Language of document : ECLI:EU:C:2017:584

Kawża C-79/15 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Hamas

“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġlieda kontra t-terroriżmu – Miżuri restrittivi adottati kontra ċerti persuni u entitajiet – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Artikolu 1(4) u (6) – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Artikolu 2(3) – Żamma ta’ organizzazzjoni fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi – Kundizzjonijiet – Bażi fattwali ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi – Deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Lulju 2017

1.        Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Żamma abbażi ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi – Deċiżjoni nazzjonali li waħidha ma tippermettix iktar il-konklużjoni favur il-persistenza tar-riskju ta’ involviment f’attivitajiet terroristiċi – Obbligu tal-Kunsill li jieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali iktar riċenti, li juru l-persistenza tal-imsemmi riskju

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(6))

2.        Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Adozzjoni jew żamma abbazi ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi –Elementi ġodda li jiġġustifikaw iż-żamma li għandhom ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata wara dik li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali – Assenza

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4) u (6))

3.        L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Żamma abbażi ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi – Portata tal-istħarriġ – Stħarriġ li jkopri l-elementi kollha adottati sabiex tintwera l-persistenza tar-riskju ta’ involviment f’attivitajiet terroristiċi – Elementi li ma jirriżultawx kollha minn deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti – Assenza ta’ effett

(Artikolu 296 TFUE)

1.      Fir-rigward tad-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi, il-kwistjoni rilevanti waqt l-eżami taż-żamma ta’ persuna jew ta’ entità f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi hija dik dwar jekk, mill-inklużjoni ta’ din il-persuna jew ta’ dik l-entità f’din il-lista jew mir-reviżjoni preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali inbidlitx b’tali mod li ma tkunx għadha tippermetti li tinsilet l-istess konklużjoni dwar l-involviment tal-persuna jew tal-entità inkwistjoni f’attivitajiet terroristiċi.

Minn dak li ntqal jirriżulta li, fil-kuntest ta’ reviżjoni abbażi tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Kunsill jista’ jżomm lill-persuna jew lill-entità kkonċernata fl-imsemmija lista jekk huwa jikkonkludi li jkun għad hemm ir-riskju ta’ involviment ta’ din tal-aħħar f’attivitajiet terroristiċi li jkun iġġustifika l-inklużjoni inizjali tagħha f’din il-lista. B’hekk, iż-żamma ta’ persuna jew ta’ entità fl-imsemmija lista essenzjalment tikkostitwixxi estensjoni tal-inklużjoni inizjali.

Fil-kuntest tal-verifika tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, l-eżitu sussegwenti tad-deċiżjoni nazzjonali li tkun serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ta’ din il-persuna jew ta’ dik l-entità fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi għandu debitament jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari t-tħassir jew l-irtirar ta’ din id-deċiżjoni nazzjonali minħabba fatti jew elementi ġodda jew ta’ tibdil tal-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

Minkejja dan, tqum il-kwistjoni dwar jekk iż-żamma fis-seħħ tad-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali fil-lista tistax, fiha nnifisha, tkun suffiċjenti għaż-żamma tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’din il-lista.

F’dan ir-rigward, jekk, fid-dawl taż-żmien dekors u skont l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, is-sempliċi fatt li tibqa’ fis-seħħ id-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ma jippermettix iktar li jiġi konkluż li ppersista r-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, il-Kunsill ikun obbligat li jibbaża ż-żamma ta’ din il-persuna jew din l-entità fl-imsemmija lista fuq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali iktar riċenti, li juru li l-imsemmi riskju jissussisti.

(ara l-punti 25, u 29 sa 32)

2.      Skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi tippreżumi l-eżistenza ta’ deċiżjoni nazzjonali li toriġina minn awtorità kompetenti jew ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tkun tordna sanzjoni.

Għall-kuntrarju, tali kundizzjoni ma hijiex prevista fl-Artikolu 1(6) ta’ din il-pożizzjoni komuni.

Din id-distinzjoni hija spjegata mill-fatt li ż-żamma ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi tikkostitwixxi, essenzjalment, l-estensjoni tal-inklużjoni inizjali u tippreżumi, għaldaqstant, il-persistenza ta’ riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, kif ġie kkonstatat inizjaliment mill-Kunsill, abbażi tad-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għal din l-inklużjoni inizjali.

Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jirrikjedi li l-Kunsill iwettaq, tal-inqas darba kull semester, “reviżjoni”, sabiex jiżgura ruħu li ż-“żamma” f’din il-lista ta’ persuna jew ta’ entità li diġà ġiet inkluża fl-imsemmija lista, abbażi ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti, għadha ġġustifikata, ma jirrikjedix madankollu li kull element ġdid li l-Kunsill jipprevalixxi ruħu minnu sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fil-lista għandu jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti suċċessivament għal dik li tkun serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali. Bl-istabbiliment ta’ dan ir-rekwiżit tiġi injorata d-distinzjoni eżistenti bejn id-deċiżjoni ta’ inklużjoni inizjali ta’ persuna jew ta’ entità fl-imsemmija lista u d-deċiżjoni sussegwenti konsistenti fiż-żamma tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’din il-lista.

Sussegwentement, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 hija msejsa, tal-inqas impliċitament, fuq il-kunsiderazzjoni li jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jadottaw b’mod regolari deċiżjonijiet li jistgħu jservu bħala bażi għar-reviżjonijiet li għandhom isiru mill-Kunsill, skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, jew li l-Kunsill għandu l-possibbiltà li jitlob, f’każ ta’ bżonn, lil dawn l-awtoritajiet sabiex jadottaw tali deċiżjonijiet.

Issa, din l-aħħar kunsiderazzjoni ma hija bl-ebda mod fondata fid-dritt tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-fatt li l-Istati Membri jinformaw lill-Kunsill bid-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u jittrażmettulu dawn id-deċiżjonijiet ma jfissirx li dawn l-awtoritajiet huma obbligati li jadottaw b’mod regolari jew, tal-inqas, f’każ ta’ bżonn deċiżjonijiet li jistgħu jservu bħala bażi għal dawn ir-reviżjonijiet.

Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ kull bażi speċifika fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-prinċipju ta’ koperazzjoni leali, sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE, ma jawtorizzax lill-Kunsill li jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jadottaw, f’każ ta’ bżonn, deċiżjonijiet nazzjonali li jistgħu jservu bħala bażi għar-reviżjonijiet li għandhom isiru mill-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 1(6) ta’ din il-pożizzjoni komuni.

Għall-kuntrarju, din is-sistema ma tipprovdix għal mekkaniżmu li jippermetti lill-Kunsill jiġi pprovdut, f’każ ta’ bżonn, b’deċiżjonijiet nazzjonali, adottati wara l-inklużjoni inizjali tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi, sabiex iwettaq ir-reviżjonijiet li huwa għandu jwettaq skont l-Artikolu 1(6) tal-imsemmija pożizzjoni komuni u li fil-kuntest tagħhom huwa obbligat li jivverifika l-persistenza tar-riskju ta’ involviment ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità f’attivitajiet terroristiċi. Fl-assenza ta’ tali mekkaniżmu, ma jistax jiġi kkunsidrat li din is-sistema tirrikjedi lill-Kunsill li jwettaq dawn ir-reviżjonijiet esklużivament abbażi ta’ tali deċiżjonijiet nazzjonali, u dan sabiex ma jiġux indebitament ristretti l-mezzi li l-Kunsill għandu għal dan l-iskop.

(ara l-punti 37 sa 45)

3.      Fir-rigward tal-inklużjoni inizjali f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi, il-persuna jew l-entità kkonċernata hija protetta, b’mod partikolari, mill-possibbiltà li tikkontesta kemm id-deċiżjonijiet nazzjonali li servew bħala bażi għal din l-inklużjoni quddiem il-qrati nazzjonali kif ukoll l-imsemmija inklużjoni, innifisha, quddiem il-qrati tal-Unjoni.

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi sussegwenti, il-persuna jew l-entità kkonċernata hija protetta, b’mod partikolari, mill-possibbiltà li teżerċita azzjoni kontra dawn tal-aħħar quddiem il-qorti tal-Unjoni. Din tal-aħħar hija obbligata li tivverifika, b’mod partikolari, minn naħa, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-punt dwar jekk dawn il-motivi humiex sostnuti.

F’dan il-kuntest, il-persuna jew l-entità kkonċernata tista’, fil-kuntest ta’ azzjoni ppreżentata kontra ż-żamma fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi, tikkontesta l-elementi kollha li fuqhom il-Kunsill jibbaża ruħu sabiex juri l-persistenza tar-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi humiex ibbażati fuq deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew minn sorsi oħra. F’każ ta’ kontestazzjoni, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati u l-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali ta’ dawn tal-aħħar.

(ara l-punti 47 sa 49)