Language of document : ECLI:EU:T:2013:439

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

16 ta’ Settembru 2013 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratti ta’ sostenn finanzjarju konklużi fil-kuntest tal-ħames u s-sitt programm qafas għal azzjoni Komunitarja ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku u fil-kuntest tal-programm eTEN — Proġetti Highway, J WeB, Care Paths, Cocoon, Secure-Justice, Qualeg, Lensis, E-Pharm Up, Liric, Grace, Clinic u E2SP — Rexissjoni tal-kuntratti — Rimbors tas-somom imħallsa — Noti ta’ debitu — Kontrotalba — Rappreżentanza tar-rikorrent”

Fil-Kawża T‑435/09,

GL2006 Europe Ltd, stabbilita f’Birmingham (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Gardenal u E. Bélinguier-Raiz, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn S. Delaude u N. Bambara, sussegwentement minn S. Delaude, bħala aġent, assistiti minn R. Van der Hout, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, rikors ippreżentat mill-kumpannija GL2006 Europe skont l-Artikolu 238 KE, abbażi ta’ klawżoli ta’ arbitraġġ, li permezz tiegħu ir-rikorrenti tikkontesta l-verifiki mwettqa fl-uffiċċji tagħha mill-OLAF f’Diċembru 2008, id-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-10 ta’ Lulju 2009 li permezz tagħha l-Kummissjoni temmet il-parteċipazzjoni tagħha f’żewġ proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku, kif ukoll tnax-il nota ta’ debitu maħruġa mill-Kummissjoni fis-7 ta’ Awwissu 2009, intiżi għar-rimbors tas-somom li din tal-aħħar ħalsitha fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħha fi tnax-il proġett ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku u, min-naħa l-oħra, kontrotalba intiża għar-rimbors tas-somom imsemmija,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot (Relatur), President, M. E. Martins Ribeiro u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

[omissis]

2        Bejn l-2000 u l-2006, il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ikkonkludiet tnax-il kuntratt mar-rikorrenti li kellhom bħala suġġett il-parteċipazzjoni tagħha fi proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku bil-korrispettiv ta’ kontribuzzjoni finanzjarja intiża għall-adozzjoni tar-responsabbiltà, min-naħa tal-Kummissjoni, għal ċerti spejjeż esposti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni.

[omissis]

7        F’Novembru 2007, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) talab li ssir laqgħa mad-Direttorat Ġenerali (DG) “Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja” tal-Kummissjoni, wara suspetti ta’ frodi imputati lir-rikorrenti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni. Abbażi ta’ nota mill-fajl tal-OLAF tat-3 ta’ Diċembru 2007 relattiva għal din il-laqgħa, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissospendi l-evalwazzjoni tal-proġett ta’ rapport ta’ awditjar biex twettaq verifiki kumplimentari.

[omissis]

16      Fl-10 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-avukati tar-rikorrenti fejn informathom bil-fatt li, minn naħa, din kienet qiedgħa ttemm b’mod definittiv il-parteċipazzjoni tagħha fil-proġetti Qualeg u Cocoon, li kienu għadhom fil-proċess li jitwettqu, u min-naħa l-oħra, li din kienet ser tirkupra s-somom imħallsa lir-rikorrenti fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħha fit-twettiq tagħhom.

17      Fis-7 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti tnax-il nota ta’ debitu intiżi għar-rimbors tas-somom li hija kienet ħallsitha fil-kuntest tat-tnax-il kuntratt konkluż mar-rikorrenti, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 2 258 456.31.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti fetħet din il-kawża b’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ottubru 2009.

19      B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrenti talbet is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Lulju 2009 u tat-tnax-il nota ta’ debitu maħruġa fis-7 ta’ Awwissu 2009. Peress li l-kundizzjoni relattiva għall-urġenza ma ġietx sodisfatta, din it-talba ġiet miċħuda b’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2010, u l-ispejjeż ġew irriżervati.

20      Fir-risposta tagħha, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni ppreżentat kontrotalba intiża sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata tħallasha s-somom imsemmija fin-noti ta’ debitu.

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli;

–        tikkonstata li l-verifika fuq il-post imwettqa mill-OLAF mit-8 sat-12 ta’ Diċembru 2008, il-proġett ta’ rapport ta’ awditjar u r-rapport ta’ awditjar definittiv sussegwenti, id-deċiżjoni, li tinsab fl-ittra tal-10 ta’ Lulju 2009, ta’ rexissjoni tal-kuntratti li bihom, ir-rikorrenti pparteċipat fil-proġetti Qualeg u Cocoon, kif ukoll in-noti ta’ debitu tas-7 ta’ Awwissu 2009, huma vvizzjati b’irregolaritajiet u, konsegwentement, tiddikjarhom illegali, nulli u mingħajr effett;

–        tiddikjara li l-kuntratti kollha konklużi mir-rikorrenti mal-Kummissjoni huma validi;

–        barra minn hekk, tikkonstata li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni huma infondati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        tiddikjara li d-deċiżjoni ta’ rexissjoni tal-kuntratti li bihom ir-rikorrenti pparteċipat fil-proġetti Qualeg u Cocoon li tinsab fl-ittra tal-10 ta’ Lulju 2009, kif ukoll in-noti ta’ debitu tas-7 ta’ Awwissu 2009 huma konformi mal-kuntratti inkwistjoni;

–        bħala kontrotalba, tordna lir-rikorrenti tirrimborsalha s-somma ta’ EUR 2 258 456.31, li tikkorrispondi għall-ammont imsemmi fin-noti ta’ debitu, flimkien mal-interessi mid-data tal-iskadenza tal-ħlas iffisata fin-noti msemmija;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

23      Fir-replika, ir-rikorrenti essenzjalment irrepetiet it-talbiet tagħha msemmija fir-rikors u żiedet talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talbiet tal-Kummissjoni.

 Id-dritt

I –  Fuq ir-rikors

24      Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ f’kull mument, ex officio, wara li jinstemgħu l-partijiet, tikkonstata li r-rikors tilef l-iskop tiegħu jew li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni.

25      L-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut, jipprovdi li minbarra l-Istati Membri, l-Istati li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), l-Awtorità għas-Sorveljanza tal-EFTA u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-ŻEE.

26      B’ittra tas-6 ta’ Marzu 2012, l-avukati awtorizzati sabiex jirrappreżentaw lir-rikorrenti informaw lill-Qorti Ġenerali li ma xtaqux jirrappreżentawha iktar, minħabba li ma kienx qed jirnexxilhom iktar jidħlu f’kuntatt magħha, li din ma kinitx għadha rreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji u li din ma kinitx issodisfat l-obbligi ta’ pagament fir-rigward tagħhom.

27      B’ittra tas-26 ta’ Marzu 2012, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali informa lill-avukati msemmija li, sakemm ir-rikorrenti tinnomina lil rappreżentanti ġodda, kull korrispondenza dwar il-kawża preżenti kienet ser tkompli tiġi indirizzata lilhom.

28      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-13 ta’ Ġunju 2012, il-Qorti Ġenerali talbet lill-avukati msemmija sabiex :

–        jippreżentaw prova tal-fatt li kienu kkomunikaw lir-rikorrenti d-deċiżjoni tagħhom li ma jirrappreżentawhiex iktar fil-kuntest ta’ din il-kawża;

–        b’ittra rreġistrata b’konferma tal-wasla;

–        jitolbu lir-rikorrenti sabiex tinnomina rappreżentanti ġodda sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Lulju 2012;

–        jinformawha li, fin-nuqqas ta’ tali nomina fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li tikkonstata ex officio li r-rikors tilef l-iskop tiegħu;

–        jippreżentaw prova ta’ spedizzjoni tal-ittra msemmija iktar ’il fuq.

29      L-avukati msemmija kkonformaw mat-talba tal-Qorti Ġenerali b’ittra tal-20 ta’ Ġunju 2012.

30      It-terminu mogħti lir-rikorrenti biex tinnomina rappreżentanti ġodda skada f’nofs il-lejl tat-2 ta’ Lulju 2012, mingħajr ma din informat lill-Qorti Ġenerali b’tali nomina.

31      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-10 ta’ Lulju 2012, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-possibbiltà li jiġi kkonstatat ex officio li r-rikors tilef l-iskop tiegħu u li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors, peress li, billi ma nnominatx rappreżentant ġdid fit-terminu li ngħatalha mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma kinitx iktar irrappreżentata minn avukat.

32      Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha b’ittra tal-25 ta’ Lulju 2012. Ir-rikorrenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet.

33      Fid-dawl tas-silenzju tar-rikorrenti wara l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-13 ta’ Ġunju 2012, imsemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat ex officio, b’mod konformi mal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, li r-rikors tilef l-iskop tiegħu u li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors [ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2008, Leclercq vs Il-Kummissjoni, T‑299/06, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 15 ; tat-2 ta’ Settembru 2010, Spitzer vs L-UASI – Homeland Housewares (Magic Butler), T‑123/08, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 8, u tas-16 ta’ Mejju 2012, La City vs L-UASI – Bücheler u Ewert (citydogs), T‑444/09, punt 12].

34      Konsegwentement, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet tal-Kummissjoni intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara r-rikors inammissibbli.

II –  Fuq il-kontrotalba mressqa mill-Kummissjoni

35      B’ittri tat-2 u tal-25 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-kontrotalba tagħha anki fil-każ li din tikkonstata li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti. Il-kontrotalba tal-Kummissjoni hija intiża sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lir-rikorrenti tirrimborsalha s-somma ta’ EUR 2 258 456.31, li tikkorrispondi għas-somom kollha mħallsa lilha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tat-tnax-il kuntratt konkluż magħha, flimkien mal-interessi mid-data tal-iskadenza għall-ħlas iffisata fin-noti ta’ debitu maħruġa fis-7 ta’ Awwissu 2009.

A –  Osservazzjonijiet preliminari

36      Qabel ma jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti tipprekludix lill-Qorti Ġenerali milli tiddeċiedi fuq il-kontrotalba tal-Kummissjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali hijiex kompetenti biex tisma’ din il-kawża.

37      Skont l-Artikolu 238 KE, il-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ f’kuntratt taħt id-dritt pubbliku jew id-dritt privat mogħti mill-Unjoni jew f’isimha.

38      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, biex tisma’ kawża li tikkonċerna kuntratt, għandha tiġi evalwata, skont il-ġurisprudenza, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni u tal-provvedimenti tal-klawżola stess, (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 1992, Il-Kummissjoni vs Feilhauer, C‑209/90, Ġabra p. I‑2613, punt 13, u tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Frar 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑340/07, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 76). Din il-ġurisdizzjoni tapplika b’deroga mid-dritt Komunitarju u għalhekk, għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, Ġabra p. 4057, punt 11, u tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Arci Nuova associazione comitato di Cagliari u Gessa, T‑259/09, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39). B’hekk, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar kwistjoni kuntrattwali biss fil-każ tal-espressjoni tar-rieda tal-partijiet li jattribwulha din il-ġurisdizzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Arci Nuova associazione comitato di Cagliari u Gessa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39) u, min-naħa l-oħra, tista’ tisma’ biss talbiet li jidderivaw mill-kuntratt li fih il-klawżola ta’ arbitraġġ jew li għandhom relazzjoni diretta mal-obbligi li jirriżultaw minnu (sentenza Il-Kummissjoni vs Zoubek, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11).

39      F’dan il-każ, jinsab stabbilit li kull wieħed mit-tnax-il kuntratt konkluż bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali biex tisma’ l-kwistjonijiet relattivi għall-validità, għall-applikazzjoni u għall-interpretazzjoni tal-kuntratti msemmija. Tali klawżola tinsab fl-Artikolu 13 tal-kuntratti konklużi abbażi tas-sitt PQ (Programm Qafas) u fl-Artikolu 5 tal-kuntratti konklużi abbażi tal-ħames PQ u abbażi tal-programm eTEN.

40      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni semmiet id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li hija bbażat il-kontrotalba tagħha fuqhom, jiġifieri l-Artikolu 26(3) tal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti konklużi abbażi tal-ħames PQ, il-punt II.29(1) u l-punt II.31(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti konklużi abbażi tas-sitt PQ, u l-Artikolu 17(4) tal-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti konklużi abbażi tal-programm eTEN. Dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex titlob ir-rimbors tas-somom mhux dovuti rċevuti mill-benefiċjarji tagħhom.

41      Għalhekk, il-kontrotalba hija bbażata fuq il-kuntratti inkwistjoni u d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnhom, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq.

42      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, fis-sistema Komunitarja tar-rimedji, il-ġurisdizzjoni biex tiġi adottata deċiżjoni fuq rikors fil-kawża prinċipali timplika l-eżistenza ta’ ġurisdizzjoni biex tiġi adottata deċiżjoni fuq kull kontrotalba mressqa matul l-istess proċedura derivanti mill-istess att jew mill-istess fatt li jifforma s-suġġett tar-rikors. Din il-ġurisdizzjoni hija bbażata fuq l-interess tal-ekonomija tal-proċedura u fuq il-prijorità rrikonoxxuta lill-qorti li quddiemha tressaq il-każ fl-ewwel lok, liema kunsiderazzjonijiet huma wkoll normalment rikonoxxuti fis-sistemi proċedurali tal-Istati Membri (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 2004, Il-Kummissjoni vs IAMA Consulting, C‑517/03, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Isegwi li fil-prinċipju, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq il-kontrotalba ppreżentata mill-Kummissjoni.

44      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn hija intiża biex ir-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ħlas tas-somom imsemmija fin-noti ta’ debitu tas-7 ta’ Awwissu 2009, il-kontrotalba tal-Kummissjoni għandha skop differenti mis-sempliċi ċaħda tat-talbiet tar-rikorrenti, li b’mod partikolari huma intiżi għall-annullament tan-noti ta’ debitu.

45      B’hekk, l-eċċezzjoni mressqa mir-rikorrenti li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ma hijiex tali li tagħti sodisfazzjon lill-Kummissjoni, peress li din ma twassalx għall-kundanna tar-rikorrenti sabiex tħallas is-somom imsemmija fin-noti ta’ debitu.

46      Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-kontrotalba tal-Kummissjoni għandha skop minkejja l-fatt li r-rikors tar-rikorrenti huwa mingħajr skop u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha interess li l-kontrotalba tiġi deċiża.

47      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li tingħata deċiżjoni dwar il-kontrotalba tal-Kummissjoni jeħles lil din tal-aħħar mill-obbligu li tippreżenta rikors ġdid, peress li, hekk kif din osservat fl-ittra tagħha tal-25 ta’ Lulju 2012, il-partijiet diġà kienu f’pożizzjoni li jesponu l-argumenti kollha li riedu jinvokaw fil-kuntest ta’ din il-kawża. Għalhekk, tali soluzzjoni hija ġġustifikata minn raġunijiet ta’ ekonomija ta’ ġudizzju.

48      Apparti dan, hekk kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni fl-ittra msemmija iktar ’il fuq, il-fatt li tingħata deċiżjoni fuq il-kontrotalba tagħha ma jiksirx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fil-fatt, fil-mument meta seħħet ir-raġuni tan-nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors, jiġifieri n-nuqqas ta’ nomina ta’ rappreżentanti ġodda fit-terminu mogħti, il-proċedura bil-miktub kienet intemmet. Ir-rikorrenti kienet b’hekk f’pożizzjoni li tippreżenta argumenti b’risposta għall-kontrotalba tal-Kummissjoni fir-replika tagħha, hekk kif fil-fatt għamlet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ġiet informata, permezz tar-rappreżentanti tagħha, bil-ftuħ tal-proċedura orali u biż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali fit-13 ta’ Diċembru 2012.

49      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li għandha tingħata deċiżjoni dwar il-kontrotalba mressqa mill-Kummissjoni.

B –  Fuq il-fondatezza tal-kontrotalba

50      Il-kontrotalba tal-Kummissjoni hija intiża sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata, minn naħa, tirrimborsalha s-somom kollha mhux dovuti mħallsa lir-rikorrenti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tat-tnax-il kuntratt konklużi magħha u, min-naħa l-oħra, sabiex tħallasha l-interessi għad-dewmien li dawn is-somom ipproduċew mid-data tal-iskadenza tal-ħlas iffissata fin-noti ta’ debitu tas-7 ta’ Awwissu 2009.

51      Id-dettalji tas-somom imsemmija fin-noti ta’ debitu dwar kull wieħed mill-proġetti inkwistjoni huma s-segwenti:

–        Lensis : EUR 257 598.49

–        E-Pharm Up : EUR 153 227.00

–        Liric : EUR 36 694.12

–        Grace : EUR 493 735.91

–        Cocoon : EUR 201 387.39

–        Secure-Justice : EUR 217 564.26

–        Qualeg : EUR 291 371.53

–        Care Paths : EUR 144 352.41

–        Highway : EUR 76 000.00

–        J WeB : EUR 70 807.45

–        E2SP : EUR 120 717.75

–        Clinic : EUR 195 000.00

1.     Fuq l-irkupru ta’ pagament mhux dovut

[omissis]

148    Għandu jitqies li huwa b’mod konformi mal-kuntratti konklużi mar-rikorrenti li l-Kummissjoni talbet, permezz tat-tnax-il nota ta’ debitu mibgħuta lir-rikorrenti fis-7 ta’ Awwissu 2009, ir-rimbors tas-somma ta’ EUR 2 258 456.31, li tikkorrispondi għas-somom kollha mħallsa lir-rikorrenti abbażi ta’ dawn il-kuntratti.

149    Peress li barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax is-somom imsemmija fin-noti ta’ debitu, għandha tiġi milqugħa t-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata tirrimborsalha s-somma ta’ EUR 2 258 456.31 li hija rċeviet mingħajr ma kienu dovuti.

2.     Fuq l-interessi għad-dewmien

150    Il-Kummissjoni titlob li r-rikorrenti tiġi kkundannata tħallasha l-interessi għad-dewmien prodotti mis-somom imsemmija fin-noti ta’ debitu tas-7 ta’ Awwissu 2009 mid-data tal-iskadenza tal-ħlas iffissata fl-imsemmija noti ta’ debitu.

[omissis]

155    Għalhekk, ir-rikorrenti għandha tiġi kkundannata tħallas l-interessi stabbiliti, skont il-kuntratti kkonċernati, mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 152, 153 u 154 iktar ’il fuq, mid-dati tal-iskadenzi stabbiliti fin-noti ta’ debitu korrispondenti.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma fadalx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn GL2006 Europe Ltd.

2)      GL2006 Europe Ltd hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea s-somma ta’ EUR 2 258 456.31, flimkien mal-interessi mid-data tal-iskadenza tal-ħlas iffissata fin-noti ta’ debitu tas-7 ta’ Awwissu 2009.

3)      GL2006 Europe Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

Truchot

Martins Ribeiro

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 –      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.