Language of document : ECLI:EU:T:2011:481

Kawża T-434/09

Centrotherm Systemtechnik GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ revoka — Trade mark Komunitarja verbali CENTROTHERM — Użu ġenwin mit-trade mark — Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Eżami ex officio tal-fatti — Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 — Ammissibbiltà ta’ provi ġodda — Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Regola 40(5) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))

2.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kunċett — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))

1.      Skont il-ġurisprudenza, trade mark hija s-suġġett ta’ użu ġenwin meta tintuża, skont il-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiżgura l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq tal-bejgħ għal dawn il-prodotti jew is-servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-għan biss li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Barra minn hekk, il-kundizzjoni relatata mal-użu ġenwin mit-trade mark teħtieġ li din, hekk kif hija protetta fit-territorju rilevanti, tintuża, pubblikament u lejn l-estern.

Għaldaqstant, minkejja li l-kunċett ta’ użu ġenwin jipprekludi kull użu minimu u insuffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li trade mark hija realment u effettivament użata f’suq determinat, xorta jibqa’ l-fatt li r-rekwiżit ta’ użu ġenwin la huwa intiż sabiex jevalwa s-suċċess kummerċjali, la sabiex jikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas sabiex jirriżerva l-protezzjoni tat-trade marks biss fejn sar użu kummerċjali minnhom b’mod rilevanti mil-lat kwantitattiv.

(ara l-punti 25, 26)

2.      Sabiex tiġi evalwata, f’kawża partikolari, in-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark inkwistjoni, għandha titwettaq evalwazzjoni globali tal-atti ppreżentati fil-proċess, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-kawża. Tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użi kkunsidrati bħala ġġustifikati, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma tas-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il‑prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il‑karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal‑użu mit-trade mark.

Fir-rigward tal-importanza tal-użu li sar mit-trade mark inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, minn naħa, u t-tul tal-perijodu li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll il-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi kkunsidrati. B’hekk, volum baxx ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkummerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew ċerta kostanza fil-perijodu ta’ użu ta’ din it-trade mark u bil-maqlub.

Madankollu, iktar ma l-volum kummerċjali tal-użu mit-trade mark ikun limitat, iktar ikun meħtieġ li l-proprjetarju tat-trade mark jipproduċi indikazzjonijiet addizzjonali sabiex ikunu jistgħu jitwarrbu dubji li jista’ jkun hemm dwar il-karattru ġenwin tal-użu mit-trade mark ikkonċernata.

Barra minn hekk, l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat.

(ara l-punti 27-30)