterminat jekk ikun hemm bżonn skont l-ekwità;

–        lilhom it-tnejn, l-ispejjeż u l-onorarji sostnuti għall-finijiet ta’ din il-proċedura;

–        tiddikjara, sa fejn ikun meħtieġ, l-invalidità tal-miżuri li tagħhom hija allegata l-illegalità;

–        tordna lill-BĊE, bħala miżuri istruttorji:

–        jipproduċi diversi rapporti ta’ spezzjoni, abbozzi ta’ deċiżjonijiet u deċiżjonijiet;

–        jipproduċi, fost id-dokumenti superviżorji prudenzjali, diversi minuti tal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank;

–        tordna, bħala miżuri istruttorji:

–        it-twettiq ta’ perizja;

–        fuq il-konstatazzjoni, għas-snin finanzjarji 2015 sa 2019, tad-data dwar is-sitwazzjoni ta’ banek oħra Taljani u tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-elementi rilevanti tal-kontijiet tad-dħul u tal-pożizzjonijiet patrimonjali, tal-livelli ta’ espożizzjoni u ta’ proviżjonament tal-krediti indeboliti, tas-sitwazzjonijiet ta’ likwidità, tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji u tal-proċess ta’ superviżjoni prudenzjali u ta’ evalwazzjoni (Supervisory Review and Evaluation Process, SREP) imposti fuq kull wieħed minn dawn il-banek mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali kompetenti, ta’ kull preskrizzjoni eventwali ta’ tneħħija tal-krediti indeboliti kif ukoll fuq il-paragun bejn din id-data u d-data korrispondenti tal-Bank, għall-istess snin finanzjarji 2015 sa 2019;

–        fuq l-evalwazzjoni tal-ugwaljanza jew tal-assenza ta’ ugwaljanza fit-trattament applikata għall-Bank u għad-diversi banek mill-awtoritajiet superviżorji fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali;

–        fuq l-evalwazzjoni tal-ammont tad-dannu subit mir-rikorrenti.

27      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni Ewropea, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors infondat;

–        tiċħad it-talbiet li jikkonċernaw il-miżuri istruttorji;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha.

 Iddritt

 Fuq ittalba għaddanni

28      Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni abbażi ta’ tmien illegalitajiet:

–        l-ewwel waħda, minħabba l-ksur suffiċjentement serju mill-BĊE tal-leġiżlazzjoni Taljana minħabba n-nuqqas ta’ intervent tiegħu sabiex jirrettifika dikjarazzjonijiet qarrieqa magħmula dwar is-solidità tal-Bank minn diretturi tiegħu;

–        it-tieni waħda, minħabba l-ksur suffiċjentement serju mill-BĊE tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-Bord tad-Diretturi tal-Bank;

–        it-tielet waħda, minħabba l-ksur suffiċjentement serju mill-BĊE tal-leġiżlazzjoni Taljana f’dak li jirrigwarda l-approvazzjoni, fit‑18 ta’ Settembru 2019, ta’ żieda fil-kapital li tmur kontra l-jedd ta’ prelazzjoni previst mill-Istatuti tal-Bank;

–        ir-raba’ waħda, minħabba l-ksur suffiċjentement serju mill-BĊE tal-leġiżlazzjoni Taljana fir-rigward tal-ħatra ta’ diretturi temporanji affettwati minn kunflitt ta’ interessi;

–        il-ħames waħda, minħabba l-ksur suffiċjentement serju mill-BĊE, waqt l-adozzjoni tal-miżura ta’ intervent bikri, ta’ diversi regoli u ta’ diversi prinċipji;

–        is-sitt waħda, minħabba l-ksur suffiċjentement serju mill-BĊE, fid-deċiżjoni dwar il-fondi proprji, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-impożizzjoni fuq il-Bank ta’ terminu qasir wisq sabiex ikun jista’ josserva r-rekwiżiti li kienu imposti fuqu fil-qasam tal-fondi proprji;

–        is-seba’ waħda, minħabba l-ksur suffiċjentement serju mill-BĊE tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi minħabba l-assigurazzjonijiet mogħtija lill-azzjonisti dwar is-sitwazzjoni tal-Bank;

–        it-tmien waħda, minħabba l-ksur suffiċjentement serju mill-BĊE tad-dritt għall-proprjetà rrikonoxxut lill-azzjonisti minħabba t-tnaqqis sinjifikattiv fil-valur tal-ishma tagħhom fil-Bank.

29      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Unjoni hija unjoni tad-dritt li fiha l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom, b’mod partikolari, mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt (sentenza tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 23; ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑336/09 P, EU:C:2012:386, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għalhekk, l-individwi li jqisu lilhom innifishom affettwati minn atti adottati mill-BĊE fil-kuntest tal-kompiti tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jikkontestaw il-validità ta’ dawn l-atti abbażi tal-Artikoli 263, 267 jew 277 TFUE, meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

31      Barra minn hekk, individwi li jqisu li l-BĊE naqas milli jindirizzalhom att li ma huwiex rakkomandazzjoni jew opinjoni jistgħu jikkontestaw in-nuqqas ta’ dik l-istituzzjoni li tieħu azzjoni skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 265 TFUE.

32      Barra minn hekk, l-individwi jistgħu jitolbu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u jitolbu kumpens skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE meta huma jqisu li jkunu ġarrbu dannu minħabba aġir adottat mill-BĊE fil-kuntest tal-kompiti tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali.

 Fuq ilkundizzjonijiet għallistabbiliment tarresponsabbiltà mhux kuntrattwali talUnjoni filkuntest tassuperviżjoni prudenzjali talistituzzjonijiet ta’ kreditu millBĊE

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 76 u mill-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-kawża hija, bħala prinċipju, iddeterminata u limitata mill-partijiet u li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Alfamicro vs Il‑Kummissjoni, C‑623/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:734, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, individwi għandhom jistabbilixxu li tliet kundizzjonijiet huma ssodisfatti b’mod kumulattiv: l-illegalità tal-aġir imputabbli lill-istituzzjoni jew lill-membri tal-persunal tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 64; ara wkoll is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jiġi eżaminat jekk l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hijiex issodisfatta. Dan huwa l-każ, skont il-ġurisprudenza, meta l-aġir ikkontestat jinvolvi dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi u meta l-ksur allegat fil-konfront tal-istituzzjoni jkun suffiċjentement serju (sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 42; tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 67, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 69).

–       Fuq lewwel rekwiżit, dwar innatura tarregoli li jistgħu jagħtu lok għarresponsabbiltà mhux kuntrattwali talUnjoni

36      Dwar l-ewwel rekwiżit, il-ġurisprudenza tippreċiża li dispożizzjoni legali għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi meta din toħloq favur dawn tal-aħħar vantaġġ li jista’ jiġi kklassifikat bħala dritt kweżit, ikollha l-funzjoni li tipproteġi l-interessi tagħhom jew tagħti, lill-individwi, drittijiet li l-kontenut tagħhom jista’ jiġi identifikat b’mod suffiċjenti (ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Frar 2022, QI et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, T‑868/16, EU:T:2022:58, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni, il-protezzjoni offruta mir-regola invokata għandha tkun effettiva fir-rigward tal-individwu li jinvokaha. Regola ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni jekk hija ma tagħti ebda dritt lill-individwu li jinvokaha, anki jekk hija tagħti dritt lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 77; ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2022, QI et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, T‑868/16, EU:T:2022:58, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq ittieni rekwiżit, dwar ittip ta’ ksur meħtieġ sabiex jingħata lok għarresponsabbiltà mhux kuntrattwali talUnjoni

38      Dwar it-tieni rekwiżit, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk ksur huwiex suffiċjentement serju huwa l-ksur gravi u manifest, mill-istituzzjoni, tal-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha (sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 43; tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 67, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 69).

39      Għalhekk, element determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx ksur suffiċjentement serju huwa l-portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l-istituzzjoni (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs CEVA u Pfizer, C‑198/03 P, EU:C:2005:445, punti 65 u 66).

40      Għal dan l-għan, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi solvuta, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura u n-natura intenzjonali jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, T‑429/05, EU:T:2010:60, punt 62).

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sempliċi żbalji ta’ evalwazzjoni ma jistgħux ikunu suffiċjenti bħala tali sabiex ksur jiġi kklassifikat bħala manifest u gravi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il‑Kummissjoni, T‑212/03, EU:T:2008:315, punt 85).

42      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-aġir ikkritikat ġie adottat mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompiti ta’ superviżjoni prudenzjali fdati lilu sabiex ikun jista’ jiżgura s-sigurtà u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

43      Sabiex ikun jista’ jwettaq dawn il-kompiti, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1024/2013 jagħti lill-BĊE s-setgħa li jwettaq operazzjonijiet bħall-awtorizzazzjoni u l-irtirar tal-liċenzji bankarji, il-kontroll tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali regolatorji fis-seħħ u tas-sistemi interni ta’ evalwazzjoni tar-riskji, il-possibbiltà li jiġu imposti rekwiżiti addizzjonali fil-qasam tal-fondi proprji, kif ukoll il-possibbiltà li jiġu imposti regoli ta’ governanza xierqa.

44      Meta jwettaq dawn l-operazzjonijiet, il-BĊE, bħalma tindika l-premessa 17 tar-Regolament Nru 1024/13, għandu jevalwa l-profil ta’ riskju tal-banek ikkonċernati u għandu jiddetermina, għal kull wieħed minnhom, l-avvenimenti li jistgħu jaffettwawh billi jikkunsidra d-diversità tal-istituzzjonijiet, id-daqs tagħhom u l-mudell ta’ impriża tagħhom.

45      Tali analiżi jimplikaw it-twettiq ta’ evalwazzjonijiet li, minħabba n-natura kumplessa tagħhom, jiġġustifikaw ir-rikonoxximent lill-BĊE, skont il-ġurisprudenza, ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 86; tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 55, u tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, T‑712/15, EU:T:2017:900, punt 181).

46      Bħala konklużjoni, mill-ġurisprudenza eżaminata iktar ’il fuq jirriżulta li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti, jekk jixtiequ jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE, għandhom jipprovaw b’mod suffiċjenti fid-dritt li dan kiser b’mod gravi u manifest, lil hinn mis-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lilu, regola tad-dritt tal-Unjoni li tagħti drittijiet lill-individwi.

47      Sabiex jiġi ddeterminat jekk twettaqx tali ksur, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-elementi mressqa mir-rikorrenti, is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa rrikonoxxuta lill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali.

–       Fuq ittalba, ifformulata mill-BĊE, sostnuta millKummissjoni, intiża sabiex isir riferiment għallprinċipji ġenerali komuni għaddrittijiet tal-Istati Membri sabiex tiġi ddefinita s-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali li hija applikabbli għall-Unjoni fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali

48      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, stieden lill-Qorti Ġenerali tiddefinixxi skont id-dritt nazzjonali fis-seħħ fl-Istati Membri s-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali li għaliha għandha tkun suġġetta l-Unjoni fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali.

49      Fl-ewwel lok, il-BĊE ssuġġerixxa li tiġi applikata fil-livell tal-Unjoni l-ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2004, Paul et (C‑222/02, EU:C:2004:606), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni prudenzjali meta dawn tal-aħħar jaġixxu fil-kuntest ta’ regoli adottati sabiex iservu l-interess ġenerali.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li s-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2004, Paul et (C‑222/02, EU:C:2004:606), ma tistax tiġi applikata direttament għal din il-kawża, peress li tikkonċerna awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li l-Qorti Ġenerali hawnhekk hija adita b’kawża li tirrigwarda r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, anki jekk, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1024/2013, dik l-istituzzjoni jista’ jkollha teżerċita, fiċ-ċirkustanzi li huma ddefiniti fih, il-kompiti rrikonoxxuti lill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

51      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fis-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2004, Paul et (C‑222/02, EU:C:2004:606), relazzjoni bejn, minn naħa, l-għan segwit mir-regola allegatament miksura u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà jew għall-kuntrarju l-impossibbiltà għall-individwi li jqiegħdu inkwistjoni r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni. Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, peress li l-kompiti tal-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni kienu mwettqa fl-interess ġenerali, id-dritt tal-Unjoni ma kienx jipprekludi li d-dritt nazzjonali, f’dan il-każ id-dritt Ġermaniż, jeskludi r-responsabbiltà tal-awtorità ta’ sorveljanza (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2004, Paul et, C‑222/02, EU:C:2004:606, punt 32).

52      B’mod analogu, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet ġiet stabbilita fil-livell tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li jimplikaw regola li toħloq drittijiet favur ir-rikorrenti (ara l-punti 36 u 37 iktar ’il fuq) u ġiet eskluża f’każijiet li ma jinvolvux il-ħolqien ta’ tali drittijiet, b’mod partikolari sitwazzjonijiet fejn ir-regoli invokati kellhom għan ta’ interess pubbliku jew kienu ta’ natura istituzzjonali billi b’mod partikolari kienu jwettqu attribuzzjoni jew tqassim ta’ kompetenzi bejn istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 81; tal‑11 ta’ Lulju 2007, Fédération des industries condimentaires de France et vs Il‑Kummissjoni, T‑90/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:208, punt 61; tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punti 136 sa 141; tad‑9 ta’ Frar 2022, QI et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, T‑868/16, EU:T:2022:58, punti 93 sa 99).

53      Fit-tieni lok, il-BĊE sostna, sostnut mill-Kummissjoni, li, skont l-analiżi li huwa wettaq, il-maġġoranza tal-Istati Membri jillimitaw ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni għall-każijiet ta’ frodi jew ta’ nuqqas serju. Fil-fehma tiegħu, dan l-approċċ għandu jiġi segwit fil-livell tal-Unjoni skont il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Tali approċċ ikun neċessarju sabiex tiġi ppreżervata l-azzjoni tal-BĊE billi jkun jista’ jaġixxi fl-interess ġenerali mingħajr ma jiġi pparalizzat minħabba l-biża’ li jiġi kkontestat anki fil-każ ta’ nuqqas mhux serju jew sempliċi illegalità.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, li l-obbligu ta’ kumpens għad-danni kkawżat lill-individwi ma jistax ikun suġġett għal kundizzjoni bbażata fuq il-kunċett ta’ “nuqqas li jmur lil hinn mill-ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni”. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ tali kundizzjoni addizzjonali jkollha l-effett li jiġi kkontestat id-dritt għal kumpens li huwa bbażat fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 79).

55      Fl-istess sens, fis-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka (C‑501/18, EU:C:2021:249), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li d-dritt tal-Unjoni kien jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għall-kundizzjoni addizzjonali, li tmur lil hinn mill-ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, ibbażata fuq in-natura intenzjonali ta’ dan l-aġir, bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 79(8) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka (C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Issa, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi għandhom japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk, simili, ibbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev, C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru u, abbażi tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, dik ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, ikunu suġġetti għal kundizzjonijiet li, bħal dawk dwar l-eżistenza ta’ frodi jew ta’ nuqqas serju, imorru lil hinn mill-ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni.

58      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati t-tmien illegalitajiet imqajma mir-rikorrenti.

 Fuq lewwel illegalità, inkwantu lBĊE kiser b’mod suffiċjentement serju lleġiżlazzjoni Taljana billi ma intervjeniex sabiex jirrettifika dikjarazzjonijiet qarrieqa magħmula dwar issolidità talBank minn diretturi tiegħu

59      Fir-rigward tal-ewwel illegalità tal-aġir li bih huwa kkritikat il-BĊE, ir-rikorrenti jsostnu li, billi ma rrettifikax dikjarazzjonijiet allegatament qarrieqa magħmula dwar is-solidità tal-Bank minn diretturi tiegħu, il-BĊE kiser b’mod suffiċjentement serju tliet dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni bankarja Taljana, jiġifieri l-Artikolu 53(1)(dbis), l-Artikolu 53bis(1)(d) u l-Artikolu 67(1)(e) tat-Test Uniku dwar il-Banek.

60      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ommissjonijiet imputabbli lill-istituzzjonijiet jistgħu jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Unjoni meta dawn tal-aħħar jiksru obbligu legali li jaġixxu li jirriżulta minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punt 58; u tas‑26 ta’ Frar 2016, Šumelj et vs Il‑Kummissjoni, T‑546/13, T‑108/14 u T‑109/14, EU:T:2016:107, punt 42).

62      Għandu jitfakkar ukoll li, konformement mal-ġurisprudenza, sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, id-dispożizzjoni kkonċernata għandu jkollha l-għan li tagħti lir-rikorrenti dritt li huma jqisu li nkiser u l-ksur allegatament imwettaq għandu jkun suffiċjentement serju (ara l-punt 35 iktar ’il fuq).

63      F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet li allegatament ġew miksura b’mod suffiċjentement serju japplikaw għall-BĊE f’din il-kawża skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1024/2013, li jipprovdi li dik l-istituzzjoni għandha tintervjeni bħala awtorità kompetenti minflok l-awtorità nazzjonali meta, bħalma huwa l-każ f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet li għandhom jiġu ssorveljati jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1024/2013.

64      Sabiex tingħata deċiżjoni, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu eżaminati skont l-għan tagħhom.

65      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 53(1)(dbis) u l-Artikolu 67(1)(e) tat-Test Uniku dwar il-Banek jidentifikaw informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata mill-BĊE fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu u, jekk ikun il-każ, fuq il-kumpannija omm ta’ dawn l-istituzzjonijiet, b’mod li tiġi żgurata t-trasparenza tas-swieq u b’hekk il-funzjonament tajjeb tagħhom u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kkunsidrata kollha kemm hi.

66      Fil-fatt, l-Artikolu 53(1)(dbis) tat-Test Uniku dwar il-Banek jagħti lill-awtorità ta’ superviżjoni l-kompitu li tippubblika informazzjoni dwar istituzzjonijiet ta’ kreditu, b’mod partikolari informazzjoni dwar l-adegwatezza tal-fondi proprji, il-limitazzjoni tar-riskju, l-ishma li jistgħu jinżammu, il-governanza u l-organizzazzjoni amministrattiva jew kontabbli.

67      Barra minn hekk, l-Artikolu 67(1)(e) tat-Test Uniku dwar il-Banek jipprevedi li, għall-eżerċizzju tas-superviżjoni kkonsolidata, l-awtorità ta’ superviżjoni għandha toħroġ lill-kumpannija omm, permezz ta’ miżuri ġenerali, informazzjoni dwar il-grupp bankarju kollu jew il-komponenti tiegħu, dwar l-adegwatezza tal-fondi proprji, il-limitazzjoni tar-riskju fid-diversi konfigurazzjonijiet tiegħu, l-ishma, il-gvern tal-impriża, l-organizzazzjoni amministrattiva u tal-kontabbiltà kif ukoll il-kontrolli interni u s-sistemi ta’ remunerazzjoni u ta’ inċentivi.

68      Mill-formulazzjoni tagħhom, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq il-BĊE obbligu ġenerali ta’ pubblikazzjoni li jkopri kategoriji ta’ informazzjoni b’għan ta’ natura ta’ interess pubbliku, jiġifieri li jiġu żgurati l-funzjonament tajjeb u l-istabbiltà tas-swieq. Min-naħa l-oħra, huma ma jimponu, fihom innifishom, fuq il-BĊE, direttament jew indirettament, ebda obbligu li jirreaġixxi, b’mod speċifiku, meta fis-suq, minn atturi, fir-rigward tas-solidità ta’ ċerti istituzzjonijiet, isiru dikjarazzjonijiet analizzati bħala qarrieqa minn oħrajn. Għaldaqstant, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jista’ jiġi dedott ebda dritt, ta’ kwalunkwe natura, għall-investituri, li l-BĊE jintervjeni, f’kull Stat Membru, kull meta jsiru hemmhekk, fuq l-istituzzjonijiet suġġetti għas-superviżjoni tiegħu, kummenti li jistgħu jitqiesu mill-investituri bħala totalment jew parzjalment infondati.

69      Ċertament, l-imsemmija dikjarazzjonijiet setgħu jiġu fformulati f’dan il-każ minn diretturi tal-Bank. Minħabba l-funzjonijiet tagħhom, is-swieq setgħu jagħtu forma ta’ kredibbiltà għal dawn id-dikjarazzjonijiet. Għalhekk, il-valur tal-ishma li jikkostitwixxu l-kapital tal-bank seta’ jiġi affettwat minn dawn id-dikjarazzjonijiet, li seta’ jikkawża dannu lir-rikorrenti.

70      Madankollu, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ dannu finanzjarju allegat ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Sabiex din ir-responsabbiltà tkun tista’ tiġi stabbilita, ir-rikorrenti għandhom jistabbilixxu aġir illegali. Għal dan l-għan, dawn tal-aħħar għandhom juru, skont il-ġurisprudenza, li regola li tagħti drittijiet lill-individwi nkisret b’mod suffiċjentement serju. Issa, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ tali regola, u wisq inqas dik ta’ tali ksur.

71      F’dan il-każ, jidher li, jekk huma jikkunsidraw li sofrew dannu minħabba tali dikjarazzjonijiet, huma r-rikorrenti stess li għandhom jirreaġixxu billi jirrettifikaw id-dikjarazzjonijiet u billi jressqu lill-awturi tagħhom, jekk ikun il-każ, quddiem il-qrati kompetenti.

72      Fit-tieni lok, l-Artikolu 53bis(1)(d) tat-Test Uniku dwar il-Banek jipprevedi li, meta s-sitwazzjoni tirrikjedi dan, l-awtorità ta’ superviżjoni tista’ tadotta miżuri speċifiċi fir-rigward ta’ bank wieħed jew iktar jew fir-rigward tas-sistema bankarja kollha.

73      Skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmija miżuri jistgħu jinkludu r-restrizzjoni tal-attivitajiet jew tal-istruttura territorjali tal-Bank; il-projbizzjoni, għal dan tal-aħħar, milli jwettaq ċerti tranżazzjonijiet, anki ta’ natura soċjali, u milli jqassam profitti jew elementi oħra tal-kapital, kif ukoll, għall-istrumenti finanzjarji li jistgħu jiġu inklużi fil-kapital għal finijiet ta’ superviżjoni, il-projbizzjoni li jħallas l-interessi; l-iffissar ta’ limiti għall-ammont totali tal-parti varjabbli tar-remunerazzjoni fil-Bank, meta dan ikun neċessarju għaż-żamma ta’ bażi ta’ kapital soda u, għall-banek li jibbenefikaw minn interventi eċċezzjonali ta’ appoġġ pubbliku, l-iffissar tal-limiti għar-remunerazzjoni totali tar-rappreżentanti soċjali.

74      Fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, jidher li, bħala tali, l-Artikolu 53bis(1)(d) tat-Test Uniku dwar il-Banek huwa irrilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk kienx impost obbligu fuq il-BĊE sabiex jobbligah jirrettifika dikjarazzjonijiet attribwiti lil ċerti atturi, u meqjusa żbaljati minn oħrajn, dwar l-istabbiltà finanzjarja tal-Bank. Ebda obbligu ta’ din in-natura ma huwa impost fuq il-BĊE f’dan is-sens b’mod dirett jew indirett. Ħlief bir-riżultat li tiġi estiża indebitament il-portata tagħha, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod li jwassal għaż-żieda, fuq il-BĊE, ta’ obbligu li, peress li ma ġiex introdott fit-test, ma ġiex stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

75      Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti dwar l-ewwel illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-BĊE għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni illegalità, fissens li lBĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, illeġiżlazzjoni talUnjoni firrelazzjonijiet tiegħu malBord tadDiretturi talBank

76      Fir-rigward tat-tieni illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-BĊE, ir-rikorrenti jsostnu li dan kiser, b’mod suffiċjentement serju, l-Artikoli 4 u 16 tar-Regolament Nru 1024/2013:

–        billi kkonsulta mas-Sur Modiano u mas-Sur Innocenzi sabiex jirriżenjaw, fit‑2 ta’ Jannar 2019, huwa wassal għar-riżenja tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank u b’hekk fetaħ it-triq għat-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja ta’ dik l-istituzzjoni;

–        billi fittex li jillimita s-setgħat tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank għal sempliċi ratifika tad-deċiżjonijiet meħuda mid-Direttur Maniġerjali, waqt il-laqgħa tas‑16 ta’ Frar 2018 u matul skambji suċċessivi bejn V. Malacalza, is-Sinjura Nouy (Presidenta tal-Bord Superviżorju tal-BĊE) u s-Sur Quintana (membru tad-Direttorat Ġenerali għas-Superviżjoni Mikroprudenzjali tal-BĊE);

–        billi ħeba mill-Bord tad-Diretturi għal diversi xhur il-portata tad-diffikultà li kellu l-Bank fil-qasam tal-fondi proprji billi informah biss, fil‑21 ta’ Ġunju 2018, bil-kontenut ta’ ittra li l-BĊE kien madankollu bagħat, fl‑4 ta’ Ġunju 2018, lid-Direttur Maniġerjali.

77      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

78      Sabiex tingħata deċiżjoni, għandhom jiġu eżaminati b’mod suċċessiv iż-żewġ dispożizzjonijiet invokati mir-rikorrenti.

79      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprevedi li l-BĊE biss għandu kompetenza sabiex jeżerċita, għal finijiet ta’ superviżjoni prudenzjali fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istati Membri, il-kompiti li jikkonsistu b’mod partikolari f’li jawtorizza l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jevalwa l-komunikazzjonijiet ta’ akkwisti u ta’ trasferimenti ta’ holdings kwalifikanti fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu u f’li jiżgura l-osservanza tal-atti li jimponu rekwiżiti prudenzjali fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-oqsma tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji, tal-limiti applikabbli għal skoperturi kbar, tal-likwidità u tal-governanza, inkluż fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ reputazzjoni tajba, ta’ kompetenza u ta’ esperjenza tal-persuni inkarigati mill-amministrazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-aġir allegat fil-konfront tal-BĊE ma huwiex relatat mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1024/2013. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħti lill-BĊE kompetenzi fil-qasam prudenzjali u tipprevedi, b’mod iktar preċiż, li l-BĊE huwa “esklussivament kompetenti” sabiex jeżerċita ċertu numru minnhom, u b’hekk tqassam bejn dik l-istituzzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali l-kompiti li jistgħu jiġu previsti f’dan it-tip ta’ qasam.

81      Għalhekk, din id-dispożizzjoni, inkwantu tassenja kompetenzi lil istituzzjonijiet u tqassamhom bejniethom, hija intiża sabiex timplimenta l-għan ġenerali li tiġi organizzata sistema regolatorja li tirrigwarda qasam ta’ attività għall-benefiċċju tal-interess pubbliku mingħajr ma tagħti, fiha nnifisha, lil individwi drittijiet li jistgħu jkunu l-bażi ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

82      Fit-tieni lok, l-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament Nru 1024/2013 jawtorizza lill-BĊE, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti fdati lilu, jeżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jieħdu diversi miżuri fi stadju bikri meta dawn l-istituzzjonijiet ma josservawx ir-rekwiżiti prudenzjali jew ikun hemm riskju li ma josservawhomx, jew inkella meta nuqqasijiet oħra ma jippermettux li tiġi żgurata, fi ħdan dawn l-istituzzjonijiet, ġestjoni tajba, jew kopertura sodisfaċenti tar-riskji.

83      Il-miżuri inkwistjoni f’din id-dispożizzjoni jistgħu jikkonsistu, b’mod partikolari, fil-ħtieġa li jissaħħu l-fondi proprji, f’li l-attività tal-istituzzjoni ta’ kreditu tiġi ristretta jew limitata, f’li jintalab il-waqfien tal-attivitajiet li joħolqu riskji eċċessivi għas-solidità tal-istituzzjoni jew fit-tneħħija mill-funzjonijiet tagħhom tal-membri tal-korp ta’ ġestjoni tal-istituzzjonijiet li ma josservawx l-obbligi imposti fuqhom.

84      Għal darba oħra, tali dispożizzjoni, sa fejn sempliċement twettaq awtorizzazzjoni, ma tinkludix, fiha nnifisha, regoli li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, iżda torganizza l-funzjonament tas-sistema ta’ superviżjoni bankarja fl-interess pubbliku u ma hijiex ta’ natura, f’dan ir-rigward, li tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, peress li ma għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament Nru 1024/2013 ma jistgħux ikunu l-bażi tal-illegalità tal-aġir allegat tal-BĊE fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali li huwa eżerċita fuq il-Bank ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba l-imsemmi aġir.

86      L-argument tar-rikorrenti dwar it-tieni illegalità tal-aġir allegat tal-BĊE għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq ittielet illegalità, inkwantu lBĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, illeġiżlazzjoni Taljana meta approva, fit18 ta’ Settembru 2019, ta’ żieda filkapital li tmur kontra ljedd ta’ prelazzjoni previst mill-Istatuti talBank

87      Fir-rigward tat-tielet illegalità tal-aġir allegat tal-BĊE, ir-rikorrenti jsostnu li huwa kiser, b’mod suffiċjentement serju, l-Artikolu 56 tat-Test Uniku dwar il-Banek billi approva, fit‑18 ta’ Settembru 2019, żieda fil-kapital li tmur kontra l-jedd ta’ prelazzjoni rrikonoxxut lill-azzjonisti mill-Istatuti tal-Bank.

88      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

89      Il-kliem tal-Artikolu 56 tat-Test Uniku dwar il-Banek huwa dan li ġej:

“1. Il-Bank tal-Italja għandu jiżgura li l-emendi għall-istatuti tal-banek ma jkunux f’kunflitt ma’ ġestjoni soda u prudenti.

“2. Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji tista’ tinbeda biss jekk il-verifika prevista fil-paragrafu 1 tkun stabbilita.”

90      F’dan il-każ, l-Artikolu 56 tat-Test Uniku dwar il-Banek japplika għall-BĊE skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1024/2013, li jipprovdi li dik l-istituzzjoni għandha tintervjeni bħala awtorità kompetenti minflok l-awtorità nazzjonali meta, bħalma huwa l-każ hawnhekk, l-istituzzjonijiet li għandhom jiġu ssorveljati jkunu jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

91      Mill-Artikolu 56 tat-Test Uniku dwar il-Banek isegwi li, fl-eżerċizzju tal-kompiti fdati lilha, l-awtorità superviżorja għandha tivverifika l-kompatibbiltà, mar-restrizzjonijiet li jirriżultaw minn ġestjoni soda u prudenti, tal-emendi magħmula għall-istatuti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, qabel ma l-imsemmija emendi jkunu jistgħu jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-kumpanniji.

92      Issa, din il-verifika ma għandhiex tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-emenda statutorja prevista mal-jeddijiet ta’ prelazzjoni tal-azzjonisti, iżda l-kompatibbiltà ta’ din il-bidla mar-rekwiżit ta’ ġestjoni soda u prudenti li jinsab fl-Artikolu 56 tat-Test Uniku dwar il-Banek.

93      Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ ġestjoni soda u prudenti juri li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-għan li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità superviżorja abbażi tal-Artikolu 56 tat-Test Uniku dwar il-Banek, huwa l-istabbiltà tal-istituzzjoni ta’ kreditu u, b’mod iktar ġenerali, tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi.

94      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 56 tat-Test Uniku dwar il-Banek ma jagħtix, fih innifsu, drittijiet lill-individwi fis-sens tal-Artikoli 36 u 37 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, l-argument dwar it-tielet illegalità tal-aġir allegat tal-BĊE għandu jiġi miċħud.

 Fuq irraba’ illegalità, inkwantu lBĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, illeġiżlazzjoni Taljana billi ħatar diretturi temporanji affettwati minn kunflitt ta’ interessi

95      Fir-rigward tar-raba’ illegalità tal-aġir li bih huwa kkritikat il-BĊE, ir-rikorrenti jsostnu li huwa kiser, b’mod suffiċjentement serju, l-Artikolu 71(6) tat-Test Uniku dwar il-Banek billi ħatar, bħala diretturi temporanji, lill-ex President tal-Bord tad-Diretturi, is-Sur Modiano, u lill-ex Direttur Maniġerjali tal-Bank, is-Sur Innocenzi. Ladarba dawn tal-aħħar saru diretturi temporanji, sar diffiċli għalihom li jeżerċitaw l-azzjoni soċjali fil-konfront tal-korpi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll (jew ta’ wħud mill-membri tagħhom) sadanittant. Għalhekk, dawn iż-żewġ persuni kienu protetti, minħabba l-ħatra tagħhom bħala diretturi temporanji, minn azzjoni għad-danni li setgħet titressaq fil-konfront tagħhom għad-deċiżjonijiet meħuda meta kienu l-President tal-Bord tad-Diretturi u d-Direttur Maniġerjali tal-Bank, rispettivament.

96      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

97      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2022, Corneli vs BĊE (T‑502/19, taħt appell, EU:T:2022:627), mingħajr din iċ-ċirkustanza ma għandha tostakola l-eżami tagħha f’din il-proċedura.

98      Minn naħa, l-annullament ma seħħx abbażi ta’ ksur ta’ kunflitt ta’ interessi kuntrarjament għal dak li jitolbu r-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-kawża, iżda minħabba li twettaq żball fid-determinazzjoni tal-bażi legali użata mill-BĊE sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjoni (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2022, Corneli vs BĊE, T‑502/19, taħt appell, EU:T:2022:627, punti 113 u 114).

99      Min-naħa l-oħra, ir-rikors għad-danni, minħabba n-natura tiegħu, jikkostitwixxi rimedju ġudizzjarju awtonomu li jeżerċita funzjoni partikolari fi ħdan is-sistema tar-rimedji maħsuba mit-Trattati u huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu (sentenza tat‑28 ta’ April 1971, Lütticke vs Il‑Kummissjoni, 4/69, EU:C:1971:40, punt 6, u digriet tal‑21 ta’ Ġunju 1993, Van Parijs et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑257/93, EU:C:1993:249, punt 14).

100    Għalhekk, huwa aċċettat li l-Qorti Ġenerali tista’ teżamina b’mod awtonomu, għall-finijiet ta’ rikors għad-danni, il-legalità ta’ att li huwa s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Madankollu, għalkemm ir-rikors għal annullament għandu bħala għan li jissanzjona l-illegalità ta’ att ġuridikament vinkolanti, ir-rikors għad-danni għandu bħala għan it-talba għal kumpens ta’ dannu li jirriżulta minn att jew minn aġir illeċitu imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punti 61 u 62).

101    Wara li saret din il-preċiżazzjoni, mill-Artikolu 71(6) tat-Test Uniku dwar il-Banek jirriżulta li, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, id-diretturi temporanji għandu jkollhom diversi karatteristiċi li fosthom hemm il-fatt li huma ħielsa minn kunflitti ta’ interess. Tali rekwiżit jimplika, min-naħa tal-BĊE li, meta jipproċedi bil-ħatra ta’ diretturi temporanji, huwa għandu jivverifika l-assenza ta’ kunflitti ta’ interessi tal-persuni kkonċernati. Fl-assenza ta’ tali verifika, il-persuni kkonċernati ma jkunux jistgħu fil-fatt jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, anki jekk huma jkunu ġew maħtura, meta huma ma josservawx dan ir-rekwiżit.

102    Issa, ir-rekwiżit li wieħed ikun eżentat minn kunflitt ta’ interessi jaqa’, b’mod ġenerali, taħt il-prinċipju ta’ imparzjalità, li huwa intiż li jipproteġi, skont il-ġurisprudenza, minn naħa, l-interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, l-interess tal-individwi li jistgħu jiġu affettwati negattivament wara l-preżenza ta’ dan il-kunflitt ta’ interessi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T‑309/03, EU:T:2006:110, punt 102, u tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il‑Kummissjoni, T‑399/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:384, punt 100).

103    Għalhekk, il-prinċipju ta’ imparzjalità joħloq, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ individwi li jistgħu jiġu affettwati, dritt suġġettiv li, jekk jinkiser b’mod suffiċjentement serju, jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għad-dannu eventwalment ikkawżat minn istituzzjoni fl-eżerċizzju tal-kompiti li huma fdati lilha.

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikolu 71(6) tat-Test Uniku dwar il-Banek għandu l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi fis-sens tal-Artikoli 36 u 37 iktar ’il fuq.

105    Fir-rigward tal-verifika dwar jekk il-BĊE wettaqx ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 71(6) tat-Test Uniku dwar il-Banek, għandu jiġi nnotat li, sabiex timmotiva l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, dik l-istituzzjoni ma indikatx li din kienet iġġustifikata mill-eżistenza ta’ “irregolaritajiet serji” mwettqa “fil-kuntest tal-amministrazzjoni” tal-Bank, fis-sens tal-Artikolu 69octiesdecies(1)(b) tat-Test Uniku Bankarju, moqri flimkien mal-Artikolu 70 tal-imsemmi test.

106    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 69octiesdecies(1)(b) u tal-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek, l-awtorità ta’ superviżjoni tista’ tqiegħed istituzzjoni taħt amministrazzjoni temporanja f’każ ta’ ksur serju tal-liġijiet jew tar-regolamenti, ta’ irregolaritajiet serji fil-ġestjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu, meta d-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-bank jew tal-grupp bankarju jkun partikolarment sinjifikattiv, meta jkun prevedibbli telf serju ta’ assi, jew meta l-amministrazzjoni temporanja tintalab permezz ta’ rikors motivat mill-korpi amministrattivi jew mil-laqgħa ġenerali straordinarja tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

107    F’dan il-każ, jekk kienu twettqu irregolaritajiet fil-ġestjoni tal-Bank, kien meħtieġ li jiġi żgurat, sabiex jiġu protetti l-azzjonisti, li tkun tista’ tinbeda proċedura kontra l-persuni responsabbli. Hija biss azzjoni għad-danni fil-konfront tal-ex membri tal-korpi amministrattivi li kienet tkun ta’ natura li tippermetti l-kumpens, minn dawn il-persuni responsabbli, għad-danni subiti mill-azzjonisti. F’tali każ, seta’ ma kienx ikun xieraq li jinħatru bħala diretturi temporanji persuni li qabel kienu eżerċitaw funzjonijiet amministrattivi fi ħdan il-Bank. Fil-fatt, tali ħatra, kif isostnu r-rikorrenti, irrendiet ftit realistika l-perspettiva ta’ tali azzjoni, peress li d-diretturi temporanji ma għandhom l-ebda interess li jistabbilixxu r-responsabbiltà tagħhom stess.

108    Madankollu, is-sitwazzjoni kienet differenti f’dan il-każ peress li, skont it-termini użati fiha, id-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja ma kinitx ibbażata fuq “irregolaritajiet serji”, li twettqu mill-korpi amministrattivi preċedenti tal-Bank, iżda fuq id-“deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tal-Bank”, fis-sens tal-Artikoli 69octiesdecies u 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek.

109    Barra minn hekk, id-diffikultajiet finanzjarji li jaffettwaw lill-Bank ippreċedew il-ħatra, bħala, rispettivament, President tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank, tas-Sur Modiano, u ta’ Direttur Maniġerjali, tas-Sur Innocenzi, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti msemmija iktar ’il fuq (punti 5 sa 10 iktar ’il fuq).

110    Mill-bqija, għandu jitfakkar li, fl-eżerċizzju tal-funzjoni prudenzjali tiegħu, il-BĊE jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, mingħajr ma l-qorti tkun tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni imwettqa mill-istituzzjoni b’dik tagħha (ara l-punt 45 iktar ’il fuq).

111    Issa, il-BĊE seta’ jqis, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, mingħajr ma jeċċedi l-limiti tagħha, li kien opportun li l-ġestjoni tal-amministrazzjoni temporanja tiġi fdata lil persuni familjari mal-istituzzjoni ta’ kreditu koperta mill-miżura inkwistjoni, peress li tali familjarizzazzjoni kienet ta’ natura li tippermettilhom jirreaġixxu iktar malajr f’kuntest ta’ kriżi quddiem id-diffikultajiet suċċessivi li kien hemm.

112    Fuq din il-bażi, jista’ jitqies li l-BĊE uża s-setgħa diskrezzjonali tiegħu b’mod raġonevoli meta ħatar bħala amministrazzjoni temporanja lis-Sur Modiano u lis-Sur Innocenzi, li kienu suffiċjentement involuti fil-kummerċ tal-Bank sabiex ikunu jistgħu jaġixxu malajr quddiem is-sitwazzjoni ta’ kriżi li kellu l-Bank.

113    Huwa minnu, kif jindikaw ir-rikorrenti, li l-azzjoni soċjali għal danni fil-konfront tal-membri tal-korpi xolti ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll hija eżerċitata, matul il-perijodu tal-amministrazzjoni temporanja, mill-kummissarji temporanji, konformement mal-Artikolu 72(5) tat-Test Uniku dwar il-Banek Taljan.

114    Madankollu, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti kif ukoll l-azzjonisti li individwalment jew b’mod konġunt għandhom 20 % tal-kapital azzjonarju jew l-ammont differenti previst fl-istatuti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jistgħu, mat-teħid lura tal-amministrazzjoni ordinarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, iressqu azzjoni għad-danni kontra l-membri tal-korpi amministrattivi u ta’ kontroll għal perijodu ta’ ħames snin wara li dawn ikunu temmew il-funzjonijiet tagħhom, konformement mal-Artikoli 2393 u 2393bis tal-Kodiċi Ċivili Taljan.

115    Għalhekk, minn meta assumew il-ġestjoni ordinarja tal-bank, il-laqgħa tal-azzjonisti u l-azzjonisti li kellhom, individwalment jew b’mod konġunt, 20 % tal-kapital azzjonarju jew l-ammont differenti previst fl-istatuti tal-Bank kellhom il-possibbiltà li jressqu azzjoni għad-danni kontra s-Sur Modiano u s-Sur Innocenzi, fil-kwalità tagħhom ta’ ex membri tal-Bord tad-Diretturi, f’perijodu ta’ ħames snin mid-data tat-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom.

116    A fortiori, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, billi ħatar lis-Sur Modiano u lis-Sur Innocenzi bħala diretturi temporanji, il-BĊE żamm fil-limiti ta’ dak li huwa raġonevoli fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu.

117    Għalhekk, peress li ma ġie stabbilit ebda ksur suffiċjentement serju, l-argument dwar ir-raba’ illegalità tal-aġir li bih huwa kkritikat il-BĊE għandu jiġi miċħud.

 Fuq ilħames illegalità, inkwantu, waqt ladozzjoni ta’ miżura ta’ intervent bikri, ilBĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, diversi regoli u diversi prinċipji

118    Fir-rigward tal-ħames illegalità tal-aġir li bih huwa kkritikat il-BĊE, ir-rikorrenti jqajmu, kontra l-adozzjoni tal-miżura ta’ intervent bikri, sitt ilmenti, li huma kkontestati mill-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni.

–       Fuq lewwel ilment, dwar ladozzjoni talmiżura ta’ intervent bikri abbażi ta’ sempliċi riskju ta’ ksur talqafas regolatorju

119    Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jargumentaw li l-BĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, l-Artikolu 69octiesdecies(1)(a) tat-Test Uniku dwar il-Banek billi adotta l-miżura ta’ intervent bikri fil-preżenza ta’ sempliċi riskju ta’ ksur tal-qafas regolatorju applikabbli, filwaqt li, fil-fehma tagħhom, kellha tiġi prodotta l-prova ta’ ksur prevedibbli, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 69octiesdecies(1)(a) tat-Test Uniku dwar il-Banek, Banca d’Italia (il-Bank tal-Italja) jista’ jadotta l-miżuri ta’ intervent bikri msemmija fih meta, wara deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni tal-bank ikkonċernat jew tal-grupp tiegħu, huwa jikkonstata jew jipprevedi b’mod partikolari ksur tar-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 337, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2, u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29), u tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349, rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28, fil-ĠU 2016, L 273, p. 35, fil-ĠU 2017, L 64, p. 116, u fil-ĠU 2021, L 410, p. 201).

121    F’dan il-każ, l-Artikolu 69octiesdecies(1)(a) tat-Test Uniku dwar il-Banek japplika għall-BĊE skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1024/2013, li jipprovdi li dik l-istituzzjoni għandha tintervjeni bħala awtorità kompetenti minflok l-awtorità nazzjonali meta, bħalma huwa l-każ hawnhekk, l-istituzzjonijiet li għandhom jiġu ssorveljati jkunu jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1024/2013.

122    Minn dan isegwi li, sa fejn l-Artikolu 69octiesdecies(1)(a) tat-Test Uniku dwar il-Banek sempliċement jagħti lill-awtorità ta’ superviżjoni s-setgħa li tadotta miżura ta’ intervent bikri meta, fi tmiem l-evalwazzjoni li huwa l-kompitu tagħha li twettaq, il-kundizzjonijiet li huwa jipprevedi jkunu ssodisfatti, huwa ma jagħtix, fih innifsu, lill-individwi drittijiet li huma jistgħu jitolbu lill-qorti tal-Unjoni tiżgura r-rispett tagħhom.

123    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li d-drittijiet u l-interessi li huma għandhom bħala azzjonisti ġew affettwati peress li ġew imċaħħda minn kull involviment possibbli fil-ġestjoni tal-Bank wara l-adozzjoni, mill-BĊE, tal-miżura ta’ intervent bikri.

124    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-effett eventwalment prodott minn intervent min-naħa tal-BĊE fuq l-interessi tal-azzjonisti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ dik l-istituzzjoni jekk ir-regola li fuqha huwa bbażat dan l-intervent ma għandhiex l-għan li toħloq jew tipproteġi, b’mod speċifiku, dritt li jingħatalhom b’mod suffiċjentement iddefinit.

125    Issa, bħalma ġie indikat fil-punt 122 iktar ’il fuq, l-Artikolu 69octiesdecies(1)(a) tat-Test Uniku dwar il-Banek ma huwiex intiż sabiex joħloq drittijiet favur l-individwi, anki jekk huma azzjonisti.

126    Fil-fatt, huwa sabiex tiġi protetta l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u għalhekk sabiex jiġi implimentat għan ta’ interess pubbliku li ġiet adottata l-miżura ta’ intervent bikri abbażi tal-Artikolu 69octiesdecies(1)(a) tat-Test Uniku dwar il-Banek.

127    Għalhekk, il-BĊE mmotiva l-adozzjoni tal-miżura ta’ intervent bikri bir-riskju ta’ ksur tar-rekwiżiti stabbiliti mill-qafas regolatorju applikabbli. F’dan ir-rigward, ir-riskju meħud inkunsiderazzjoni ġie ssostanzjat b’mod speċifiku u konkret fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikolu 69octiesdecies(1)(a) tat-Test Uniku dwar il-Banek, li jirreferi għall-eżistenza ta’ deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni tal-entità ssorveljata bħala wieħed mill-indizji ta’ ksur possibbli minnha tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji.

128    F’dan ir-rigward, il-BĊE indika fil-miżura ta’ intervent bikri li:

–        f’Ġunju 2016, il-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni (CET 1) u l-proporzjon tal-kapital tal-Grad 2 ta’ Ekwità Komuni (TCR) tal-Bank kienu ta’ 12.29 % u ta’ 14.37 %, rispettivament. Madankollu, l-iżvilupp mistenni ta’ dawn iż-żewġ proporzjonijiet fl‑2017 kien ser iwassalhom għal valuri iktar baxxi meta mqabbla ma’ dawk tas-sena preċedenti, jiġifieri 10.35 % għaċ-CET 1 u 12.19 % għat-TCR bi ksur tar-rekwiżit globali ta’ fondi proprji ta’ 12.50 % (ara l-punt 1.1.1 tal-miżura ta’ intervent bikri);

–        il-proporzjonijiet ta’ fondi proprji setgħu jonqsu anki lil hinn mill-valuri indikati iktar ’il fuq b’telf patrimonjali saħansitra iktar sinjifikattiv fid-dawl tal-prestazzjonijiet kostanti u insuffiċjenti f’termini ta’ profittabbiltà tal-Bank matul dawn l-aħħar snin, ir-riskju għoli ta’ kreditu li jirriżulta mil-livell ta’ self li ma jrendix, li kien jipperikola l-kapaċità tal-entità ssorveljata li tiġġenera profitti, kif ukoll l-inċertezzi marbuta mal-miżuri għat-tnaqqis tal-ispejjeż previsti fil-qafas tal-pjan strateġiku adottat mill-Bank (ara l-punti 1.1.2 u 1.1.3 tal-miżura ta’ intervent bikri).

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, peress li għandu għan ta’ interess pubbliku, l-Artikolu 69octiesdecies(1)(a) tat-Test Uniku dwar il-Banek ma għandux l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi u huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li huwa ġie implimentat f’dan il-każ bl-adozzjoni tal-miżura ta’ intervent bikri, bil-konsegwenza li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ittieni lment, dwar lobbligu previst millmiżura ta’ intervent bikri ta’ trasferiment b’kundizzjonijiet mhux vantaġġużi tasself li allegatament ma jrendix

130    Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, l-Artikolu 69noviesdecies tat-Test Uniku dwar il-Banek billi impona fuq il-Bank, fil-miżura ta’ intervent bikri, l-obbligu li jittrasferixxi taħt kundizzjonijiet mhux vantaġġużi self li allegatament ma jrendix. Issa, skont ir-rikorrenti, din id-dispożizzjoni ma tippermettix l-impożizzjoni ta’ dan it-tip ta’ obbligu, iżda tipprevedi biss il-possibbiltà li jiġi implimentat pjan ta’ ristrutturar jew li jiġi ppreparat pjan intiż sabiex tiġi nnegozjata ristrutturazzjoni tad-dejn mal-kredituri.

131    Skont l-Artikolu 69noviesdecies tat-Test Uniku dwar il-Banek, il-Bank tal-Italja jista’ jitlob lil istituzzjoni ta’ kreditu jew lill-kumpannija omm ta’ grupp bankarju, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 69octiesdecies(1)(a) tat-Test Uniku dwar il-Banek jkunu ssodisfatti, timplimenta anki parzjalment il-pjan ta’ ristrutturar adottat, tipprepara pjan għan-negozjar tar-ristrutturar tad-dejn mal-kredituri kollha jew ma’ wħud minnhom jew, jekk ikun il-każ, temenda l-forma soċjali tagħhom.

132    Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, il-Bank tal-Italja jista’ jeżiġi l-aġġornament tal-pjan ta’ ristrutturar meta l-kundizzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-miżura ta’ intervent bikri jkunu differenti mis-suppożizzjonijiet previsti fil-pjan. Barra minn hekk, huwa jista’ jistabbilixxi terminu għall-implimentazzjoni tal-pjan u għat-tneħħija tar-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-miżura ta’ intervent bikri.

133    F’dan il-każ, l-Artikolu 69noviesdecies tat-Test Uniku dwar il-Banek japplika għall-BĊE skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1024/2013, li jipprovdi li dik l-istituzzjoni għandha tintervjeni bħala awtorità kompetenti minflok l-awtorità nazzjonali meta, bħalma huwa l-każ hawnhekk, l-istituzzjonijiet li għandhom jiġu ssorveljati jkunu jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1024/2013.

134    Għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn l-Artikolu 69noviesdecies tat-Test Uniku dwar il-Banek sempliċement jagħti lill-awtorità ta’ superviżjoni s-setgħa li titlob lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jippreparaw jew jimplimentaw pjan sabiex jinnegozjaw ristrutturar tad-dejn, meta l-kundizzjonijiet li huwa jipprevedi jkunu ssodisfatti, huwa ma jagħtix, fih innifsu, drittijiet lill-individwi.

135    Għalhekk, f’dan il-każ, huwa sabiex jintlaħaq għan ta’ interess pubbliku li l-BĊE talab lill-Bank, fil-miżura ta’ intervent bikri, jippreżenta, qabel t‑28 ta’ Frar 2017, pjan strateġiku u pjan operattiv li kellhom, tal-inqas:

–        jindikaw il-miżuri li l-Bank kellu l-ħsieb li jieħu biex inaqqas il-livell ta’ self li ma jrendix;

–        jinkludu għanijiet kwantitattivi għat-tnaqqis ta’ self li ma jrendix;

–        Jindikaw skeda għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri;

–        jieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet minimi ddefiniti mill-BĊE fl-għażla tal-miżuri li kellhom jittieħdu għat-tnaqqis tas-self li ma jrendix, jiġifieri massimu ta’ EUR 5.5 biljun ta’ self li ma jrendix fil‑31 ta’ Diċembru 2017, EUR 4.6 biljun fil‑31 ta’ Diċembru 2018 u EUR 3.7 biljun fil‑31 ta’ Diċembru 2019; u

–        ikunu approvati mill-Bord tad-Diretturi tal-Bank.

136    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-miżura ta’ intervent bikri ma rrikjedietx li l-Bank jittrasferixxi self li ma jrendix, u wisq inqas li jagħmel dan bi prezzijiet iddefiniti f’perijodu ddeterminat. Konformement mal-Artikolu 69noviesdecies tat-Test Uniku dwar il-Banek, fil-miżura ta’ intervent bikri, il-BĊE sempliċement talab lill-Bank jippreżenta pjan strateġiku u pjan operattiv sabiex inaqqas il-proporzjon tas-self li ma jrendix fil-karta tal-bilanċ tiegħu. Madankollu, dawn il-pjanijiet kellhom jitħejjew u jiġu approvati mill-Bank. B’mod partikolari, kienet ir-responsabbiltà tiegħu li jidentifika u li jimplimenta l-miżuri adegwati billi jindika, pereżempju, liema self li ma jrendix kellu jiġi ttrasferit, skont liema modalitajiet, lil min u b’liema prezz.

137    Barra minn hekk, l-Artikolu 69noviesdecies tat-Test Uniku dwar il-Banek ma jipprekludix li l-miżura ta’ intervent bikri tindika għanijiet minimi u tistabbilixxi termini għat-tnaqqis tas-self li ma jrendix. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħti b’mod espliċitu lill-BĊE s-setgħa li jistabbilixxi terminu għall-implimentazzjoni tal-pjan u għat-tneħħija tar-raġunijiet li wasslu għall-intervent bikri.

138    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikolu 69noviesdecies tat-Test Uniku dwar il-Banek għandu għan ta’ interess pubbliku mingħajr ma għandu l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi u li huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li huwa ġie implimentat f’dan il-każ mill-BĊE meta l-istess BĊE adotta l-miżura ta’ intervent bikri inkwistjoni fit-tieni lment.

139    Għalhekk it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ittielet ilment, dwar losservanza, f’perijodu ddeterminat, tarrekwiżiti imposti filqasam talfondi proprji

140    Permezz tat-tielet ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, l-Artikolu 16(1)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, peress li, fil-miżura ta’ intervent bikri, huwa qies li l-ksur mill-Bank tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji seta’ jimmaterjalizza f’perijodu ta’ żmien ta’ iktar minn tnax-il xahar wara l-adozzjoni ta’ din il-miżura.

141    Issa, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 16(1)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013 jillimita s-setgħa tal-BĊE li jadotta miżura fil-konfront ta’ istituzzjoni ta’ kreditu biss għall-każijiet li fihom ir-riskju ta’ ksur minn dik l-istituzzjoni tal-qafas regolatorju applikabbli jseħħ mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara l-intervent tal-BĊE.

142    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħalma huwa indikat fil-punti 82 et seq. iktar ’il fuq, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013 jagħti setgħat lill-BĊE fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali billi jsegwi għan ta’ interess pubbliku mingħajr ma jagħti drittijiet lill-individwi.

143    Għalhekk it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq irraba’ lment, dwar ilksur talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

144    Permezz tar-raba’ lment, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi impona fuq il-Bank, fil-kuntest tal-miżura ta’ intervent bikri, miżuri iktar eżiġenti minn dawk adottati fil-konfront ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra li, madankollu, kienu jinsabu f’sitwazzjoni simili.

145    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-”Karta”) u jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO (C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa ta’ natura, skont il-ġurisprudenza, li jagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756 punt 87, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 110).

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk, bl-adozzjoni tal-miżura ta’ intervent bikri, il-BĊE kisirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament b’mod gravi u manifest, lil hinn mis-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa mogħtija lilu.

148    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-eżerċizzju tal-kompitu prudenzjali tiegħu, il-BĊE għandu jwettaq evalwazzjonijiet tekniċi li jieħdu inkunsiderazzjoni firxa wiesgħa ta’ varjabbli, b’mod partikolari l-livelli ta’ fondi proprji u ta’ likwidità, il-mudelli ekonomiċi, il-governanza, ir-riskji, l-impatt sistemiku u x-xenarji makroekonomiċi. Għalhekk, is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma hijiex limitata għal paragun kwantitattiv u mekkaniku ta’ ċifri iżolati u estrapolati, iżda teżiġi ġudizzju prudenzjali globali fuq is-sitwazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li tmur id f’id ma’ setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa.

149    Fil-miżura ta’ intervent, sabiex juri li kien hemm deterjorament rapidu tal-bank, il-BĊE ma llimitax ruħu li jikkonstata l-ksur tar-rekwiżiti patrimonjali marbuta mal-livell tas-self li ma jrendix, iżda għamel riferiment ukoll għal diversi elementi li juru, fil-fehma tiegħu, il-fraġilità ta’ dik l-istituzzjoni: ir-riskju tal-kreditu (paġna 2, punt 1.1.1), il-profittabbiltà baxxa (paġna 2, punt 1.1.1), it-telf imġarrab fis-snin preċedenti (paġna 3, punt 1.12(i)), ir-riżultati modesti fil-ġenerazzjoni ta’ dħul operattiv (paġna 3, punt 1.1.2(i)), ir-relazzjoni spiża-dħul għolja ħafna (paġna 4, punt 1.1.2(i)), l-inċertezzi dwar il-miżuri sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż (paġna 4, punt 1.1.2(iii)) u d-dgħufija li tikkaratterizza s-sitwazzjoni ta’ likwidità (paġna 7, punt 2.4).

150    Skont il-ġurisprudenza, għalkemm hija ssostni li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ġie miksur, hija r-rikorrenti li għandha tidentifika bi preċiżjoni s-sitwazzjonijiet paragunabbli li hija tqis li ġew ittrattati b’mod differenti jew is-sitwazzjonijiet differenti li hija tqis li ġew ittrattati b’mod identiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 442 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    Għalhekk, ir-rikorrenti kellhom jistabbilixxu, f’dan il-każ, jekk din kinitx l-intenzjoni tagħhom, fid-dawl tal-parametri indikati fil-punt 149 iktar ’il fuq, li istituzzjonijiet ta’ kreditu Taljani oħra li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli kienu ġew ittrattati b’mod differenti.

152    Ċertament, ir-rikorrenti pproduċew, fl-atti tagħhom, rapport li jipparaguna l-kwantità ta’ self li ma jrendix miżmum mill-Bank ma’ dak miżmum minn istituzzjonijiet ta’ kreditu Taljani oħra. Madankollu, huma ma qabblux din is-sitwazzjoni partikolari mad-deċiżjonijiet meħuda mill-BĊE b’mod li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ differenza reali fit-trattament bejn il-Bank u istituzzjonijiet ta’ kreditu Taljani oħra.

153    Għaldaqstant, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ilħames motiv, dwar ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

154    Permezz tal-ħames ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi impona fuq il-Bank, filwaqt li miżuri inqas radikali kienu possibbli, obbligu li mill-ewwel ikkawża deprezzament immedjat tas-self tal-Bank u li kkawża, għal dan tal-aħħar, telf kunsiderevoli.

155    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE u huwa ta’ natura, skont il-ġurisprudenza, li jagħti drittijiet lill-individwi (sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il‑Kunsill, T‑43/98, EU:T:2001:279, punt 64, u tad‑29 ta’ Novembru 2016, T&L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, T‑279/11, mhux ippubblikata, EU:T:2016:683, punt 58).

156    Għalhekk, l-individwi għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni billi jistabbilixxu li l-BĊE kkawżalhom dannu billi adotta aġir li jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk juru li dan il-prinċipju ġie miksur mill-istituzzjoni b’mod gravi u manifest.

157    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu ta’ natura li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni mingħajr ma jinqabżu l-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, VQ vs BĊE, T‑203/18, EU:T:2020:313, punt 61; ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs BUR, T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    Meta tkun adita b’talba intiża għall-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-qorti għandha tosserva l-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 68).

159    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħalma huwa indikat fil-punt 45 iktar ’il fuq, il-BĊE jgawdi minn marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali.

160    Skont it-termini użati sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni tal-miżura ta’ intervent bikri, il-BĊE analizza bil-mod segwenti l-proporzjonalità tal-obbligu li huwa kien bi ħsiebu jadotta fir-rigward tas-self li kien jinsab fil-patrimonju tal-Bank mingħajr ma jkollu n-natura effettiva li huwa kien iqis meħtieġa sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti ta’ fondi proprji li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

161    Fil-bidu tal-analiżi tiegħu, il-BĊE evalwa bħala probabbli r-riskju ta’ ksur, mill-Bank, tar-rekwiżiti patrimonjali marbuta maż-żamma ta’ self li ma jrendix (punt 1.1.1 tal-miżura ta’ intervent bikri).

162    Sussegwentement, huwa ħa nota tal-inadegwatezza tal-pjan strateġiku ppreżentat mill-Bank, fl‑14 ta’ Ġunju 2016, sabiex jikkonforma ruħu mal-għanijiet li huwa kien ifformula f’termini ta’ tnaqqis tal-proporzjon bejn l-ispejjeż u d-dħul u ta’ tnaqqis tas-self li ma jrendix (punt 1.1.5 tal-miżura ta’ intervent bikri).

163    Barra minn hekk, huwa rrileva li l-Bank kien ġarrab deterjorament serju tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu b’żieda sinjifikattiva tar-riskju ta’ kreditu għall-perijodu 2013–2016 u dgħufija sinjifikattiva f’termini ta’ likwidità disponibbli (punti 2.3 u 2.4 tal-miżura ta’ intervent bikri).

164    Abbażi ta’ dan, il-BĊE kkonkluda li l-miżura li tikkonsisti f’li l-Bank jintalab jippreżenta pjan strateġiku u pjan operazzjonali għat-tnaqqis tas-self li ma jrendix kienet:

–        proporzjonata għas-sitwazzjoni tal-Bank;

–        adegwata biex ittejjeb is-sitwazzjoni prudenzjali tal-entità taħt superviżjoni, peress li l-livell għoli ta’ self li ma jrendix kien wieħed mill-fatturi ewlenin ta’ riskju li l-Bank kien espost għalihom;

–        indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri li s-sitwazzjoni patrimonjali tal-Bank tiġi rrimedjata, peress li fil-fehma tiegħu ebda miżura oħra ma tidher li tista’ tiġi implimentata sabiex jintlaħaq ir-riżultat imfittex (punt 1.1.5 tal-miżura ta’ intervent bikri).

165    Abbażi ta’ din l-analiżi, il-BĊE seta’ jqis, fid-dawl tar-riskju għall-Bank, li kien xieraq u neċessarju li tiġi adottata l-miżura ta’ intervent bikri mingħajr ma jeżistu soluzzjonijiet alternattivi li jippermettu li jintemmu, b’mod sodisfaċenti, id-diffikultajiet li kellu l-Bank.

166    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li r-rikorrenti ma ppruvawx elementi li jippermettu li jitqies li, bl-adozzjoni tal-miżura ta’ intervent bikri, il-BĊE kiser b’mod gravi u manifest il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

167    Il-ħames ilment għandu għalhekk jiġi miċħud u, miegħu, l-argument dwar il-ħames illegalità tal-aġir ikkritikat tal-BĊE kollu kemm hu.

–       Fuq issitt ilment, dwar leċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mirrikorrenti firrigward talmiżura ta’ intervent bikri

168    Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi b’mod inċidentali, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, li l-miżura ta’ intervent bikri hija inapplikabbli minħabba l-illegalità tagħha għar-raġunijiet indikati fil-punti 119 sa 167 iktar ’il fuq.

169    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 277 TFUE, kwalunkwe parti tista’, f’kawża li fiha huwa kkontestat att ta’ portata ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, tinvoka l-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minkejja l-iskadenza tat-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

170    Skont il-ġurisprudenza, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tapplika biss, taħt piena ta’ inammissibbiltà, għall-atti ta’ portata ġenerali (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il‑Kummissjoni, T‑6/92 u T‑52/92, EU:T:1993:89, punt 56).

171    Att huwa ta’ portata ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, jekk jirrigwarda sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod astratt (sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2018, Paulini vs BĊE, T‑764/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:101, punt 32, u tal‑5 ta’ Mejju 2021, Pharmaceutical Works Polpharma vs EMA, T‑611/18, EU:T:2021:241, punt 90).

172    Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, peress li l-miżura ta’ intervent bikri ġiet indirizzata b’mod speċifiku mill-BĊE lill-Bank, billi imponielu, fid-dawl tad-diffikultajiet patrimonjali li kien espost għalihom, l-obbligu li jippreżenta pjan strateġiku u pjan operattiv għat-tnaqqis tal-ħruġ ta’ self li ma jrendix.

173    Minn dan isegwi li l-miżura ta’ intervent bikri ma tikkostitwixxix att ta’ portata ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 171 iktar ’il fuq.

174    Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq issitt illegalità, inkwantu, fiddeċiżjoni dwar ilfondi proprji, ilBĊE impona fuq ilBank terminu qasir wisq sabiex ikun jista’ josserva rrekwiżiti li kienu imposti fuqu filqasam talfondi proprji

175    Fir-rigward tas-sitt illegalità tal-aġir li bih huwa kkritikat il-BĊE, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni dwar il-fondi proprji, huwa impona fuq il-Bank terminu qasir wisq sabiex ikun jista’ josserva r-rekwiżiti li kienu imposti fuqu fil-qasam tal-fondi proprji. B’mod iktar preċiż, skont ir-rikorrenti, ma kienx raġonevoli li l-Bank jintalab jikkonforma ruħu ma’ dawn ir-rekwiżiti sal‑31 ta’ Diċembru 2018, jiġifieri 19‑il jum ta’ xogħol biss wara d-data stabbilita mill-BĊE għall-preżentata u l-approvazzjoni mill-Bord tad-Diretturi tal-Bank ta’ pjan għaż-żamma tal-fondi proprji.

176    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

177    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni mill-BĊE tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex tintemm sitwazzjoni problematika tagħmel parti mill-evalwazzjoni li għandha ssir abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan tal-aħħar ġie eżaminat, fir-rigward tal-ħames illegalità tal-aġir li bih huwa kkritikat il-BĊE, fir-rigward tal-miżura ta’ intervent bikri (il-ħames ilment). Issa, fir-rigward tas-sitt illegalità tal-aġir li bih huwa kkritikat il-BĊE, dan huwa invokat fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-fondi proprji, li hija wkoll ikkontestata minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

178    Bħalma ġie indikat fil-punti 155 u 156 iktar ’il fuq, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa ta’ natura li jagħti drittijiet lill-individwi. Dan il-prinċipju jagħtihom, fil-fatt, il-possibbiltà li jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni billi jistabbilixxu li l-BĊE kkawżalhom dannu billi adotta aġir li jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk juru li dan il-prinċipju ġie miksur mill-istituzzjoni b’mod gravi u manifest.

179    F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-fondi proprji, il-BĊE osservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

180    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-BĊE evalwa b’mod preċiż, fit-test tad-deċiżjoni dwar il-fondi proprji, il-proporzjonalità tagħha.

181    Qabelxejn, huwa rrileva li, fl‑2018, il-Bank kien falla tliet darbiet (fix-xhur ta’ Marzu, ta’ Mejju u ta’ Ġunju) fit-tentattiv tiegħu ta’ ħruġ fis-suq tal-fondi proprji u li dawn il-fallimenti kienu wasslu għal ċertu numru ta’ riżenji fil-Bord tad-Diretturi, fosthom dik ta’ V. Malacalza, li kienet irrendiet neċessarja l-ħatra ta’ Bord tad-Diretturi ġdid. Il-Bank kellu, għalhekk, skont il-BĊE, profili ta’ riskju u ta’ inċertezza f’dak li kien jirrigwarda s-solidità patrimonjali tiegħu u l-governanza tiegħu (punt 1.1 tad-deċiżjoni dwar il-fondi proprji).

182    Sussegwentement, il-BĊE sostna li l-pjan għaż-żamma tal-fondi proprji ppreżentat mill-Bank, fit‑22 ta’ Ġunju 2018, ma kienx jippermetti li jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit globali ta’ fondi proprji f’terminu xieraq, peress li l-fattibbiltà, l-iskeda u l-effikaċja tal-miżuri proposti kienu jiddependu ħafna mill-kundizzjonijiet tas-suq u mill-interess tal-investituri, li, f’dak iż-żmien, ma kinux favorevoli għall-Bank (punt 2.1.1 tad-deċiżjoni dwar il-fondi proprji).

183    Fl-aħħar nett, il-BĊE qies li, anki jekk jitqies li l-miżuri previsti mill-Bank fil-pjan għaż-żamma tal-fondi proprji tat‑22 ta’ Ġunju 2018 ġew implimentati, dawn ma kinux jikkostitwixxu bażi kredibbli sabiex tiġi żgurata b’mod sostenibbli l-osservanza tar-rekwiżiti dwar il-fondi proprji (punt 2.1.2 tad-deċiżjoni dwar il-fondi proprji).

184    Abbażi ta’ din l-analiżi, il-BĊE seta’ jikkunsidra, fid-dawl tar-riskju reali li l-Bank ma jirnexxilux iġib lura l-fondi proprji tiegħu immedjatament, li kien xieraq u neċessarju li l-Bank jintalab jippreżenta, u li l-Bord tad-Diretturi tiegħu japprova, sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Novembru 2018, pjan ġdid intiż sabiex jistabbilixxi mill-ġdid u jiggarantixxi fit-tul l-osservanza tar-rekwiżiti patrimonjali sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2018. Skont il-BĊE, dik id-deċiżjoni kienet l-unika waħda li tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri li tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni patrimonjali tal-Bank (punt 2.1.2 tad-deċiżjoni dwar il-fondi proprji).

185    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li r-rikorrenti ma ppruvawx elementi li jippermettu li jitqies li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-fondi proprji, il-BĊE kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità b’mod gravi u manifest.

186    L-argument dwar is-sitt illegalità tal-aġir li bih huwa kkritikat il-BĊE għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq isseba’ illegalità, inkwantu lBĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, ilprinċipju ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi minħabba lassigurazzjonijiet mogħtija lillazzjonisti dwar issitwazzjoni talBank

187    Fir-rigward tas-seba’ illegalità, ir-rikorrenti jqajmu tliet ilmenti li jirrigwardaw l-allegat ksur suffiċjentement serju mill-BĊE tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

188    It-tliet ilmenti huma kkontestati mill-BĊE bis-sostenn tal-Kummissjoni.

189    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li għandu l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi (sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:1992:217, punt 15, u tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il‑Kunsill, T‑43/98, EU:T:2001:279, punt 64).

190    Skont il-ġurisprudenza, il-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet ta’ natura kumulattiva. L-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu ta’ natura li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata minnhom. L-assigurazzjonijiet għandhom ikunu konformi mal-istandards applikabbli (sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756 punt 75, u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Nausicaa Anadyomène u Banque d’escompte vs BĊE, T‑749/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:21, punt 81).

191    Il-ġurisprudenza tispeċifika wkoll li l-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fil-konfront tiegħu awtorità nazzjonali tkun nisslet tamiet fondati. Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura hija adottata. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti, li tista’ tinbidel fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-awtoritajiet (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Admiral Gaming Network et (C‑475/20 sa C‑482/20, EU:C:2022:714, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

192    Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati t-tliet ilmenti mqajma mir-rikorrenti.

–       Fuq lewwel ilment, dwar lassenza ta’ intervent millBĊE filkonfront ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa magħmula minn amministraturi talBank

193    Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi ma intervjeniex sabiex jirrettifika dikjarazzjonijiet qarrieqa li saru minn amministraturi fir-rigward tas-solidità finanzjarja tal-Bank.

194    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan l-aġir attribwit lill-BĊE ġie kkritikat ukoll fil-kuntest tal-argumenti dwar l-ewwel illegalità, li fihom ir-rikorrenti sostnew, mingħajr suċċess, li dik l-istituzzjoni kien imissha intervjeniet, skont id-dritt Taljan, sabiex tikkoreġi d-dikjarazzjonijiet qarrieqa magħmula minn diretturi tal-Bank (punt 59 et seq. iktar ’il fuq).

195    Fir-rigward tas-seba’ illegalità tal-aġir li bih huwa kkritikat il-BĊE, l-istess aġir huwa kkontestat fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-assenza ta’ intervent għall-finijiet ta’ rettifika min-naħa tal-BĊE nisslet fihom aspettattivi leġittimi fir-rigward tas-solidità finanzjarja tal-Bank.

196    Mingħajr ma tiġi kkontestata l-possibbiltà li r-rikorrenti setgħu jistennew li s-sitwazzjoni tal-Bank titjieb, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-assenza ta’ intervent min-naħa tal-BĊE sabiex jikkoreġi dikjarazzjonijiet allegatament qarrieqa ma tistax titqies bħala l-għoti mill-BĊE ta’ assigurazzjonijiet fir-rigward tal-aġir li huwa kellu l-intenzjoni jadotta fil-konfront tal-Bank u, it-tieni u fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-forma tiegħu, li tali astensjoni manifestament ma tissodisfax ir-rekwiżit li l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti sabiex ikunu jistgħu joħolqu aspettattivi leġittimi, bħalma tfakkar fil-punt 190 iktar ’il fuq.

197    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ittieni lment, dwar levalwazzjonijiet pożittivi magħmula millBĊE firrigward tażżidiet filkapital imwettqa millBank qabel l2019

198    Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi fformula evalwazzjonijiet pożittivi fir-rigward taż-żidiet fil-kapital imwettqa mill-Bank qabel l‑2019.

199    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti rreferew b’mod ġeneriku għaż-żidiet fil-kapital li saru mill-Bank fl‑2015, fl‑2016, fl‑2017 u fl‑2018 mingħajr ma identifikaw bi preċiżjoni dawk li kienu speċifikament ikkonċernati mill-ilment.

200    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovdew ebda element li jippermetti li jitqies li l-BĊE kien ifformula evalwazzjonijiet pożittivi fir-rigward taż-żidiet fil-kapital imwettqa mill-Bank qabel l‑2019 u li dawn l-evalwazzjonijiet kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 190 iktar ’il fuq sabiex ikunu jistgħu jnisslu fihom, b’mod leġittimu, aspettattiva partikolari fir-rigward tal-imġiba li l-BĊE kien ser jadotta.

201    Issa, sabiex ilment ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mill-atti prodotti mir-rikorrenti. Tali indikazzjonijiet huma indispensabbli sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq l-argumenti mqajma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Corporación Empresarial de Materiales de Construcción vs Il‑Kummissjoni, T‑250/12, EU:T:2015:749, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

202    Għalhekk, it-tieni ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

–       Fuq ittielet ilment, dwar lassigurazzjonijiet mogħtija millBĊE fuq issolidità talBank

203    Permezz tat-tielet lment, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi pprovda, lill-azzjonisti tal-Bank, fir-rigward tas-solidità ta’ dan tal-aħħar, assigurazzjonijiet li wassluhom sabiex jagħmlu investimenti sinjifikattivi.

204    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pprovdew l-ebda element insostenn tat-talba tagħhom li jippermetti li jiġu identifikati l-assigurazzjonijiet li l-BĊE allegatament ta fir-rigward tas-solidità finanzjarja tal-Bank, u lanqas iċ-ċirkustanzi li fihom ingħataw dawn l-assigurazzjonijiet.

205    Issa, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 201 iktar ’il fuq, sabiex ilment ikun ammissibbli, huwa neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li jkun ibbażat fuqhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mill-atti prodotti mir-rikorrenti.

206    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet ilment għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.

207    Peress li l-ilmenti kollha ġew miċħuda, l-argumenti dwar is-seba’ illegalità għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

 Fuq ittmien illegalità, inkwantu lBĊE kiser, b’mod suffiċjentement serju, iddritt għallproprjetà rrikonoxxut lillazzjonisti billi pprovoka, permezz talatti u lommissjonijiet tiegħu, tnaqqis sinjifikattiv talvalur talishma tagħhom filBank

208    Fir-rigward tat-tmien illegalità tal-aġir li bih huwa kkritikat il-BĊE, ir-rikorrenti jsostnu li huwa kiser id-dritt tagħhom għall-proprjetà billi pprovoka, permezz tal-atti u l-ommissjonijiet tiegħu, tnaqqis sinjifikattiv tal-valur tal-ishma tagħhom fil-Bank.

209    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

210    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku, fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti fil-liġi u bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.

211    Il-ġurisprudenza tqis li d-dritt għall-proprjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, jikkostitwixxi regola tad-dritt li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 66, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 96).

212    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-dritt għall-proprjetà li għandhom ir-rikorrenti ġiex miksur mill-BĊE b’mod gravi u manifest.

213    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 201 iktar ’il fuq, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li jkun ibbażat fuqhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mill-atti prodotti mir-rikorrenti.

214    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti indikaw li l-valur tal-ishma tagħhom kien naqas u attribwixxew dan l-iżvilupp għad-deċiżjonijiet adottati mill-Bank wara l-miżuri meħuda mill-BĊE, mingħajr madankollu ma stabbilixxew li dawn il-miżuri kienu kkawżaw dan ir-riżultat u mingħajr ma ppreżentaw analiżi li tippermetti li jitqies li dan tal-aħħar ma kienx ġie kkawżat, direttament jew indirettament, parzjalment jew totalment, minn fatti oħra, jew minn ċirkustanzi oħra.

215    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti dwar it-tmien illegalità tal-aġir li bih huwa kkritikat il-BĊE għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

216    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li ebda waħda mill-illegalitajiet tal-aġir li bih huwa kkritikat il-BĊE, invokati mir-rikorrenti, ma tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

217    Għal din ir-raġuni, ir-rikors għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun neċessarju la li jiġi evalwat jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra li l-osservanza tagħhom hija meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri r-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat, u lanqas li tingħata deċiżjoni dwar il-miżuri istruttorji mitluba mir-rikorrenti.

 Fuq lispejjeż

218    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

219    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-BĊE u mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Malacalza Investimenti Srl u Vittorio Malacalza huma kkundannati għall-ispejjeż.

Porchia

Jaeger

Madise

Nihoul

 

      Verschuur

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑5 ta’ Ġunju 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.