Language of document : ECLI:EU:C:2024:57

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

18 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Direttiva 2006/126/KE – Artikolu 7(1) u (3) – Liċenzja tas-sewqan – Ħruġ, validità u tiġdid – Kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan – Eżamijiet mediċi – Frekwenza – Dokument li jiċċertifika l-kapaċità psikoloġika tas-sewwieqa”

Fil-Kawża C‑227/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Gabrovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gabrovo, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura

IL

vs

Regionalna direktsia “Avtomobilna administratsia” Pleven,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Mejju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal IL, minn M. Hristov, advokat,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova, S. Ruseva u L. Zaharieva, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Messina, N. Nikolova u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU 2006, L 403, p. 18).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IL, ċittadin Bulgaru, u r-Regionalna direktsia “Avtomobilna administratsia” Pleven (id-Direttorat Territorjali tal-Amministrazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur ta’ Pleven, il-Bulgarija) dwar deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva fuq IL għar-raġuni li huwa ma kienx f’qagħda li jippreżenta ċertifikat validu ta’ kapaċità psikoloġika, kif meħtieġ mid-dritt nazzjonali, waqt kontroll fit-triq.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2006/126 jiddikjaraw:

“(8) Għall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan. Hemm il-ħtieġa li jiġu armonizzati l-istandards għat-testijiet tas-sewqan u għall-ħruġ tal-liċenzji Għal dan il-għan, għandhom jiġu definiti l-kompetenza, il-ħiliet u l-komportament konnessi mas-sewqan tal-vetturi, it-test tassewqan għandu jkun ibbażat fuq dawn il-kunċetti u għandhom jiġu definiti mill-ġdid l-istandards minimi talkapaċità fiżika u mentali sabiex jinsaqu tali vetturi.

(9)      Għandha tinġieb prova ta’ konformità ma’ l-istandards minimi tal-kapaċità fiżika u mentali ta’ sewqan minn sewwieqa ta’ vetturi wżati għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija meta tinħareġ il-liċenzja tas-sewqan u perjodikament wara dan. Tali kontroll regolari skond regoli nazzjonali ta’ konformità ma’ standards jikkontribwixxi għall-moviment liberu ta’ persuni, jikkontribwixxi kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u sabiex jittieħed kont tar-responsabbiltajiet speċifiċi tas-sewwieqa ta’ tali vetturi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimponu li jsiru eżamijiet mediċi bħala garanzija ta’ konformità ma’ listandards minimi ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vetturi oħra bil-mutur. Għall-finijiet tat-trasparenza, tali eżamijiet għandhom ikunu kontemporanji għat-tiġdid ta’ liċenzji tas-sewqan u għandhom għalhekk ikunu determinati mill-perjodu ta’ validità tal-liċenzja.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jintroduċu liċenzja tas-sewqan nazzjonali bbażata fuq il-mudell Komunitarju stabbilit fl-Anness I, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-emblema fil-paġna 1 tal-mudell Komunitarju tal-liċenzji tas-sewqan għandu jinkludi l-marka distintiva ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.”

5        Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva:

“Il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku.”

6        L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprovdi huwa fformulat kif ġej:

“Il-liċenzja tas-sewqan prevista fl-Artikolu 1 għandha tawtorizza s-sewqan ta’ vetturi b’mutur fil-kategoriji definiti aktar ’l isfel. Hija tista’ tinħareġ mill-età minima indikata għal kull kategorija. [...]”

7        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/126, intitolat “Ħruġ, validità u tiġdid”, jipprevedi:

“1.      Il-liċenzji tas-sewqan għandhom jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:

(a)      li jkunu għaddew minn test ta’ ħila u ta’ komportament u minn test teoriku u li jissodisfaw l-istandards mediċi, skond il-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi II u III;

[...]

2.      

[...]

(b)      Minn 19 ta’ Januar 2013, il-liċenzji maħruġa mill-Istati Membri għall-Kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1, D1E għandhom ikollhom validità amministrattiva ta’ 5 snin.

[...]

3.      It-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan meta tiskadi l-validità amministrattiva tagħhom għandu jkun suġġett għal dawn li ġejjin:

a)      il-kontinwazzjoni tal-konformità ma’ l-istandards minimi ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan kif previst fl-Anness III għal-liċenzji tas-sewqan fil-Kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1, D1E; u

[...]

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perjodu ta’ validità amministrattiva kif stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa lil sewwieqa novizzi fir-rigward ta’ kwalunkwe kategorija sabiex japplikaw miżuri speċifiċi lil tali sewwieqa, għall-finijiet tat-titjib tas-sigurtà fit-toroq.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perjodu ta’ validità amministrattiva ta’ l-ewwel liċenzja maħruġa lil sewwieqa novizzi fir-rigward tal-Kategoriji C u D għal 3 snin sabiex ikunu jistgħu japplikaw miżuri speċifiċi lil tali sewwieqa, għall-finijiet tat-titjib tas-sigurtà fit-toroq.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perjodu ta’ validità amministrattiva kif stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ liċenzji individwali tas-sewqan fir-rigward ta’ kwalunkwe kategorija fil-każ li tinħass il-ħtieġa li tiġi applikata frekwenza miżjuda ta’ eżamijiet mediċi jew li jiġu applikati miżuri speċifiċi bħal restrizzjonijiet għal dawk li jiksru r-regolamenti tat-traffiku.

[...]”

8        It-Titolu I tal-Anness II ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti minimi għat-testijiet tas-sewqan”, jistabbilixxi, fil-punt 9 tiegħu:

“9.1 Għal kull sitwazzjoni ta’ sewqan imsemmija hawn fuq, it-test għandu jirrifletti l-grad ta’ faċilità li biha l-applikant juża l-kontrolli tal-vettura u l-ħila ppruvata tiegħu li jsuq fit-traffiku kompletament bla periklu. L-ezaminatur għandu jħossu moħħu mistrieħ matul it-test. [...]

L-eżaminaturi tas-sewqan iridu għandhom ikunu mħarrġa sabiex jivvalutaw b’mod korrett l-abbiltà ta’ l-applikant sabiex isuq bla periklu. [...]

9.2.      Matul il-valutazzjoni tagħhom, l-ezaminaturi tas-sewqan għandhom jagħmlu attenzjoni speċjali jekk l-applikant ikunx qiegħed juri komportament difensiv u soċjali fis-sewqan. Dan għandu jirrifletti l-istil globali tas-sewqan u l-ezaminatur tas-sewqan għandu jqis dan fl-impressjoni ġenerali dwar l-applikant. Din għandha tinkludi sewqan adattat u determinat (bla periklu), waqt li tqis il-kondizzjonijiet tat-triq u tat-temp, waqt li tqis traffiku ieħor, waqt li tqis l-interessi ta’ dawk l-oħrajn li jużaw it-toroq (partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli) u l-antiċipazzjoni.

[...]”

9        L-Anness III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sandards minimi tas-saħħa mentali u fiżika sabiex tinsaq vettura b’mutur”, jipprovdi:

“Definizzjonijiet

1.      Għall-iskop ta’ dan l-Anness, is-sewwieqa huma klassifikati f’żewġ gruppi:

[...]

1.2.      Grupp 2:

is-sewwieqa tal-vetturi tal-Kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E.

[...]

Eżamijiet mediċi

[...]

4.      Grupp 2:

L-applikanti għandhom joqogħdu għal eżami mediku qabel ma tinħarġilhom għall-ewwel darba l-liċenzja tas-sewqan u wara dan is-sewwieqa jridu joqogħdu għal kontrolli kif jiġi stabbilit fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih għandu residenza legali kull meta tiġ ġedded il-liċenzja tas-sewqan tagħhom.

5.      L-istandards stabbiliti mill-Istati Membri għall-ħruġ u sussegwentement għat-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan jistgħu jkunu iktar stretti minn dawk stabbiliti f’dan l-Anness.

[...]

Il-mard mentali

Grupp 1:

13.1.      Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li jsofru minn:

–        disturbi mentali serji, sewwa jekk konġenitali, minħabba mard, trauma jew operazzjonijiet neurokirurġiċi, u sewwa jekk le,

–        ir-ritardazzjoni mentali severa,

–        problemi serji tal-komportament minħabba x-xjuħija; jew difetti fil-personalità li jwasslu għal indeboliment serju fil-ġudizzju, fil-komportament jew fl-adattabiltà,

għajr jekk l-applikazzjoni tagħhom tkun appoġġjata mill-opinjoni medika awtorizzata u, fejn meħtieġ, minn ispezzjonijiet mediċi regolari.

Grupp 2 :

13.2.      L-awtorità medika kompetenti għandha tqis kif jixraq ir-riskji u l-perikoli addizzjonali involuti fis-sewqan tal-vetturi koperti bid-definizzjoni għal dan il-grupp.

[...]”

 Iddritt Bulgaru

10      Skont l-Artikolu 51(4) taż-Zakon za balgarskite lichni dokumenti (il-Liġi dwar id-Dokumenti tal-Identità Bulgari) jipprovdi:

“Il-perijodu ta’ validità tal-liċenzja tas-sewqan għall-kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1, D1E u T huwa ta’ ħames snin.”

11      L-Artikolu 8(1), (2) u (4) tan-Naredba Nru 36 za iziskvaniyata za psikhologicheska godnost i usloviyata i reda za provezhdane na psikhologicheskite izsledvaniya na kandidati za pridobivane na pravosposobnost za upravlenie na MPS, na vodachi na MPS i na predsedateli na izpitni komisii i za izdavane na udostovereniya za registratsiya za izvarshvane na psikhologicheski izsledvaniya (ir-Regolament Nru 36 dwar ir-Rekwiżiti f’Termini ta’ Kapaċità Psikoloġika u l-Kundizzjonijiet u l-Proċeduri għat-Twettiq ta’ Eżamijiet Psikoloġiċi li Jikkonċernaw l-Applikanti għal-Liċenzja tas-Sewqan, is-Sewwieqa ta’ Vetturi u l-Presidenti tal-Kummissjonijiet ta’ Eżami u ta’ Ħruġ taċ-Ċertifikati ta’ Reġistrazzjoni ta’ Twettiq tal-Eżamijiet Psikoloġiċi), tal‑15 ta’ Mejju 2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 36/2006”), huwa fformulat kif ġej:

“1:      Għandu jiġi ppreżentat ċertifikat ta’ kapaċità psikoloġika għal kull impjieg ġdid u eżerċizzju ta’ attività ta’ sewwieq ta’ taxi jew ta’ vettura tat-trasport pubbliku ta’ persuni jew merkanzija, jew ta’ president ta’ kummissjoni ta’ eżami.

2.      Iċ-ċertifikat ta’ kapaċità psikoloġika huwa validu għal tliet snin mid-data ta’ ħruġ tiegħu.

[...]

4.      Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 huma suġġetti għal eżami psikoloġiku kull tliet snin mid-data ta’ ħruġ taċ-ċertifikat preċedenti ta’ kapaċità psikoloġika.”

12      L-Artikolu 13(1) tan-Naredba Nru 1 157 za usloviyata i reda za izdavane na svidetelstvo za upravlenie na motorni prevozni sredstva, otcheta na vodachite i tyahnata distsiplina (ir-Regolament Nru 1‑157, dwar il-Kundizzjonijiet u l-Proċedura għall-Ħruġ tal-Liċenzji tas-Sewqan, ir-Rappurtar tas-Sewwieqa u d-Dixxiplina Tagħhom), tal‑1 ta’ Ottubru 2002, jipprovdi:

“Il-ħruġ inizjali ta’ liċenzja tas-sewqan jitwettaq fuq il-bażi ta’ rapport oriġinali ta’ suċċess fl-eżami tas-sewqan mibgħut mid-dipartiment reġjonali kompetenti tad-Darzhavna avtomobilna inspektsyia [(l-Ispettorat Nazzjonali tal-Vetturi bil-Mutur, il-Bulgarija)], u l-persuna għandha tipproduċi:

1.      applikazzjoni standard u d-dokumenti mehmuża konformement mal-Pravilnik za izdavane na balgarskite lichni dokumenti [(ir-Regolament dwar il-Ħruġ ta’ Dokumenti ta’ Identità Bulgari)];

[...]

3.      karta li tevalwa l-kapaċità fiżika tas-sewwieq/tal-applikant għal-liċenzja tas-sewqan maħruġa mit-tabib ġenerali, mill-kummissjonijiet reġjonali tal-esperti mediċi fil-qasam tat-trasport (TOLEK) jew mill-kummissjoni ċentrali ta’ esperti mediċi fil-qasam tat-trasport (TTSLEK);

4.      kopja taċ-ċertifikat ta’ kapaċità psikoloġika għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan għall-kategoriji C1, C, D1, D u Ttm (tramway);

5.      kopja taċ-ċertifikat ta’ tlestija tal-kors tal-ewwel għajnuna fil-każ ta’ inċident tat-traffiku maħsub għas-sewwieqa tal-vetturi;

6.      dikjarazzjoni li r-residenza abitwali ta’ din il-persuna ma hijiex fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u li din ma għandhiex liċenzja valida maħruġa minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

[...]”

13      Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1‑157, tal‑1 ta’ Ottubru 2002:

“Fid-dawl tas-sostituzzjoni msemmija fil-paragrafu 1, is-sewwieqa għandhom jippreżentaw id-dokumenti msemmija fil-punti 1, 3 u 6 tal-Artikolu 13(1) kif ukoll il-liċenzja tas-sewqan l-antika.”

14      Konformement mal-Artikolu 178c(5) taż-Zakon za Dvizhenieto po patishtata (il-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq), is-sewwieq li jipprovdi trasport bit-taxi għal rasu jew trasport pubbliku ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija mingħajr ma jkollu ċertifikat validu ta’ kapaċità psikoloġika huwa punibbli b’multa ta’ 500 lev Bulgaru (BGN) (madwar Eur 255).

15      Skont il-punt 3 tal-paragrafu 35, tad-Dopalnitelnite razporedbi na Zakona za izmenenie i dopalnenie na Zakona za dvizhenieto po patishtata (id-Dispożizzjonijiet Supplimentari tal-Liġi li Temenda u Tissupplimenta l-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq), il-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq timplimenta r-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/126.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

16      IL huwa detentur ta’ liċenzja tas-sewqan valida għall-vetturi bil-mutur tal-kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1, D1E u TCT. Il-liċenzja tiegħu hija valida mit‑28 ta’ Novembru 2019 sat‑28 ta’ Novembru 2024.

17      Fl‑4 ta’ Awwissu 2021, l-awtoritajiet ta’ kontroll wettqu verifiki filwaqt li IL kien qed isuq irmonk fit-triq kompost minn trattur u semitrejler li bih kien jipprovdi trasport pubbliku ta’ merkanzija. Mill-verifiki li saru rriżulta li ma kienx f’qagħda li jipproduċi ċertifikat validu ta’ kapaċità psikoloġika. L-aħħar ċertifikat ta’ kapaċità psikoloġika tiegħu kien inħariġlu fis‑7 ta’ Ottubru 2017 u kien validu sas‑7 ta’ Ottubru 2020.

18      L-awtoritajiet ta’ kontroll ifformulaw konstatazzjoni ta’ reat amministrattiv għall-ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 36/2006 minħabba l-fatt li IL ma kienx ippreżenta ċertifikat validu ta’ kapaċità psikoloġika. Abbażi tal-Artikolu 178(c)(5) tal-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq, id-Direttur tad-Direttorat Territorjali tal-Amministrazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur ta’ Pleven, fl‑24 ta’ Awwissu 2021, adotta deċiżjoni li imponiet fuq IL multa ta’ BGN 500 (madwar EUR 255) għall-ksur ikkonstatat ta’ dan l-Artikolu 8(1).

19      IL ikkontesta din il-multa quddiem ir-Rayonen sad Sevlievo (il-Qorti Distrettwali ta’ Sevlievo, il-Bulgarija), fejn sostna, essenzjalment, li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 36/2006 u l-multa msemmija fl-Artikolu 178c(5) tal-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq kienu kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126.

20      Din il-qorti, filwaqt li rreferiet għall-punt 4 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, iddeċidiet li Stat Membru seta’ jimponi rekwiżiti addizzjonali iktar stretti fuq is-sewwieqa fir-rigward tal-frekwenza tal-eżamijiet perjodiċi u kkonfermat, permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2021, id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Awwissu 2021.

21      IL ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Administrativen sad – Gabrovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gabrovo, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju, li tqis li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126 huma ambigwi u, sa ċertu punt, kontradittorji.

22      Minn naħa, hija tenfasizza li, konformement mal-premessa 9 ta’ din id-direttiva, il-prova tal-osservanza tal-istandards minimi dwar il-kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan tas-sewwieqa ta’ vetturi maħsuba għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija għandha tiġi pprovduta meta tinħareġ il-liċenzja tas-sewqan u perjodikament wara. Huwa espressament irrakkomandat fiha li l-eżamijiet mediċi f’dan ir-rigward jikkoinċidu ma’ tiġdid ta’ din il-liċenzja tas-sewqan u għalhekk għandhom jiġu ddeterminati mill-perijodu ta’ validità tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tispeċifika li l-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-perjodiċità tal-eżamijiet mediċi li huma jqisu xierqa għas-sewwieqa tal-Grupp 2 (kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E) u li din il-perjodiċità tista’ tkun differenti mill-perijodu ta’ validità tal-liċenzja tas-sewqan.

23      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126, l-Istati Membri humiex awtorizzati li jimponu fuq is-sewwieqa tal-Grupp 2 li jissottomettu ruħhom għal eżamijiet mediċi bil-għan li tiġi stabbilita l-kapaċità psikoloġika u mentali tagħhom f’intervalli ta’ żmien iqsar mill-perijodu ta’ validità tal-liċenzja tas-sewqan u li jirrikjedu dokument separat, minbarra l-liċenzja tas-sewqan, li jiċċertifika din il-kapaċità, jew jekk il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan valida għal dawn il-kategoriji huwiex biżżejjed biex tiġi ċċertifikata l-imsemmija kapaċità, li tkun diġà ġiet stabbilita mal-ħruġ jew mat-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan.

24      Permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Mejju 2022, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Mejju 2022, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tintroduċi addendum mat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, li fih hija tindika li quddiemha kien hemm ukoll il-kwistjoni dwar jekk is-sanzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Bulgara għal sewwieq li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu għall-kategoriji C, CE, Cl, C1E, D, DE, D1, D1E u Tkt hija valida, iżda li ma jistax jipproduċi ċertifikat ta’ kapaċità psikoloġika lill-awtoritajiet ta’ kontroll, peress li dan ikun skada, tmurx kontra l-perijodu ta’ validità amministrattiva sinkronizzat tal-liċenzji tas-sewqan u tal-eżamijiet mediċi ta’ kapaċità fiżika u mentali prevista mid-Direttiva 2006/126, jew jekk l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali mill-awtorità li tissanzjona twassalx għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad – Gabrovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gabrovo) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2006/126] jippermettu li l-Istati Membri jirrikjedu, min-naħa tas-sewwieqa li jsuqu vetturi bil-mutur li jaqgħu fil-kategoriji С, CE, C1, C1E, D, DE, D1, D1E, li dawn is-sewwieqa joqogħdu għal eżami mediku intiż li jikkonferma l-kapaċità fiżika u mentali tagħhom għas-sewqan f’intervalli ta’ żmien li jkunu iqsar mill-perijodu ta’ validità tal-liċenzja tas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur kif ukoll, f’dan ir-rigward, dokument separat (differenti mil-liċenzja tas-sewqan) li jikkonferma l-kapaċità tagħhom? Jew il-fatt li wieħed ikollu liċenzja tas-sewqan valida għal vetturi bil-mutur li jaqgħu fil-kategoriji msemmija jikkonferma l-kapaċità fiżika u mentali tas-sewwieqa, sa fejn tali kapaċità diġà ġiet ikkonfermata fil-mument tal-ħruġ jew tat-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan?

2)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2006/126], kif ukoll il-premessi 8 u 9 tagħha, jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni f’din it-tilwima, li tipprevedi kundizzjonijiet addizzjonali, lil hinn mir-rekwiżiti minimi għall-eżamijiet tas-sewqan (l-Anness II tad-Direttiva [2006/126]) u mill-istandards minimi ta’ kapaċità fiżika u mentali (l-Anness III tad-Direttiva [2006/126]), bil-għan li jiċċertifikaw il-kapaċità psikoloġika tas-sewwieqa ta’ vetturi tat-trasport tal-passiġġieri u/jew tal-merkanzija?

3 )      Jekk it-[tieni] domanda teħtieġ risposta fl-affermattiv, dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu suġġetti għas-sistema prevista mid-Direttiva [2006/126], b’mod partikolari mir-raba’ sentenza tal-premessa 9, u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva [2006/126], dwar is-sinkronizzazzjoni tal-validità amministrattiva tal-liċenzja tas-sewqan u tal-eżamijiet mediċi relatati mal-applikazzjoni ta’ standards minimi dwar il-kapaċità fiżika u mentali?”

 Fuq iddomandi preliminari

26      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva 2006/126 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimponi fuq id-detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan għall-vetturi tal-kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E maħruġa konformement ma’ din id-direttiva, li l-kapaċità fiżika u mentali tagħhom għas-sewqan ġiet ikkontrollata meta nħarġet din il-liċenzja tas-sewqan u li jfittxu li jeżerċitaw il-professjoni ta’ sewwieq ta’ vettura bil-mutur intiża għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija, li jżommu, minbarra l-liċenzja tas-sewqan tagħhom, ċertifikat ta’ kapaċità psikoloġika, li l-perijodu ta’ validità tiegħu huwa inqas minn dak tal-imsemmija liċenzja.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2006/126 tistabbilixxi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 8 tagħha, armonizzazzjoni minima tal-kundizzjonijiet li bihom tinħareġ il-liċenzja tas-sewqan prevista fl-Artikolu 1 tagħha. Dawn il-kundizzjonijiet huma, b’mod partikolari, iddefiniti fl-Artikoli 4 u 7 ta’ din id-direttiva u jikkonċernaw, fost l-oħrajn, l-età minima meħtieġa, il-kapaċità għas-sewqan, it-testijiet li għandu jgħaddi minnhom l-applikant u r-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ta’ ħruġ. Din l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-kisba tal-liċenzja tas-sewqan hija intiża b’mod partikolari sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet preliminari neċessarji għar-rikonoxximent reċiproku tal-imsemmija liċenzja u ssegwi wkoll l-għan tal-imsemmija direttiva li tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, C‑195/16, EU:C:2017:815, punti 43, 44 u 51).

28      Skont l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2006/126, il-liċenzja tas-sewqan tinħareġ biss lill-applikanti li jkunu għaddew minn test ta’ kontroll tal-kapaċitajiet u tal-aġir kif ukoll test ta’ kontroll tal-għarfien u li jissodisfaw standards minimi dwar il-kapaċità fiżika u mentali, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Annessi II u III ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(3)(a) tal-imsemmija direttiva jirrikjedi li t-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan ikun suġġett għall-osservanza ta’ dawn l-istandards minimi dwar il-kapaċità fiżika u mentali għad-detenturi ta’ liċenzji tas-sewqan tal-vetturi ta’ kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E.

29      Għalhekk, mill-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126 jirriżulta li l-kapaċità mentali tad-detenturi ta’ liċenzji tas-sewqan ta’ vetturi tal-kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E, li jinkludu l-persuni li jaħdmu bħala sewwieqa professjonisti, hija diġà evalwata u ċċertifikata fil-mument tal-ħruġ u tat-tiġdid ta’ dawn il-liċenzji, u dan b’mod partikolari sabiex ir-rekwiżit ta’ sigurtà fit-toroq jiġi ssodisfatt.

30      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan, minn naħa, li, konformement mal-punt 5 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, Stat Membru jista’ jeżiġi, għal kull ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan jew għat-tiġdid sussegwenti tagħha, eżami mediku iktar strett minn dawk imsemmija fl-imsemmi anness (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2012, Akyüz, C‑467/10, EU:C:2012:112, punt 54).

31      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sewwieqa tal-Grupp 2, jiġifieri s-sewwieqa ta’ vetturi tal-kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E, bħal IL, il-punt 13.2 ta’ dan l-Anness III jippermetti lill-awtoritajiet medikali kompetenti tal-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni riskji u perikoli addizzjonali marbuta mas-sewqan ta’ vetturi li jidħlu fid-definizzjoni ta’ dan il-grupp. Għalhekk, meta dawn l-Istati Membri jiddeterminaw l-eżamijiet mediċi li għandhom isiru mis-sewwieqa tal-Grupp 2, l-imsemmija Stati Membri jistgħu jintroduċu rekwiżiti iktar stretti għal dawn is-sewwieqa milli għas-sewwieqa tal-Grupp 1 sabiex jidentifikaw “disturbi mentali” possibbli, kif imsemmija fil-punt 13.2 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126.

32      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2006/126 tippreċiża, fil-punti 13.1 u 13.2 tal-Anness III tagħha, id-disturbi mentali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fost dawn, il-punt 13.1 jagħmel riferiment għad “disturbi mentali serji [...] minħabba [...] trauma [...]”, fejn it-terminu “trawma” jista’ b’mod partikolari jirreferi għad-disturbi psikiċi kollha pprovokati inċidentalment minn aġent estern. Din id-dispożizzjoni tinvoka wkoll id-“difetti fil-personalità li jwasslu għal indeboliment serju fil-ġudizzju, fil-komportament jew fl-adattabiltà”.

33      F’dan ir-rigward, il-Gvern Bulgaru indika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha bħala għan li tistabbilixxi l-kapaċità psikoloġika għas-sewqan tal-vetturi bil-mutur mingħajr ir-riskju li jitwettqu inċidenti tat-traffiku fir-rigward ta’ kwalitajiet psikoloġiċi rilevanti fil-livell professjonali. Huwa għalhekk possibbli li jinkiseb, wara l-eżami ta’ kapaċità psikoloġika previst minn din il-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari tbassir tal-aġir futur tal-persuna kkonċernata fit-triq u tar-riskju li twettaq inċidenti, u dan abbażi ta’ kriterji purament psikoloġiċi u mhux mediċi.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonferma li t-test ta’ kapaċità psikoloġika previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni huwa differenti, minħabba l-portata tiegħu u l-għanijiet tiegħu, mit-test ta’ kapaċità mentali previst mid-Direttiva 2006/126, test psikoloġiku li ma huwiex ibbażat fuq ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva u li għalhekk ma jikkostitwixxix eżami mediku, fis-sens tal-Anness III tagħha, ma jistax jitqies bħala li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni. Huwa jqajjem dubju dwar il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita mill-imsemmija direttiva, li hija intiża sabiex tippermetti lill-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li hija tistabbilixxi li jiċċertifikaw il-kapaċitajiet neċessarji għas-sewqan tal-vetturi għall-kategorija kkonċernata. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta minn osservazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru, is-sewwieqa professjonali għandhom obbligatorjament ikollhom liċenzja tas-sewqan valida, li jippreżupponi li josservaw l-istandards fil-qasam ta’ kapaċità fiżika u mentali, kif previsti mill-Anness III tad-Direttiva 2006/126, kif ukoll l-istandards li jikkonċernaw il-kapaċitajiet u l-aġir marbuta mas-sewqan ta’ vettura bil-mutur tal-kategorija kkonċernata, stabbiliti fl-Anness II tagħha. Issa, dawn l-istandards jimponu evalwazzjoni globali tal-profil tal-applikant fir-rigward, b’mod partikolari, tal-aġir tiegħu u tal-kapaċità tiegħu li jsuq bis-sigurtà kollha.

35      Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkunsidra li t-test ta’ kapaċità psikoloġika inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa intiż sabiex jaqa’ taħt il-marġni ta’ evalwazzjoni li jitħalla lill-Istati Membri fir-rigward tal-eżamijiet mediċi iktar stretti, invokat fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, armonizzazzjoni minima ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew li jadottaw miżuri iktar stretti, sakemm madankollu dawn ma jkunux ta’ natura li jikkompromettu serjament ir-riżultat stipulat mid-direttiva inkwistjoni u li jkunu konformi mat-Trattat FUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li tali miżuri jistgħu, minkejja l-effett restrittiv tagħhom, jiġu ġġustifikati sa fejn jissodisfaw raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li jkunu adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan minnhom imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Muladi, C‑447/15, EU:C:2016:533, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Issa, bla ħsara għal verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha fil-pussess tagħha ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tissodisfa r-riskji u l-perikoli addizzjonali u speċifiċi għas-sigurta fit-toroq marbuta mal-kapaċità mentali meħtieġa għas-sewwieqa tal-Grupp 2. Fil-fatt, l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru ma jippermettux, fl-ewwel lok, li jiġi konkluż li t-test ta’ kapaċità psikoloġika inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa intiż sabiex jinstabu, b’iktar eżattezza jew b’mod iktar fil-fond, disturbi mentali possibbli, bħal dawk imsemmija fil-punti 13.1 u 13.2 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 għal dan il-grupp ta’ sewwieqa, li jistgħu jikkompromettu s-sigurtà fit-toroq. Konsegwentement, jidher li din il-leġiżlazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit l-għan tas-sigurtà fit-toroq, u tirriskja, sa fejn timponi fuq is-sewwieqa ż-żamma ta’ ċertifikat ta’ kapaċità psikoloġika, minbarra liċenzja tas-sewqan valida, li tikkomprometti serjament ir-riżultat stipulat mid-Direttiva 2006/126.

37      Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li jiġi impost fuq id-detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan valida li jkunu, barra minn hekk, fil-pussess ta’ tali ċertifikat ta’ kapaċità psikoloġika differenti jikkostitwixxi restrizzjoni addizzjonali inammissibbli, sa fejn il-liċenzja tas-sewqan, maħruġa minn Stat Membru konformement mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/126, għandha titqies bħala li tikkostitwixxi l-prova li d-detentur ta’ din il-liċenzja kien jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ħruġ previsti minn din id-direttiva, fil-jum meta nħarġitlu l-imsemmija liċenzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 2012, Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240, punt 46, u tad‑29 ta’ April 2021, Stadt Karlsruhe (Rikonoxximent ta’ liċenzja tas-sewqan imġedda), C‑47/20, EU:C:2021:332, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u għalhekk għandha l-valur probatorju neċessarju sabiex tiċċertifika l-kapaċità mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur li taqa’ fil-kategorija rilevanti.

38      Issa, filwaqt li d-Direttiva 2006/126 tistipula biss armonizzazzjoni minima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tinħareġ liċenzja tas-sewqan, din id-direttiva, min-naħa l-oħra, twettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tad-dokumenti li jipprovaw l-eżistenza ta’ dritt għas-sewqan li għandhom jiġu rrikonoxxuti mill-Istati Membri konformement mal-Artikolu 2(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2017, I, C‑195/16, EU:C:2017:815, punt 57, u tad‑29 ta’ April 2021, Stadt Pforzheim (Indikazzjonijiet fuq il-liċenzja tas-sewqan), C‑56/20, EU:C:2021:333, punt 42). Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-koeżistenza tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa konformement mad-Direttiva 2006/126 ma’ kull dokument nazzjonali ieħor li essenzjalment jissodisfa l-istess funzjoni hija għalhekk eskluża.

39      Bl-istess mod, l-Istati Membri ma għandhomx is-setgħa li jeħtieġu l-prova ta’ kapaċità mentali għas-sewqan f’intervalli ta’ żmien iqsar mill-perijodu ta’ validità tal-liċenzja tas-sewqan.

40      Fil-fatt, fl-ewwel lok, konformement mal-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 2006/126, il-liċenzji maħruġa mill-Istati Membri għall-kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E għandhom validità amministrattiva ta’ ħames snin u l-Artikolu 7(3)(a) ta’ din id-direttiva jeżiġi li t-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan ikun suġġett għall-osservanza tal-istandards minimi dwar il-kapaċità fiżika u mentali stabbiliti fl-Anness III tal-imsemmija direttiva għad-detenturi ta’ liċenzja ta’ dawn il-kategoriji.

41      Fit-tieni lok, għalkemm huwa minnu, minn naħa, li l-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 jipprevedi, fil-verżjoni tiegħu bil-lingwa Franċiża, li “[l]es candidats doivent faire l’objet d’un examen médical avant la délivrance initiale d’un permis et [que], par la suite, les conducteurs sont contrôlés conformément au système national en vigueur dans l’État membre de résidence normale où a lieu le renouvellement de leur permis de conduire” (“[l]-applikanti għandhom joqogħdu għal eżami mediku qabel ma tinħarġilhom għall-ewwel darba l-liċenzja tas-sewqan u [li] wara dan is-sewwieqa jridu joqogħdu għal kontrolli kif jiġi stabbilit fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih għandu residenza legali kull meta tiġġedded il-liċenzja tas-sewqan tagħhom”) u, min-naħa l-oħra, li din l-aħħar parti tas-sentenza hija nieqsa fil-verżjoni bil-lingwa Bulgara, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jippermetti li jiġi konkluż, hekk kif jirriżulta mill-punti 49 u 50 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li din għandha tiġi interpretata fis-sens li l-eżami inkwistjoni għandu jitwettaq waqt it-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan.

42      Il-fatt li l-verżjonijiet bil-lingwa Bulgara u Franċiża tal-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 ma jikkorrispondux kompletament mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tad-Direttiva 2006/126 ma jistax iwassal għal interpretazzjoni differenti ta’ din id-dispożizzjoni.

43      Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni u għalhekk, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni teskludi li dan jiġi kkunsidrat b’mod iżolat f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda teħtieġ li jiġi interpretat skont kemm ir-rieda reali tal-awtur tiegħu kif ukoll l-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1969, Stauder, 29/69, EU:C:1969:57, punti 2 u 3; tat‑12 ta’ Diċembru 2013, X, C‑486/12, EU:C:2013:836, punt 19, kif ukoll tal‑15 ta’ Mejju 2014, Timmel, C‑359/12, EU:C:2014:325, punt 63).

44      Issa, mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tad-Direttiva 2006/126 jirriżulta b’mod ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li jikkoinċidi l-eżamijiet mediċi mat-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan, mingħajr ma d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jinvokaw il-possibbiltà li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu termini iqsar bejn l-eżamijiet mediċi għas-sewwieqa tal-Grupp 2. Hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mir-raba’ sentenza tal-premessa 9 ta’ din id-direttiva, li tistabbilixxi speċifikament li dawn l-eżamijiet għandhom jikkoinċidu mat-tiġdid tal-permess ta’ residenza u għalhekk jiġu stabbiliti mill-perijodu ta’ validità tal-liċenzja.

45      Minbarra dan, għalkemm il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2006/126 jawtorizza eċċezzjonalment lill-Istati Membri li jillimitaw il-perijodu ta’ validità amministrattiva tal-liċenzja tas-sewqan f’każijiet individwali għal kull kategorija “fil-każ li tinħass il-ħtieġa li tiġi applikata frekwenza miżjuda ta’ eżamijiet mediċi” sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà fit-toroq, din id-dispożizzjoni tikkonferma l-fatt li l-eżamijiet mediċi għandhom jikkoinċidu ma’ tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan u, għaldaqstant, li l-perjodiċità tagħhom għandha tiġi stabbilita mill-perijodu ta’ validità ta’ din il-liċenzja.

46      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat ukoll li, hekk kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea, id-dritt tal-Unjoni kien diġà jinkludi, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni fil-qasam tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti ta’ sigurtà marbuta mat-trasport ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri, jiġifieri d-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u tahriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiggieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li thassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 441, rettifiki fil-ĠU 2017, L 69, p. 39 u fil-ĠU 2019, L 282, p. 36), li ma kienet tinkludi ebda rekwiżit speċifiku jew addizzjonali meta mqabbel ma’ dawk imposti mid-Direttiva 2006/126, għall-evalwazzjoni tal-kapaċità mentali tas-sewwieqa professjonali.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva 2006/126 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimponi fuq id-detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan għall-vetturi tal-kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E maħruġa konformement ma’ din id-direttiva, li l-kapaċità fiżika u mentali tagħhom għas-sewqan tkun ġiet ikkontrollata meta tkun inħarġet din il-liċenzja tas-sewqan u li jfittxu li jeżerċitaw il-professjoni ta’ sewwieq ta’ vettura bil-mutur intiża għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija, li jżommu, minbarra l-liċenzja tas-sewqan tagħhom, ċertifikat ta’ kapaċità psikoloġika, li l-perijodu ta’ validità tiegħu huwa iqsar minn dak tal-imsemmija liċenzja.

 Fuq lispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

LArtikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li Stat Membru jimponi fuq id-detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan għall-vetturi tal-kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E maħruġa konformement ma’ din id-direttiva, li l-kapaċità fiżika u mentali tagħhom għas-sewqan tkun ġiet ikkontrollata meta tkun inħarġet din il-liċenzja tas-sewqan u li jfittxu li jeżerċitaw il-professjoni ta’ sewwieq ta’ vettura bil-mutur intiża għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija, li jżommu, minbarra l-liċenzja tas-sewqan tagħhom, ċertifikat ta’ kapaċità psikoloġika, li l-perijodu ta’ validità tiegħu huwa iqsar minn dak tal-imsemmija liċenzja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.